Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Frar 2010 - Jurašinović vs Il-Kunsill

(Kawża T-63/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Ivan Jurašinović (Angers, Franza) (rappreżentant: N. Amara-Lebret, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tas-7 ta' Diċembru 2009 li permezz tagħha r-rikorrent ġie rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti li ġejjin:

deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni lill-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja ta' dokumenti li din il-qorti talbet li jintbagħtulha fil-kuntest tas-smigħ tal-każ Gotovina;

il-korrispondenza kollha skambjata f'dan il-kuntest mill-istituzzjonijiet tal-UE mal-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja (flimkien ma' eventwali annessi) u b'mod partikolari t-talbiet inizjali ġejjin kemm mill-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja kif ukoll mill-avukati ta' A. GOTOVINA;

tordna lill-Kunsill tal-UE - Segretarjat Ġenerali jawtorizza l-aċċess, taħt forma elettronika, tad-dokumenti kollha mitluba;

tordna lill-Kunsill tal-UE jħallas lir-rikorrent is-somma ta' EUR 2 000 mingħajr taxxa, jiġifieri EUR 2,392 inklużi t-taxxi kollha bħala ħlas għall-proċeduri flimkien mal-interessi skont ir-rata tal-BĊE fil-ġurnata tal-preżentata tar-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill, tas-7 ta' Diċembru 2009, li tirrifjutalu l-aċċess għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni lill-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja (QKIJ) ta' dokumenti li din il-qorti talbet li jintbagħtulha fil-kuntest tas-smigħ tal-każ Gotovina u l-korrispondenza kollha skambjata f'dan il-kuntest mill-istituzzjonijiet tal-UE u mal-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja (flimkien mal-annessi eventwali), b'mod partikolari t-talbiet inizjali ġejjin kemm mill-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja kif ukoll mill-avukati ta' A. Gotovina.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni erba' motivi bbażati:

fuq żball ta' liġi peress li l-Kunsill irrifjuta l-aċċess għad-dokumenti abbażi tal-Artikolu 70B tar-Regoli tal-Proċedura u tal-Provi tal-QKIJ, meta fil-fatt dan it-test huwa inapplikabbli;

fuq in-nuqqas ta' preġudizzju għall-ħarsien tal-proċeduri fil-qrati u tal-pariri legali skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2), tar-Regolament Nru 1049/20011 peress li din l-eċċezzjoni tikkonċerna l-ħarsien tal-proċeduri fil-qrati tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri u mhux tal-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja li tinsab barra mill-ġurisdizzjoni tal-UE;

fuq in-nuqqas ta' preġudizzju għall-ħarsien tal-interess pubbliku f'dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-istess regolament;

fuq l-eżistenza ta' interess pubbliku ikbar [superjuri] skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi Regolament Nru 1049/2001 peress li r-rikorrent jitlob il-komunikazzjoni tad-dokumenti mitluba sabiex isostni d-drittijiet tiegħu fil-kuntest tal-Kawża T-465/09. Din it-talba hija parti mill-aċċess għall-ġustizzja u mid-dritt għal smigħ xieraq quddiem il-qorti Ewropea. Barra minn hekk, il-kunflitt li jirreferu għalih dawn id-dokumenti ntemm fl-1995.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)