Language of document : ECLI:EU:C:2015:735

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

29 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ġuridika tad-databases – Direttiva 96/9/KE – Artikolu 1(2) – Kamp ta’ applikazzjoni – Databases – Mapep topografiċi – Indipendenza tal-materjali li jikkostitwixxu database – Possibbiltà li jiġu sseparati l-imsemmija materjali mingħajr ma jiġi affettwat il-valur tal-kontenut informattiv tagħhom – Teħid inkunsiderazzjoni tal-iskop ta’ mappa topografika għall-utent”

Fil-Kawża C‑490/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (qorti tal-ġustizzja federali, il-Ġermanja) permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura

Freistaat Bayern

vs

Verlag Esterbauer GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Ewwel Awla, li qed taġixxi bħala President tat-Tieni Awla, K. Lenaerts (Relatur), President tal-Qorti tal-Ġustizzja, J. L. da Cruz Vilaça, C. Lycourgos u J.‑C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Settembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Freistaat Bayern, minn U. Karpenstein u M. Kottmann, avukati,

–        għal Verlag Esterbauer GmbH, minn P. Hertin, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze kif ukoll minn J. Kemper u D. Kuon, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.‑C. Halleux kif ukoll minn L. van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Segoin, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u L. da Conceição Esmeriz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Kraehling, bħala aġent, assistita minn N. Saunders, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Freistaat Bayern (land ta’ Bayern) u Verlag Esterbauer GmbH (iktar ’il quddiem “Verlag Esterbauer”), pubblikatriċi Awstrijaka speċjalizzata f’kollezzjonijiet ta’ mapep ta’ eskursjoni, dwar talba għal mandat ta’ inibizzjoni bbażata fuq il-liġi Ġermaniża dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte, iktar ’il quddiem l-“UrhG”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 9, 10, 12, 14 u 17 tad-Direttiva 96/9 jipprevedu li:

“(9)      Billi databases huma għodda siewja fl-iżvilupp tas-suq ta’ l-informazzjoni fil-Komunità; billi din l-għodda għandha użu wkoll f’ħafna oqsma oħra;

(10)      Billi t-tkabbir esponenzjali fil-Komunità u mad-dinja kollha, fl-ammont ta’ informazzjoni magħmula u pproċessata kull sena fl-oqsma kollha tal-kummerċ u ta’ l-industrija jitlob li jkun hemm investiment fl-Istati Membri kollha fis-sistemi avanzati li jipproċessaw l-informazzjoni;

[...]

(12)      Billi investiment bħal dan għal-ħażna ta’ informazzjoni moderna u sistemi ta’ proċessar ma jseħħ[x] fil-Komunità kemm-il darba ma jkunx hemm sistema ta’ protezzjoni legali stabbli u uniformi għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ dawk li jagħmlu databases;

[...]

(14)      Billi l-protezzjoni taħt din id-Direttiva għandha tkun estiża biex tkopri databases mhux elettroniċi;

[...]

(17)      Billi l-kelma ‘database’ għandha tinftiehem li tinkludi kollezzjonijiet letterarji, artistiċi, mużikali jew kollezzjonijiet oħra ta’ xogħlijiet jew kollezzjonijiet ta’ materjal ieħor bħal testi, ħoss, immaġni, numri, fatti, u data; billi din għandha tinkludi kollezzjonijiet ta’ xogħlijiet indipendenti, data jew materjal ieħor li jkunu rranġati b’mod sistematiku jew metodoloġiku u jkunu aċċessibbli individwalment; [...]”.

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/9, intitolat “Il-Qasam ta’ Applikazzjoni”, jipprevedi li:

“1.      Din id-Direttiva hija dwar il-protezzjoni legali ta’ databases ta’ kull xorta.

2.      Għall-finiijiet ta’ din id-Direttiva, ‘database’ tfisser kollezzjoni ta’ xogħlijiet […], data jew materjali [indipendenti] oħra irranġati b’mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra.

[...]”

 Id-dritt Ġermaniż

5        L-Artikolu 87a tal-UrhG, intitolat “Definizzjonijiet”, jittrasponi fid-dritt Ġermaniż, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6        Il-land ta’ Bavarja jippubblika, permezz tal-uffiċċju reġjonali tal-istħarriġ u tal-informazzjoni ġeografika (Landesamt für Vermessung und Geoinformation), mapep topografiċi fuq skala ta’ 1:50 000 għal-land ta’ Bavarja kollu. Verlag Esterbauer hija pubblikatriċi Awstrijaka li tippubblika fost oħrajn atlasijiet, kotba ta’ rotot u mapep ġeografiċi għaċ-ċiklisti, għall-mountain bikers u għal dawk li jipprattikaw l-inline skating.

