Language of document : ECLI:EU:C:2021:346

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI BOBEK

ippreżentati fid‑29 ta’ April 2021 (1)

Kawża C852/19

Spetsializirana prokuratura

vs

Ivan Gavanozov

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2014/41/UE – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali – Tfittxija fi proprjetà immobbli residenzjali u fi proprjetà immobbli kummerċjali ta’ persuna u qbid ta’ oġġetti partikolari – Smigħ ta’ xhud tal-persuna kkonċernata – Assenza ta’ rimedji fl-Istat Membru emittenti – Kooperazzjoni leali– Fiduċja reċiproka






I.      Introduzzjoni

1.        Ivan Gavanozov huwa persuna suġġetta għal proċeduri kriminali fil-Bulgarija għal reati relatati mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Dawk ir-reati jidhru li kienu jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ kumpanniji fittizji, inkluż kumpannija stabbilita fir-Repubblika Ċeka u r-rappreżentant tagħha, li issa huwa xhud fil-proċeduri kriminali.

2.        L-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju fil-proċeduri kriminali nazzjonali, ordnat tfittxija tal-proprjetà immobbli kummerċjali tal-kumpannija Ċeka; tfittxija tal-proprjetà immobbli residenzjali tax-xhud; il-qbid ta’ dokumenti partikolari, jekk misjuba fil-proprjetajiet; u smigħ tax-xhud permezz ta’ vidjokonferenza. Peress li din l-evidenza għandha tinkiseb mir-Repubblika Ċeka, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra bħala neċessarju l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea (ikar ’il quddiem “OIE”).

3.        Madankollu, id-dritt Bulgaru ma jippermetti l-ebda rimedju, la kontra l-miżura investigattiva nazzjonali, u lanqas kontra OIE, maħruġa abbażi tal-imsemmija miżura. Peress li l-ordinament ġuridiku nazzjonali ma jipprevedix rimedju legali effettiv sabiex tiġi kkontestata l-legalità tat-tfittxijiet u tal-qbid, dan l-Istat Membru instab repetutament li kiser l-istandards minimi skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”). F’dan il-kuntest, hija kompatibbli l-assenza ta’ kwalunkwe rimedju fl-Istat Membru emittenti, mad-Direttiva 2014/41/UE dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (2) u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)?

II.    Il-qafas ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Il-premessa 22 tad-Direttiva 2014/41 tipprovdi li: “Ir-rimedji legali disponibbli kontra OIE għandhom ikunu tal-inqas ugwali għal dawk disponibbli fil-każ domestiku kontra l-miżura investigattiva kkonċernata. F’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikabbiltà ta’ dawk ir-rimedji legali, anke billi jgħarrfu lill kwalunkwe parti interessata fiż-żmien tajjeb bil-possibbiltajiet u l-modi biex tfittixhom. […]”

5.        L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2014/41 jipprevedi li:

“Din id-Direttiva m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali ul-prinċipji legali kif sanċiti fl-Artikolu 6 tat-TUE, inklużi d-drittijiet ta’ difiża ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward ma għandux jiġi affettwat.”

6.        L-Artikolu 11 jelenka r-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni. Il-paragrafu (1)(f) tal-Artikolu 11 jipprevedi li dak ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE jistgħu jiġu rrifjutati fejn “ikun hemm raġunijiet sostantivi għalxiex jitwemmen li l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva indikata fl-OIE tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni taħt l-Artikolu 6 tat-TUE u l-Karta”.

7.        L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, li jaqa’ taħt il-Kapitolu III “Proċeduri u salvagwardji għall-istat ta’ eżekuzzjoni”, huwa intitolat “Rimedji legali”. L-artikolu huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedji legali ekwivalenti għal dawk disponibbli f’każ domestiku simili jkunu applikabbli għall-miżuri investigattivi indikati fl-OIE.

2.      Ir-raġunijiet sostantivi għall-ħruġ tal-OIE jistgħu jiġu kkontestati biss f’rikors fl-Istat emittenti, mingħajr preġudizzju għall-garanziji tad-drittijiet fundamentali fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

3.      Fejn dan ma jimminax il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni, taħt l-Artikolu 19(1), l-awtorità emittenti u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jiżguraw li tkun ipprovduta informazzjoni dwar il-possibbiltajiet disponibbli taħt il-liġi nazzjonali għal tfittxija tar-rimedji legali meta dawn isiru applikabbli u fiż-żmien tajjeb biex jippermetti l-eżerċizzju effettiv tagħhom.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskadenzi għat-tfittxija ta’ rimedju legali jkunu l-istess bħal dawk previsti f’kawżi domestiċi simili u li jiġu applikati b’mod li jiggarantixxi l-possibbiltà tal-eżerċizzju effettiv ta’ dawn ir-rimedji legali għal-partijiet konċernati.

5.      L-awtorità emittenti u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar ir-rimedji legali mitluba kontra l-ħruġ, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE.

6.      Kontestazzjoni legali ma għandhiex tissospendi l-eżekuzzjoni tal-miżura investigattiva, ħlief jekk ikollha dak l-effett f’kawżi domestiċi simili.

7.      L-Istat emittenti għandu jieħu kont ta’ kontestazzjoni li jkollha suċċess kontra r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE skont il-liġi nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti kriminali fl-Istat emittenti jkunu rispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal proċedimenti ġusti meta ssir il-valutazzjoni tal-provi miksuba permezz tal-OIE.”

B.      Id-dritt Bulgaru

8.        L-Artikolu 6(1) taż-Zakon za Evropeyskata zapoved za razsledvane (il-Liġi dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, iż-“ZEZR”) (DV Nru 16, tal‑20 ta’ Frar 2018) jistipula “kundizzjonijiet għall-ħrug ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea”:

“L-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 5(1) għandha toħroġ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea wara evalwazzjoni individwali, bil-kundizzjoni li:

1.      Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea tkun neċessarja u adegwata fid-dawl tal-iskop tal-proċeduri kriminali, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet tal-akkużat jew tal-konvenut.

2.      Il-miżuri investigattivi u proċedurali oħrajn li għalihom tinħareġ l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, ikunu jistgħu jitwettqu f’każ simili taħt l-istess kundizzjonijiet skont id-dritt Bulgaru.”

9.        L-ebda dispożizzjoni taż-ZEZR ma tkun tipprovdi għal possibbiltà li jiġi kkontestat il-ħruġ ta’ OIE.

10.      L-Artikolu 161(3) tan-Nakazatelno-protsesualen Kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, in-“NPK”) (DV Nru 86/05, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju DV Nru 83/19) jindika li “miżuri ta’ tfittxija u qbid f’proċedimenti tal-qorti għandhom jitwettqu abbażi ta’ ordnijiet tal-qorti li quddiemha l-proċedimenti huma pendenti”.

11.      L-Artikolu 341(3) tan-NPK jeskludi l-possibbiltà ta’ appell minn atti minbarra dawk espressament elenkati. Għalhekk, in-NPK ma tippermettix li ordnijiet għal smigħ ta’ xhieda jew għal tfittxija u qbid ta’ proprjetajiet immobbli residenzjali u kummerċjali jiġu kkontestati.

12.      Il-qorti tar-rinviju tkompli tispjega li l-persuna kkonċernata mit-tfittxija u l-qbid jew mis-smigħ tax-xhud ma tistax tikkontesta d-deċiżjoni peress li ma hijiex parti fil-kawża. Hija tirreferi għall-Artikolu 318(1) tan-NPK li tipprovdi “proċeduri fil-qorti tal-appell għandhom jiġu mibdija abbażi ta’ oġġezzjoni tal-prosekutur pubbliku jew ilment tal-partijiet”. L-Artikolu 253 tan-NPK jelenka bħala partijiet fil-kawża l-prosekutur pubbliku, il-parti akkużata u l-avukat difensur; ir-rikorrent privat u l-prosekutur privat; ir-rikorrent ċivili u l-konvenut ċivili.

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

13.      I. Gavanozov huwa akkużat bi tmexxija ta’ grupp kriminali organizzat, li l-għan tiegħu kien li jevita l-istima u l-pagament ta’ VAT fuq skala partikolarment wiesgħa. F’dan il-kuntest, huwa allegat li kumpannija Ċeka ħarġet erba’ fatturi foloz li ma kinux ibbażati fuq kunsinni reali.

14.      Fil-fażi preliminari tal-proċeduri, l-ebda miżuri investigattivi ma twettqu sabiex tinkiseb evidenza kontra l-kumpannija Ċeka jew ix-xhud, li huwa r-rappreżentant ta’ din il-kumpannija. Madankollu, ġie stabbilit li I. Gavanozov u x-xhud kienu kkomunikaw ma’ xulxin jew permezz ta’ interpretu jew bl-Ingliż peress li l-ebda waħda minn dawn il-persuni ma kienet taf titkellem bil-lingwa materna tal-persuna l-oħra.

15.      Għalkemm ix-xhud intalab sabiex jidher quddiem il-qorti darbtejn, huwa naqas milli jidher minħabba li stqarr li kellu impenji preċedenti. Minflok, huwa pprovda dikjarazzjoni biċ-Ċek fejn saħaq li, minħabba l-barriera lingwistika, huwa għamel użu minn interpretu fir-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu ma’ I. Gavanozov. Ix-xhud ma attendiex għas-seduta li seħħet wara u naqas milli jindika meta jkun jista’ jattendi.

