Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Novembru 2008 - Alisei vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-481/08)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Alisei ONG (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: F. Sciaudone, R. Sciaudone, u S. Gobbato, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D (2007) 8449, tad-19 ta' Awwissu 2008;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-kumpens tad-dannu subit;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, organiżżazzjoni mhux governattiva li topera fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja, tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonferma r-regolarità tal-proċedura miftuħa f'Ġunju 2006, li kellha bħala skop il-verifika tal-kontijiet ta' diversi kuntratti konklużi mar-rikorrenti, u l-konsegwenti suspensjoni tal-ħlasijiet. Il-Kummissjoni kienet ukoll bgħatet lir-rikorrenti r-rapport finali tal-uffiċċju Ernst & Young, u informatha li dan ir-rapport kien jikkostitwixxi bażi teknika affidabbli li kienet tippermetti t-teħid ta' miżuri neċessarji, b'mod partikolari l-ftuħ ta' proċedura ta' rkupru għal ammont totali ta' EUR 4 750 121.

In sostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka:

il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u ta' diliġenza fil-kuntest tal-azzjoni amministrattiva, peress li r-rikorrenti kienet is-suġġett ta' proċedura amministrattiva li n-natura u l-metodi ta' eżekuzzjoni tagħha kienu ferm determinati, u wara skopriet li fir-realtà din il-proċedura kellha karatteristiċi (f'termini ta' l-għan u tal-metodi ta' eżekuzzjoni) ferm differenti minn dak li kien inizjalment ġew ikkomunikati lilha. B'mod partikolari, il-konvenuta ddeċidiet, inizjalment, li tiftaħ proċedura ta' verifika tal-kontijiet li kellha tiġi implimentata permezz ta' verifika, qabel ma jiġu aċċettati l-konklużjonijiet miksuba permezz ta' proċedura ta' verifika differenti, "proċedura bonarja", li r-rikorrenti qatt ma ġiet informata dwarha.

il-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-preskrizzjoni, peress li d-deċiżjoni tordna mingħajr distinzjoni l-irkupru ta' somom li ma kellhomx jiġu mitluba minħabba l-estinzjoni tad-dritt tal-konvenuta li titlob ir-restituzzjoni tagħhom.

Ir-rikorrenti tinvoka wkoll il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

Fl-aħħar, hija titlob li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-kumpens tad-dannu subit.

____________