Language of document : ECLI:EU:C:2021:683

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit‑2 ta’ Settembru 2021 (1)

Kawża C338/20

Prokuratura Rejonowa Łódź-Bałuty

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Śródmieścia w Łodzi (il-Qorti Distrettwali għal Łodzi-Śródmieścia, ta’ Łódź, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Rikonoxximent reċiproku – Sanzjonijiet pekunjarji – Deċiżjoni Qafas 2005/214/ĠAI – Raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Nuqqas li tiġi pprovduta traduzzjoni tad-deċiżjoni li qiegħda tiġi eżegwita – Drittijiet lingwistiċi – Dritt għal smigħ xieraq”






I.      Introduzzjoni

1.        Fl-2019, sewwieq b’residenza permanenti fil-Polonja ġie mwaqqaf fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-pulizija lokali. Bl-għajnuna ta’ interpretu li jitkellem bil-Pollakk, li ġie kkuntattjat permezz tat-telefon, il-pulizija informat lis-sewwieq li kien kiser il-kodiċi tas-sewqan u li kienet sejra tiġi imposta multa fuqu.

2.        Imbagħad, l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti fil-Pajjiżi l-Baxxi adottaw id-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni pekunjarja u nnotifikaw din id-deċiżjoni lis-sewwieq permezz tal-posta. Minkejja li din id-deċiżjoni ġiet abbozzata bl-Olandiż, ċerta informazzjoni relatata ma’ din id-deċiżjoni ġiet ipprovduta wkoll sommarjament bil-Franċiż, bl-Ingliż u bil-Ġermaniż, flimkien ma’ riferiment għal sit internet b’informazzjoni b’lingwi oħra, inkluż il-Pollakk. Peress li din id-deċiżjoni ma ġietx appellata, din saret definittiva.

3.        Fil-proċeduri prinċipali, il-qorti Pollakka li għandha ġurisdizzjoni fuq il-kwistjoni għandha tiddeċiedi dwar rikors mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni dwar is-sanzjoni. Is-sewwieq jopponiha fuq il-bażi li huwa ma rċeviex verżjoni tradotta ta’ din id-deċiżjoni bil-Pollakk.

4.        F’ċirkustanzi bħal dawn, il-qorti Pollakka hija obbligata – skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (2) – sabiex tirrikonoxxi u tordna l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni? Inkella, din il-qorti għandha topponi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni minħabba ksur tad-dritt tas-sewwieq għal smigħ xieraq? Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-proċeduri.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Dritt tal-Unjoni

5.        Il-premessi 2 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jistabbilixxu:

“(2)      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu japplika għal penali finanzjarji mposti minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi sabiex jiġi faċilitat l-infurzar ta’ tali penali fi Stat Membru li ma jkunx dak l-Istat li fih ġew imposti l-penali.

[…]

(4) Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tkopri wkoll penali finanzjarji mposti għal reati tat-traffiku tat-triq.”

6.        L-Artikolu 1, intitolat, “Definizzjonijiet”, jipprevedi li, għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas:

“(a)      ‘deċiżjoni’ tfisser deċiżjoni finali li teħtieġ il-ħlas ta’ penali finanzjarja minn persuna fiżika jew ġuridika fejn id-deċiżjoni ttieħdet minn:

[…]

(ii)      awtorità ta’ l-Istat emittenti li ma tkunx qorti, fir-rigward ta’ reat kriminali skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti, sakemm il-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali;

[…]

(b)      ‘penali finanzjarja’ tfisser l-obbligu ta’ ħlas ta’:

(i)      somma ta’ flus imposta b’deċiżjoni wara kundanna fuq reat;

[…]”

7.        L-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, jindika l-kamp ta’ applikazzjoni u jistabbilixxi:

“Ir-reati li ġejjin, jekk huma kastigabbli fl-Istat emittenti u kif inhuma definiti mill-liġi ta’ l-Istat emittenti, għandhom, skond l-istipulazzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta’ l-att, jagħtu lok għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet:

[…]

–        kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq, inklużi l-ksur tar-regolamenti dwar il-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ u tar-regolamenti dwar merkanzija perikoluża,

[…]”

8.        L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jistabbilixxi li “[l]-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandhom jirrikonoxxu deċiżjoni li ġiet trasmessa skond l-Artikolu 4 mingħajr ma tkun neċessarja kwalunkwe formalità oħra u għandhom minnufiħ jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeċidix tinvoka waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 7”.

9.        L-Artikolu 7(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jikkonċerna r-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni, jipprevedi:

“Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2(ċ) u (g), qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix jew li ma tesegwix deċiżjoni, kompletament jew parzjalment, l-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezzi xierqa, u għandha, fejn xieraq, titlobha biex tforni kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien.”

10.      L-Artikolu 20(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprevedi li “[k]ull Stat Membru jista’ jopponi r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fejn iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 4 jagħti lok għal kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet fondamentali jew tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat. Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(3) għandha tapplika”.

B.      Id-dritt Pollakk

11.      L-Artikolu 611fg(1)(9) tal-Kodeks Postępowania Karnego (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) jippermetti lill-qrati Pollakki li jiċħdu l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar sanzjonijiet pekunjarji jekk il-kontenut taċ-ċertifikat juri li l-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni ma tkunx ġiet debitament informata bil-possibbiltà li tappella minn din id-deċiżjoni u d-dritt tiegħu jew tagħha li tagħmel dan.

C.      Id-dritt Olandiż

12.      Is-Centraal Justitieel Incassobureau (l-Aġenzija Ċentrali għall-Ġbir tal-Multi, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem iċ-“CJIB”) hija l-awtorità amministrattiva ċentrali responsabbli għall-ġbir u l-irkupru ta’ talbiet li jirriżultaw minn avviżi ta’ sanzjonijiet maħruġa b’rabta ma’ ksur imwettaq fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Avviż ta’ sanzjoni maħruġ miċ-CJIB jista’ jiġi appellat quddiem l-officier van justitie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi) fi żmien sitt ġimgħat.

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domanda preliminari

13.      Fil‑11 ta’ Lulju 2019, D.P. – ċittadin u resident Pollakk – ġie mwaqqaf fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-pulizija lokali. Bl-għajnuna ta’ interpretu li jitkellem bil-Pollakk, li ġie kkuntattjat permezz tat-telefon (iktar ’il quddiem “tolkentelefoon”), il-pulizija informaw lis-sewwieq, bil-Pollakk, li ġie mwettaq ksur tal-kodiċi tas-sewqan peress li l-vettura kienet qiegħda tinstaq b’żewġ tajers li ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-profil. Il-pulizija informaw ukoll lis-sewwieq li kienet sejra tiġi imposta fuqu multa ta’ EUR 210, li kellu d-dritt jibqa’ sieket, li kellu d-dritt għall-informazzjoni u traduzzjoni, u, finalment, tawh spjegazzjoni dwar il-mezzi sabiex jikkontesta l-multa.

14.      Fit‑22 ta’ Lulju 2019, id-deċiżjoni li imponiet il-multa (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) ġiet adottata u nnotifikata miċ-CJIB lis-sewwieq bil-posta. Din id-deċiżjoni kienet redatta bl-Olandiż, iżda kienet akkumpanjata minn (i) traduzzjoni bil-Franċiż, l-Ingliż u l-Ġermaniż tal-elementi prinċipali tagħha, u (ii) riferiment b’dawn il-lingwi għas-sit internet taċ-CJIB li jinkludi, bil-Pollakk ukoll, informazzjoni dwar, inter alia, il-mezzi disponibbli sabiex tiġi kkontestata d-deċiżjoni jew sabiex wieħed ifittex iktar informazzjoni miċ-CJIB.

15.      Id-deċiżjoni kkontestata saret definittiva f’Settembru 2019 peress li ma kinitx ġiet appellata.

16.      Fil‑21 ta’ Jannar 2020, is-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Śródmieścia w Łodzi (il-Qorti Distrettwali għal Łodzi-Śródmieścia, ta’ Łódź, il-Polonja) irċeviet rikors miċ-CJIB għall-eżekuzzjoni tas-sanzjoni pekunjarja imposta fuq is-sewwieq.

