Language of document : ECLI:EU:T:2015:64

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

      22 ta’       Jannar 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja — Terminu tar-rikors — Bidu tad-dekorrenza — Notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell permezz ta’ faks — Riċezzjoni tal-faks — Tardività — Assenza ta’ forza maġġuri jew ta’ każ fortuwitu — Inammissibbiltà manifesta”

Fil-Kawża T‑488/13,

GEA Group AG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Schneiders, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn A. Pohlmann, sussegwentement minn S. Hanne, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Awla Bord tal-Appell tal-UASI, tal-21 ta’ Marzu 2013 (Każ R 935/2012-4), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “engineering for a better world” bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Settembru 2013,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Diċembru 2013,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Marzu 2014,

wara li rat il-kontroreplika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ April 2014,

wara li rat l-ittra tar-rikorrenti, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Settembru 2013,

wara li rat li ma saritx talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u peress li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tgħaddi għall-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-6 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti, GEA Group AG, ippreżentat quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali “engineering for a better world” għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 6, 7, 9, 11, 35, 37, 39, 41 u 42, skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.

2        Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2002, l-eżaminatur tal-UASI rrifjuta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

3        Fil-15 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell.

5        Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ faks fil-25 ta’ Marzu 2013.

6        Peress li ma saritx taf b’din il-faks, fit-13 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrenti ressqet, quddiem l-UASI, nota addizzjonali fil-proċedimenti ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell.

7        Fil-11 ta’ Lulju 2013, ir-Reġistratur tal-UASI infoma lir-rikorrenti li r-Raba’ Bord tal-Appell kien iddeċieda fuq l-appell u li huwa nnotifika d-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ faks fil-25 ta’ Marzu 2013. Barra minn hekk, huwa reġa’ nnotifikalha mill-ġdid id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll ir-rapport ta’ trażmissjoni tal-faks tiegħu, bid-data tal-25 ta’ Marzu 2013, li kien fih l-indikazzjoni “ok”.

 It-talbiet tal-partijiet

8        Ir-rikorrenti essenzjalment titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

9        L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

10      Skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta r-rikors ikun manifestament infondat, il-Qorti Ġenerali tista’, mingħajr ma tkompli l-proċedura, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

11      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li l-atti tal-proċess jipprovdulha informazzjoni suffiċjenti u, abbażi tal-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr ma tiftaħ il-proċedura orali.

12      L-UASI jsostni li r-rikorrenti ma osservatx it-terminu tal-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li r-rikors ġie ppreżentat kważi tliet xhur mill-iskadenza tal-imsemmi terminu.

13      Bis-saħħa tal-Artikolu 65(5) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-rikors għandu jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

14      Skont ir-Regola 61(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat, in-notifiki magħmula mill-UASI jistgħu jsiru permezz tal-faks. In-notifika permezz tal-faks tista’ tirrigwarda kwalunkwe deċiżjoni tal-UASI [sentenza tad-19 ta’ April 2005, Success-Marketing vs UASI – Chipita (PAN & CO), T‑380/02 u T‑128/03, Ġabra, EU:T:2005:133, punt 58] u, għaldaqstant, anki d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell.

15      Ir-Regola 65(1) tar-Regolament Nru 2868/95, intitolata “Avviż permezz ta’ telecopier u mezzi tekniċi oħra”, tippreċiża li “[In]-[n]otifikazzjoni għandha tiġi meqjusa li saret fid-data li fiha l-komunikazzjoni tkun waslet fl-apparat tal-faks tal-persuna li tirċievi”. Ir-Regola 70(2) tar-Regolament Nru 2868/95 intitolata “Kalkolu ta’ limiti ta’ żmien” tindika wkoll “[f]ejn il-pass proċedurali huwa notifika, l-okkorrenza kunsidrata għandha tkun ir-riċeviment tad-dokument notifikat, sakemm ma jkunx provdut b’mod ieħor”.

16      Peress li l-ebda dispożizzjoni ma tidderoga minn din ir-regola, f’dan il-każ, id-data li fiha ġiet riċevuta l-faks tikkostitwixxi għalhekk il-punt ta’ tluq tat-terminu tar-rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-UASI nnotifikati permezz ta’ faks.