7        Il-land ta’ Bavarja jqis li Verlag Esterbauer użat illegalment il-mapep topografiċi tagħha u approprjat id-data li fuqha huma bbażati sabiex tipproduċi l-mapep tagħha stess. Għalhekk, huwa ressaq kawża quddiem il-Landgericht München (qorti reġjonali ta’ Munich) għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni fil-konfront ta’ dawn il-prattiki u għall-kundanna ta’ Verlag Esterbauer għad-danni. Din il-qorti tal-ewwel istanza laqgħat it-talbiet kollha tiegħu.

8        Verlag Esterbauer appellat quddiem l-Oberlandesgericht München (qorti reġjonali superjuri ta’ Munich), li annullat parzjalment is-sentenza tal-Landgericht München. L-Oberlandesgericht awtorizzat ir-“Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof (qorti tal-ġustizzja federali) biss sa fejn hija ċaħdet it-talbiet tal-land ta’ Bavarja bbażati fuq il-protezzjoni tad-databases skont l-Artikolu 87a et seq tal-UrhG.

9        Il-Bundesgerichtshof (qorti tal-ġustizzja federali) għandha dubji, f’dan il-kuntest, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/9 u dwar l-inklużjoni eventwali tal-mapep topografiċi stabbiliti mil-land ta’ Bavarja fil-kunċett ta’ “database”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-data li tindika il-koordinati ta’ punti speċifiċi tas-superfiċji terrestri li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “materjali indipendenti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

10      Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Bundesgerichtshof (qorti tal-ġustizzja federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fl-ambitu tat-tweġiba għall-kwistjoni ta’ jekk teżistix kollezzjoni ta’ materjali indipendenti fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9/KE, peress li l-materjali jistgħu jiġu sseparati minn xulxin mingħajr ma jiġi affettwat il-valur informattiv tagħhom, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kull valur informattiv prevedibbli jew biss il-valur li għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-iskop tal-kollezzjoni u billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-aġir tal-utent li jirriżulta b’mod ġenerali?”

 Fuq id-domanda preliminari

11      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-data ġeografika estratta minn mappa topografika għall-finijiet tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ mappa oħra żżomm, wara l-estrazzjoni tagħha, valur informattiv suffiċjenti sabiex tiġi kklassifikata bħala “materjal indipendenti” ta’ “database” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

12      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa konformi mal-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni li l-kunċett ta’ “database”, fis-sens tad-Direttiva 96/9, jingħata portata wiesgħa, mingħajr kunsiderazzjonijiet ta’ natura formali, teknika jew materjali (ara s-sentenzi Fixtures Marketing, C‑444/02, EU:C:2004:697, punt 20, u Ryanair, C‑30/14, EU:C:2015:10, punt 33).

13      Fil-fatt, l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li din tikkonċerna l-protezzjoni legali ta’ databases “ta’ kull xorta”.

14      Il-premessa 17 tad-Direttiva 96/9 tippreċiża f’dan ir-rigward li l-kunċett ta’ database għandu jinftiehem b’mod li japplika għal “kollezzjonijiet letterarji, artistiċi, mużikali jew kollezzjonijiet oħra ta’ xogħlijiet jew kollezzjonijiet ta’ materjal ieħor bħal testi, ħoss, immaġni, numri, fatti, u data” (ara s-sentenza Fixtures Marketing, C‑444/02, EU:C:2004:697, punt 23). Barra minn hekk, mill-premessa 14 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija minnha tkopri kemm id-databases elettroniċi kif ukoll dawk mhux elettroniċi.

15      In-natura analoga tal-mapep topografiċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali li kienet tirrikjedi li dawn jiġu skanjati sabiex jintużaw individwalment bl-għajnuna ta’ programm grafiku ma tipprekludihomx milli jingħataw il-klassifikazzjoni ta’ “database” fis-sens tal-istess direttiva.

