Language of document : ECLI:EU:T:2018:926

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

13 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Reġistrazzjoni internazzjonali li ssemmi l-Unjoni Ewropea – Trade mark figurattiva C=commodore – Talba għal revoka tal-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali – Artikolu 158(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 198(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001] – Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001] – Assenza ta’ użu ġenwin li jikkonċerna ċerti prodotti u servizzi koperti mir-reġistrazzjoni internazzjonali – Eżistenza ta’ raġunijiet siewja għal nuqqas ta’ użu”

Fil-Kawża T-672/16,

C=Holdings BV, stabbilita f’Oldenzaal (il-Pajjiżi l-Baxxi), inizjalment irrappreżentata minn P. Maeyaert u K. Neefs, sussegwentement minn P. Maeyaert u J. Muyldermans, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Gája, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Trademarkers NV, stabbilita f’Antwerpen (il-Belġju),

li għandha bħala suġġett rikors kontra deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-13 ta’ Lulju 2016 (Każ R 2585/2015-4), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Trademarkers u C=Holdings,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn V. Tomljenović, President, A. Marcoulli u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: I. Dragan,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Settembru 2016,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Diċembru 2016,

wara s-seduta tal-4 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-26 ta’ April 2006, Commodore Internazzjonali BV, predeċessur legali tar-rikorrenti, C=Holdings BV, kisbet mill-Uffiċċju Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (ODPI) ir-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 907082 li ssemmi, b’mod partikolari, l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“reġistrazzjoni internazzjonali”).

2        It-trade mark li fir-rigward tagħha ingħatat ir-reġistrazzjoni internazzjonali hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Ir-reġistrazzjoni internazzjonali tirrigwarda ċerti prodotti u servizzi inklużi fil-klassijiet 9, 25, 38 u 41 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

4        Ir-reġistrazzjoni internazzjonali waslet għand l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) fil-21 ta’ Diċembru 2006, ġiet ippubblikata fil-Bulletin tat-trade marks Komunitarji Nru 52/2006, tal-25 ta’ Diċembru 2006 u ġiet mogħtija l-istess protezzjoni bħal dik mogħtija lil trade mark tal-Unjoni Ewropea fil-25 ta’ Ottubru 2007 (Bulletin tat-trade marks Komunitarji Nru 60/2007, tad-29 ta’ Ottubru 2007).

5        Fis-26 ta’ Settembru 2014, Trademarkers NV ressqet quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali, abbażi tal-Artikolu 158(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat [li sar l-Artikolu 198(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)], moqri flimkien mal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001).

6        Trademarkers talbet ir-revoka tad-drittijiet tar-rikorrenti fuq ir-reġistrazzjoni internazzjonali minħabba l-assenza ta’ użu ġenwin minn din tal-aħħar bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin.

7        Filwaqt li, b’deċiżjoni tat-3 ta’ Novembru 2015, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal revoka għall-prodotti u s-servizzi kollha koperti mir-reġistrazzjoni internazzjonali, ir-Raba’ Bord tal-appell tal-EUIPO, b’deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2016 (Każ R 2585/2015-4), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Trademarkers u C=Holdings (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), annulla parzjalment id-deċiżjoni tat-3 ta’ Novembru 2015, billi qies li r-rikorrenti kienet stabbilixxiet użu ġenwin mir-reġistrazzjoni internazzjonali matul il-perijodu rilevanti, jiġifieri mis-26 ta’ Settembru 2009 sal-25 ta’ Settembru 2014, bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għall-programmi għal logħob elettroniku maħsub sabiex jintuża ma’ kompjuters, ma’ televixins u ma’ monitors, u softwer għall-kaxxi tal-logħob, li jaqgħu fil-klassi 9.

8        Għall-kuntrarju, il-Bord tal-Appell qies, bl-istess mod bħad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li r-rikorrenti, minn naħa, ma wrietx użu ġenwin fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi l-oħra u, min-naħa l-oħra, li r-raġunijiet vantati għal nuqqas ta’ użu ma setgħux jitqiesu bħala raġunijiet siewja fis-sens tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tat-3 ta’ Novembru 2015 dwar il-prodotti msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq, li għalihom ir-reġistrazzjoni internazzjonali tibqa’ rreġistrata, ċaħad il-kumplament tar-rikors u kkundanna lil kull parti quddiemu għall-ispejjż rispettivi tagħhom.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors odjern.

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad it-talba tagħha u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Bord tal-Appell;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

11      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tal-kawża

12      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi speċifikat li, kif jirriżulta espressament mill-punti 15 u 46 tar-rikors, dan ma kienx dirett kontra parti mid-deċiżjoni kkontestata li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ użu ġenwin mir-reġistrazzjoni internazzjonali bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti elenkati fil-punt 7 iktar ’il fuq, li jaqgħu fil-klassi 9. Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-punti 18 sa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-fatt li, skont il-Bord tal-Appell, hija ma wrietx użu ġenwin fir-rigward, minn naħa, tas-servizzi u, min-naħa l-oħra, tal-prodotti l-oħra minbarra dawk elenkati fil-punt 7 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem il-“prodotti u servizzi inkwistjoni”). Għaldaqstant hija tikkonċentra l-argumenti tagħha fuq l-eżistenza, fl-opinjoni tagħha, ta’ raġunijiet siewja għal nuqqas ta’ użu mir-reġistrazzjoni internazzjonali bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti u s-servizzi inkwistjoni.

13      Fir-risposta tiegħu, l-EUIPO jikkondividi din id-delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża.

 Fuq il-mertu

14      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tippreżenta “motiv legali wieħed” ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament 2017/1001) u tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. Hija tinvoka wkoll il-ksur tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 94 u 95 tar-Regolament 2017/1001).

15      Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) u (2), u tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

16      Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, “[j]ekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trademark tal-UE fl-Unjoni f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trademark tal-UE għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu”.

17      Skont l-Artikolu 51(1)(a) tal-istess regolament, “[i]d-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati […]: a) jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu […]”.