17      F’dan il-każ, l-UASI ddikjara li nnotifika d-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ faks fil-25 ta’ Marzu 2013. Ir-rikorrenti rrikonoxxiet, fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Awwissu 2013, li r-Reġistratur tal-UASI kien bagħat il-kopja tar-rapport ta’ trażmissjoni tal-faks tiegħu dwar in-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, li turi l-indikazzjoni “ok”. Barra minn hekk, hija rrikonoxxiet wkoll li s-sistema informatika tar-rappreżentant tagħha rreġistrat u ħażnet il-faks tal-25 ta’ Marzu 2013. Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrenti, minħabba ħsara teknika, ir-rappreżentant tagħha fl-ebda mument qabel il-11 ta’ Lulju 2013 ma ġie informat bil-wasla tal-faks ikkontestata u, a fortiori, tal-kontenut tagħha.

18      Madankollu, ma jistax jiġi dedott li l-faks li nnotifikat id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx irċevuta mir-rappreżentant tar-rikorrenti fil-25 ta’ Marzu 2013 u li, konsegwentement, it-terminu tar-rikors ma bediex jiddekorri minn din id-data.

19      Fil-fatt, il-ġurisprudenza tiddistingwi bejn, minn naħa, in-notifika ta’ att lid-destinatarju tagħha, meħtieġa għall-finijiet ta’ notifika regolari, u, min-naħa l-oħra, il-konoxxenza effettiva tal-imsemmi att, li ma hijiex neċessarja sabiex in-notifika titqies li tkun regolari. Skont l-imsemmija ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ notifika valida lid-destinatarju ma hija bl-ebda mod suġġetta għall-għarfien effettiv mill-persuna li, skont ir-regoli interni tal-entità destinatarja, hija kompetenti fil-qasam, peress li deċiżjoni tkun ġiet innotifikata f’kundizzjonijiet regolari meta tiġi kkomunikata lid-destinatarju tagħha u huwa jkun f’pożizzjoni li jsir jaf biha (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il-Kummissjoni, C‑195/91 P, Ġabra, EU:C:1994:412, punt 20; ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra, EU:T:1998:198, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant jittieħed biss inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-regolarità tan-notifika, l-aspett estern tagħha, jiġifieri t-trażmissjoni regolari lid-destinatarju tagħha, u mhux l-aspett intern tagħha, li jirrigwarda l-funzjonament intern tal-entità destinatarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza European Night Services et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:1998:198, punt 79).

20      Minn dan jirriżulta li, sabiex tiġi ddeterminata d-data tar-riċezzjoni ta’ notifika, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss l-aspett estern ta’ din in-notifika, jiġifieri r-riċezzjoni formali u regolari mill-entità destinatarja, indipendentement mir-riċezzjoni effettiva u l-għarfien fi ħdan din l-entità. Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata mir-rekwiżit ġurisprudenzjali msemmi iktar ’il fuq li jgħid li n-notifika timplika li d-destinatarju għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf bl-att innotifikat. Fil-fatt, għal min jagħmel in-notifika jeżisti obbligu ta’ ħolqien tal-kundizzjonijiet ta’ għarfien effettiv mid-destinatarju, jiġifieri obbligu ta’ mezz (li jikkorrispondi għall-aspett estern tan-notifika) u mhux obbligu li jinvolvi ruħu fil-funzjonament intern tad-destinatarju bil-għan li jiggarantixxi dan l-għarfien, jiġifieri obbligu ta’ riżultat (li jikkorrispondi għall-aspett intern tan-notifika) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1985, Cockerill-Sambre vs Il‑Kummissjoni, 42/85, Ġabra, EU:C:1985:471, punt 11).