16      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’dan il-kuntest ta’ interpretazzjoni wiesgħa, il-kunċett ta’ “database” fis-sens tad-Direttiva 96/9 huwa ddefinit b’mod iktar speċifiku skont il-funzjoni tiegħu (ara s-sentenza Fixtures Marketing, C‑444/02, EU:C:2004:697, punt 27). Hekk kif jirriżulta mill-premessi 9, 10 u 12 tal-imsemmija direttiva, il-protezzjoni ġuridika stabbilita minnha hija intiża sabiex tippromwovi l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ ħażna u ta’ pproċessar ta’ data sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq tal-informazzjoni f’kuntest ikkaratterizzat minn tkabbir esponenzjali fl-ammont ta’ data maħluqa u pproċessata kull sena fl-oqsma kollha ta’ attività (ara s-sentenzi Fixtures Marketing, C‑46/02, EU:C:2004:694, punt 33; The British Horseracing Board et, C‑203/02, EU:C:2004:695, punt 30; Fixtures Marketing, C‑338/02, EU:C:2004:696, punt 23, kif ukoll Fixtures Marketing, C‑444/02, EU:C:2004:697, punt 39).

17      Għalhekk, il-klassifikazzjoni bħala “database” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9 hija suġġetta għall-eżistenza ta’ kollezzjoni ta’ “materjali indipendenti”, jiġifieri materjali li jistgħu jiġu sseparati minn xulxin mingħajr ma jiġi affetwat il-kontenut informattiv, letterarju, artistiku, mużikali jew kontenut ieħor tagħhom (ara s-sentenza Fixtures Marketing, C‑444/02, EU:C:2004:697, punt 29).

18      Verlag Esterbauer u l-Kummissjoni Ewropea josservaw li, għal dak li jirrigwarda l-mapep topografiċi analogi, il-materjal separabbli li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa kompost minn żewġ elementi ta’ data li jikkorrispondu, minn naħa, għall-“punt ta’ koordinati ġeografiċi”, jiġifieri l-kodiċi numeriku li jikkorrispondi għal punt speċifiku ta’ koordinati tat-two-dimensional grid network u, min-naħa l-oħra, il-“firma”, jiġifieri l-kodiċi numeriku użat mill-produttur tal-mappa sabiex jiddisinja element uniku, pereżempju knisja. Huma josservaw li l-valur informattiv ta’ din id-data jonqos kważi għal żero wara l-estrazzjoni tagħha mill-mappa topografika sa fejn, għal dak li jirrigwarda l-eżempju msemmi, il-firma “knisja” indikata f’ċertu punt ta’ koordinati ġeografiċi, fl-assenza ta’ informazzjoni iktar speċifika dwar fejn tinsab il-knisja, ma turix jekk il-knisja tinsabx f’belt jew f’villaġġ speċifiku.

19      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mapep topografiċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iservu bħala prodotti bażiċi li jintużaw għall-produzzjoni ta’ subprodotti permezz tal-estrazzjoni selettiva ta’ materjal minn dawn il-mapep. Fil-kawża prinċipali, Verlag Esterbauer użat proċess ta’ skanjar sabiex twettaq estrazzjoni ta’ data ġeografika dwar ir-rotot adatti għaċ-ċiklisti, għall-mountain bikers jew għal dawk li jipprattikaw l-inline skating mill-mapep topografiċi tal-land ta’ Bavarja.

20      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li mhux biss data individwali, iżda wkoll għaqda ta’ elementi ta’ data, jistgħu jikkostitwixxu “materjal indipendenti” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9 (ara s-sentenzi Fixtures Marketing, C‑444/02, EU:C:2004:697, punt 35, kif ukoll Football Dataco et, C‑604/10, EU:C:2012:115, punt 26).

21      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9 ma jipprekludix li ż-żewġ elementi ta’ data msemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza jew għaqda ikbar ta’ elementi ta’ data, bħad-data ġeografika dwar ir-rotot adatti għaċ-ċiklisti, għall-mountain bikers jew għal dawk li jipprattikaw l-inline skating, jistgħu jitqiesu bħala “materjal indipendenti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni madankollu li l-estrazzjoni tal-imsemmija data mill-mappa topografika ma taffettwax il-valur tal-kontenut informattiv tagħhom fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 17 ta’ din is-sentenza.

22      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-valur tal-kontenut informattiv ta’ materjal minn kollezzjoni ma jiġix affettwat fis-sens tal-imsemmija ġurisprudenza jekk, wara l-estrazzjoni ta’ dan il-materjal mill-kollezzjoni kkonċernata, dan il-materjal ikollu valur informattiv awtonomu (ara s-sentenzi Fixtures Marketing, C‑444/02, EU:C:2004:697, punt 33, kif ukoll Football Dataco et, C‑604/10, EU:C:2012:115, punt 26).