18      Skont il-ġurisprudenza, huma biss l-ostakoli li għandhom relazzjoni diretta biżżejjed mat-trade mark li jirrendu l-użu tagħha impossibbli jew mhux raġonevoli u li huma indipendenti mir-rieda tal-proprjetarju li jistgħu jikkwalifikaw bħala “raġunijiet leġittimi għal nuqqas ta’ użu” ta’ din tal-aħħar. Għandu jiġi evalwat, każ b’każ jekk bidla fl-istrateġija imprenditorjali sabiex jingħeleb l-ostakolu twassalx għal użu tat-trade mark mhux raġonevoli (sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2016, Naazneen Investments vs UASI, C‑252/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:178, punt 96, u tad-29 ta’ Ġunju 2017, Martín Osete vs EUIPO – Rey (AN IDEAL WIFE et), T‑427/16 sa T‑429/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:455, punt 50; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl, C-246/05, EU:C:2007:340, punt 54).

19      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fir-rigward tal-kunċett ta’ użu mhux raġjonevoli, li, jekk ostakolu huwa tali li jikkomprometti serjament użu propizju tat-trade mark, ma jistax jiġi raġonevolment mistenni mill-proprjetarju tagħha li jużaha minkejja kollox. Għaldaqstant, pereżempju, il-proprjetarju ma jistax raġonevolment jintalab jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu mal-kompetituri tiegħu. F’każijiet bħal dawn, ma jidhirx li huwa raġonevoli li proprjetarju jintalab jimmodifika l-istrateġija imprenditorjali tiegħu sabiex jirrendi l-użu ta’ din it-trade mark possibbli xorta waħda (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl, C-246/05, EU:C:2007:340, punt 53).

20      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-kunċett ta’ raġunijiet siewja jagħmlu riferiment iktar għaċ-ċirkustanzi estranji għall-proprejtarju tat-trade mark milli għaċ-ċirkustanzi marbuta mad-diffikultajiet kummerċjali tiegħu (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2015, Naazneen Investments vs UASI (SMART WATER), T‑250/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:160, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikoli 42(2) u 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru, rispettivament, l-Artikolu 47(2)u l-Artikolu 64(2) tar-Regolament 2017/1001) jippreċiżaw espressament li l-produzzjoni ta’ prova ta’ użu ġenwin jew l-għoti ta’ raġunijiet siewja għaliex it-trade mark ma tintużax huma r-responsabbiltà tal-proprjetarju tat-trade mark ikkonċernata u jekk dan ma jsirx l-oppożizzjoni jew it-talba għall-kanċellazzjoni għandha tiġi miċħuda. Skont il-ġurisprudenza, il-fatt li b’differenza mill-Artikolu 42(2) u mill-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009, l-Artikolu 51(1) ta’ dan ir-regolament ma jispeċifikax li l-produzzjoni ta’ prova tal-użu ġenwin jew tal-eżistenza ta’ raġunijiet siewja għaliex it-trade mark ma tintużax huma r-responsabbiltà tal-imsemmi proprjetarju ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jeskludi dan il-prinċipju relatat mal-oneru tal-prova fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ revoka. L-assenza, fl-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ta’ preċiżazzjoni għal dak li jikkonċerna l-oneru tal-prova hija spjegata mingħajr diffikultajiet, barra minn hekk, mill-fatt li l-għan tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 51 intitolat “Raġunijiet għal revoka”, jikkonsisti fl-elenkar tar-raġunijiet għal revoka tat-trade mark, u għaldaqstant ma jeħtieġx preċiżazzjonijiet rigward il-kwistjoni tal-oneru tal-prova (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Centrotherm Systemtechnik vs UASI u centrotherm Clean Solutions, C-610/11 P, EU:C:2013:593, punts 55 sa 57). B’hekk, hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi quddiem l-EUIPO provi suffiċjenti dwar l-eżistenza ta’ raġunijiet siewja għan-nuqqas ta’ użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea.

22      Fil-kawża odjerna, il-Bord tal-Appell qieset li l-provi li r-rikorrenti pproduċa ma kinux suffiċjenti sabiex tintwera l-eżistenza ta’ raġunijiet siewja għal nuqqas ta’ użu tat-trade mark C=commodore għall-prodotti u s-servizzi inkwistjoni. F’dan ir-rigward, l’EUIPO ssostni li parti miċ-ċirkustanzi fattwali invokati għal dan l-għan mir-rikorrenti ma ġietx ipprovata. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu rrilevati ċirkustanzi fattwali li ma humiex ikkontestati u li għandhom jitqiesu bħala stabbiliti abbażi tal-inkartamenti inseriti fil-proċess.

23      Fl-ewwel lok, ma huwiex ikkontestat li l-attività tar-rikorrenti tikkonsisti fil-konċessjoni ta’ liċenzji ta’ trade marks. F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li r-rikorrenti ma għandhiex kapaċitajiet proprji ta’ fabrikazzjoni jew ta’ riċerka.

24      Fit-tieni lok, mill-proċess jirriżulta li, sas-7 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti kienet miżmuma 100 % minn Asiarim Corporation (iktar ’il quddiem “Asiarim”), permezz tas-sussidjarja tagħha Commodore Licensing BV. Fis-7 ta’ Novembru 2011, l-ishma kollha li jifformaw il-kapital tar-rikorrenti ġew ittrasferiti, b’att notarili, lil żewġ persuni fiżiċi, li huma l-proprjetarji attwali tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem it-“trasferiment tal-proprjetà”). Issa, jidher li mis-26 ta’ Settembru 2009, bidu tal-perijodu rilevanti, sas-7 ta’ Novembru 2011, data tat-trasferiment tal-proprjetà, ir-rikorrenti setgħet teżerċita l-attività tagħha. Huwa b’hekk li din setgħet turi l-użu ġenwin tar-reġistrazzjoni internazzjonali għall-prodotti elenkati fil-punt 7 iktar ’il fuq.