21      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-produzzjoni tar-rapporti ta’ trażmissjoni ta’ faks mill-UASI fihom elementi li jagħtuhom natura probatorja suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-riċezzjoni tal-imsemmija faks mid-destinatarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PAN & CO, punt 14 iktar ’il fuq, EU:T:2005:133, punti 67, 68, 80, 81 u 85). Fil-fatt, il-magni tal-faks huma maħsuba b’tali mod li kull problema ta’ trażmissjoni, iżda wkoll ta’ riċezzjoni, tiġi indikata permezz ta’ messaġġ ta’ żball, li jindika preċiżament lil min jibgħat ir-raġuni tan-nuqqas ta’ riċezzjoni, kif ikkomunikati lilu mill-faks tad-destinatarju, u li, fl-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ tali problema, tiġi ġġenerata trażmissjoni ta’ messaġġ effettiv. Għalhekk, fl-assenza ta’ messaġġ ta’ żball u fil-preżenza ta’ rapport ta’ trażmissjoni li jkun fih l-indikazzjoni “ok”, jista’ jitqies li l-faks mibgħuta tkun ġiet riċevuta mid-destinatarju tagħha. F’dan il-każ, ir-rikorrenti stess tirreferi għall-indikazzjoni “ok” li tidher fir-rapport ta’ trażmissjoni li ġie ppreżentat lilha mill-UASI, u indikat li kien jirriżulta li n-notifika tad-deċiżjoni kkontestata twettqet debitament. Barra minn hekk, hija rrikonoxxiet li l-faks ta’ min jagħmel in-notifika tad-deċiżjoni kkontestata ġiet irreġistrata fis-sistema informatika tar-rappreżentant tagħha fil-25 ta’ Marzu 2013.

22      Barra minn hekk, jekk biss l-għarfien tal-faks ikkontestata tippermetti l-istabbiliment tar-riċezzjoni tagħha mir-rappreżentant tar-rikorrenti, l-istabbiliment tal-prova tan-notifika effettiva ta’ deċiżjoni u tad-data li fiha ġiet riċevuta mid-destinatarju tagħha jkun impossibbli għall-UASI, anki jekk l-imsemmija deċiżjoni tkun ġiet debitament innotfikata lid-destinatarju tagħha. Il-punt ta’ tluq tat-terminu tar-rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-UASI jiddependi miċ-ċirkustanzi inċerti u indipendenti tad-diliġenza li biha l-UASI jkun innotifika d-deċiżjoni, filwaqt li t-termini tar-rikors ġew preċiżament istitwiti bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 iktar ’il quddiem).

23      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-terminu ta’ xahrejn sabiex jiġi ppreżentat ir-rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, miżjud bit-terminu ta’ distanza ta’ għaxart ijiem previst mill-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, beda jiddekorri l-għada tar-riċevuta tal-faks ikkontestata, jiġifieri fis-26 ta’ Marzu 2013. Dan it-terminu ġie, għalhekk, fi tmiemu fl-4 ta’ Ġunju 2013.

24      Dan ir-rikors, li ġie ppreżentat fit-2 ta’ Settembru 2013, huwa konsegwentement tardiv.

25      Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-ħsara tal-faks tagħha jikkostitwixxix każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri li jippermetti lill-Qorti Ġenerali tirrileva d-dekadenza abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut.

26      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini ta’ rikors huma ta’ ordni pubbliku u ma humiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti (ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Transportes Evaristo Molina vs Il‑Kummissjoni, C‑36/09 P, EU:C:2010:670, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-15 ta’ Marzu 1995, COBRECAF et vs Il-Kummissjoni, T‑514/93, Ġabra, EU:T:1995:49, punt 40). L-applikazzjoni stretta tar-regoli proċedurali tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u n-neċessità li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, it-termini ta’ proċedura jistgħu jiġu dderogati biss f’ċirkustanzi kemxejn eċċezzjonali, ta’ każ fortuwitu u ta’ forza maġġuri (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C‑426/10 P, Ġabra, EU:C:2011:612, punt 43).