17.      Din il-qorti talbet liċ-CJIB sabiex tindika jekk id-deċiżjoni kkontestata ġietx ikkonsenjata lil D.P. flimkien ma’ traduzzjoni tagħha bil-Pollakk. Iċ-CJIB wieġbet fin-negattiv. Quddiem il-qorti tar-rinviju, D.P. ikkonferma li, f’Novembru/Diċembru 2019, huwa kien irċieva ittra mill-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, is-sewwieq sostna li huwa ma kienx kapaċi jifhem il-kontenut tal-ittra minħabba li ma kinitx tinkludi informazzjoni bil-Pollakk.

18.      Fis‑7 ta’ Lulju 2020, b’dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, is-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Śródmieścia w Łodzi (il-Qorti Distrettwali għal Łodzi-Śródmieścia, ta’ Łódź) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“In-notifika lill-persuna kkundannata ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja mingħajr ma tiġi pprovduta t-traduzzjoni tagħha f’lingwa li tinftiehem mill-persuna li lilha hija indirizzata tagħti dritt lill-awtorità tal-Istat responsabbli mill-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tiċħad l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Qafas [2005/214] minħabba ksur tad-dritt għal smigħ xieraq?”

19.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Prokuratura Rejonowa Łódź-Bałuty (il-Prosekutur Reġjonali ta’ Łódź, il-Polonja), il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak tal-Polonja, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet wieġbu wkoll bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Analiżi

20.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 (u, b’mod partikolari, l-Artikolu 20(3) tagħha) għandhomx jiġu interpretati li jippermettu lil qorti nazzjonali tal-Istat ta’ eżekuzzjoni sabiex topponi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni finali adottata mill-Istat li ta d-deċiżjoni li teħtieġ li sanzjoni pekunjarja tiġi mħallsa minn individwu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ sanzjoni”), fejn dan l-individwu ma ġiex innotifikat bi traduzzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’lingwa li hu jew hi jifhmu.

21.      F’dawn il-konklużjonijiet, wara xi rimarki preliminari intiżi li jiċċaraw id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (A), sejjer nittratta l-kwistjoni mqajma mid-domanda preliminari: individwu huwa intitolat jirċievi, skont id-Deċiżjoni Qafas 2005/214, traduzzjoni tad-deċiżjoni li qiegħda tiġi mfittxija l-eżekuzzjoni tagħha? (B)

A.      Rimarki preliminari: il-qafas ġuridiku rilevanti

22.      Qabelxejn, jista’ jkun utli li jiġi ċċarat il-qafas ġuridiku applikabbli għall-kawża inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali.

23.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, id-deċiżjoni ta’ sanzjoni kienet, skont id-dritt nazzjonali, ir-riżultat ta’ proċedura li inkludiet żewġ stadji: stadju “orali” li seħħ, bl-għajnuna ta’ interpretu, matul il-verifika fit-triq li twettqet mill-pulizija, u stadju “bil-miktub”, li seħħ diversi ġimgħat iktar tard quddiem iċ-CJIB. Id-deċiżjoni, li qiegħda tintalab l-eżekuzzjoni tagħha f’din il-kawża, hija għaldaqstant, dik mibgħuta lis-sewwieq b’posta elettronika, redatta bl-Olandiż, iżda b’sommarju tal-informazzjoni pprovdut bil-Franċiż, bl-Ingliż u bil-Ġermaniż, kif ukoll dettalji sabiex jiġi aċċessat is-sit internet taċ-CJIB fejn setgħet tinstab iktar informazzjoni, inkluż informazzjoni pprovduta bil-Pollakk.

24.      Proċedura (imħallta) bħal din hija pjuttost differenti mill-forma tal-proċedura mwettqa oralment u kompletament fil-pront, quddiem il-pulizija. Sabiex nipprovdi eżempju ta’ dan, wieħed jista’ jimmaġina sewwieq li jitwaqqaf immedjatament wara li jwettaq reat tat-traffiku (pereżempju, saq b’veloċità eċċessiva jew li ma waqafx meta s-sinjal tad-dawl tat-traffiku kien aħmar), li jaċċetta l-ksur osservat mill-pulizija u jingħata perijodu ta’ żmien sabiex iħallas is-sanzjoni mogħtija. F’dan ix-xenarju, il-proċedura sseħħ kompletament fil-preżenza tas-sewwieq, u d-deċiżjoni ta’ sanzjoni – jiġifieri, l-att li jista’ jiġi eżegwit – jiġi adottat dak il-ħin mill-pulizija.

25.      Dan ma huwiex il-każ fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali. F’din il-kawża, nifhem li hija biss id-deċiżjoni finali bil-miktub, maħruġa miċ-CJIB, li, skont id-dritt nazzjonali, tagħlaq il-proċedura amministrattiva.

26.      F’dan il-kuntest, x’inhuma d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma applikabbli u rilevanti f’dawn il-proċeduri?

27.      Fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni hija applikabbli għal din il-kawża.

28.      Il-qorti tar-rinviju ntalbet tirrikonoxxi u teżegwixxi deċiżjoni trażmessa skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Id-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita hija, skont l-Artikolu 1(a)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, “deċiżjoni finali li teħtieġ il-ħlas ta’ penali finanzjarja minn persuna fiżika jew ġuridika” li ngħatat minn “awtorità ta’ l-Istat emittenti li ma tkunx qorti, fir-rigward ta’ reat kriminali skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti, sakemm il-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali”. Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jinkludi “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq” fost il-ksur li, meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet rilevanti, għandu jirriżulta fir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni.

29.      Bil-maqlub, id-Direttiva (UE) 2015/413 (3) u d-Direttiva 2010/64/UE (4) – li ġew imsemmija bħala “sorsi ta’ ispirazzjoni” possibbli għall-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 kemm mill-qorti tar-rinviju u wħud mill-partijiet – ma humiex applikabbli ratione materiae għal din il-kawża.

30.      Id-Direttiva 2015/413, intiża li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, tapplika biss fir-rigward tal-ksur speċifiku elenkat fl-Artikolu 2 tagħha. Huwa stabbilit li din il-lista ma hijiex eżawrjenti (5). Il-ksur ta’ regoli li jikkonċernaw rekwiżiti tal-profil tat-tajers ma huwiex inkluż hemm. Barra minn hekk, kif isegwi b’mod partikolari mill-Artikolu 1, l-Artikolu 4(1) u l-premessi 2 u 8 tad-Direttiva 2015/413, l-għan ta’ dan l-istrument huwa li jiżgura l-effettività tal-investigazzjoni ta’ reati tat-traffiku relatati mas-sigurtà fit-toroq sabiex ikun possibbli li tiġi sussegwentement imposta sanzjoni fuq l-individwi responsabbli. L-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet ma hijiex is-suġġett tad-Direttiva 2015/413.

31.      Imbagħad, sa fejn hija kkonċernata d-Direttiva 2010/64 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, l-Artikolu 1(3) tagħha jistabbilixxi li “[m]eta l-liġi ta’ Stat Membru tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni fir-rigward ta’ reati żgħar minn awtorità li ma tkunx qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, u l-impożizzjoni ta’ tali sanzjoni tkun tista’ tiġi appellata f’qorti bħal din, din id-Direttiva għandha tapplika biss għall-proċedimenti quddiem dik il-qorti wara tali appell” (6). Il-premessa 16 tagħmilha ċara li “reati […] żgħar” jistgħu jinkludu “reati tat-traffiku li jitwettqu fuq skala kbira u li jistgħu jiġu stabbiliti wara kontroll tat-traffiku”. Din il-premessa tispjega wkoll li l-leġiżlatura tal-Unjoni kkunsidrat li “[f]’sitwazzjonijiet bħal dawn, ma jkunx raġonevoli li l-awtorità kompetenti tkun rikjesta tiżgura d-drittijiet kollha skont [id-Direttiva 2010/64]” (7).

32.      F’din il-kawża, l-individwu li kontrih intalbet l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma eżerċitax id-dritt tiegħu li jappella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti kompetenti tal-Pajjiżi l-Baxxi. Għalhekk, ma tressqu ebda proċeduri ġudizzjarji, li fihom setgħet tapplika d-Direttiva 2010/64. Anki li kieku kien il-każ, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/64 kienu jkunu applikabbli fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, mhux dawk li bħalissa jinsabu pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

33.      Għaldaqstant huwa ċar li s-sitwazzjoni inkwistjoni hija rregolata, sa fejn hija kkonċernata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, (biss) mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Naturalment, jekk din id-deċiżjoni qafas hija applikabbli wkoll mela hekk ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). F’din il-kawża, id-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jidher li huwa partikolarment rilevanti.