25      Fit-tielet lok, madankollu, sa mit-trasferiment tal-proprjetà, ir-rikorrenti kellha taffaċċja diversi manuvri ta’ natura differenti, min-naħa b’mod partikolari ta’ Asiarim, intiżi sabiex tittieħed lura l-proprjetà tat-trade marks Commodore.

26      Fil-fatt, fl-ewwel lok, mill-proċess jirriżulta li Asiarim ipproduċiet diversi dikjarazzjonijiet foloz quddiem l-awtoritajiet tal-Istati-Uniti tal-Amerika, li fihom hija ddikjarat li hija l-proprjetarja tat-trade marks Commodore. B’hekk, fil-fomularji 8K tal-20 ta’ Diċembru 2011 u tal-5 u tas-16 ta’ Jannar 2012 ippreżentati minn Asiarim quddiem is-Securities and Exchange Commission (Kummissjoni għat-Tranżazzjonijiet tal-Borża, L-Istati Uniti, iktar ’il quddiem is-“SEC”) (Annessi 6 sa 8 tar-rikors), Asiarim iddikjarat b’mod partikolari li “Commodore Asia Electronics [Ltd] [kienet] waħda mill-kumpanniji responsabbli għal-liċnezji tat-trade mark fi ħdan il-grupp, bħal Commodore Licensing […] fl-Ewropa, li kisbet liċenzji mingħand [ir-rikorrenti] sa mill-2008”, u li, “wara r-ristrutturazzjoni tal-grupp fil-bidu [tax-xahar ta’] Novembru 2011, Commodore Brand IP [Ltd] kienet id-detentriċi tal-ismijiet kummerċjali u tal-proprjetà intellettwali tat-trade mark Commodore” (Anness 6 tar-rikors, p. 68). Fil-formularju 8K tas-16 ta’ Jannar 2012, Asiarim iddikjarat, b’mod partikolari, li r-rikorrenti “[kienet] għamlet dikjarazzjoni […] sabiex tivvanta l-proprjetà u l-użu legali tal-isem kummerċjali u tar-rappreżentazzjonijiet tat-trade mark Commodore”, li fir-rigward tagħha Asiarim wieġbet billi indikat li hija “kienet tiddefendi bil-qawwi id-drittijiet tagħha tal-proprjetà fuq l-isem kummerċjali u r-rappreżentazzjonijiet tat-trade mark Commodore”. F’dan ir-rigward, fis-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2013, id-District Court of New York (Il-Qorti Distrettwali ta’ New York, New York, L-Istati Uniti) ikkundannat lil Asiarim temenda d-dikjarazzjonijiet tagħha magħmula quddiem is-SEC, billi kkassifikathom bħala “foloz u probabbilment prodotti in mala fide” (Anness 14 tar-rikors, p. 129).

27      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dawn il-formularji 8K huma ppubblikati u huma direttament aċċessibbli online, b’tali mod li s-sħab attwali jew potenzjali tar-rikorrenti setgħu effettivament jiksbu konjizzjoni tagħhom.

28      Fit-tieni lok, mill-proċess jirriżulta li Asiarim u s-sussidjarji tagħha daħlu f’kuntatt repetutament mal-isħab attawali jew potenzjali tar-rikorrenti billi ppreżentaw ruħhom bħala l-proprejtarji leġittimi tat-trade marks Commodore. B’hekk, Asiarim kitbet diversi drabi lil Manomio LLC, liċenzjata tar-rikorrenti, filwaqt li ddikjarat dan li ġej, b’mod partikolari fl-ittra tat-23 ta’ Settembru 2012:

“Ma hemm l-ebda kwistjoni fuq [il-kwistjoni] dwar minn huwa awtorizzat jirċievi l-ħlasijiet marbuta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ Commodore: Asiarim, bħala proprjetarja ta’ Commodore Licensing […] sal-falliment tat-28 ta’ Diċembru 2011. Wara l-1 ta’ Jannar 2012, Asiarim ittrasferixxiet (jew ġeddet) il-kuntratt tiegħek direttament ma’ Commodore Brand IP […] f’Hong Kong, bħala detentriċi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tat-trade mark sa mit-2 ta’ Novembru 2011 […] Nistennew minnek li tikkonferma l-pożizzjoni tiegħek fil-konfront ta’ Commodore Brand IP […] li hija l-proprjetarja leġittima tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ Commodore u l-kontraenti legali tiegek. Nitolbuk tħallas id-drittijiet b’mod konformi mat-termini u l-kundizzjonijiet previsti fil-kuntratt tagħna […] Aħna nqisuk mingħajr ebda responsabbiltà għal kull pretensjoni ta’ terzi f’dan ir-rigward.”

29      Minħabba dawn il-manuvri u fl-impossibbiltà li jiġi ddeterminat il-proprjetarju legali tar-reġistrazzjoni internazzjonali, Manomio ddeċidiet li tiffriza l-ħlas tad-drittijiet lir-rikorrenti fl-istennija ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fuq il-proprjetà ta’ din ir-reġistrazzjoni, kif jirriżulta minn ittra tas-26 ta’ April 2012 mibgħuta minn Manomio lir-rikorrenti.

30      Asiarim kitbet ukoll diversi drabi lil Leveraged Marketing Corporation of America (iktar ’il quddiem “LMCA”), kumpannija li kienet qiegħda tipporva tikseb liċenzja esklużiva fuq livell dinji fuq it-trade marks Commodore, billi invokat, kif jirriżulta mill-iskambju ta’ korrispondenza bejniethom u b’mod partikolari minn ittra tad-19 ta’ Diċembru 2011, il-fatt li “Commodore Licensing […] [kellha] l-liċenzja sħiħa, mogħtija mir-[rikorrenti] b’esklużività” (Anness 12 tar-rikors, p. 97).