23      Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-ħolqien ta’ database, li d-Direttiva 96/9, hekk kif jirriżulta mill-punt 16 ta’ din is-sentenza, hija intiża li tippromwovi permezz tal-protezzjoni ġuridika stabbilita minnha, jista’ jagħti valur miżjud lill-materjali li jikkostitwixxu din id-database billi dawn jitqiegħdu b’mod sistematiku u metodiku u billi jkunu aċċessibbli individwalment. Għalkemm il-valur ta’ materjal minn kollezzjoni jiżdied billi jitqiegħed f’dik il-kollezzjoni b’mod partikolari, l-estrazzjoni tiegħu minn dik il-kollezzjoni tista’ tirriżulta fi tnaqqis korrispondenti fil-valur iżda ma taffettwax il-klassifikazzjoni tiegħu bħala “materjal indipendenti” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9, bil-kundizzjoni li dan il-materjal iżomm valur informattiv awtonomu.

24      Minn dan jirriżulta li tnaqqis fil-valur informattiv ta’ materjal li huwa marbut mal-estrazzjoni tiegħu mill-kollezzjoni li fiha jinsab ma jeskludix neċessarjament li dan il-materjal jkun jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “materjali indipendenti” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9, bil-kundizzjoni li dan il-materjal iżomm valur informattiv awtonomu.

25      Għal dak li jirrigwarda d-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar l-evalwazzjoni tal-valur awtonomu tal-materjali li jikkostitwixxu mapep topografiċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari d-domanda dwar jekk dan il-valur għandux jiġi evalwat fid-dawl tal-iskop ta’ tali mapep jew fid-dawl tal-użu li jsir minnhom minn utent tipiku, għandu jitfakkar li l-mapep topografiċi jippermettu diversi użi bħall-ippjanar ta’ vjaġġ bejn żewġ punti, il-preparazzjoni ta’ eskursjoni bir-rota, it-tfittxija ta’ isem jew tal-post fejn tinsab triq, belt, xmara, lag jew muntanja, il-wisgħa ta’ kanali tal-ilma jew l-għoli ta’ riżalt fil-pajsaġġ.

26      Minbarra d-diffikultà involuta fid-determinazzjoni ta’ skop prinċipali jew ta’ utent tipiku ta’ kollezzjoni, bħal mappa topografika, l-applikazzjoni ta’ tali kriterju għall-evalwazzjoni tal-valur informattiv awtonomu tal-materjali li jikkostitwixxu kollezzjoni tmur kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti portata wiesgħa lill-kunċett ta’ database.

27      Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mis-sentenza Fixtures Marketing (C‑444/02, EU:C:2004:697), jirriżulta li l-valur informattiv awtonomu ta’ materjal li jiġi estratt minn kollezzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-valur tal-informazzjoni mhux għal utent tipiku tal-kollezzjoni ikkonċernata, iżda għal kull terz interessat mill-materjal estratt. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-fatt, li d-data dwar logħba tal-futbol, li kienet ġiet estratta minn kumpannija li torganizza logħob tal-ażżard minn kollezzjoni, li kienet inħolqot mill-organizzaturi ta’ kampjonat tal-futbol u li kien fiha informazzjoni dwar il-logħbiet kollha fil-kuntest ta’ dak il-kampjonat, kellha valur awtonomu fis-sens li kienet tipprovdi lit-terzi interessati, jiġifieri l-klijenti tal-kumpannija li torganizza logħob tal-ażżard, l-informazzjoni rilevanti (ara s-sentenza Fixtures Marketing, C‑444/02, EU:C:2004:697, punt 34).

28      Għaldaqstant, data minn kollezzjoni li tintuża għal qligħ finanzjarju u b’mod awtonomu, bħad-data estratta minn Verlag Esterbauer mill-mapep topografiċi tal-land ta’ Bavarja, tikkostitwixxi “materjal indipendenti” ta’ “database” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9 peress li, wara l-estrazzjoni tagħha, l-imsemmija data tipprovdi informazzjoni rilevanti lill-klijenti tal-kumpannija li tuża dik id-data.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data ġeografika estratta minn terz minn mappa topografika għall-finijiet tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ mappa oħra żżomm, wara l-estrazzjoni tagħha, valur informattiv suffiċjenti sabiex tiġi kklassifikata bħala “materjal indipendenti” ta’ “database” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

30      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data ġeografika estratta minn terz minn mappa topografika għall-finijiet tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ mappa oħra żżomm, wara l-estrazzjoni tagħha, valur informattiv suffiċjenti sabiex tiġi kklassifikata bħala “materjal indipendenti” ta’ “database” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.