34.      Fid-dawl tal-preċedenti, issa sejjer indur għall-kwistjoni prinċipali mqajma minn dawn il-proċeduri.

B.      Dritt li persuna tirċievi traduzzjoni tad-deċiżjoni li qiegħda tiġi eżegwita skont id-Deċiżjoni Qafas 2005/214?

35.      Essenzjalment, id-domanda magħmula tqajjem il-kwistjoni dwar jekk, skont id-Deċiżjoni Qafas 2005/214, id-deċiżjoni ta’ sanzjoni, li qiegħda tiġi mitluba l-eżekuzzjoni tagħha, għandhiex, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, f’ċirkustanzi fejn din id-deċiżjoni ġiet redatta f’lingwa li ma hijiex il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tkun akkumpanjata minn traduzzjoni tagħha.

36.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv.

37.      L-ewwel, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 ma jinkludu ebda obbligu espress jew impliċitu sabiex tiġi pprovduta traduzzjoni tad-deċiżjoni oriġinali li qiegħda tiġi mfittxija l-eżekuzzjoni tagħha (1). It-tieni, ma joriġina ebda obbligu ġenerali sabiex tiġi pprovduta traduzzjoni, fil-fehma tiegħi, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt jew tad-drittijiet fundamentali li għalihom l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 japplika renvoi (2 u 3).

38.      Biex inkun ċar, dan ma jeskludix li, f’ċerti sitwazzjonijiet, in-nuqqas li tiġi pprovduta traduzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ sanzjoni jista’ potenzjalment jirriżulta fi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq tad-destinatarju, fil-kuntest ta’ proċeduri li seħħew fl-Istat li ta d-deċiżjoni, bir-riżultat ta’ ċaħda leġittimu tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li jirrikonoxxi u jeżegwixxi din id-deċiżjoni. Dan sempliċement ifisser li l-assenza ta’ traduzzjoni ma tirriżultax awtomatikament fi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq. Fil-fatt, il-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq tad-destinatarju teħtieġ evalwazzjoni speċifika għall-kawża taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. F’dan ir-rigward, fl-aħħar parti ta’ dawn il-konklużjonijiet, sejjer nipprova nipprovdi xi gwida lill-qorti tar-rinviju dwar kif għandha twettaq din l-evalwazzjoni f’din il-kawża (4).

1.      It-test u l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214

39.      L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jistabbilixxi li “[l]-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandhom jirrikonoxxu deċiżjoni li ġiet trasmessa skond l-Artikolu 4 mingħajr ma tkun neċessarja kwalunkwe formalità oħra u għandhom minnufiħ jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeċidix tinvoka waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 7” (8).

40.      Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija pjuttost ċara: meta l-awtoritajiet li jagħmlu t-talba josservaw il-formalitajiet stabbiliti f’din id-deċiżjoni qafas, l-awtoritajiet tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għandhom, bħala prinċipju, jirrikonoxxu deċiżjoni u jadottaw il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tagħha. L-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux jeħtieġu “kwalunkwe formalità oħra” mill-awtoritajiet li jagħmlu t-talba, u ma jistgħux jiċħdu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni sakemm ma tapplikax waħda minn dawn ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbiliti hemm. Dawn ir-raġunijiet huma elenkati fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, u skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tista’ tinsab raġuni oħra għan-nuqqas ta’ rikonoxximent fl-Artikolu 20(3) tagħha (9).

41.      F’dan il-kuntest, nosserva, l-ewwel, li ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 ma tinkludi, fost il-formalitajiet li għandhom jiġu osservati mill-awtoritajiet li jagħmlu t-talba, sabiex jitħallew ifittxu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja fuq individwu, li tiġi pprovduta traduzzjoni ta’ din id-deċiżjoni (10).

42.      It-tieni, nuqqas li tiġi pprovduta traduzzjoni tad-deċiżjoni li qiegħda tiġi eżegwita ma huwiex inkluż fost ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Dan huwa partikolarment sinjifikattiv peress li t-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jinkludi nuqqasijiet li – bħal dak allegat f’dawn il-proċeduri – jistgħu potenzjalment jaffettwaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ difiża tad-destinatarju. Fost dawk inklużi espressament, wieħed isib, b’mod partikolari, in-nuqqas li l-persuna tingħata informazzjoni adegwata rigward tar-rimedji legali disponibbli (l-Artikolu 7(2)(g)), li l-persuna titressaq quddiem il-qorti kompetenti b’mod xieraq (l-Artikolu 7(2)(i)(i)), jew li l-persuna tiġi nnotifikata bid-deċiżjoni b’mod xieraq (l-Artikolu 7(2)(i)(iii)).

43.      Barra minn hekk, jidhirli li l-għan imfittex mid-Deċiżjoni Qafas 2005/214 ma jsostnix interpretazzjoni stretta tal-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-deċiżjoni qafas.

44.      Bħalma enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandha l-għan “li tistabbilixxi mekkaniżmu effettiv għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni transkonfinali ta’ deċiżjonijiet li jimponu b’mod definittiv sanzjoni pekunjarja fuq persuna fiżika jew ġuridika” (11). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll li “l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fuqu hija bbażata l-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas” jimplika li “r-raġunijiet għar-rifjut ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni [ta’ deċiżjoni trażmessa skont l-Artikolu 4] għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv” (12).

45.      Tali konstatazzjonijiet huma konsistenti mar-raison d’être ta’ dan l-istrument: għal għanijiet ta’ eżekuzzjoni, id-deċiżjoni bażi tiġi (metaforikament) “assorbita” fid-dokument li, fil-qosor u b’mod skematiku, jagħti sommarju tagħha u jispjegaha: iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, li l-formola standard tiegħu hija mogħtija fl-Anness tagħha. Skont il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, l-Istat ta’ eżekuzzjoni għandu jafda l-kontenut taċ-ċertifikat, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet għall-kuntrarju. Dan jispjega għaliex l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jirregola r-rekwiżiti tal-lingwa taċ-ċertifikat, u mhux tad-deċiżjoni bażi (13).

46.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 16(2) jidher li għandu sens. Dan jaqra: “L-esekuzzjoni tad-deċiżjoni tista’ tiġi sospiża għaż-żmien meħtieġ biex tinkiseb it-traduzzjoni tagħha, li għandha titħallas mill-Istat ta’ esekuzzjoni.”. Din id-dispożizzjoni tikkonferma li, skont id-Deċiżjoni Qafas 2005/214: (i) dak li huwa essenzjali, fl-istadju tal-eżekuzzjoni, huwa l-lingwa taċ-ċertifikat, u (ii) traduzzjoni tad-deċiżjoni oriġinali ma hijiex awtomatikament meħtieġa.

47.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 ma jista’ jirriżulta ebda rekwiżit espress jew impliċitu sabiex individwu jiġi pprovdut bi traduzzjoni sħiħa ta’ din id-deċiżjoni f’lingwa speċifika, liema individwu qiegħda titfittex l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ sanzjoni kontrih.

48.      Madankollu, f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tindika l-Artikolu 20(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li skontu “[k]ull Stat Membru jista’ jopponi r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fejn iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 4 jagħti lok għal kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet fondamentali jew tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat” (14).

49.      Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, in-nuqqas li d-destinatarju jiġi pprovdut bi traduzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jirriżulta fi ksur tal-prinċipju ġenerali rigward it-traduzzjoni ta’ dokumenti li huma ta’ preġudizzju għal individwi, minn naħa, u, jirriżultaw fi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, min-naħa l-oħra.