16.      Il-proċess quddiem il-qorti tar-rinviju jinkludi kuntratt ta’ rappreżentazzjoni esklużiva, redatt biss bil-Bulgaru, bejn I. Gavanozov u l-kumpannija Ċeka (irrappreżentata mix-xhud). Dan il-kuntratt huwa ffirmat mix-xhud u jġorr it-timbru tal-kumpannija Ċeka.

17.      Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li kien neċessarju li tinkiseb evidenza ġdida dwar ir-relazzjoni reali bejn I. Gavanozov u x-xhud. Għal din ir-raġuni, il-qorti tar-rinviju ordnat il-miżuri investigattivi li ġejjin:

–        tfittxija u qbid ta’ propjetà immobbli kummerċjali tal-kumpannija Ċeka sabiex jiġi stabbilit jekk il-kuntratt ta’ rappreżentazzjoni esklużiva huwiex inkluż fost id-dokumenti tal-kumpannija Ċeka u jekk inħarġux dokumenti b’konnessjoni mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt;

–        tfittxija u qbid fid-dar tax-xhud sabiex jiġi stabbilit jekk ix-xhud huwiex iżomm fid-dar tiegħu dokumenti ta’ rilevanza għall-attività kriminali;

–        li x-xhud jiġi mistoqsi permezz ta’ telefonata bil-vidjokonferenza, peress li l-argument tiegħu li għandu impenji preċedenti huwa ekwivalenti għal rifjut li jidher fil-Bulgarija għal interrogazzjoni.

18.      Skont id-dritt nazzjonali, l-ordni ta’ din il-qorti hija definittiva u ma tistax tiġi kkontestata mill-partijiet fil-kawża jew mill-persuni kkonċernati, jiġifieri jew mill-kumpannija Ċeka jew mix-xhud.

19.      B’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-miżuri investigattivi għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet Ċeki, skont il-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra bħala neċessarju li toħroġ OIE, intiża għat-twettiq ta’ operazzjoni ta’ tfittxija u qbid fl-uffiċini tal-kumpannija Ċeka u fid-dar tax-xhud, u anki sabiex jiġi intervistat ix-xhud. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-UE peress li dan id-dritt ma jipprevedi l-ebda rimedji kontra l-ħruġ ta’ OIE.

20.      Huwa f’dan il-kuntest fattwali u legali li l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix rimedji legali kontra l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali intiż sabiex titwettaq tfittxija fi proprjetà immobbli residenzjali u fi proprjetà immobbli kummerċjali, sabiex jitwettaq sekwestru ta’ oġġetti partikolari kif ukoll sabiex jinżamm smigħ ta’ xhieda, hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(1) sa (4), tal-Artikolu 1(4) kif ukoll mal-premessi 18 u 22 tad-Direttiva [2014/41] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali, kif ukoll mad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 47 u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 13 u 8 [KEDB]?

Huwa possibbli li jinħareġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali f’dawn iċ-ċirkustanzi?”

21.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mill-Gvern Ċek, Franċiż, Taljan u dak Awstrijak, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV.    Evalwazzjoni

22.      Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Ser nibda billi nippreċiża l-portata tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41: din id-dispożizzjoni hija verament applikabbli kemm għall-Istat ta’ eżekuzzjoni kif ukoll għall-Istat Membru emittenti? (A). Konsegwentement, ser nikkunsidra n-natura tar-rimedju legali meħtieġ skont din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 47 tal-Karta, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-istandards minimi stabbiliti fil-KEDB u fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (B). Huwa biss ladarba jkunu saru dawn il-kjarifiki li mbagħad inkun nista’ nikkunsidra l-kwistjoni prinċipali mqajma mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża: liema konsegwenzi għandha tislet l-awtorità emittenti mill-fatt li d-dritt nazzjonali tagħha ma huwiex konformi mal-istandards minimi tal-KEDB, kif ġie stabbilit preċedentement f’numru ta’ okkażjonijiet fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (Ċ)?

23.      Jista’ jiġi miżjud li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/41 kien diġà s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-istess qorti tar-rinviju fis-sentenza Gavanozov (3). Madankollu, fir-risposta tagħha f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tiffoka fuq il-mod kif l-awtorità emittenti għandha timla l-formola tal-OIE. B’differenza għall-Avukat Ġenerali (4), il-Qorti ma evalwatx l-implikazzjonijiet preċiżi tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/41.

A.      L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41 japplika għall-Istat emittenti?

24.      Ninnota li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41 huwa sieket dwar jekk l-obbligu inkluż fih huwiex indirizzat lill-Istat emittenti jew dak ta’ eżekuzzjoni. Huwa jirreferi għall-obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw li rimedji legali ekwivalenti għal dawk disponibbli f’każ domestiku simili jkunu applikabbli għall-miżuri investigattivi indikati fl-OIE. Il-premessa 22 tad-Direttiva 2014/41 dwar rimedji legali hija, b’mod simili, ifformulata f’termini ġenerali meta tiddikjara li “ir-rimedji legali disponibbli kontra OIE għandhom ikunu tal-inqas ugwali għal dawk disponibbli fil-każ domestiku kontra l-miżura investigattiva kkonċernata. […]”.

25.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/41, huwa simili għar-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu, huwa indirizzat ukoll lill-“Istati Membri”, u jistabbilixxi wkoll l-obbligu li jipprovdu termini ekwivalenti u effettivi, applikabbli għar-rimedji legali. Fl-istess waqt, il-paragrafu 6 ma jirreferi għal ebda Stat Membru speċifiku u jidher ukoll li huwa ta’ applikazzjoni ġenerali. Għaldaqstant, dawn il-paragrafi huma differenti mill-paragrafi l-oħrajn tal-Artikolu 14, jiġifieri l-paragrafi 2,3,5 u 7 li jikkonċernaw b’mod espress jew l-Istat ta’ eżekuzzjoni u dak emittenti f’daqqa (paragrafi 2,3 u 5) jew l-Istat emittenti biss (paragrafu 7).

26.      B’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura ġenerali tal-lingwaġġ tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41, u l-użu ta’ termini oħrajn iktar preċiżi fl-istess Artikolu 14(1), jistgħu jinqalgħu dubji dwar liema Stat, dak ta’ eżekuzzjoni u/jew emittenti, din id-dispożizzjoni tapplika. Dawk id-dubji jistgħu wkoll jiġu amplifikati mill-istruttura u l-loġika tad-Direttiva 2014/41.

27.      L-ewwel nett, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/41 jinsab taħt il-Kapitolu III, intitolat “Proċeduri u salvagwardji għall-Istat ta’ eżekuzzjoni”. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/41 li jirrigwardaw primarjament l-Istat emittenti jinsabu fil-Kapitolu II tagħha, intitolat “Proċeduri u salvagwardji għall-Istat emittenti”. X’loġika jkun hemm li l-obbligi li jikkonċernaw ir-rimedji legali għall-Istat Membru emittenti jitqiegħdu fit-taqsima tad-direttiva li tikkonċerna l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni?

28.      It-tieni nett, huwa pjuttost diffiċli li wieħed jifhem x’jinvolvi speċifikament l-obbligu ta’ rimedji legali ekwivalenti disponibbli għall-Istat Membru emittenti. Il-miżuri investigattivi ordnati minn dan l-Istat Membru x’aktarx ikunu awtomatikament ekwivalenti, peress li normalment x’aktarx l-ewwel jiġu ordnati fil-forma ta’ att leġiżlattiv nazzjonali. Jew, hemm preżunzjoni impliċita li jista’ jkun hemm Stati Membri li jidderogaw b’mod espress mill-ordinament standard nazzjonali tagħhom ta’ rimedji f’ċirkustanzi biss fejn huma joħorġu OIE, sabiex effettivament jiddiskriminaw kontra (u sabiex inaqqsu l-livell ta’ protezzjoni tagħhom fir-rigward ta’) miżuri investigattivi li għandhom jitwettqu fi Stati Membri oħrajn?

29.      Huwa pjuttost diffiċli li wieħed jimmaġina tali xenarju. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41, l-Istat emittenti jista’ joħroġ OIE biss fejn “il-miżura jew miżuri investigattivi indikati fl-OIE setgħu ġew ordnati taħt l-istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili”. Għalhekk, dawn il-miżuri huma, fil-prinċipju, diġà suġġetti għal sistema nazzjonali ta’ rimedji legali, fejn tali rimedji jeżistu.

30.      Għaldaqstant, f’termini loġiċi u strutturali, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41 ikun jagħmel iktar sens li kieku kien applikabbli għall-Istati Membri ta’ eżekuzzjoni. Fis-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku, garanziji ta’ ekwivalenza normalment għandhom tendenza li jkunu applikabbli għall-Istati Membru ta’ eżekuzzjoni, minflok għall-Istati Membri emittenti. Fir-rigward ta’ dawn ta’ l-aħħar, ir-rekwiżit ta’ ekwivalenza jidher kemxejn ċirkolari.