31      Fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2013, id-District Court of New York (Il-Qorti Distrettwali ta’ New York) iddeskriviet il-manuvri ta’ Asiarim kif ġej:

“[I]l-ksur imwettaq minn Asiarim kien volontarju, kif jirriżulta mit-tentattivi manifesti tagħha li tikseb b’mod frawdolenti l-proprjetà tat-trade mark. […] [I]l-Qorti tal-Ġustizzja hija konxja b’mod sħiħ li l-aġir żbaljat notevoli ta’ Asiarim għandu jiġi kemm punit kif ukoll skoraġġut […] Madankollu, il-fatt li [r-rikorrenti] ma tistax tidentifika d-danni tagħha bi preċiżjoni ma jfissirx li sentejn ta’ prattiki ta’ ksur intenzjonali u ta’ frodi min-naħa ta’ Asiarim ma għamlulhiex ħsara. L-aġir żbaljat ta’ Asiarim ċertament ikkawża dannu pekunjarju sinifikattiv [lir-rikorrenti] lil hin mid-dħul mhux riċevut ta’ Manomio.”

32      Fit-tielet lok, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti ġie kkonfrontata b’serje ta’ tilwim, xi wħud minnhom vessatorji, li damu għaddejin għal perijodu twil, jiġifieri wara t-trasferiment tal-proprjetà tas-7 ta’ Novembru 2011 sal-2015, jiġifieri lil hinn mill-perijodu rilevanti. B’hekk, fl-ewwel lok, Asiarim istitwixxiet, minn naħa, kawża għad-danni fl-Istati Uniti kontra l-proprjetarji tar-rikorrenti li fiha talbithom ammont ta’ USD 32 miljun (madwar EUR 27 700 000) rappreżentanti danni minħabba l-akkwist allegatament illegali tat-trade marks Commodore, liema kawża ġiet deċiża definittivament fit-28 ta’ Settembru 2015, u, min-naħa l-oħra, kawża quddiem il-qorti tal-miżuri provviżorji tar-rechtbank ta’ Amsterdam (Il-Qorti ta’ Amsterdam, Il-Pajjiżi l-Baxxi) maħsuba sabiex jiġu maqbuda l-assi tagħhom. Fit-tieni lok, kumpannija oħra, Leadgate SA, li, skont ir-rikorrenti, hija marbuta mad-direttur ta’ Asiarim, ukoll istitwixxiet kawża kontra r-rikorrenti fl-Istati Uniti li fiha talbithom ammont ta’ USD 22 miljun (madwar EUR 19 000 000) rappreżentanti dejn mhux rimborsat li l-garanzija għalih kienet it-trade marks Commodore, li ġiet miċħuda b’mod definittiv fit-18 ta’ Mejju 2015. Din il-kumpannija istitwixxiet ukoll kawża oħra kontra r-rikorrenti quddiem ir-rechtbank Amsterdam (Il-Qorti ta’ Amsterdam) li fiha talbet il-qbid qabel l-eżekuzzjoni forzata tat-trade marks tar-rikorrenti. Issa, ġara li l-imsemmija kumpannija, li qabelxejn ippreżentat ruħha bħala kumpannija stabbilita skont id-dritt Żvizzeru, qabel ma ppretendiet li hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt tal-Uragwaj, qatt ma eżistiet, u dan skont kif ġie kkonstatat mir-rechtbank Amsterdam (Il-Qorti ta’ Amsterdam) fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Lulju 2014 (Anness 16 tar-rikors, p. 155). Fit-tielet lok, ir-rikorrenti kellha tistitwixxi kawża fl-Istati Uniti kontra Asiarim, stabbilita f’Nevada (L-Istati Uniti), sabiex tiddefendi d-dritt tagħha tal-proprjetà fuq ir-reġistrazzjoni internazzjonali u li tiġi kkumpensata għad-danni kkawżati minnha.

33      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi fattwali, il-Bord tal-Appell irrikonoxxa l-eżistenza ta’ “diffikultajiet” li “[setgħu] jostakolaw l-iżvilupp tat-trade mark” (punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata), billi qies li “strateġiji proċedurali frawdolenti u ta’ initimidazzjoni” użati fil-konfront tar-rikorrenti setgħu “indubjament jikkostitwixu ostakolu serju fl-avvjament kummerċjali normali” (punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      Għaldaqstant mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti ġiet effettivament iffaċċjata, għal diversi snin li jkopri parti sinifikattiva mill-perijodu rilevanti u li jmur lil hinn minn dan tal-aħħar, b’serje ta’ manuvri kklassifikati bħala “frawdolenti”, “qarrieqa” u “ta’ intimidazzjonijiet” mid-District Court of New York (Il-Qorti Distrettwali ta’ New York) u mill-Bord tal-Appell stess, konsistenti f’dikjarazzjonijiet foloz ippreżentati lill-awtoritajiet tal-Istati-Uniti, fi dħul f’kuntatt repetut ma’ klijenti eżistenti jew potenzjali tar-rikorrenti kif ukoll f’tilwimiet ikklassifikati bħala “vessatorji” mill-Bord tal-Appell.

35      Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell wettaq żbalji meta kkonkluda, abbażi tal-motivi esposti fil-punti 28 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, favur l-assenza ta’ raġunijiet siewja għal nuqqas ta’ użu fis-sens tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

36      Ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza ta’ kull wieħed mill-ħames motivi adottati mill-Bord tal-Appell fil-punti 28 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata. Waqt is-seduta, l-EUIPO speċifika, b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li l-ewwel sat-tielet motiv (punti 28 sa 30 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-ħames motiv (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata) tad-deċiżjoni kkontestata kellhom jinftiehmu bħala li huma aċċessorji għar-raba’ motiv ta’ din tal-aħħar (punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi speċifikat li l-Bord tal-Appell ma kkontestax fid-deċiżjoni kkontestata li ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti ma kienu jippreżentaw ebda rabta suffiċjentement diretta mat-trade mark ikkontestata. Madankollu, hemm lok li jiġi indikat, b’risposta għal osservazzjoni tal-EUIPO, li, għalkemm huwa minnu li l-argument ippreżentat mir-rikorrenti huwa bbażat fuq ċirkustanzi li jikkonċernaw it-trade marks Commodore fl-intier tagħhom u mhux speċifikament ir-reġistrazzjoni internazzjonali inkwistjoni, l-imsemmija ċirkustanzi indubjament jippreżentaw rabta suffiċjentement diretta ma’ din tal-aħħar, b’mod konformi mal-kriterju adottat mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, Kaane American Internazzjonali Tobacco vs EUIPO – Global Tobacco (GOLD MOUNT), T-294/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:382, punt 41). Fil-fatt, il-manuvri kollha deskritti fil-punti 25 sa 32 iktar ’il fuq kienu jippreżentaw rabta suffiċjentement diretta mat-trade marks Commodore fl-intier tagħhom, u b’hekk ukoll mar-reġistrazzjoni internazzjonali għall-prodotti u s-servizzi inkwistjoni.