50.      Issa sejjer neżamina dawn il-kwistjonijiet.

2.      Dritt għal traduzzjoni bħala kwistjoni ta’ prinċipju ġuridiku fundamentali tad-dritt tal-Unjoni?

51.      L-ewwel, il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li l-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika, fid-Deċiżjoni Qafas 2005/214, dwar is-sistema tal-lingwa tad-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita hija minħabba d-data tal-adozzjoni tagħha, illum pjuttost distanti. Il-qorti tar-rinviju ssostni li r-rieda (attwali) tal-leġiżlatur tal-Unjoni dwar din il-kwistjoni tista’ tiġi dedotta mid-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw rekwiżiti tal-lingwa li ġew inklużi fi strumenti legali iktar reċenti adottati fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tindika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/64 u d-Direttiva 2015/413, li jinkludu ċerti obbligi fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jipprovdu traduzzjoni tad-deċiżjonijiet li tkun qiegħda titfittex l-eżekuzzjoni tagħhom.

52.      Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju qiegħda tissuġġerixxi l-estrazzjoni, minn strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni, ta’ prinċipju ġenerali li jkun jeħtieġ lill-awtoritajiet jipproduċu, f’sitwazzjonijiet bħal dawn inkwistjoni, traduzzjoni ta’ kwalunkwe att li għandu effetti negattivi fuq individwu, fil-lingwa materna tiegħu jew tagħha (jew, possibbilment, fi kwalunkwe lingwa oħra li hu jew hi jifhmu).

53.      Dan l-argument ma jikkonvinċinix.

54.      L-ewwel, f’BV, jiena kelli l-opportunità nispjega għaliex ma nemminx li l-Qrati tal-Unjoni għandhom jagħtu importanza kbira għall-allegat ħsieb leġiżlattiv tal-leġiżlatur meta tali ħsieb ma jkun espress b’mod ċar imkien fil-leġiżlazzjoni adottata u valida. Fil-fehma tiegħi, dak li huwa importanti fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni huma l-elementi inklużi fit-test, flimkien mal-ħsieb leġiżlattiv espress fil-preambolu. Bil-maqlub, l-intenzjonijiet u l-ideat attwalment jew allegatament espressi matul il-proċess leġiżlattiv, li madankollu ma jinstabu mkien fit-test tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, ma għandux ikollhom rilevanza (15).

55.      Dan għandu jkun il-każ a fortiori fir-rigward tal-allegata intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li għandha tiġi dedotta mhux minn dokumenti li kienu parti mill-proċess leġiżlattiv rilevanti, iżda minn atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni adottati wara l-adozzjoni tal-att inkwistjoni u, barra minn hekk, li ma humiex relatati miegħu.

56.      It-tieni, u fi kwalunkwe każ, ma iniex konvint li l-allegata intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni speċifikament li jipprovdi għal traduzzjoni ta’ deċiżjonijiet li jipproduċu effetti negattivi fuq l-individwi tista’ tiġi dedotta minn atti oħra tal-Unjoni. Ħarsa ta’ malajr lejn id-dispożizzjonijiet rilevanti inklużi f’diversi strumenti legali turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni, bħala stat ta’ fatt, segwa varjetà ta’ approċċi dwar din il-kwistjoni.

57.      Pereżempju, id-direttivi tal-Unjoni adottati fil-qasam tal-proċedura kriminali, bir-raġun, jipprovdu livell ta’ protezzjoni ogħla lil individwi suġġetti għal proċeduri. Madankollu, dawn id-direttivi tal-Unjoni ma jurux tendenza uniformi. Id-Direttiva 2010/64 teħtieġ traduzzjoni tad-“dokumenti essenzjali”, “bil-lingwa materna tal-persuni suspettati jew akkużati jew bi kwalunkwe lingwa oħra li dawn jitkellmu” (16). Id-Direttiva 2012/13/UE dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (17) teħtieġ li l-Istati Membri “jiżguraw li suspettati jew persuni akkużati, li jiġu arrestati jew detenuti jkunu provduti fil-pront b’Ittra tad-Drittijiet bil-miktub”. Din l-ittra għandha tiġi redatta mill-ġdid “b’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli”, “b’lingwa li jifhmu” (18).

58.      Lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jikkonċernaw il-proċeduri kriminali, l-individwi normalment ma jistgħux jiksbu drittijiet tal-lingwa suġġettivi minn strumenti leġiżlattivi tal-Unjoni f’diversi oqsma ta’ regolazzjoni tal-Unjoni. Jekk l-istrumenti leġiżlattivi b’xi mod jindirizzaw kwistjonijiet tal-lingwa, dan normalment jagħmluh bl-għan li jiffaċilitaw l-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri. Anki jekk is-sitwazzjoni tad-destinatarju tittieħed inkunsiderazzjoni, ma hemm ebda garanzija li hu jew hi sejrin jifhmu d-dokument inkwistjoni, peress li dan id-dokument jista’ jiġi kkonsenjat lilhom, pereżempju, bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn din il-persuna tkun iddomiċiljata (19), jew bil-lingwa tal-Istat Membru fejn il-vettura involuta f’reat tat-traffiku tkun irreġistrata (20).

59.      Għaldaqstant, fl-Unjoni, bħalissa ma hemm ebda approċċ uniku rigward is-sistema tal-lingwa tad-dokumenti nnotifikati b’mod transkonfinali. Skont is-suġġett speċifiku tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni, ir-rekwiżit għall-awtoritajiet tal-Istat Membru li jressaq it-talba sabiex jipprovdu dokumenti u/jew informazzjoni bil-lingwa tad-destinatarju tal-att jista’ jkun iktar jew inqas sinjifikattiv. Għalhekk, ma naħsibx li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/64 u d-Direttiva 2015/413 (jew, f’dan ir-rigward, kwalunkwe strument ieħor) jistgħu jiġu interpretati bħala indikattivi ta’ intenzjoni attwali jew ġenerali tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li tkun l-istess ħaġa irrispettivament mill-istrument legali kkonċernat – anki bl-assunzjoni (quod non) li din l-intenzjoni hija ermenewtikament rilevanti.

60.      Jekk xejn, l-oppost huwa minnu. L-interpretazzjoni proposta mill-qorti tar-rinviju tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jidher li diffiċli tiġi rrikonċiljata mal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ċari tad-Direttiva 2015/413 u d-Direttiva 2010/64.

61.      Minn naħa, l-estensjoni tar-rekwiżit tat-traduzzjoni għad-deċiżjonijiet kollha li jeżegwixxu sanzjonijiet imposti fir-rigward ta’ kwalunkwe ksur tar-reati tat-traffiku hija ekwivalenti għall-esklużjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2015/413 minn din il-leġiżlazzjoni. Fil-fatt, kif imsemmi fil-punt 30 iktar ’il fuq, il-lista ta’ ksur stabbilit hawn hija eżawrjenti.. Barra minn hekk, l-għan ta’ dan l-istrument huwa differenti minn dak segwit mid-Deċiżjoni Qafas 2005/214, u huwa għalhekk li għandha tiġi eżerċitata kawtela meta jitqabblu dawn iż-żewġ strumenti.

62.      Min-naħa l-oħra, il-premessa 16 tad-Direttiva 2010/64 turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li, f’każijiet ta’ reati minuri bħal dawk relatati mat-traffiku, fejn is-sanzjoni tiġi imposta minn awtorità amminsitrattiva “ma jkunx raġonevoli li l-awtorità kompetenti tkun rikjesta tiżgura d-drittijiet” għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni inklużi fiha (21). Din id-dikjarazzjoni tissuġġerixxi wkoll li saret għażla ċara, f’dan il-qasam, mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

63.      L-argument li skontu d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ strumenti leġiżlattivi iktar reċenti huwa iktar stramb jekk wieħed jikkunsidra li l-leġiżlatur tal-Unjoni emenda din id-deċiżjoni qafas fl‑2009 (22), mingħajr ma introduċa xi dispożizzjoni speċifika dwar dan il-punt. Il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu opportunità kbira matul id-deċennju ta’ wara dawn l-emendi sabiex jerġa’ jemenda t-test ta’ din id-deċiżjoni qafas, li kieku ried jagħmel hekk. Madankollu, b’mod ċar għażel li ma jagħmilx hekk.

64.      Biex nikkonkludi dwar dan il-punt, u irrispettivament mill-allegata intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, ma nista’ nsib ebda prinċipju ġenerali li jkun jeħtieġ lill-awtoritajiet nazzjonali jipproduċu, f’sitwazzjonijiet bħal din inkwistjoni, traduzzjoni ta’ xi att li jkollu effetti negattivi fuq individwu, bil-lingwa materna tiegħu jew tagħha (jew, possibbilment, bi kwalunkwe lingwa oħra li hu jew hi jifhmu).