31.      Madankollu, il-partijiet interessati kollha f’din il-kawża jidhru li b’mod impliċitu jħaddnu l-preżunzjoni inizjali li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41 huwa applikabbli għall-Istati Membri li qegħdin jaġixxu miż-żewġ naħat: bħala l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew bħala l-Istat Membru emittenti. Għal raġunijiet li ser isegwu, jien nista’ naċċetta wkoll dik il-premessa bħala l-punt tat-tluq.

32.      L-ewwel kwistjoni li forsi hija l-iktar waħda ċara hija dik tal-lingwaġġ u s-sintassi: mad-daqqa t’għajn, “Stati Membri” mingħajr ebda kwalifikazzjoni oħra, għandha b’mod l-iktar naturali, tiġi interpretata bħala li tinkludi kemm l-Istati Membri ta’ eżekuzzjoni u dawk emittenti.

33.      Barra minn hekk, kif ġie stabbilit qabel fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/41 jirreferi speċifikament għall-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew emittenti jew awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni u emittenti fid-diversi paragrafi tiegħu. B’mod simili, bħala punt ta’ analoġija sistematika, id-Deċiżjoni Kwadru dwar Mandati ta’ Ffriżar (5) u d-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi (6) kienu jirreferu, fid-dispożizzjonijiet rispettivi tagħhom rigward rimedji legali, għal Stati Membri qabel ma speċifikaw b’mod espress l-aspetti tar-rimedji legali li kellhom jiġu pprovduti fl-Istati emittenti u dawk ta’ eżekuzzjoni rispettivament. Skema simili ġiet adottata mir-Regolament (UE) 2018/1805 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ordnijiet ta’ konfiska (7). L-Artikolu 33 tiegħu huwa intitolat “Rimedji legali fl-Istat ta’ eżekuzzjoni kontra r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ffriżar jew ordni ta’ konfiska (8)”. Dan l-istess approċċ kien adottat mill-predeċessur legali ta’ dan ir-regolament (9).

34.      Għalhekk jidher li meta l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq ikun ċar u tabilħaqq jiddistingwi speċifikament bejn l-Istati Membri emittenti u dawk ta’ eżekuzzjoni, kien kapaċi ħafna jagħmel dan. Il-fatt li fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41 (kif ukoll fl-Artikolu 14(4)), il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li juża t-terminu iktar ġenerali ta’ “Stati Membri”, jidher li jindika l-intenzjoni li jinkludi kemm l-Istati emittenti kif ukoll dawk ta’ eżekuzzjoni, minkejja t-titolu tal-Kapitolu III (10). Barra minn hekk, jekk dak il-kapitolu huwa kapaċi jinkludi dispożizzjonijiet li jirrigwardaw b’mod espress l-Istat emittenti, minkejja l-fatt li t-titolu tiegħu jirreferi biss għal Stat ta’ eżekuzzjoni, allura l-istess kapitolu huwa żgur kapaċi li jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li huma rilevanti kemm għall-Istati emittenti kif ukoll għal dawk ta’ eżekuzzjoni, indikati fl-intier tagħhom bil-frażi “Stati Membri”.

35.      Fit-tieni lok, il-fatt li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41 jista’ japplika wkoll għall-Istat Membru emittenti jista’ jiġi dedott bl-istess b’mod mill-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva. Dawn iż-żewġ paragrafi jwasslu għal “qasma ġurisdizzjonali”. Filwaqt li l-Artikolu 14(1) jistabbilixxi obbligu ġenerali ta’ ekwivalenza fir-rimedji legali, l-Artikolu 14(2) jirriżerva l-istħarriġ tar-raġunijiet sostantivi għal ħruġ ta’ OIE għall-Istat emittenti.

36.      Il-fatt li l-istħarriġ tar-raġunijiet sostantivi jkun limitat biss għall-Istat Membru emittenti huwa assolutament loġiku. Madankollu, jekk l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2014/41 kellu jinqara bħala klawżola ta’ esklużjoni ta’ ġurisdizzjoni (li tneħħi l-istħarriġ ġudizzjarju tar-raġunijiet sostantivi mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni), dan ma jimplikax ukoll preżunzjoni inizjali li hemm ċertu tip ta’ possibbiltà ta’ stħarriġ fl-Istat Membru emittenti? Inkella, l-Artikolu 14(2) ta’ dik id-direttiva ma jkunx ifisser li “l-Istat Membru emittenti biss jistà jipprovdi għal stħarriġ tar-raġunijiet sostantivi ta’ OIE”, iżda pjuttost, fil-prattika, li “ħadd ma jista’ jipprovdi għal tali stħarriġ” jekk, fl-Istat emittenti, l-ebda tali stħarriġ ma jkun jeżisti. F’każ bħal dak preżenti, l-Artikolu 14(2) ikun iwassal għal renvoi inutli. Ir-riskju li din l-interpretazzjoni tesponi, jaf allura jwassal għas-suġġeriment li l-portata (iktar stretta) u l-fokus tal-Artikolu 14(2) jista’ verament jimplika li l-Artikolu 14(1) għandu jkun usa’ u applikabbli kemm għall-Istati Membri ta’ eżekuzzjoni kif ukoll dawk emittenti.

37.      Fit-tielet lok, l-istess konklużjoni hija kkonfermata wkoll mill-għan ġenerali tad-Direttiva 2014/41. Kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva tfittex, permezz ta’ sistema ssemplifikata u iktar effikaċi bbażata fuq l-OIE bħala strument uniku, “li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, billi sserraħ fuq il-grad ta’ fiduċja għoli li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri” (11). Dan tal-aħħar huwa bbażat “fuq il-preżunzjoni konfutabbli li l-Istati Membri l-oħra josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali” (12). L-attenzjoni simultanja li d-Direttiva 2014/41 tagħti lill-effiċjenza tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u r-rispett għad-drittijiet fundamentali hija espressa fl-Artikolu 1(2) u (4). Filwaqt li l-Artikolu 1(2) jimponi l-obbligu li jiġi eżegwit OIE, ir-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu jfakkar il-bżonn li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali.

38.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/41 jikkontribwixxi wkoll għal dan il-bilanċ billi jistrieħ fuq is-soluzzjonijiet li diġà jeżistu fl-Istati Membri rispettivi fir-rigward ta’ rimedji legali. Bl-interpretazzjoni li dan l-obbligu ta’ ekwivalenza japplika kemm għall-Istati ta’ eżekuzzjoni u dawk emittenti, jinżamm allura, fir-rigward taż-żewġ stati, il-bilanċ imsemmi iktar ’il fuq, bejn l-effiċjenza u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Is-soluzzjoni kuntrarja li tikkonsisti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) għall-Istat ta’ eżekuzzjoni biss, tippermetti, għall-inqas b’mod impliċitu, lill-Istati Membri jdgħajfu l-protezzjoni legali kontra OIE meta mqabbla ma’ sitwazzjoni domestika simili.

39.      Huwa veru li, kif diġà ssuġġerejt iktar ’il fuq fil-punti 28 u 29, ma huwiex immedjatament ovvju kif u għaliex Stat Membru emittenti jiddiskrimina intenzjonalment bejn miżuri investigattivi purament nazzjonali u l-istess miżuri jekk maħruġa bħala OIE.

40.      Madankollu, kwalunkwe tali diskriminazzjoni ma għandhiex neċessarjament tkun ir-riżultat ta’ differenzazzjoni intenzjonata min-naħa tal-Istat Membru. Tista’ sempliċement tinġieb b’riżultat ta’ regoli proċedurali differenti fid-dritt nazzjonali, partikolarment jekk ma hemmx bżonn li l-ewwel ikun hemm att leġiżlattiv nazzjonali proċedurali korrispondenti sabiex tinħareġ OIE. B’dan il-mod, ir-rekwiżit ta’ ekwivalenza jkun jista’ fil-fatt jidher bħala li jipprekludi lil dak l-Istat milli jissuġġetta ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea inċidentalment għal sistema ta’ rimedji legali inqas favorevoli meta mqabbla mal-istess miżuri investigattivi meta eżegwiti domestikament, sempliċiment għaliex dawn il-miżuri jkunu ġew suġġetti għal regoli proċedurali differenti. B’dan il-mod, l-obbligu ta’ ekwivalenza huwa intiż li jipprekludi l-Istati Membri milli jdgħajfu l-protezzjoni legali ta’ persuni kkonċernati b’miżuri investigattivi f’OIE meta mqabbla ma’ dawk li huma kkonċernati b’ miżuri investigattivi purament domestiċi (13).

41.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jien nikkunsidra li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41 jeżiġi li r-rimedji legali kemm fl-Istati Membri emittenti kif ukoll f’dawk ta’ eżekuzzjoni għandhom josservaw l-obbligu ta’ ekwivalenza fejn tali rimedji legali jkunu jeżistu.