38      Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-imsemmija manuvri twettqu mhux biss indipendentment mill-volontà tar-rikorrenti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 18 iktar ’il fuq, iżda anki kontra l-volontà tagħha.

39      Sussegwentement, fir-rigward tal-motivi li abbażi tagħhom il-Bord tal-Appell ibbaża l-parti kkontestata tad-deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li din tal-aħħar ikkonstatat, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “indipendentement mil[l-]proċedura kontenzjuża […] pendenti”, ir-rikorrenti kienet wriet li kien possibbli użu ġenwin matul il-perijodu rilevanti inkonnessjoni mal-prodotti msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq. Issa, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni fir-rigward tar-raġuni għaliex l-użu ta’ din reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea kien possibbli għall-imsemmija prodotti u mhux għall-prodotti jew servizzi inkwstjoni. Konsegwentement, hija stess wriet li, fir-realtà, l-allegata raġuni għal nuqqas ta’ użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali ma kinitx tostakola l-użu ġenwin.

40      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-EUIPO ammetta huwa stess, waqt is-seduta, li l-fatt li l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata kien possibbli għal ċerti prodotti ma kienx jeskludi l-eżistenza ta’ raġunijiet siewja għal nuqqas ta’ użu ta’ din tal-aħħar għal prodotti u servizzi oħra, iżda li, mill-perspettiva tiegħu, ir-rikorrenti ma kinitx spjegat għaliex f’dan il-każ kien hemm din id-differenza fir-rigward tal-użu għall-oġġetti u s-servizzi l-oħra.

41      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, kif barra minn hekk ġie maqbul mill-partiijiet waq is-seduta, li l-eżistenza ta’ użu ġenwin, għal ċerti prodotti u servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata, ma tostakolax, la fil-fatt u lanqas fid-dritt, il-preżenza ta’ raġunijiet siewja għal nuqqas ta’ użu tat-trade mark fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi oħra koperti minnha. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-użu ġenwin fis-sens tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jitwera inkonnessjoni ma’ kull tip ta’ prodotti jew servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata li jista’ jkun kopert b’mod awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 2014, Lidl Stiftung vs UASI – A Colmeia do Minho (FAIRGLOBE), T‑300/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:864, punt 47, u tat-28 ta’ Ġunju 2017, Tayto Group vs EUIPO – MIP Metro (real), T-287/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:443, punt 67). Issa, xejn fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, u l-ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ma tipprekludi li użu ġenwin ta’ trade mark jista’ jintwera inkonnessjoni ma’ ċerti prodotti jew servizzi koperti minn din tal-aħħar, filwaqt li tiġi ġġustifikata l-assenza ta’ tali użu inkonnessjoni ma’ prodotti jew servizzi oħra permezz ta’ raġunijiet siewja ta’ nuqqas ta’ użu.

42      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-kronoloġija taċ-ċirkustanzi esposti fil-punti 23 sa 31 iktar ’il fuq. Fil-fatt, kif ikkonfermat ir-rikorrenti waqt is-seduta, il-kuntratt ta’ liċenzja mogħti lil Manomio, li ppermetta li jiġi stabbilit l-użu ġenwin tar-reġistrazzjoni internazzjonali għall-prodotti elenkati fil-punt 7 iktar ’il fuq, kien ġie konkluż qabel it-trasferiment tal-proprjetà, li skatta l-manuvri kollha deskritti fil-punti 25 sa 31 iktar ’il fuq. Konsegwentement, l-invokazzjoni ta’ dawn tal-aħħar bħala raġunijiet siewja għal nuqqas ta’ użu nuqqas ta’ użu, sa mis-7 ta’ Novembru 2011, ma tikkonradixxix il-preżenza ta’ kuntratti preċedenti għal din id-data. Barra minn dan, mill-proċess jirriżulta li Manomio ddeċdiet hija stess li ma tħallasx lir-rikorrenti speċifikament minħabba l-imsemmija manuvri, kif tfakkar fil-punt 28 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma kien hemm l-ebda kontradizzjoni bejn il-fatt li r-rikorrenti kienet uriet l-użu ġenwin tar-reġistrazzjoni internazzjonali għal ċerti prodotti fil-bidu tal-perijodu rilevanti, filwaqt li sostniet l-eżistenza ta’ raġunijiet siewja għal nuqqas ta’ użu għal prodotti u servizzi oħra matul il-parti rimanenti tal-perijodu rilevanti. Għaldaqstant, l-ewwel motiv tad-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata kemm minn żball ta’ liġi kif ukoll minn żball ta’ evalwazzjoni.