65.      Fuq nota relatata, jiena nara konferma oħra, anki jekk indiretta, tal-assenza ta’ prinċipju ġenerali dwar din il-kwistjoni fid-diversi regoli tal-Unjoni li jikkonċernaw il-konsegwenzi potenzjali li joriġinaw minn nuqqas ta’ komunikazzjoni, b’lingwa partikolari, ta’ att li jkun qiegħed jiġi nnotifikat jew li r-rikonoxximent tiegħu jkun qiegħed jiġi mfittex, jew l-informazzjoni relatata ma’ dan l-att. Fil-fatt, f’ħafna strumenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ppreveda ebda regola speċifika f’dan ir-rigward (23). Fejn għamel hekk, dawn ir-regoli huma kkaratterizzati minn livell sostanzjali ta’ diversità (24).

66.      Għalhekk jidher pjuttost eżaġerat li wieħed jaħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, sempliċement fuq il-bażi tad-dritt għal smigħ xieraq żgurat fl-Artikolu 47 tal-Karta, tislet dmir ġenerali li jeħtieġ lill-awtoritajiet amministrattivi kollha fl-Istati Membri jipproduċu, f’sitwazzjonijiet transkonfinali, traduzzjoni sħiħa ta’ kwalunkwe att li jkollu effetti negattivi fuq individwu fil-lingwa materna tiegħu jew tagħha (jew kwalunkwe lingwa oħra li hu jew hi jifhmu).

67.      Anki d-Direttiva 2010/64 – li, kif imsemmi fil-punti 29 u 32 iktar ’il fuq, ma hijiex applikabbli għal din il-kawża – teħtieġ traduzzjoni sħiħa tad-“dokumenti essenzjali” biss (25). Dan huwa l-każ, irrispettivament mill-fatt li d-Direttiva 2010/64 hija espressament maħsuba sabiex tmur lil hinn mill-“istandards minimi” stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u l-Karta (26).

68.      L-oneru impost fuq l-amministrazzjoni nazzjonali b’tali dmir ikun sinjifikattiv u, ta’ sikwit, bla dubju li sproporzjonat. Huwa għalhekk żgur mhux b’kumbinazzjoni, fil-fehma tiegħi, li ma jista’ jinstab ebda obbligu daqstant ġenerali fid-dritt primarju jew sekondarju tal-Unjoni. L-abbozzaturi tat-Trattati u l-leġiżlatur tal-Unjoni konsistentement adottaw approċċ pjuttost kawt u prammatiku fir-rigward tad-drittijiet tal-lingwa. Lil hinn sew mill-problemi prattiċi identifikati iktar ’il fuq, kemm l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma konxji wkoll li l-adozzjoni ta’ regoli dwar lingwi tista’ tinvolvi għażliet li jkunu, xi drabi, politikament u/jew soċjalment delikati.

69.      Wieħed jista’ wkoll isib l-istess kawtela u prammatiżmu fir-rigward ta’ drittijiet tal-lingwa fil-prattika tal-ġudikatura tal-Unjoni. Pereżempju, meta mitluba sabiex jirrikonoxxu u jipproteġu drittijiet lingwistiċi li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni, il-Qrati tal-Unjoni ħadmu sabiex jiżguraw li l-individwi affettwati jiġu protetti, filwaqt li ħallew lill-awtoritajiet kompetenti ċertu marġni ta’ diskrezzjoni (27). Iktar importanti, ma hemm ebda traċċa fil-ġurisprudenza tal-Unjoni ta’ dmir ġenerali, impost fuq l-amministrazzjoni nazzjonali, sabiex tipproduċi traduzzjoni ta’ xi dokument innotifikat jew eżegwit barra ’l pajjiż.

70.      Fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat, jiena nikkonkludi li, kif inhu d-dritt tal-Unjoni attwalment, ma hemm ebda prinċipju ġenerali li jeħtieġ lill-awtoritajiet amministrattivi kollha fl-Istati Membri sabiex jipproduċu traduzzjoni sħiħa ta’ kwalunkwe att li jkollu effetti negattivi fuq individwu bil-lingwa tiegħu jew tagħha (jew kwalunkwe lingwa oħra li hu jew hi jifhmu).

3.      Ksur tad-dritt għal smigħ xieraq fil-proċeduri prinċipali?

71.      Il-kwistjoni li issa teħtieġ li tiġi kkunsidrata hija jekk in-nuqqas li tiġi prodotta verżjoni tradotta tad-deċiżjoni kkontestata bil-Pollakk (jew lingwa oħra li d-destinatarju seta’ jifhem) inevitabbilment tirriżultax, fil-proċedura amministrattiva oriġinali, fi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jaffettwa r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni sussegwenti ta’ din id-deċiżjoni (28).

72.      Jiena ma naħsibx.

73.      Jidhirli li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu l-fehma li l-ksur tad-dritt ta’ individwu għal smigħ xieraq, f’kawża bħal din, jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża.

74.      Isegwi mill-Artikolu 6(3) TUE u l-Artikolu 52(3) tal-Karta li l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat u applikat konsistentement mal-Artikolu 6 KEDB (iktar ’il quddiem id-“dritt għal smigħ xieraq”) (29). Huwa aċċettat b’mod ġenerali mill-partijiet f’dawn il-proċeduri li, fi ħdan it-tieni dispożizzjoni, il-paragrafu 3 – li jikkonċerna lil persuni “akkużat[i] b’reat kriminali” – huwa applikabbli f’din il-kawża.

75.      Jiena naqbel. Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat reċentement f’B (30), reati tat-traffiku, inkluż dawk minuri, ġeneralment jikkostitwixxu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, “reati kriminali” għall-għanijiet tal-Artikolu 6 KEDB, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħhom skont id-dritt nazzjonali (31). Barra minn hekk, il-qorti ta’ Strasbourg għamlitha ċara li d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(3) KEDB għandhom jiġu żgurati fl-istadji kollha tal-proċedura, inkluż l-istadju prekontenzjuż (32).

76.      Fost id-“drittijiet minimi” li, skont l-Artikolu 6(3) KEDB, għandhom ikunu żgurati lil kull min jiġi akkużat b’reat kriminali, wieħed isib id-dritt “li jkun infurmat minnufih, b’lingwa li jifhem u fid-dettal, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tiegħu” (punt a). L-informazzoni li għandha tingħata lill-individwu inkwistjoni, b’lingwa li hu jew hi jifhmu, tinkludi – bħalma ċċarat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – mhux biss “il-motivazzjoni tal-akkuża, jiġifieri l-atti li allegatament huwa wettaq u li fuqhom hija bbażata l-akkuża, iżda anki l-karatterizzazzjoni ġuridika mogħtija lil dawn l-atti” (33) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

77.      Din l-informazzjoni għandha tkun iddettaljata biżżejjed (34) sabiex tippermetti lill-individwu inkwistjoni jeżerċita d-dritt ta’ difiża tiegħu jew tagħha effettivament u prattikament, b’mod partikolari “billi [j]ressaq lill‑qorti l-verżjoni [tiegħu] tal-fatti” (35) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem indikat li l-adegwatezza tal-informazzjoni ma tistax tiġi stabbilita fl-astratt, iżda “tvarja skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża” (36) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

78.      Rigward, b’mod iktar speċifiku, il-lingwa li biha l-informazzjoni għandha tingħata, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonkludiet li din ma għandhiex neċessarjament tkun il-lingwa materna tal-individwu inkwistjoni (37). Din tista’ tkun, b’mod partikolari, il-lingwa tal-Istat Membru fejn iseħħu l-proċeduri, sakemm il-persuna inkwistjoni għandha “għarfien suffiċjenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ din il-lingwa (38). Fin-nuqqas ta’ dan, skont il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 6(3) KEDB, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bi kwalunkwe lingwa oħra li l-persuna kapaċi tifhem (39). Il-kmand suffiċjenti tal-lingwa użata għall-komunikazzjoni għandu jiġi evalwat, inter alia, fir-rigward tan-natura tar-reat li bih ġie akkużat il-konvenut u l-kumplessità tal-komunikazzjonijiet indirizzati lilu mill-awtoritajiet rilevanti (40). L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa sabiex jużaw il-mezzi kkunsidrati l-iktar idonei sabiex jivverifikaw dan (41).