42.      Għalkemm l-ebda waħda mill-partijiet fil-kawża ma qajmet din il-kwistjoni partikolari, jien xorta nikkunsidra din il-konklużjoni preliminari pjuttost sinjifikattiva. Huwa biss jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41 huwa applikabbli wkoll għall-Istat Membru emittenti li dik il-kwistjoni speċifika dwar ir-rimedji legali f’dak l-Istat taqa’ fil-portata tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, u b’hekk jiġu skattati l-garanziji kollha bbażati fuq il-Karta, inkluż l-Artikolu 47 tagħha. Li kieku dan ma kienx il-każ, kien ikun jista’ jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2014/41 ma tirregola bl-ebda mod ir-rimedji legali fl-Istat Membru emittenti, u allura l-Karta wkoll ma tkunx applikabbli għal din il-kwistjoni speċifika.

43.      Madankollu, il-konklużjoni li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41 huwa applikabbli għar-rimedji legali fl-Istat Membru emittenti, ma tagħtix wisq informazzjoni dwar in-natura eżatta tar-rimedji legali meħtieġa. Għalhekk, il-kwistjoni allura tikkonċerna r-rimedju preċiż meħtieġ mill-Istati Membri emittenti skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41, b’konnessjoni mad-dispożizzjonijiet tal-Karta.

B.      X’inhu rimedju legali skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41?

44.      Fir-rigward tal-obbligu impost fil-qasam ta’ rimedji legali fuq l-Istati Membri, il-lingwaġġ tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41 huwa pjuttost ċar. Hija tillimita dak l-obbligu għar-rekwiżit ta’ ekwivalenza, kif irrimarkat mill-Gvern Ċek, Franċiż u dak Awstrijak, kif ukoll mill-Kummissjoni (14).

1.      L-oriġini tal-istandard: Id-diversità u n-natura tal-miżuri investigattivi

45.      Ir-rekwiżit ta’ ekwivalenza jidher li huwa konsegwenza tad-diffikultà rrikonoxxuta fix-xogħol preparatorju, li tiġi stabbilita soluzzjoni iktar iddettaljata li tirrispetta l-varjetà tas-sistemi tar-rimedji legali li jeżistu fil-livell nazzjonali, għal miżuri investigattivi differenti li d-direttiva l-ġdida kellha tkopri. Il-memorandum ta’ spjegazzjoni għal dik id-direttiva jindika li s-settur li ġabar l-evidenza jippreżenta differenzi sinjifikattivi bejn is-sistemi nazzjonali u enfasizza l-bżonn li tittejjeb il-kooperazzjoni f’dan il-qasam, mingħajr ma jiġu affettwati aspetti fundamentali jew differenzi bejn is-sistemi nazzjonali. Għal din ir-raġuni, “mhuwiex adatt li […] tipprevedi reġim uniku għal rimedji legali […]” (15).

46.      Tabilħaqq, għal kuntrarju tal-predeċessuri legali tagħha, li kellhom kamp ta’ applikazzjoni iktar stretta (16), id-Direttiva 2014/41 tapplika, bħala prinċipju, għal kwalunkwe miżura investigattiva (17). Uħud minn dawk il-miżuri jistgħu jkunu koerċittivi, uħud jistgħu ma jkunux. Uħud jistgħu jitwettqu bil-miftuħ, filwaqt li oħrajn jistgħu jkunu minn natura tagħhom, sigrieti. Id-Direttiva 2014/41 innifisha turi dan il-punt permezz tal-lista tad-diversi miżuri investigattivi, li hija tirregola s-sistemi tagħhom f’iktar dettall (18).

47.      Il-varjetà ta’ miżuri investigattivi u ta’ sistemi nazzjonali tar-rimedji, tispjega għalfejn l-organu leġiżlattiv għażel li jillimita l-obbligu fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41 għar-rekwiżit ta’ ekwivalenza u għażel li jitbiegħed, f’dak ir-rigward, mill-obbligu, li huwa spjegat bi kliem ġenerali, li jiġu pprovduti rimedji legali adottati mill-predeċessuri tad-Direttiva 2014/41, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom kienet iktar stretta (19). Jien naqbel, f’dak ir-rigward, mal-Gvern Ċek.

48.      Madankollu, il-varjetà ta’ miżuri investigattivi koperti mid-Direttiva 2014/41 ma hijiex l-uniku fattur li għandu jiddetermina n-natura tal-obbligu impost mid-Direttiva 2014/41 fir-rigward ta’ rimedji legali. Element ieħor rilevanti huwa n-natura stess tal-miżuri investigattivi fil-proċeduri kriminali kkunsidrati b’mod komprensiv.

49.      F’dak ir-rigward, is-sitwazzjoni ta’ persuna suġġetta għal miżura investigattiva hija pjuttost differenti minn dik ta’ persuna suġġetta għal deċiżjoni ġudizzjarja finali. Filwaqt li f’dan l-aħħar kuntest, il-garanziji sħaħ tad-drittijiet proċedurali għandhom japplikaw u jiġu rrispettati matul il-proċeduri kollha, l-applikazzjoni tal-istess standard proċedurali għal miżuri investigattivi kkunsidrati waħedhom, probabbilment tfixkel il-valur prattiku ta’ dawk il-miżuri jew, f’kwalunkwe każ, ta’ ħafna minnhom. Tabilħaqq, li tiġi rikjesta tfittxija u qbid jew monitoraġġ kontinwu ta’ tranżazzjonijiet bankarji (u oħrajn) li għandhom jiġu l-ewwel nett innotifikati b’mod adegwat lill-persuni kkonċernati, filwaqt li dawk il-persuni jingħataw opportunità li jikkontestawhom fil-qorti, din fil-fatt idgħajjef kwalunkwe fini prattiku ta’ tali miżura investigattiva.

2.      L-istandards minimi fid-Direttiva 2014/41

50.      Minkejja dak li ntqal qabel, ma jfissirx li l-ħruġ u l-eżekuzzjoni ta’ OIE ma huma suġġetti għal ebda standards. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà nnotat f’Staatsanwaltschaft Wien, l-eżistenza, fid-Direttiva 2014/41, ta’ “kuntest normattiv li jinkludi sensiela ta’ garanziji kemm fl-istadju tal-ħruġ jew tal-validazzjoni kif ukoll tal-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata” (20).

51.      Tabilħaqq, kif ġustament jinnotaw il-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet f’din il-kawża, is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2014/41 ma tistax taħdem b’tali mod li tippreġudika l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li joħorġu mill-Karta u mill-istandards minimi stabbiliti mill-KEDB u espressi mill-Qorti EDB, abbażi tal-Artikolu 52(3) tal-Karta.

52.      L-osservanza stretta ta’ dawk is-salvagwardji hija forsi iktar importanti għal parti terza fi proċeduri kriminali nazzjonali. Għandha tingħata attenzjoni għall-fatt li b’kuntrast ma’ persuna akkużata jew li qiegħda tiġi mħarrka, ma huwiex probabbli li dawk il-partijiet terzi qatt ikollhom drittijiet proċedurali fi stadju iktar tard jew ikunu jistgħu jikkontestaw il-legalità tal-miżuri investigattivi, għall-inqas b’mod indirett billi, pereżempju, jistaqsu li l-evidenza miksuba tiġi eskluża, jew billi jikkontestaw id-deċiżjoni finali.

53.      Għaldaqstant, l-istandards li jridu jiġu osservati mal-ħruġ ta’ OIE (u s-salvagwardji li huma inklużi fihom) huma tnejn: l-ewwel nett, dawk ipprovduti mid-Direttiva 2014/41 innifisha, u, it-tieni nett, ir-rispett, b’mod ġenerali, tad-drittijiet fundamentali li għalihom id-dispożizzjonijiet tad-direttiva jirreferu, mingħajr ma d-direttiva tistabbilixxihom fid-detall.

54.      Taħt l-ewwel kategorija, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41 jistabbilixxi li OIE tista’ tinħareġ biss meta jkun meħtieġ u proporzjonat għall-finijiet tal-proċeduri u meta l-miżuri investigattivi indikati fiha, setgħu ġew ordnati, taħt l-istess kundizzjonijiet, f’każ domestiku simili. Dan l-approċċ ta’ intrużjoni minima meħtieġa huwa wkoll rifless f’dispożizzjonijiet oħrajn tad-direttiva, li d-denominatur komuni tagħhom huwa t-tnaqqis jew l-imblukkar assolut tal-intrużjoni li miżura investigattiva speċifika tista’ tagħti lok għaliha (21).

55.      Fir-rigward tat-tieni kategorija, l-ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea huma marbutin mar-rispett għad-drittijiet fundamentali fiż-żewġ naħat: fl-Istati Membri emittenti u dawk ta’ eżekuzzjoni. L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2014/41 l-ewwel ifakkar l-obbligu ġenerali tal-Istati Membri sabiex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE. Dik id-dikjarazzjoni ġenerali ssir iktar speċifika fl-Artikolu 11(1)(f) li jintroduċi raġuni ġenerali u espressa sabiex jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-OIE meta “ikun hemm raġunijiet sostantivi għalxiex jitwemmen li l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva indikata fl-OIE tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni taħt l-Artikolu 6 tat-TUE u l-Karta”.