43      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell, filwaqt li ammetta li d-“diffikultajiet waqt in-negozjati tal-kuntratti ma’ terzi […] [setgħu] jostakolaw l-iżvilupp tat-trade mark bil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ liċenzja”, qies li r-rikorrenti ma kienet ipproduċiet l-ebda prova jew argument konvinċenti li juri li dawn id-diffikultajiet kienu ostakolawha milli tuża r-reġistrazzjoni internazzjonali inkwistjoni, “pereżempju bil-manifattura u fil-bejgħ tal-prodotti rreġistrati jew fil-forniment tas-servizzi rreġistrati minnha stess minflok ma tħalli dan f’idejn terzi” (punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Madankollu, huwa stabbilit, kif ġie enfasizzat fil-punt 23 iktar ’il fuq, li l-attività tar-rikorrenti kienet tikkonsisti esklużivament fl-għoti ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ liċenzja u li hija ma kellhiex kapaċitajiet ta’ manifattura jew ta’ riċerka li huma proprji tagħha. Issa, filwaqt li ammetta espliċitament li l-motivi prodotti mir-rikorrenti setgħu jostakolaw il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ liċenzja, il-Bord tal-Appell allega li hija ma kienet ipproduċiet l-ebda prova li turi li hija kienet ostakolata fl-użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali inkwistjoni. B’dan, il-Bord tal-Appell, minn naħa injora l-fatt li l-unika attività tar-rikorrenti kienet tikkonsisti speċifikament fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ liċenzja. It-tieni motiv tad-deċiżjoni kkontestata b’hekk iwassal sabiex ir-rikorrenti tintalab tbiddel b’mod sinifikattiv l-istrateġija kummerċjali tagħha sabiex tirrendi possibbli l-użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali, billi tittrasforma ruħha f’manifattur jew f’fornitur tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni. Madankollu, kif issostni b’mod ħust ir-rikorrenti, tibdil fl-istrateġija kummerċjali ta’ tali portata ma tidhirx li hija raġjonevoli fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 19 iktar ’il fuq.

45      Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell qies li, “indipendentement mill-fatt li [l-] vertenza [bejn ir-rikorrenti u Asiarim u s-sussidjarji tagħha] [setgħet] tostakola l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja” profittabbli ħafna ma’ LMCA, ir-rikorrenti ma wrietx li “din il-kawża kienet tirrendi impossibbli n-negozjati kollha ma’ proprjetarji ta’ liċenzji oħra potenzjali, b’mod partikolari fl-Unjoni Ewropea iktar milli fl-Istati Uniti” (punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata).

46      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat, minn naħa, bħalma tagħmel ir-rikorrenti, li kien b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell irrikjeda li r-rikorrenti turi li ċ-ċirkustanzi invokata minnha kienu jirrendu “impossibbli” n-negozjati kollha ma’ proprjetarji ta’ liċenzji oħra potenzjali, peress li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 18 iktar ’il fuq, l-użu tat-trade mark ikkontestata għandu jkun sar “impossibbli jew mhux raġjonevoli”. Issa, il-Bord tal-Appell ma eżaminax jekk l-elementi prodotti mir-rikorrenti kinux jistabbilixxu suffiċjentement li ma kienx raġjonevoli, mill-perspettiva tal-isħab potenzjali tar-rikorrenti u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li tali negozjati kienu, minkejja l-imsemmija ċirkustanzi, immexxija bil-ħsieb li jiġu konklużi kuntratti ta’ liċenzji.

47      Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-manuvri deskritti fil-punti 25 sa 32 iktar ’il fuq kienu ostakolaw mhux biss il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja ma’ LMCA, iżda wkoll li l-klijent eżistenti, jiġifieri Manomio, kienet iddeċidiet li tiffriża l-ħlas tad-drttijiet tagħha b’konsegwenza speċifika tal-imsemmija manuvri. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma setax, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, jiddeċiedi li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet provi li jikkonċernaw proprejtarji oħrajn ta’ liċenzja, meta dan kien stabbilixxa li sħab kummerċjali eżistenti, jiġifieri Manomio, kienet waqqfet il-ħlas tad-drittijiet tagħha u kienet qiegħda tistaqsi dwar il-kontinwazzjoni tas-sħab tagħha mar-rikorrenti minħabba l-imsemmija manuvri.

48      Fir-rigward tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti ma wrietx l-impossibbiltà li tmexxi negozjati ma’ proprjetarji ta’ liċenzji oħra potenzjali “b’mod partikolari fl-Unjoni Ewropea iktar milli fl-Istati-Uniti”, huwa suffiċjenti li jiġi osservat, minn naħa, li l-Bord tal-Appell ma eżaminax b’mod suffiċjenti jekk iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti u li seħħew fl-Istati Uniti kinux ipproduċew effetti wkoll fit-territorju tal-Unjoni. B’hekk, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt, mhux ikkontestat, li LMCA kienet qiegħda tfittex tikseb liċenzja esklużiva fuq livell dinji għat-trade marks Commodore u għalhekk, potenzjalment, fl-Unjoni wkoll, u lanqas il-fatt li d-dikjarazzjonijiet foloz ta’ Asiarim quddiem is-SEC kienu ġew ippubblikati u kienu direttament aċċessibbli online. Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell lanqas ma ħa inkunsiderazzjoni l-fatt, ukoll mhux ikkontestat, li parti minn dawn iċ-ċirkustanzi ġraw fit-territorju tal-Unjoni. Fil-fatt, il-manuvri deskritti fil-punti 25 sa 32 iktar ’il fuq kienu jirrigwardaw it-trade marks Commodore kollha, inkluż ir-reġistrazzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża odjerna, u raw lok għal tilwim fl-Unjoni wkoll intiżi, b’mod partikolari, għall-qbid tal-imsemmija trade marks (punt 32 iktar ’il fuq).

49      Għaldaqstant, it-tielet motiv adottat mill-Bord tal-Appell huwa vvizzjat kemm minn żball ta’ liġi kif ukoll minn żball ta’ evalwazzjoni.

50      Fir-raba’ lok, skont il-Bord tal-Appell, għalkemm “strateġiji proċedurali frawdolenti u ta’ intimidazzjoni”, bħal dawk li ġiet ikkonfrontat bihom ir-rikorrenti, jistgħu “indubjament jikkostitwixu ostakolu serju fl-avvjament kummerċjali normali”, dawn ma jistgħux “jitqiesu intrinsikament bħala raġunijiet validi sabiex tiġi intimidata jew sabiex twaqqaf l-attivitajiet kummerċjali tagħha, b’mod partikolari meta l-proprjetarji leġittimi ta’ trade mark ma għandhom l-ebda dubju dwar il-leġittimità tad-drittijiet tagħhom” (punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, kien jirriżulta minn dokumenti ġudizzjarji prodotti li r-rikorrenti ma setax ikollha dubju serju fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà tagħha fuq it-trade marks Commodore, fid-dawl tan-natura vessatorja ta’ dawn il-proċeduri.