79.      Dwar il-mod li bih l-akkużat għandu jiġi informat bin-natura u r-raġunijiet għall-akkuża magħmula kontrih jew kontriha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat li l-Artikolu 6(3) KEDB ma jistabbilixxi ebda forma partikolari (42). L-informazzjoni rilevanti mhux neċessarjament “tingħata bil-miktub jew tiġi tradotta bil-miktub” (43) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Konsegwentement, “għajnuna lingwistika orali tista’ tissodisfa r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni” (44) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Sa fejn hija kkonċernata t-traduzzjoni ta’ dokumenti, l-Artikolu 6(3) KEDB “ma jestendix sal-punt li tista’ tintalab traduzzjoni bil-miktub ta’ kull prova dokumentali jew dokument uffiċjali fil-proċess” (45) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

80.      Fil-qosor, isegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem imsemmija iktar ’il fuq li (i) id-determinazzjoni ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq teħtieġ evalwazzjoni każ b’każ, (ii) l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata għandha tkun iddettaljata biżżejjed sabiex tippermetti lill-akkużat jeżerċita d-dritt ta’ difiża tiegħu jew tagħha prattikament u effettivament, (iii) din l-informazzjoni tista’ tingħata bi kwalunkwe lingwa li l-persuna tifhem u, skont il-każ, anki oralment, u (iv) ma hemm ebda bżonn li tiġi pprovduta traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti kollha.

81.      Dawn il-prinċipji – li jeskludu kwalunkwe awtomatiżmu u jindikaw ċerta souplesse – jidhru saħansitra iktar validi fir-rigward ta’ kawżi bħal din. Fil-fatt, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stess konsistentement irrikonoxxiet li hemm “akkużi kriminali” ta’ piż differenti u li, f’sitwazzjonijiet li jaqgħu lil hinn mill-qalba tad-dritt kriminali, il-garanziji marbuta mal-aspett kriminali stabbiliti fl-Artikolu 6(3) KEDB “ma għandhomx japplikaw neċessarjament fis-saħħa kollha tagħhom” (46) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan huwa l-każ, fil-fehma tiegħi, speċjalment fil-każ ta’ reati tat-traffiku minuri bħal dan inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali (47).

82.      Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Unjoni, għandu jiġi indikat li l-Qorti ta-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità tipproduċi organu ta’ ġurisprudenza dwar id-dritt għal smigħ xieraq li huwa estensiv u ddettaljat daqs dak żviluppat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Madankollu, fid-deċiżjonijiet tagħha mogħtija sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja frekwentement u espressament iċċitat is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward l-Artikolu 6(3) KEDB u “inkorporat” il-prinċipji li joriġinaw minnhom fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (48).

83.      Bl-istess mod, fir-rigward tad-dritt għad-difiża u d-dritt għal rimedju effettiv – li, f’kawża bħal din inkwistjoni, huma neċessarjament marbuta flimkien mad-dritt għal smigħ xieraq – il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement: “l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, b’mod partikolari n-natura tal-att inkwistjoni, il-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u r-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat” (49).

84.      Huwa importanti li ġie adottat approċċ simili fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-drittijiet tal-akkużat li jirċievi informazzjoni adegwata skont id-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Fil-kawża CJIB, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jgawdu ċerta flessibbiltà fir-rigward tal-mod li bih għandha tiġi kkomunikata din l-informazzjoni. Dak li verament jgħodd huwa li “n-notifika tkun effettiva u l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża jkun żgurat” (50), li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika fil-kawża speċifika (51).

85.      Fid-dawl tal-preċedenti, jiena marbut nikkonkludi li determinazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur ta’ dritt għal smigħ xieraq, f’ċirkustanzi bħal dawn inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali, teħtieġ lill-qorti tar-rinviju teżamina ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-kawża sabiex tistabbilixxi jekk l-individwu inkwistjoni kienx kapaċi jikseb, f’lingwa li jifhem, biżżejjed informazzjoni dwar ir-reat li huwa akkużat bih, li tippermettilu jeżerċita d-dritt tiegħu għad-difiża b’mod xieraq.

86.      L-interpretazzjoni tiegħi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jidher ukoll li hija kkonfermata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 20(3) tagħha, li jippermetti ċ-ċaħda tal-eżekuzzjoni “fejn iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 4 jagħti lok għal kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet fondamentali jew tal-prinċipji legali fondamentali” (52). Din id-dispożizzjoni tissuġġerixxi li ċaħda ma tistax tkun ibbażata fuq raġunijiet astratti jew ġenerali, iżda teħtieġ li l-qorti ta’ eżekuzzjoni tevalwa ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull kawża, kif jirriżultaw mill-proċess (53).

87.      Tali interpretazzjoni jidher ukoll li hija iktar konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipji ta’ rikonoxximent u fiduċja reċiproċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li dawn il-prinċipji jeħtieġu li l-Istati Membri, jikkunsidraw “b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja […] ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni” (54). Għalhekk, fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu “jkunu meħtieġa […] jippreżumu r-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri l-oħra” (55).

88.      Fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat iktar ’il fuq, nikkonkludi li l-fatt li deċiżjoni bħal din inkwistjoni fil-proċedura prinċipali ma ġietx innotifikata lid-destinatarju flimkien ma’ traduzzjoni b’lingwa li seta’ jifhem ma jirriżultax inevitabbilment, fil-proċedura amministrattiva oriġinali, fi ksur ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jew fi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq.

89.      Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju għandha, fil-fehma tiegħi, tkun li l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 ma jistax jiġi interpretat li jippermetti qorti nazzjonali tiċħad ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sempliċement minħabba li d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx tradotta għall-Pollakk.

90.      Madankollu, l-Artikolu 20(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas ma tippermettix lil qorti nazzjonali topponi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni jekk, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni speċifika għall-kawża taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, din tikkonkludi li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li ressaq it-talba ma pprovdewx lill-akkużat b’informazzjoni biżżejjed dwar in-natura u l-kawża tal-ksur b’lingwa li hu jew hi setgħu jifhmu.

91.      Hija evidentement il-qorti tar-rinviju li għandha twettaq tali evalwazzjoni f’din il-kawża.(56) Madankollu, sabiex ngħin lil din il-qorti, sejjer nipprova nipprovdi xi gwida fir-rigward tal-kawża speċifika, fid-dawl tal-informazzjoni magħmula disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.      Din il-kawża

92.      Fuq il-bażi tal-informazzjoni inkluża fil-proċess, fil-fehma tiegħi ma huwiex ovvju li fil-fatt kien hemm ksur tad-dritt tas-sewwieq għal smigħ xieraq. Fl-istess ħin, madankollu, wieħed ma jistax kompletament jelimina din il-possibbiltà. Konstatazzjoni f’dan is-sens mill-qorti tar-rinviju għalhekk tkun teħtieġ ċerta prudenza, u evalwazzjoni ddettaljata tas-sitwazzjoni inkwistjoni.

93.      Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi spjega li, b’mod konformi ma’ proċeduri stabbiliti, il-pulizija lokali informat lis-sewwieq bil-Pollakk, permezz ta’ interpretu kkuntattjat fuq it-telefon, dwar: (i) il-ksur allegat tal-kodiċi tat-traffiku li kien wettaq, (ii) l-ammont tas-sanzjoni imposta, (iii) id-dritt tiegħu li jibqa’ sieket, (iv) il-possibbiltà li jikkontesta s-sanzjoni imposta fuqu, u (v) id-drittijiet għal għajnuna legali, kif ukoll għal traduzzjoni u interpretazzjoni.

94.      Madankollu, kif imsemmi fil-punt 24 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni li qiegħda tiġi eżegwita f’dawn il-proċeduri ma ġietx adottata mill-pulizija, immedjatament u fuq il-post, fil-preżenza tas-sewwieq (assistit minn interpretu). Din id-deċiżjoni ġiet imħabbra f’dak il-mument biss, u adottata sussegwentement miċ-CJIB. Id-deċiżjoni, redatta bl-Olandiż, imbagħad intbagħtet lis-sewwieq bil-posta, u kienet tinkludi spjegazzjonijiet oħra bil-Franċiż, bl-Ingliż u bil-Ġermaniż, kif ukoll riferiment b’dawn il-lingwi għas-sit internet taċ-CJIB fejn hija pprovduta informazzjoni bil-Pollakk.