56.      Madankollu, f’dak li jirrigwarda rimedji legali li jippermettu li OIE tiġi kkontestata bħala tali, huwa ġust li jiġi ammess li n-natura tal-miżura investigattiva ħafna drabi ma tkunx kompatibbli ma’ possibbiltà li tiġi kkontestata dik il-miżura b’mod separat u ex ante, fejn l-effett ta’ dik il-kontestazzjoni tkun, il-possibbiltà li tiġi posposta jew li tiġi eskluża għalkollox l-eżekuzzjoni tal-miżura.

57.      Fi kliem ieħor, li wieħed jisħaq li rimedju legali ex ante, fil-forma ta’ rimedju ġudizzjarju quddiem qorti jew tribunal għall-kontestazzjoni ta’ din il-miżura, għandu jeżisti dejjem, bilkemm iwassal li jintlaħaq il-bilanċ adegwat bejn il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati mill-investigazzjoni u l-effettività neċessarja tal-miżuri investigattivi.

58.      Il-varjetà ta’ miżuri msemmija iktar ’il fuq u n-natura ġenerali tagħhom, jispjegaw, fl-opinjoni tiegħi, għalfejn il-leġiżlatur tal-Unjoni llimita l-obbligu fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41 għar-rekwiżit ta’ ekwivalenza. Dan ifisser li l-Artikolu 14(1) ta’ dik id-direttiva ma jobbligax lill-Istat Membru jintroduċi rimedju legali fejn dawn ma jkunux jeżistu. Kif jinnotaw il-Gvern Ċek u dak Franċiż, din il-pożizzjoni jidher li diġà ġiet espressa mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Gavanozov, minħabba l-użu repetut tal-frażi “jekk ikun il-każ” meta ssir referenza għad-disponibbiltà tar-rimedji legali fl-Istat Membru emittenti (22).

59.      Madankollu, din l-affermazzjoni hija suġġetta għal riżerva pjuttost importanti: l-ekwivalenza hija loġikament aċċettabbli biss jekk is-sitwazzjoni fl-Istat emittenti, li għaliha ir-rekwiżit ta’ ekwivalenza jirreferi, hija nnifisha kompatibbli mal-istandards minimi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif meħtieġ mill-Karta u mill-KEDB. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, jien naqbel mal-Gvern Franċiż u dak Awstrijak, kif ukoll mal-Kummissjoni, u li jinnotaw li d-Direttiva 2014/41 hija bbażata fuq il-preżunzjoni li l-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet fundamentali. Fi kliem sempliċi, ekwivalenza hija aċċettabbli biss sakemm ma hijiex invokata sabiex tivvalida “ksur ekwivalenti” tal-istandards minimi tal-KEDB.

3.      L-istandards minimi tad-drittijiet fundamentali taħt il-KEDB

60.      F’dan il-kuntest, huwa meħtieġ li jiġu msemmija fil-qosor ir-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-Qorti EDB. Tabilħaqq, il-qorti tar-rinviju, kif ukoll diversi partijiet interessati, jindikaw sensiela ta’ kawżi tal-Qorti EDB li fihom il-Bulgarija ġiet repetutament ikkundannata għal ksur tal-Artikolu 13 KEDB, minħabba nuqqas ta’ rimedji legali kontra ordnijiet ta’ tfittxija u sekwestri (23).

61.      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Karta, l-Artikolu 52(3) tal-Karta jistabbilixxi li l-KEDB hija l-istandard minimu li taħtu l-protezzjoni prevista mill-Karta ma tistax taqa’. L-Artikolu 13 KEDB jikkorrispondi, għall-inqas parti minnu, għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Madankollu, l-Artikolu 47 jirrikjedi rimedju legali quddiem qorti li ma huwiex neċessarjament il-każ tal-Artikolu 13 KEDB (24).

62.      Sabiex itaffi d-dubji dwar ir-rekwiżiti preċiżi tal-Artikolu 47 tal-Karta f’termini ta’ rimedju quddiem qorti jew tribunal f’dak li jirrigwarda miżuri investigattivi, huwa importanti li jiġu indikati preċiżament ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

63.      Il-Qorti EDB iċċarat b’mod kostanti li l-kunċett ta’ “rimedju effettiv” taħt l-Artikolu 13 KEDB jirrikjedi l-possibbiltà ta’ kontestazzjoni kemm tal-legalità tal-ordnijiet ta’ tfittxija u qbid, kif ukoll il-mod tal-eżekuzzjoni tagħhom.

64.      Il-Qorti EDB iddikjarat li l-kunċett ta’ “rimedju effettiv” taħt l-Artikolu 13 KEDB ma tippreżupponix il-possibbiltà ta’ kontestazzjoni tal-ħruġ ta’ mandat qabel it-tfittxija (25). Madankollu, f’Posevini, il-Qorti EDB żiedet li azzjoni dixxiplinarja kontra l-pulizija għal eżekuzzjoni ta’ tfittxija u qbid ma tistax tiġi kkunsidrata bħala rimedju skont it-tifsira tal-Artikolu 13 KEDB. Dak li huwa rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Artikolu 13 KEDB huwa jekk il-persuna kkonċernata minn tfittxija u qbid, kellhiex aċċess għal proċedura li tippermettilha tikkontesta l-legalità ta’ dik il-miżura, u tikseb rimedju adegwat jekk tkun ġiet ordnata jew eżegwita b’mod illegali (26). Il-Qorti EDB saħqet li għandu jkun hemm il-possibbiltà’ “ta’ kontestazzjoni ta’ tfittxija bħala tali, jew tal-mod li bih tkun ġiet ordnata jew awtorizzata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (27).

65.      Fi kliem ieħor, minn naħa, mozzjoni għall-iskattar ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-pulizija għal metodi ibsin ta’ eżekuzzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ rimedju legali taħt l-Artikolu 13 KEDB. Min-naħa l-oħra, dik id-dispożizzjoni ma testendix daqshekk li tirrikjedi appell kontra d-deċiżjoni ġudizzjarja li tordna tfittxija u qbid, li għandu jkun disponibbli qabel it-twettiq tat-tfittxija u l-qbid. Il-Qorti EDB ma tirrikjedix li r-rimedju legali għandu jippermetti lill-persuna kkonċernata tevita t-twettiq tat-tfittxija u tal-qbid, jew li dak ir-rimedju għandu jkun disponibbli f’kwalunkwe mument speċifiku fil-proċedura li tirrelata mat-tfittxija u l-qbid. Lanqas ma huwa meħtieġ li r-rimedju rispettiv ikun disponibbli fil-proċeduri kriminali li magħhom l-ordni tat-tfittxija u qbid hija relatata.

66.      Niddeduċi s-segwenti punti mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. L-ewwel nett, għandu jkun hemm possibbiltà ta’ kontestazzjoni tal-legalità tat-tfittxija u tal-qbid f’xi stadju, iżda mhux neċessarjament (pjuttost loġikament) qabel ma dik il-miżura tkun ġiet eżegwita. It-tieni nett, dan l-istħarriġ u l-bidu tagħha għandha tappartjeni b’mod ċar lill-persuna kkonċernata. Ma tistax tkun dipendenti fuq l-inizjattiva jew id-diskrezzjoni ta’ parti terza, bħal stħarriġ fil-korp tal-pulizija. It-tielet nett, iż-żewġ aspetti ta’ tfittxija u qbid għandhom ikunu jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ: mhux biss l-eċċessi potenzjali fil-mod li bih il-miżura twettqet, iżda wkoll, qabel kollox, il-legalità tal-ordni stess ta’ dik il-miżura.

67.      Biex nagħti eżempju sempliċi: f’sitwazzjoni fejn, għodwa waħda, il-bibien ta’ proprjetà ta’ persuna ngħataw daqqa ta’ sieq mill-pulizija, il-persuna għandu jkollha l-opportunità li tibda, quddiem organu tal-Istat Membru, stħarriġ sussegwenti li ma jkunx limitat biss sabiex jiġi aċċertat jekk kienx verament neċessarju li jingħata daqqa ta’ sieq lil bieb ta’ barra jew li titkisser id il-persuna li allegatament irreżistiet it-tfittxija fil-proċess (il-mod ta’ eżekuzzjoni tal-miżura), iżda jiddetermina wkoll jekk it-tfittxija kinitx, fil-fatt, ordnata legalment (il-legalità tal-miżura nnifisha).

68.      Din hija n-natura tad-dritt kif iggarantit mill-KEDB. Huwa fis-salvagwardja potenzjali ta’ dak id-dritt li l-Artikolu 47 tal-Karta jiggarantixxi l-possibbiltà, fiż-żmien dovut, tat-tressiq ta’ azzjoni quddiem qorti.

69.      Madankollu, il-fatt li għandu jkun possibbli li l-konstatazzjonijiet jiġu kkontestati quddiem qorti indipendenti skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jbiddilx in-natura tad-dritt sottostanti, u lanqas ma jevita l-introduzzjoni minn qabel ta’ rimedju amministrattiv jew l-obbligu li l-ewwel jiġi ppreżentat ilment amministrattiv qabel ma jitressaq il-każ quddiem il-qorti nazzjonali (28).