27      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċetti ta’ każ fortuwitu u ta’ forza maġġuri jinkludu element oġġettiv, relatat maċ-ċirkustanzi anormali u indipendenti mir-rieda tar-rikorrenti, u element suġġettiv relatat mal-obbligu, għaliha, li tipproteġi ruħha mill-konsegwenzi tal-avveniment anormali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. B’mod partikolari, ir-rikorrenti għandha tissorvelja bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċedura mibdija u, b’mod partikolari, turi diliġenza sabiex tosserva t-termini stabbiliti (sentenza Bayer vs Il‑Kummissjoni, punt 19 iktar ’il fuq, EU:C:1994:412, punt 32). Għalhekk, il-kunċett ta’ forza maġġuri ma japplikax għal sitwazzjoni fejn persuna diliġenti u avżata kienet oġġettivament f’pożizzjoni li tevita l-iskadenza ta’ terminu ta’ preżentata ta’ rikors (sentenza tat-12 ta’ Lulju 1984, Ferriera Valsabbia vs Il‑Kummissjoni, 209/83, Ġabra, EU:C:1984:274, punt 22, u d-digriet tat-18 ta’ Jannar 2005, Zuazaga Meabe vs UASI, C-325/03 P, Ġabra, EU:C:2005:28, punt 25).

28      Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti, kif huwa impost fuqha (ara d-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2011, AO vs Il-Kummissjoni, T‑365/11 P, ĠabraSP, EU:T:2011:727, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), stabbilixxietx l-eżistenza hawnhekk ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri li żammewha milli tosserva t-terminu tar-rikors.

29      Għal dan il-għan, ir-rapport tal-esperti prodott mir-rikorrenti u anness mar-replika tagħha għandu jiġi preliminarjament iddikjarat ammissibbli.

30      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-projbizzjoni ta’ produzzjoni tardiva ta’ provi prevista l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma tapplikax għall-produzzjoni tal-provi li jinsabu fl-osservazzjonijiet dwar eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Il-possibbiltà li jiġu prodotti provi ġodda fl-osservazzjonijiet fuq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha titqies li hija inerenti għad-dritt tar-rikorrenti li twieġeb għall-argumenti mressqa mill-konvenut fl-eċċezzjoni tiegħu ta’ inammissibbiltà, peress li ebda regola ta’ proċedura ma timponi fuq ir-rikorrenti l-produzzjoni ta’ provi relatati mal-ammissibbiltà tal-kawża tagħha f’dan l-istadju tar-rikors (digriet tal-15 ta’ Mejju 2013, Post Invest Europe vs Il-Kummissjoni, T‑413/12, EU:T:2013:246, punt 21; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni, T‑95/03, Ġabra, EU:T:2006:385, punt 50). Din il-ġurisprudenza għandha tiġi trasposta f’din il-kawża, li fiha r-rikorrenti tipproduċi, fl-anness tar-replika limitata għall-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors, prova ġdida għall-finijiet ta’ risposta għall-allegazzjonijiet ta’ inammissibbiltà li jidhru fir-risposta tal-UASI.

31      Madankollu, l-elementi li ħarġu mir-rapport tal-espert anness mar-risposta, kif ukoll l-informazzjoni l-oħra kollha kkomunikata u l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi stabbilit li hija qed taffaċċja każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri.

32      Fir-rigward tal-element oġġettiv tal-każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, għandu jitqies li l-ħsara tal-faks tar-rappreżentant tar-rikorrenti, jekk tista’ tiġi kklassifikata bħala “ċirkustanza anormali” fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, ma hijiex “ċirkustanza indipendenti mir-rieda” ta’ dan ir-rappreżentant.

33      Fil-fatt, l-apparat inkwistjoni huwa għodda interna fl-uffiċċju tal-avukati li jirrappreżentaw lir-rikorrenti taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess, kif ukoll l-impjegati li jaħdmu hemmhekk. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-problemi ta’ trażmissjoni fi ħdan kumpannija ma jitqisux li huma każijiet fortuwiti jew ta’ forza maġġuri [sentenza Cockerill-Sambre vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq, EU:C:1985:471, punt 12; ara wkoll id-digriet tat-28 ta’ April 2008, PubliCare Marketing Communications vs UASI (Publicare), T‑358/07, EU:T:2008:130, punti 17 u 18 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Ġie wkoll deċiż li l-iżball imputabbli lil terza persuna awtorizzata minn uffiċċju ta’ avukati sabiex twettaq atti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-imsemmi uffiċċju ma tistax titqies li hija ċirkustanza indipendenti mir-rieda tar-rikorrenti rrappreżentata minn dan l-uffiċċju (sentenza Bell & Ross vs UASI, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2011:612, punt 50, u d-digriet AO vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:T:2011:727, punti 37 u 40). Għalhekk, f’dan il-każ, anki kieku, li mhux il-każ hawnhekk, l-uffiċċju tal-avukati li jirrappreżentaw lir-rikorrenti jkunu rrikorrew għal kumpannija esterna għall-ġestjoni tat-tagħmir informatiku u tal-faks tagħha, il-ħsara ta’ dan it-tagħmir ma jistax jitqies li huwa ċirkustanza li hija esterna għalih.