95.      Għalhekk, is-sewwieq seta’ leġittimament iwarrab id-deċiżjoni u l-informazzjoni relatata pprovduta fl-ittra li rċieva mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, u validament jinvoka l-injoranza tiegħu dwar id-deċiżjoni li qiegħda tiġi eżegwita?

96.      F’dan ir-rigward, naqbel mal-Gvern Pollakk li individwu li jsib ruħu f’sitwazzjoni bħal dik tas-sewwieq ma jistax ikun mistenni attivament li jfittex l-informazzjoni li l-awtoritajiet naqsu li jikkomunikawlu b’lingwa li hu jew hi jistgħu jifhmu (57).

97.      Madankollu, ma nemminx li l-evalwazzjoni f’din il-kawża tista’ verament tieqaf hawn. Hija primarjament ir-responsabbiltà tal-persuni kkonċernati sabiex jeżerċitaw id-diliġenza kollha meħtieġa sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom (58). Barra minn hekk, bħalma l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat b’mod konsistenti, bħala prinċipju “la l-ittra u lanqas l-ispirtu tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ma jipprekludu persuna milli tirrinunzja minn jeddha, b’mod espress jew taċitu, għall-intitolament għall-garanziji ta’ smigħ xieraq” (59) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

98.      Il-qorti tar-rinviju għalhekk għandha tevalwa bir-reqqa s-sitwazzjoni fil-kawża inkwistjoni peress li mhux is-sitwazzjonijiet kollha huma l-istess. B’mod partikolari, nara differenza bejn żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet.

99.      Minn naħa, hemm il-proċeduri sħaħ tal-in absentia. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, individwu jista’ fil-fatt jirċievi, kompletament bla mistenni, ittra minn Stat Membru ieħor, b’lingwa li hu jew hi ma jifhmux, rigward allegat ksur tal-liġijiet ta’ dan l-Istat Membru, li hu jew hi ma kellhom ebda preavviż tagħhom.

100. Min-naħa l-oħra, hemm sitwazzjonijiet fejn individwu jirċievi ittra minn Stat Membru ieħor wara li diġà jkun ipparteċipa f’xi tip ta’ proċeduri f’dan l-Istat Membru. Tali ittra, minkejja li tkun redatta f’lingwa li hu jew hi ma jifhmux, jidher li tikkonċerna allegat ksur li s-sewwieq diġà kien ġie mgħarraf bih, u li essenzjalment tirrepeti l-informazzjoni li hu jew hi diġà kienu ngħataw dak il-ħin stess.

101. Jidhirli li ksur tad-dritt għal smigħ xieraq huwa ħafna iktar probabbli fl-ewwel xenarju milli fit-tieni wieħed. Ovvjament, ma jistax jiġi eskluż li, anki fit-tieni xenarju, jista’ jkun hemm ksur tad-drittijiet tad-destinatarju. Dan ikun il-każ, pereżempju, meta d-deċiżjoni finali nnotifikata tvarja, b’xi mod sinjifikattiv, mill-informazzjoni li kienet preċedentement ipprovduta, bir-riżultat ta’ sitwazzjoni fejn l-akkużat jista’ ma jkunx kapaċi jeżerċita d-dritt tiegħu jew tagħha għad-difiża adegwatament. Madankollu, fejn ma hemm ebda differenza sinjifikattiva bejn id-deċiżjoni finali u l-elementi prinċipali li diġà ġew ikkomunikati lid-destinatarju oralment, insibha iktar diffiċli naċċetta l-argument tad-destinatarju li skontu hu jew hi ma kinux kapaċi jifhmu jew jiddeduċu dwar xiex kienet l-ittra li rċevew mill-awtoritajiet barranin.

102. Madankollu, kif ġie spjegat, finalment hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel kwalunkwe determinazzjoni f’dan ir-rigward. Essenzjalment, il-qorti nazzjonali għandha tistabbilixxi jekk, minkejja l-fatt li d-deċiżjoni taċ-CJIB ġiet redatta b’lingwa li d-destinatarju ma kienx jifhem, is-sewwieq kien preċedentement irċieva, mingħand il-pulizija, biżżejjed informazzjoni dwar, b’mod partikolari, ir-reat li bih kien akkużat, il-konsegwenzi li rriżultaw minnu, u l-mezzi legali disponibbli lilu sabiex jikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-pulizija. Fi ħdan din l-evalwazzjoni tad-dritt għal smigħ xieraq, għandha tingħata attenzjoni għall-proċeduri kollha fl-Istat Membru li jagħmel it-talba u l-informazzjoni kollha mogħtija lis-sewwieq matul dawn il-proċeduri.

103. Jekk din il-qorti jkollha xi dubju dwar il-liġijiet applikabbli tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-fatti rilevanti, tista’ tiġi mfittxija l-għajnuna mill-awtoritajiet tal-Istat li ta d-deċiżjoni. Fil-fatt, kif isegwi mill-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, “qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix jew li ma tesegwix deċiżjoni, kompletament jew parzjalment, l-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezzi xierqa, u għandha, fejn xieraq, titlobha biex tforni kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien”.

104. Kif isegwi mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 7(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-konsultazzjoni hija mandatorja u għandha titwettaq qabel il-konsenja ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tiċħad, kompletament jew parzjalment, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ sanzjoni. Wara kollox, din id-dispożizzjoni hija manifestazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera, li huma l-bażi tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.

105. Fid-dawl tal-preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fis-sens li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jipprekludu qorti nazzjonali milli topponi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni finali li teħtieġ il-ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja minn individwu, adottata minn awtorità amministrattiva tal-Istat li ta d-deċiżjoni, sempliċement fuq il-bażi li dan l-individwu ma ġiex innotifikat bi traduzzjoni ta’ din id-deċiżjoni b’lingwa li hu jew hi jifhmu.

106. Il-qorti nazzjonali tista’, fuq il-bażi tal-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, topponi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni jekk, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, tasal għall-konklużjoni li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li ressaq it-talba ma pprovdewx lill-akkużat b’biżżejjed informazzjoni dwar in-natura u l-kawża tal-ksur b’lingwa li hu jew hi setgħu jifhmu.

V.      Konklużjoni

107. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Śródmieścia w Łodzi (il-Qorti Distrettwali għal Łodzi-Śródmieścia, ta’ Łódź, il-Polonja) kif ġej:

–        Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji jipprekludu qorti nazzjonali milli topponi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni finali li teħtieġ il-ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja minn individwu, adottata minn awtorità amministrattiva tal-Istat li ta d-deċiżjoni, sempliċement fuq il-bażi li dan l-individwu ma ġiex innotifikat bi traduzzjoni ta’ din id-deċiżjoni b’lingwa li hu jew hi jifhmu.

–        Il-qorti nazzjonali tista’, fuq il-bażi tal-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, topponi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni jekk, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, tasal għall-konklużjoni li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li ressaq it-talba ma pprovdewx lill-akkużat b’biżżejjed informazzjoni dwar in-natura u l-kawża tal-ksur b’lingwa li hu jew hi setgħu jifhmu.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2006, L 159M, p. 256.


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq (ĠU 2015, L 68, p. 9).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1).


5      F’dan ir-rigward, ara inter alia l-premessi 7 u 9, u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2015/413.


6      Enfasi miżjuda minni.


7      Enfasi miżjuda minni.


8      Enfasi miżjuda minni.


9      Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, Baláž (C‑60/12, EU:C:2013:733, punt 28), u tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji) (C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 30).


10      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 4 tagħha, li huwa d-dispożizzjoni prinċipali dwar il-formalitajiet li għandhom jiġu osservati u d-dokumenti li għandhom jiġu trażmessi.


11      Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, Baláž (C‑60/12, EU:C:2013:733, punt 27), u tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji) (C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 29). Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll, iktar reċentement, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour in LU (C‑136/20, EU:C:2021:412, punti 85 u 86).


12      Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, Baláž (C‑60/12, EU:C:2013:733, punt 29), u tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji) (C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 31). Enfasi miżjuda minni.