4.      Sommarju intermedju u l-kwistjoni reali

70.      Ikkunsidrata u mifhuma f’dan il-kuntest, ma hemm xejn fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li tista’ ttellef l-eżekuzzjoni tal-miżuri investigattivi skont id-Direttiva 2014/41. B’mod simili, ma hemm ebda kwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta li jista’ jkun potenzjalment applikabbli, jekk adegwat, kemm għall-mod li bih miżura investigattiva tkun twettqet fi Stat Membru ta’ eżekuzzjoni mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll għal-legalità tal-ordni li abbażi tagħha tinħareġ OIE mill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti. Tabilħaqq, il-qasma ġurisdizzjonali miġjuba fl-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2014/41 jidher li tirrifletti preċiżament dan l-approċċ.

71.      Dawn il-kjarifiki kollha dwar il-kamp ta’ applikazzjoni reali tad-Direttiva 2014/41, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB u l-istandards minimi meħtieġa, kienu neċessarji sabiex wieħed ikun jista’ jagħti qafas u eventwalment jindirizza l-problema ġenwina fil-każ preżenti. Il-kwistjoni ma hijiex neċessarjament il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ kwalunkwe dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva 2014/41. Il-kwistjoni reali tinsab ħafna qabel, metaforikament fl-entrata tas-sistema sħiħa: jista’ Stat Membru joħroġ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea minkejja li dan jaf li dawk l-atti jiksru l-istandards minimi tal-KEDB u, għalhekk, il-livell minimu ta’ protezzjoni meħtieġ taħt id-dritt tal-Unjoni?

C.      Stat Membru li jikser l-istandards minimi tal-KEDB ma jistax joħroġ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea li neċessarjament ikunu vvizzjati mill-istess tip ta’ ksur

72.      Permezz tat-tieni domanda magħmula fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija tistax toħroġ OIE għal tfittxijiet u qbid, kemm fi proprjetà immobbli ta’ kumpannija kif ukoll f’dar privata, u wkoll jekk tistax tisma’ xhud f’sitwazzjoni fejn ma hemmx rimedju disponibbli, skont id-dritt nazzjonali, għall-persuni kkonċernati minn dawk il-miżuri.

73.      Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta hija “le, ma tistax”. Sakemm l-Istat Membru emittenti ma jkunx aċċerta ruħu mill-konformità mal-istandards minimi rikjesti mill-KEDB u li ġew indikati fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat ma jistgħux jipparteċipaw fis-sistema stabbilita mid-Direttiva 2014/41.

74.      Kif ġie ġustament irrilevat, partikolarment mill-Gvern Franċiż u dak Awstrijak, kif ukoll mill-Kummissjoni, parteċipazzjoni fis-sistema ta’ assistenza ġudizzjarja, u r-rikonoxximent reċiproku stabbilit mid-Direttiva 2014/41, iwasslu għal preżunzjoni li l-parteċipanti kollha jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

75.      Għandu jiġi rrikonoxxut li, il-partikolarità tal-każ preżenti tinsab fil-fatt li d-domandi ġew magħmula minn qorti fl-Istat Membru emittenti filwaqt li l-proċedura għadha fil-fażi li “tippreċedi r-rikonoxximent”. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra l-ħruġ ta’ OIE, iżda l-ebda att għadu ma qasam il-fruntieri.

76.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra l-kunċett ta’ rikonoxximent reċiproku f’każijiet kriminali sikwit iltaqgħet ma’ domandi minn awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni li jkollhom dubji dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettilhomx jikkunsidraw talbiet magħmula minn awtoritajiet ta’ Stat Membru differenti. Tabilħaqq, l-istrumenti li jiddependu fuq rikonoxximent reċiproku normalment qiegħdu l-mekkaniżmi li jevitaw att difettuż milli jipproduċi l-effetti legali mixtieqa, fuq in-naħa tal-Istati ta’ eżekuzzjoni. Il-każ preżenti huwa eżempju rari ta’ eżerċizzju ta’ trażżin mill-awtorità emittenti fuqha nnifisha, minħabba dubji dwar jekk hija anki tistax tiskatta strument speċifiku ta’ rikonoxximent reċiproku.

77.      Madankollu, żgur li ma jistax jiġi dedott minn dak li ntqal hawn fuq li d-dritt tal-Unjoni ma jagħtix kas is-sitwazzjoni fl-Istat Membru emittenti.

78.      Fil-livell prattiku, id-Direttiva 2014/41 tirregola numri ta’ kwistjonijiet u tistabbilixxi numru ta’ rekwiżiti fuq l-Istat Membru emittenti. Dawn ir-rekwiżiti huma iktar enfasizzati mill-obbligu ġenerali impost fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji rilevanti kollha, stabbilit fl-Artikolu 1(4) ta’ dik id-direttiva, li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali.

79.      Madankollu, meta kkunsidrata mill-perspettiva ta’ prinċipji, li l-kwistjoni ssir ċara kristall. Jien ma nistax nifhem kif jista’ jkun hemm “fiduċja reċiproka” f’sistema fejn l-Istati Membri emittenti jistgħu joħorġu atti li, awtomatikament u kif diġà ġie stabbilit, jiksru l-istandards minimi li abbażi tagħhom topera s-sistema sħiħa, iżda madankollu tali atti, indipendentement minn dan il-fatt, konsapevolment jitħallew jidħlu fis-sistema.

80.      Tabilħaqq, jien ma naħsibx li huwa neċessarju li nirrepeti l-ġurisprudenza abbundanti dwar il-kwistjoni, li tenfasizza l-importanza tal-fiduċja reċiproka għar-rikonoxximent reċiproku u għall-funzjonament ta’ ħafna mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’kwistjonijiet kriminali fl-Unjoni Ewropea (29). B’mod speċifiku, ir-rekwiżit ta’ fiduċja reċiproka, jew pjuttost, b’mod realistiku, il-projbizzjoni ta’ nuqqas ta’ fiduċja, ifisser li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandhom jippreżupponu li r-regoli u d-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru emittenti ġew osservati, u allura ma għandhomx jiċċekkjaw, apparti f’każijiet eċċezzjonali, il-konformità tal-att adottat fl-Istat Membru emittenti mad-drittijiet fundamentali (30).

81.      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li “l-Istati Membri, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, huma responsabbli sabiex jiżguraw, fit-territorji rispettivi tagħhom, l-applikazzjoni u l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jieħdu, għal dan l-għan, kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw li jitwettqu l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-[Unjoni]” (31).

82.      F’dan l-isfond, Stat Membru li juża din is-sistema u li jaf li l-atti li huwa joħroġ huma fil-fatt diġà inkompatibbli mal-garanziji minimi meħtieġa tad-drittijiet fundamentali ma huwiex, fl-opinjoni tiegħi, jaġixxi skont l-ispirtu ta’ kooperazzjoni leali. Tali atti ma jistgħux jiġġeneraw l-ebda fiduċja reċiproka. Huma fil-fatt l-antiteżi ta’ dan, peress li jġiegħlu lil kwalunkwe attur ieħor, u b’mod partikolari lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, sabiex iħaddan nuqqas ta’ fiduċja reċiproka bħala l-pożizzjoni awtomatika tiegħu. Kif tista’ tiġi ġġenerata kwalunkwe fiduċja reċiproka f’sistema fejn uħud mill-atturi tagħha huma konxjament permessi li jinjoraw ir-regoli?

83.      Ċertament, id-Direttiva 2014/41 tinkludi numru ta’ salvagwardji li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent u eżekuzzjoni tal-miżura investigattiva inkwistjoni fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (32). Fil-fatt, dik il-lista tinkludi l-bażi għal rifjut skont l-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2014/41, li possibbilment twassal għal rifjut abbażi ta’ nuqqas ta’ rispett għad-drittijiet fundamentali.

84.      Madankollu, dak ċertament ma jfissirx li r-responsabbiltà kollha tista’ tiġi ttrasferita għall-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Kif diġà ntqal, kooperazzjoni leali (u l-fiduċja reċiproka) huma konnessi. Huma jinkludu, bħala definizzjoni, il-partijiet kollha fit-tranżazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat din l-idea billi stqarret li r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa obbligu kondiviż, impost kemm fuq l-Istati Membri emittenti kif ukoll fuq dawk ta’ eżekuzzjoni. L-obbligu inizjali li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa impost b’mod ċar fuq l-Istat Membru emittenti (33). L-ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea li, b’mod preliminari jidhru li huma inkompatibbli, jitħallew jidħlu fis-sistema, iwassal għat-trasferiment tar-responsabbiltà sħiħa tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fuq l-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni biss (34), li jistgħu f’ċertu każijiet jindunaw b’dan, filwaqt li f’każijiet oħrajn jistgħu lanqas biss jindunaw.

85.      Fl-opinjoni tiegħi, tali logħba ta’ “rulett Russa” bid-drittijiet individwali tkun kunċettwalment kompletament inkompatibbli mal-approċċ meħud mis-sistema tar-rikonoxximent reċiproku. L-awtorità emittenti tkun taf bil-fatt li l-OIE maħruġa tikser drittijiet fundamentali, iżda sempliċement tħalliha għall-viġilanza tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni sabiex tara jekk din tal-aħħar tindunax, bil-konsegwenza li dan iwassal għal kunsiderazzjoni pjuttost selettiva tad-drittijiet fundamentali tal-individwi involuti fil-proċess (35).

