Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Novembru 2010 - Natura Selection vs UASI - Afoi Anezoulaki (natur)

(Kawża T-549/10)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Natura Selection, SL (Barcelona, Spanja) (rappreżentant: E. Sugrañes Coca, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Afoi Anezoulaki AE trading bħala FIERATEX S.A. (Kilkis, il-Greċja)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tas-6 ta' Settembru 2010 fil-Każ R 217/2010-2;

tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-4 ta' Diċembru 2009;

tiċħad l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 6908214 mogħtija mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għal "tvalji"; u

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark verbali "natur" għal prodotti fil-klassi 24 - applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 6908214

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Ir-rikorrenti

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: It-trade mark Komunitarja rreġistrata taħt in-Nru 2016384 tat-trade mark figurattiva "natura selection" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 3, 14, 16, 20, 25, 35, 38, 39, u 42; it-trade mark Komunitarja rreġistrata taħt in-Nru 2704948 tat-trade mark figurattiva "natura" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 14, 25 u 35; it-trade mark Komunitarja rreġistrata taħt in-Nru 3694627 tat-trade mark figurattiva "natura casa" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 20, 35 u 39; it-trade mark Komunitarja rreġistrata taħt in-Nru 4713368 tat-trade mark figurattiva "natura" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 14, 20, 25 u 35; it-trade mark internazzjonali rreġistrata taħt in-Nru 642074 tat-trade mark figurattiva "natura selection" għal servizzi fil-klassi 39; it-trade mark Spanjola rreġistrata taħt in-Nru 1811494 tat-trade mark figurattiva "natura selection" għal servizzi fil-klassi 39; is-sinjal ta' stabbiliment nazzjonali Spanjol irreġistrat taħt in-Nru 251725 tat-trade mark figurattiva "natura selection" għall-attività li ġejja "stabbiliment iddedikat għall-kummerċjalizzazzjoni ta' oġġetti ta' rigali"; is-sinjal ta' stabbiliment nazzjonali Spanjol irreġistrat taħt in-Nru 252321 tat-trade mark figurattiva "natura selection" għall-attività li ġejja "stabbiliment iddedikat għall-kummerċjalizzazzjoni ta' oġġetti ta' rigali"; is-sinjal ta' stabbiliment nazzjonali Spanjol irreġistrat taħt in-Nru 208780 tat-trade mark "NATURA SELECTION, S.L." għall-attività li ġejja "stabbiliment iddedikat għall-kummerċjalizzazzjoni ta' oġġetti ta' rigali. Stabbilit f'Barcelona".

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni milqugħa għal parti mill-prodotti kkontestati

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud

Motivi invokati: Ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell assuma b'mod żbaljat li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks minħabba nuqqas ta' xebh bejn it-trade marks u bejn il-prodotti.

____________