51      Ir-raba’ motiv adottat mill-Bord tal-Appell, meqjus mill-EUIPO bħala l-motiv ċentrali tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), huwa wkoll żbaljat minn diversi lati.

52      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak indikat mill-Bord tal-Appell, il-kwistjoni ma kinitx dwar jekk ir-rikorrenti kellhiex jew le dubji dwar ir-riżultat finali tal-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni, iżda li jiġi ddeterminat jekk terzi, jiġifieri klijenti eżistenti u potenzjali tar-rikorrenti, setgħux ikampaw bihom, b’tali mod li dawn jastjenu minn kull relazzjoni kummerċjali mar-rikorrenti. Issa, il-Bord tal-Appell naqas milli jeżamina jekk il-manuvri kollha inkwistjoni, li huwa stess ikklassifika bħala “frawdolenti” u “ta’ intimidazzjoni”, setgħux jagħtu lok fil-ħsieb ta’ terzi għal dubju dwar il-proprjetà leġittima tar-reġistrazzjoni internazzjonali li jista’ jikkostitwixxi ostakolu ta’ natura li jirrendi mhux raġjonevoli l-użu ta’ din tal-aħħar, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 18 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet foloz magħmula minn Asiarim quddiem is-SEC kif ukoll tal-fatt li dawn tal-aħħar kienu pubbliċi u direttament aċċessibbli online minn terzi, u lanqas ma ħa inkunsiderazzjoni d-dħul f’kuntatt repetut ta’ Asiarim ma’ Manomio u LMCA, intiż sabiex jiġu ostakolati jew imwaqqfa r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn dawn tal-aħħar u r-rikorrenti.

53      Madankollu, l-EUIPO jsostni li l-problemi u l-vertenzi kummerċjali bejn il-kompetituri huma inerenti għall-ġestjoni ta’ impriża u ma jistgħux intrinsikament jikkostitwixxu ostakolu ta’ natura li jirrendu, fil-każ odjern, l-għoti ta’ liċenzji mhux raġjonevoli. Insostenn ta’ dan l-argument huwa jinvoka s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2015, SMART WATER (T-250/13, mhux ippubblikat, EU:T:2015:160).

54      Madankollu, l-ostakoli li ġiet ikkonfrontata bihom ir-rikorrenti, estranji għall-aġir ta’ din tal-aħħar, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala sempliċi diffikultajiet kummerċjali. Fil-fatt, minn naħa, l-istrataġemi użati minn u mis-sussidjarji tagħha ġew ikklassifikati bħala “frawdolenti”, bħala “qarrieqa” u “ta’ intimidazzjoni” kemm mid-District Court of New York (Il-Qorti Distrettwali ta’ New York) kif ukoll mill-Bord tal-Appell stess, fatt li juri li dawn jeċċedu bil-kbir id-diffikultajiet kummerċjali li tiffaċċja impriża fl-eżerċizzju normali tal-attivitajiet tagħha.

55      Fil-fatt, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ammetta espressament li l-imsemmija strateġiji setgħu “indubjament jikkostitwixxu ostakolu serju” fl-avvjament kummerċjali normali tar-rikorrenti. Issa, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 19 iktar ’il fuq, ostakolu ta’ natura tali li “jikkomprometti serjament” użu adegwat tat-trade mark ikkontestata jikkostitwixxi raġuni siewja għal nuqqas ta’ użu fis-sens tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, il-Bord tal-Appell m jispjegax kif ostakolu kklassifikat minnu stess bħala indubjament “serju” fl-avvjament kummerċjali normali jista’ ma jikkompromettix serjament l-użu adegwat tat-trade mark ikkontestata fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza.

56      L-argument li l-EUIPO jislet mis-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2015, SMART WATER (T-250/13, mhux ippubblikat, EU:T:2015:160), ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, minn naħa, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kienet kwistjoni ta’ problemi tekniċi marbuta mal-manifattura ta’ xarbiet li jikkostitwixxu l-prodotti inkwistjoni u b’hekk ta’ diffikultà kummerċjali ffaċċjata fl-eżerċizzju normali tal-attivitajiet tal-impriża. Min-naħa l-oħra, huwa ċertament minnu, kif tfakkar il-Qorti Ġenerali fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, li l-fatt li jinbdew proċedimenti ta’ revoka kontra trade mark ma jistax, bħala tali, ikun suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ raġunijiet siewja għal nuqqas ta’ użu fis-sens tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, jeħtieġ li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali motivi fuq il-bażi ta’ każ b’każ filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, kif ukoll ir-rekwiżit tal-ġurisprudenza mfakkar fil-punt 18 iktar ’il fuq. Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 25 sa 34 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma ġietx ikkonfrontata b’vertenza waħda li tista’ titqies bħala li taqa’ fl-avvjament kummerjali normali, iżda bi strateġija frawdolenti u qarrieqa, li tinkludi diversi manuvri ta’ natura differenti li l-Bord tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni fl-intier tagħhom.

57      Minn dan isegwi li r-raba’ motiv huwa wkoll ivvizzjat minn żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni.

58      Fil-ħames lok, il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti ma kienx indika “kif il-kawża fl-Istati Uniti setgħet tinfluwenza l-użu [tar-reġistrazzjoni internazzjonali] mill-FC Bayern München fil-Ġermanja” għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25.

59      Huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li l-manuvri deskritti fil-punti 25 sa 32 iktar ’il fuq, manuvri li wħud minnhom twettqu fit-territorju tal-Unjoni (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), kienu ta’ natura li jaffettwaw l-użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali għall-prodotti u s-servizzi kollha inkwistjoni.