86.      Barra minn hekk, tali rulett Russa, mhux biss tgħaddi r-responsabbiltà li jiġi identifikat il-ksur fuq l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, iżda hija tagħmel ukoll lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni potenzjalment kompliċi f’dak il-ksur jekk dan ma jidentifikahx u ma jipprekludihx. B’dak il-mod, l-Istati Membri involuti jkunu f’riskju li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stipulati mill-Qorti EDB f’Avotiņš (36) u għalhekk tiskatta r-responsabbiltà tagħhom skont id-dritt internazzjonali (37).

87.      Fil-fatt, Avotiņš, kif ukoll il-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda il-potenzjali nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ att ta’ Stat Membru emittenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (38), jikkonċernaw fallimenti jew nuqqasijiet sistemiċi fl-Istat Membru emittenti, li jaf ikollhom ċertu konsegwenzi fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

88.      Madankollu, jew pjuttost a fortiori, jien ma narax għalfejn, jekk dawk il-konsegwenzi huma previsti għal fallimenti (sistemiċi) kbar, jiġifieri meta s-sistema sħiħa ma tibqax taħdem sewwa (39), kif ukoll meta jkun hemm dak li wieħed jista’ jsejjaħlu bħala fallimenti settorjali (40), l-istess ma għandux ikun il-każ għal dak li wieħed jista’ jsejħilhom bħala sempliċi fallimenti żgħar, jiġifieri nuqqasijiet identifikati unikament fir-rigward ta’ elementi proċedurali speċifiku.

89.      Barra minn hekk, jekk l-approċċ huwa li, minn ċertu punt ’il quddiem, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jkunx iktar obbligat li jirrikonoxxi jew jinforza atti li jiġu minn ċerti Stati Membri emittenti (41), ma huwiex ukoll inerenti f’dik id-dikjarazzjoni li l-Istat Membru emittenti, meta jaf li huwa fi stat ta’ nuqqas ta’ konformità, għandu jiġi prekluż milli jkollu aċċess għal sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, li tagħha dan ma għadux jissodisfa r-rekwiżiti tad-dħul?

90.      F’ċertu mod, tali konklużjoni ma hijiex biss inerenti fl-approċċ meħud mis-sistema, iżda hija wkoll iktar proporzjonata. Minflok ma jitpoġġa piż fuq is-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja sħiħa (u l-atturi individwali kollha fl-Istati Membri) bil-kompitu li teżamina, f’kull każ individwali, kull darba, jekk raġunijiet għal rifjut ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ OIE ngħatawx jew le, ma huwiex iktar raġonevoli li jiġi sospiż temporanjament is-sors problematiku rrikonoxxut, sabiex qabelxejn dan jiżgura l-konformità mal-istandards minimi qabel ma jitħalla jipparteċipa mill-ġdid? Tali soluzzjoni tidher iktar iġġustifikata peress li, għall-kuntrarju ta’ sitwazzjoni fejn il-falliment sistemiku potenzjali għandu jidher li jirriżulta f’theddida għas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata (42), fil-każ ta’ nuqqas ta’ regolament settorjali sempliċement fir-rigward ta’ kwistjoni waħda, huwa ċar li l-ħruġ ta’ kwalunkwe att li jkun konformi, ma huwiex possibbli. L-atti kollha li jinħarġu jkunu, awtomatikament ivvizzjati, peress li l-leġiżlazzjoni li abbażi tagħha dawn ikunu nħarġu, kienet hija stess inkompatibbli.

91.      Fil-qosor, kull min jixtieq juża s-sistema ta’ assistenza ġudizzjarja u rikonoxximent reċiproku skont id-Direttiva 2014/41, jew taħt kwalunkwe strument ieħor ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u rikonoxximent reċiproku, għandu jiġi, metaforikament, b’idejn nodfa, jew pjuttost, ma jistax konxjament jiġi b’idejn maħmuġin. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dik ir-regola bażika ta’ iġjene, li ġiet repetutament irrikonoxxuta u enfasizzata b’mod sistematiku, tista’ fil-fatt twassal sabiex dik il-persuna tintalab titlaq mill-kamra u tiġi lura biss wara li tkun sabet ftit sapun u tkun wettqet il-proċeduri neċessarji.

92.      Fil-kuntest speċifiku tal-każ preżenti, kif deskritt iktar ’il fuq, f’Posevini (43) u f’sentenzi oħra preċedenti, il-Qorti EDB sabet li l-Bulgarija kisret l-obbligu li tipprovdi rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 13 KEDB, minħabba l-assenza ta’ kwalunkwe proċedura li tippermetti li l-legalità ta’ ordni ta’ tfittxija u qbid tiġi kkontestata jew sabiex jinkiseb rimedju adegwat (44). Kif intqal f’dawk is-sentenzi, il-Gvern Bulgaru fil-fatt irrikonoxxa dak il-falliment u impenja ruħu mal-Kumitat tal-Ministri sabiex jindirizza s-sitwazzjoni (45), iżda dan għadu ma seħħx sa issa, kif enfasizzat ukoll id-deċiżjoni tar-rinviju fil-każ preżenti.

93.      Fil-qosor, sakemm dak il-falliment nazzjonali leġiżlattiv ma jiġix indirizzat, l-awtoritajiet tal-Istat Membru speċifiku huma tabilħaqq preklużi milli joħorġu OIE, li awtomatikament u inevitabbilment iġib miegħu l-istess ksur tad-drittijiet fundamentali bħalma (dak li) diġà ġie osservat mill-Qorti EDB.

94.      Jien ninnota li l-ebda kwistjoni simili ma ġiet identifikata fir-rigward ta’ deċiżjoni li tordna smigħ ta’ xhud. F’dak ir-rigward, jien naqbel mal-Gvern Franċiż u dak Awstrijak li, essenzjalment, smigħ ta’ xhud huwa improbabbli li fih innifsu jirriżulta f’intrużjoni daqshekk serja fuq id-drittijiet fundamentali ta’ individwu, bħal ordni ta’ tfittxija u qbid.

95.      Barra minn hekk, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/41 jinkludi arranġament pjuttost iddettaljat ta’ smigħ ta’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew metodu ieħor ta’ trażmissjoni awdjoviżiva. B’mod alternattiv, l-Artikolu 25 tagħha jirrigwarda s-smigħ ta’ xhud permezz ta’ konferenza telefonika. Dawk id-dispożizzjonijiet jinkludu garanziji speċifiċi, inkluż bażi ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 24(2) ta’ dik id-direttiva, ir-rekwiżit li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tapplika l-“prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni” skont l-Artikolu 24(5)(a) tad-direttiva u l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali, li tinkludi d-dritt li wieħed ma jixhidx, kif stipulat fl-Artikolu 24(5)(e) tagħha.

96.      Madankollu, ma nikkunsidrax li l-limitazzjoni tas-soluzzjoni fil-każ preżenti għall-ordnijiet tat-tfittxija u qbid, probabbilment twassal għal soluzzjoni sistemika għal lista potenzjalment miftuħa ta’ ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali. Miżuri investigattivi differenti jistgħu jippreżentaw, kif diġà ġie nnotat, gradi u intensitajiet differenti ta’ intrużjonijiet. Minn din il-perspettiva, jidher diffiċli li tinqata’ linja fl-astratt, sabiex wieħed jisħaq li miżura investigattiva speċifika ma tista’ qatt tkun problematika.

97.      Fir-rigward tas-smigħ speċifiku ta’ xhud, għalkemm tista’ tiġi kkaratterizzata bħala intrużjoni pjuttost “ħafifa” fl-isfera personali ta’ persuna, ma jistax jiġi eskluż li smigħ ta’ xhud speċifiku f’sitwazzjoni speċifika tista’, madankollu, twassal għal ksur tad-drittijiet individwali protetti, bħad-drittijiet ta’ persuni vulnerabbli li s-sitwazzjoni speċifika tagħhom ma tkunx debitament ġiet ikkunsidrata waqt l-adozzjoni ta’ OIE li tordna tali smigħ. Jekk sitwazzjoni bħal din isseħħ, il-persuna affettwata għandu wkoll ikollha aċċess għal rimedji li jagħtuha l-possibbiltà ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ tali miżura, u li jinkiseb ir-rimedju adegwat.

98.      Fil-qosor, huwa d-dmir tal-awtoritajiet emittenti li jiżguraw li l-atti tagħhom stess ma jkunux ivvizzjati b’nuqqas ta’ legalità minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandards minimi stabbiliti fil-KEDB, meta dawn l-atti jidħlu fis-sistema tad-Direttiva 2014/41.

V.      Konklużjoni

99.      Jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) kif ġej:

L-Artikoli 14(1) u l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u tal-Artikolu 4(3) TUE, jipprekludu s-sitwazzjoni li fiha leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdi għal ebda rimedju legali kontra l-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, jekk il-ħruġ ta’ tali ordni awtomatikament u inevitabbilment jirriżulta fl-istess ksur tal-istandards minimi ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bħal dak diġà osservat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawk id-dispożizzjonijiet jipprekludu wkoll il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea f’tali ċirkustanzi.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16).


3      Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019 (C‑324/17, EU:C:2019:892).


4      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fis-sentenza Gavanozov (C‑324/17, EU:C:2019:312).