13      Dan jirrifletti l-approċċ ġenerali segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’numru ta’ strumenti adottati f’dan il-qasam. Dawn kollha jinvokaw formola standardizzata jew ċertifikat, anness mal-istrument legali inkwistjoni, li, għall-għanijiet ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni fil-prattika, jissostitwixxi d-deċiżjoni bażi. L-għażla li dawn is-sistemi jiġu bbażati fuq dokument standard li jinkludi l-elementi prinċipali tad-deċiżjoni bażi hija preċiżament intiża sabiex tevita l-problemi u l-kumplessitajiet riżultanti mill-multilingwiżmu tal-Unjoni Ewropea.


14      Enfasi miżjuda minni.


15      Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’BV (C‑129/19, EU:C:2020:375, punti 117 sa 123).


16      Premessa 22 u Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/64.


17      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 142, p. 1). Lanqas din id-direttiva ma tapplika għal din il-kawża. Fil-fatt, l-Artikolu 2(2) jipprevedi li “[m]eta l-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni rigward reati żgħar minn awtorità li ma tkunx qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, u l-impożizzjoni ta’ din is-sanzjoni tista’ tkun suġġetta għal appell f’tali qorti, din id-Direttiva għandha tapplika biss għall-proċeduri quddiem dik il-qorti, wara tali appell”.


18      Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/13.


19      Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


20      Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/413.


21      Għaldaqstant, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Sleutjes – li għaliha wħud mill-partijiet għamlu riferiment – hija irrilevanti f’din il-kawża. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement applikat id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/64 għal kawża li, b’differenza minn din il-kawża, kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba l-fatt li s-sanzjoni ġiet imposta minn organu ġudizzjarju. Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Sleutjes (C‑278/16, EU:C:2017:757, punti 10, 25 u 27).


22      Ara d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU 2009, L 81, p. 24).


23      Ara, pereżempju, l-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni li tikkonċerna l-konsegwenzi ta’ ksur, mill-awtoritajiet tal-Istat Membru, tal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/413, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/64, jew l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2012/13.


24      Qabbel id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas 2005/214 ma’, pereżempju, l-Artikoli 9 u 12 tar-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) (riformulazzjoni) (ĠU 2020, L 405, p. 40), u mal-Artikolu 22 tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas‑16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU 2010, L 84, p. 1).


25      Ara l-Artikolu 3(1) u (2) tagħha.


26      Ara l-premessa 7 tagħha.


27      Iktar fid-dettall, u b’riferimenti speċifiċi għall-ġurisprudenza, ara l-konklużjonijiet tiegħi f’An tAire Talmhaíochta Bia agus Mara, Éire agus an tArd-Aighne (C‑64/20, EU:C:2021:14, punti 71 sa 82).


28      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi nnotatat ukoll li l-premessa 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 tiddikjara, inter alia, li d-“Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-Kapitolu VI tagħha” (nota ta’ qiegħ il-paġna mħollija barra). Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jipprevedi li d-“Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex ikollha l-effett li temenda l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fondamentali u tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat”.


29      Barra minn hekk, huwa stabbilit fl-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), li l-Artikolu 48(2) tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(3) KEDB u għandu l-istess tifsira u kamp ta’ applikazzjoni bħalu. Ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 105).


30      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Penalty points) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 86 sa 93).


31      Ara, inter alia, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Frar 1984, Öztürk vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:1984:0221JUD000854479, punti 46 sa 54), u d-deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Falk vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (CE:ECHR:2004:1019DEC006627301, punt 7). Enfasi miżjuda minni. F’dan is-sens, iktar reċentement, ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Bajčić vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2020:1008JUD006733413, punti 27 u 28).


32      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑20 ta’ Ottubru 2015, Dvorski vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2015:1020JUD002570311, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Marzu 1999, Pélissier u Sassi vs Franza (CE:ECHR:1999:0325JUD002544494, punt 51).


34      Ibid.


35      Ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑24 ta’ Frar 2009, Protopapa vs It‑Turkija (CE:ECHR:2009:0224JUD001608490, punt 80), u tad‑19 ta’ Diċembru 1989, Kamasinski vs L‑Awstrija (CE:ECHR:1989:1219JUD000978382, punt 74).


36      Ara, inter alia, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Lulju 2000, Mattoccia vs L‑Italja (CE:ECHR:2000:0725JUD002396994, punt 60).


37      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑28 ta’ Awwissu 2018, Vizgirda vs Is‑Slovenja (CE:ECHR:2018:0828JUD005986808, punt 90).


38      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Diċembru 1989, Brozicek vs L‑Italja (CE:ECHR:1989:1219JUD001096484, punt 41).


39      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑18 ta’ Ottubru 2006, Hermi vs L‑Italja (CE:ECHR:2006: 1018JUD001811402, punt 68).


40      Ibid., punt 71.


41      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑28 ta’ Awwissu 2018, Vizgirda vs Is‑Slovenja (CE:ECHR:2018:0828JUD005986808, punt 84).


42      Ara d-deċiżjoni tal-Qorti EDB tas‑17 ta’ Frar 2004, Tabaï vs Franza (CE:ECHR:2004:0217DEC007380501, punt 4).


43      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑18 ta’ Ottubru 2006, Hermi vs L‑Italja (CE:ECHR:2006:1018JUD0018, punt 68).


44      Ibid., punti 69 u 70.


45      Ibid., punt 70.


46      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, punt 43).


47      Ir-rekwiżiti tal-flessibbiltà u li sseħħ evalwazzjoni każ b’każ taċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-mertu huma l-konsegwenza neċessarja ta’ twessigħ żejjed tal-kunċett ta’ “reat kriminali”, fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għall-għanijiet tal-ammissibbiltà skont l-Artikolu 6 KEDB, li bdiet bil-kawża magħrufa sew Engel (sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Ġunju 1976, Engel et vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:1976:0608JUD000510071, punti 80 sa 82)). Jekk anki ksur minuri tal-liġi li jeħtieġ l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pjuttost ħfief, bħar-reat tat-traffiku f’din il-kawża, jiġi kkwalifikat bħala “kriminali”, isegwi pjuttost b’mod naturali li, għall-għanijiet tal-evalwazzjoni ta’ allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tal-akkużat, isir neċessarju li jkun hemm differenza bejn tipi ta’ reati u gravitajiet varji u din għandha tiġi introdotta mill-ġdid iktar ’il quddiem, sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid xi tip ta’ bilanċ raġonevoli fis-sistema. Hija dikjarazzjoni ta’ dak li huwa ovvju li l-Istati Membri jistgħu leġittimament jiddeċiedu li joffru iktar garanziji (li jistgħu fil-fatt ikunu għaljin għal, u jinvolvu piż amministrattiv għoli fuq, l-amministrazzjoni) lil individwi akkużati b’reati bħal omiċidju jew terroriżmu milli lil individwi li jirċievu biljett tal-parkeġġ jew li jinqabdu b’tajers ta’ profil baxx.


48      Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 55), u tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Covaci (C‑216/14, EU:C:2015:686, punt 39).


49      Ara, fost ħafna, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.


50      Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji) (C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 35).


51      Ibid., punti 42 u 50.


52      Enfasi miżjuda minni. Il-formola standard għaċ-ċertifikat hija, skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, ipprovduta fl-Anness.


53      Dwar l-importanza taċ-ċertifikat, ara l-punt 45 iktar ’il fuq.


54      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


55      Ibid., punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.


56      Ara, b’analoġija, id-digriet tat‑28 ta’ April 2016, Alta Realitat (C‑384/14, EU:C:2016:316, punti 57 u 58).


57      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Staatsanwaltschaft Offenburg (C‑615/18, EU:C:2020:376, punti 57 u 64), u l-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (EU:C:2020:9, punti 61 u 62).


58      Ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-Qorti EDB tal‑4 ta’ Ottubru 2001, Teuschler vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2001:1004DEC004763699). Din hija manifestazzjoni ta’ prinċipju magħruf sew u ġeneralment irrikonoxxut, sikwit espress bil-massima Latina vigilantibus (non dormientibus) iura (succurrunt).


59      Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Qorti EDB tal‑24 ta’ Frar 2009, Protopapa vs It‑Turkija (CE:ECHR:2009:0224JUD001608490, punti 82 sa 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).