60      Fi kwalunkwe każ, il-partijiet jaqblu, fil-kuntest tal-kawża odjerna, fuq il-fatt li l-imsemmi motiv tad-deċiżjoni kkontestata jippreżenta, fid-dawl tal-istruttura ġenerali ta’ din tal-aħħar, natura aċċessorja ħafna, sa fejn dan ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk ir-raġunijiet l-oħra pprovduti mir-rikorrenti sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali kinux jikkostitwixxu jew le raġunijiet siewja fis-sens tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

61      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ebda wieħed mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrati separatament jew flimkien, ma jippermettu li jservu bħala bażi għal din tal-aħħar la fil-fatt u lanqas fid-dritt.

62      Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi osservat li, fuq il-livell temporali, ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ użu pprovduti mir-rikorrenti jkopru parti sinifikattiva tal-perijodu rilevanti, jiġifieri mit-trasferiment tal-proprjetà, fis-7 ta’ Novembru 2011, sat-tmiem tal-perijodu rilevanti, is-26 ta’ Settembru 2014, jiġifieri lil hinn minn dan tal-aħħar. Il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(1)(a) u (2) tar-Regolament 2017/1001), kien suffiċjenti li l-imsemmija raġunijiet ikopru parti mill-perijodu rilevanti sabiex il-proprejtarju tat-trade mark jevita r-revoka tad-drittijiet tiegħu fuq din tal-aħħar.

63      Kemm il-kliem tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll l-għan sottostanti jikkonferma din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, fl-ewwel lok, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-proprejtarju tat-trade mark għandu jiġi ddikjarat żvestit mid-drittijiet tiegħu jekk, matul “perjodu kontinwu ta’ ħames snin”, l-imsemmija trade mark ma kinitx suġġetta għal użu ġenwin fl-Unjoni għall-prodotti jew is-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata, “u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu”. Fi kliem ieħor, jekk, matul perijodu “kontinwu” ta’ ħames snin, la kien hemm użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni u lanqas raġunijiet siewja għal nuqqas ta’ użu ta’ din tal-aħħar, il-proprjetarju għadu jiġi ddikajarat li tilef id-drittijiet tiegħu. Għall-kuntrarju, jekk it-trade mark inkwistjoni tkun ġiet suġġetta għal użu ġenwin jew jekk tali użu jkun ġie ostakolat minħabba raġunijiet siewja matul parti mill-perijodu ta’ ħames snin, dan tal-aħħar ma jkunx baqa’ “kontinwu” fis-sens tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

64      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni tirrileva li huwa suffiċjenti li trade mark tkun ġiet suġġetta għal użu ġenwin matul parti mill-perijodu ta’ ħames snin rilevanti sabiex tevita s-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009 (sentenza tat-13 ta’ Jannar 2011, Park vs UASI – Bae (PINE TREE), T‑28/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:7, punt 88).

65      Bl-istess mod, huwa suffiċjenti li jkunu jeżistu raġunijiet siewja għal nuqqas ta’ użu ta’ trade mark matul parti mill-perijodu rilevanti sabiex il-proprejtarju jevita r-revoka tad-drittijiet tiegħu fuq din it-trade mark. Interpretazzjoni kuntrarja tmur kontra l-kliem tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, liema kliem ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn il-proprjetarji ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li għamlu użu ġenwin mit-trade mark tagħhom u dawk li kienu ostakolati minn raġunijiet siewja.

66      Fit-tieni lok, l-għan sottostanti l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jikkonferma din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, billi ppreveda l-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ raġunijiet siewja, il-leġiżlatur tal-Unjoni fittex li jevita li l-proprjetarju tat-trade mark jiġi ddikjarat li tilef id-drittijiet tiegħu fuq din tal-aħħar jekk huwa kien oġġettivament ostakolat fl-użu ġenwin minn raġunijiet indipendenti mill-volontà tiegħu u għalhekk estranju għall-imsemmi proprjetarju.

67      Issa, jekk jiġi rikjest li tali raġunijiet għandhom ikunu jkopru l-perijodu rilevanti kollu ta’ ħames snin jinħoloq riskju li jitpoġġa f’dubju tali għan. Fil-fatt, il-preżenza ta’ tali raġunijiet, anki meta din tkun ipperdurat biss għal parti mill-perijodu rilevanti, setgħet tostakola jew tal-inqas tittardja l-użu ġenwin tat-trade mark lil hinn mill-perijodu li matulu kienu preżenti dawn ir-raġunijiet. B’hekk, il-fatt li l-avvenimenti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala raġunijiet siewja fis-sens tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 ntemmu f’mument partikolari matul il-perijodu rilevanti ma jfissirx li l-proprjetarju tat-trade seta’ raġjonevolment jirriprendi daqshekk malajr l-użu ġenwin ta’ din tal-aħħar.

68      Bl-istess mod, il-fatt li tali avvenimenti jkunu ġraw mhux fil-bidu tal-perijodu rilevanti, iżda sussegwentement matul dan tal-aħħar ma jippermettix li jiġi ddikjarat li l-proprjetarju tat-trade mark tilef id-drittijiet tiegħu. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq, jekk, sussegwentement, huwa jagħmel użu ġenwin minnha matul il-perijodu rilevanti, huwa ma jkunx jista’ jiġi ddikjarat li tilef id-drittijiet tiegħu fuq it-trade mark. Għandha tintlaħaq l-istess konklużjoni jekk, minkejja l-volontà tiegħu, huwa kien ostakolat milli jagħmel tali użu minn raġunijiet siewja li avveraw ruħhom sussegwentement matul dan il-perijodu.

69      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li jeħtieġ li jintlaqa’ il-“motiv legali uniku” u, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra ppreżentati mir-rikorrenti, li tiġi annullata għal din ir-raġuni d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad ir-rikors tar-rikorrenti fir-rigward tal-eżistenza ta’ raġunijiet siewja għal nuqqas ta’ użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

70      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat-13 ta’ Lulju 2016 (Każ R 2585/2015-4), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Trademarkers NV u C=Holdings BV, hija annullata sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad ir-rikors ta’ C=Holdings fir-rigward tal-eżistenza ta’ raġunijiet siewja għal nuqqas ta’ użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali li din tal-aħħar hija l-proprjetarja tagħha.

2)      L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Tomljenović

Marcoulli

Kornezov

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.