5      Artikolu 11 intitolat “Ir-rimedji legali” tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/577/JHA tat‑22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 185).


6      Artikolu 18 intitolat “Rimedji legali” tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/978/ĠAI tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali (ĠU 2008, L 350, p. 72).


7      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 (ĠU 2018, L 303, p. 1).


8      Enfasi miżjuda minni.


9      Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas‑6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska (ĠU 2010, L 239M, p. 340).


10      Jista’ jingħad ukoll li dan fil-fatt huwa intitolat “Proċeduri u salvagwardji għall-Istat ta’ eżekuzzjoni”, u mhux “Proċeduri u salvagwardji fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni”. Żgur li huwa veru li element bażi ta’ protezzjoni legali fl-Istat Membru emittenti hija forma ta’ garanzija għall-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Enfasi miżjuda minni.


11      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati) (C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 39).


12      Ibid., punt 40.


13      B’mod simili għad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi li b’mod espress impona l-obbligu ta’ ekwivalenza fuq l-Istat emittenti fl-Artikolu 18(2) tagħha, li jirrigwarda r-rimedji legali. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.


14      Ara wkoll is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati) (C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 60).


15      Inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Renju tal-Isvezja għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali - Memorandum ta’ Spjegazzjoni (ĠU 2010, C 165, p. 22) (Dokument tal-Kunsill 9288/10 ADD 1 tat‑3 ta’ Ġunju 2010).


16      Ara l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/41 li jistipula li d-Direttiva 2014/41 tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali tal-Kunsill tal-Ewropa tal‑20 ta’ April 1959 kif ukoll iż-żewġ protokolli addizzjonali tagħha, u l-ftehimiet bilaterali konklużi skont l-Artikolu 26 ta’ dik il-konvenzjoni; il-konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen; il-konvenzjoni rigward assistenza legali reċiproka f’materji kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-protokoll tagħha; Deċiżjoni Kwadru 2003/577 u Deċiżjoni Kwadru 2008/978. Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 5 u 6 iktar ’il fuq.


17      Bl-eċċezzjoni ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunti li għadhom jiġu rregolati mid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 15).


18      Ara l-Kapitolu IV tad-Direttiva 2014/41 dwar “Dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti miżuri investigattivi”, li jikkonċerna, pereżempju, trasferiment temporanju ta’ persuni miżmuma f’kustodja, seduti permezz ta’ vidjokonferenza jew konferenza telefonika, ksib ta’ informazzjoni dwar kontijiet bankarji u finanzjarji oħra jew dwar operazzjonijiet bankarji u finanzjarji oħra, jew investigazzjonijiet sigrieti. Il-Kapitolu V jikkonċerna interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet.


19      Ara iktar ’il fuq, in-noti ta’ qiegħ il-paġni 5 u 6.


20      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati) (C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 69).


21      Pereżempju, skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2014/41, “[L]-awtorità ta’ eżekuzzjoni jista’ jkollha wkoll rikors għal miżura investigattiva għajr dik indikata fl-OIE fejn il-miżura investigattiva magħżula mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha l-istess riżultat permezz ta’ mezzi inqas intrużivi mill-miżura indikata fl-OIE”. Barra minn hekk, dispożizzjonijiet rispettivi tal-Kapitolu IV li jiddettaljaw diversi tipi ta’ miżuri investigattivi jistabbilixxu raġunijiet speċifiċi għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew eżekuzzjoni, minbarra l-lista ġenerali pprovduta mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/41.


22      Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Gavanozov (C‑324/17, EU:C:2019:892, punti 25, 29, 30, 32, 33, 37, 38 u l-parti operattiva tas-sentenza).


23      Sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Jannar 2017, Posevini vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2017:0119JUD006363814, punti 83 sa 87. Ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti EDB tas‑26 ta’ Lulju 2007, Peev vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2007:0726JUD006420901, punt 70; tat‑22 ta’ Mejju 2008, Ilva Stefanov vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2008:0522JUD006575501, punt 59; tal‑15 ta’ Ottubru 2013, Gutsanovi vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2013:1015JUD003452910, punti 234 u 235; tat‑30 ta’ Settembru 2014, Prezhdarovi vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2014:0930JUD00084290[5], punti 26 sa 28, 30 u 31 u 49 sa 52; tas‑16 ta’ Frar 2016, Govedarski vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2016:0216JUD003495712, punti 38 sa 40, u 72 sa 75; tal‑31 ta’ Marzu 2016, Stovanov et vs Il‑Bulgarija CE:ECHR:2016:0331JUD005538810, punt 152 u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Popovi vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2016:0216JUD003495712 (CE:ECHR:2016: 0609JUD003965111), punt 122.


24      Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).


25      Sentenza tal-Qorti EDB tat‑22 ta’ Mejju 2008, Ilya Stefanov vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2008:0522JUD006575501, punt 59.


26      Ara is-sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Jannar 2017, Posevini vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2017:0119JUD006363814, punt 84. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EDB tas‑16 ta’ Frar 2016, Govedarski vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2016:0216JUD003495712, punt 94 fejn il-Qorti EDB innotat li “‘aucune disposition du droit interne ne permettait [aux demandeurs] de contester la régularité et la nécessité d’une perquisition du domicile…”. Fis-sentenza tagħha tat‑30 ta’ Settembru 2014, Prezhdarovi vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2014:0930JUD00084290[5], punt 50, il-Qorti EDB innotat li l-assenza ta’ regoli ċari dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju hija problema, kif ukoll l-assenza ta’ kwalunkwe stħarriġ sinjifikattiv tal-legalità u tal-ġustifikazzjoni tat-tfittxija u tal-qbid.


27      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tad 19 ta’ Jannar 2017, Posevini vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2017:0119JUD00636381 (CE:ECHR:2017:0119JUD006363814), punt 85.


28      Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:659, punti 116 u 117 u l-ġurisprudenza ċċitata). Impliċitament, ara wkoll is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:960, punti 39 sa 41), u tal‑10 ta’ Marzu 2021, Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N. (C‑949/19, EU:C:2021:186, punti 45 u 46).


29      Ara, pereżempju u reċentement, sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati) (C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 40), jew tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI (C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara, pereżempju, Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 192). Ara wkoll sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Deskritti iktar ’il fuq f’punti 53 u 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33      Ara, pereżempju, sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski (C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata) li tikkonferma, fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ir-responsabbiltà primarja tal-Istat Membru emittenti sabiex jiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali.


34      F’dan ir-rigward, jien naqbel mal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Gavanozov, li tali soluzzjoni tmur kontra mhux biss id-disinn ġenerali tad-Direttiva 2014/41, iżda wkoll il-kunċett ta’ fiduċja reċiproka. (C‑324/17, EU:C:2019:312, punti 84 sa 87).


35      Dan kollu jwasslek sabiex taħseb fuq manifattur ipotetiku ta’ karozzi li jirrilaxxa vetturi fiċ-ċirkulazzjoni, għalkemm ikun konxju mill-fatt li kollha kemm huma għandhom difett tekniku, iżda madankollu jistrieħ fuq it-twemmin li kontrolli tal-pulizija ma humiex daqstant frekwenti u, bit-tama, li ma jkunx hemm daqshekk inċidenti tat-traffiku li fihom iweġġgħu jew ikorru passiġġieri jew membri tal-pubbliku minħabba dan id-difett tekniku.


36      Sentenza tal-Qorti EDB tat‑23 ta’ Mejju 2016, Avotiņš vs. Il‑Latvija, CE:ECHR:2016:0523JUD001750207, punt 116.


37      Ara, reċentement, il-Qorti EDB, sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Bivolaru u Moldovan vs Franza, CE:ECHR:2021:0325JUD004032416.


38      Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865); tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198); u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema tal-ġustizzja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).


39      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema tal-ġustizzja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 58 sa 62).


40      Li fihom, dak li jingħad huwa li jkun hemm falliment fir-rigward ta’ ċerti setturi inkwistjoni, bħal pereżempju kundizzjonijiet għal persuni li qegħdin ifittxu protezzjoni internazzjonali – Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 89 u 90, 94, 106), jew kundizzjonijiet f’stabbiliment penitenzjarju – sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 89 sa 94), mingħajr ma fl-ebda waħda minn dawn ix-xenarji ma jiġi ssuġġerit li s-sistema ġudizzjarja sħiħa ta’ Stat Membru speċifiku tkun ġiet affettwata minn dawk in-nuqqasijiet.


41      Dan ġie iktar reċentement iddikjarat mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033) u sussegwentement applikata mir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2021, każ numru RK 20/771 13/751021-20, NL:RBAMS:2021:420.


42      Neċessarju fil-kuntest tat-“test b’żewġ stadji” li jirrekjedi kunsiderazzjonijiet kemm strutturali (sistemiċi u ġġeneralizzati) kif ukoll inidividwali relatati mal-każ individwali – sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema tal-ġustizzja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 61 u 68) kif ġie kkonfermat fis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punti 54 u 55).


43      Sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Jannar 2017, Posevini vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2017:0119JUD006363814.


44      Ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.


45      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Jannar 2017, Posevini vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2017:0119JUD006363814, punt 47.