34      L-allegazzjoni li tgħid li l-ħsara inkwistjoni seħħet għall-ewwel darba u kienet, għaldaqstant, imprevedibbli, ma tagħmilhiex ċirkustanza esterna għar-rappreżentant tar-rikorrenti. Din in-natura imprevedibbli tista’ l-iktar l-iktar ikollha rwol fl-evalwazzjoni tal-possibbiltà għall-persuna kkonċernata sabiex tevita t-twettiq tal-ħsara tal-faks u, għalhekk, fl-analiżi tal-element suġġettiv tal-każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri.

35      Fir-rigward preċiżament tal-element suġġettiv tal-każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, dan ma huwiex preżenti f’dan il-każ. Ir-rappreżentant tar-rikorrenti ma ħax il-miżuri kollha raġonevoli għall-osservanza tat-termini tal-appell u, f’dan il-każ, li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-faks.

36      Fil-fatt, mir-rapport tal-espert prodott fl-anness tar-replika jirriżulta li twettqu xi xogħlijiet fis-sistema tal-elettriku li wasslu għal qtugħ fil-provvista tal-elettriku u tan-network matul ix-xahar ta’ Marzu 2013. Minn dan ir-rapport jirriżulta wkoll li l-wasla ta’ faks toħloq diversi fajls fis-sistema informatika tal-uffiċċju tal-avukati li jirrappreżentaw lir-rikorrenti, li biss uħud minnhom huma aċċessibbli għall-impjegati inkarigati mir-riċezzjoni tal-faks, filwaqt li l-oħrajn huma aċċessibbli biss mill-membri tat-taqsima informatika tal-uffiċċju. Dan l-aċċess ippermetta barra minn hekk lill-persuni responsabbli f’din it-taqsima informatika jirrintraċċaw il-faks ta’ notifika tad-deċiżjoni kkontestata mibgħuta mill-UASI fil-25 ta’ Marzu 2013. Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li r-rappreżentant tar-rikorrenti jifformaw parti minn uffiċċju kbir ta’ avukati speċjalizzati fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, li għandu preċiżament bħala missjoni li jirċievi l-komunikazzjonijiet indirizzati għall-klijenti tiegħu li ġejjin b’mod partikolari mill-UASI. Skont ir-rapport tal-esperti msemmi iktar ’il fuq, l-uffiċċju jirċievi bejn għaxar u ħmistax-il faks kuljum.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-uffiċċju tal-avukati li jirrappreżenta lir-rikorrenti mhux biss kellu d-dmir li jwettaq kontrolli tal-assenza ta’ tfixkil tas-sistema ta’ riċezzjoni tal-faks ikkawżat mix-xogħlijiet fis-sistema tal-elettriku mwettqa, iżda kien ukoll f’pożizzjoni, mingħajr ma jagħmel sagrifiċċji eċċessivi, li jagħmel dawn il-kontrolli fir-rigward, b’mod partikolari, tal-korrispondenza bejn il-faks irreġistrati fis-server u dawk trażmessi fl-apparat riċeventi tiegħu. Madankollu, ir-rappreżentant tar-rikorrenti rrikonoxxa huwa stess li, essenzjalment, ma għamilx dan it-tip ta’ kontroll minħabba li l-ħsara inkwistjoni qatt ma seħħet qabel.

38      Minn dan jirriżulta li l-kunċetti ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri ma japplikawx għal din is-sitwazzjoni, peress li persuna diliġenti u avżata setgħet oġġettivament tkun f’pożizzjoni li tevita l-iskadenza tat-terminu tar-rikors.

39      Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

40      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

41      Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      GEA Group AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Il-Lussemburgu, 22 ta’ Jannar 2015.

Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

       M. E. Martins Ribeiro


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.