Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Awwissu 2008 - vwd Vereinigte Wirtschaftsdienste vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-353/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: vwd Vereinigte Wirtschaftsdienste AG (Frankfurt am Main, il-Ġermanja) (rappreżentanti: R. Bechtold, U. Soltész u C. von Köckritz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

b'mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 231 KE, tiddikjara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2008 - COMP/M.4726 - Thomson Corporation vs Reuters Group - bħala nulla u mingħajr effett fl-intier tagħha;

b'mod konformi mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2008 fil-kawża COMP/M.4726 - Thomson Corporation vs Reuters Group, li biha l-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni bejn il-fornituri ta' informazzjoni finanzjarja Thomson Corporation u Reuters Group hija kompatibbli mas-suq komuni, b'mod konformi mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament KE dwar il-konċentrazzjonijiet .

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni u ta' liġi, kif ukoll b'difetti proċedurali serji. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi.

Fl-ewwel lok, hija ssostni li s-suq ta' real-time datafeeds ma ġiex iddefinit korretament, b'tali mod li d-deċiżjoni hija kontradittorja u tmur kontra l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni.

Fit-tieni lok, hija tinvoka żball ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq u fir-rigward tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq ta' real-time datafeeds, sa fejn il-pressjoni ta' kompetizzjoni eżerċitata minn Thomson ma ġietx evalwata korrettament, waqt l-evalwazzjoni tal-effetti orizzontali tal-konċentrazzjoni, u sa fejn l-effetti vertikali ta' din tal-aħħar ġew injorati.

Fit-tielet lok, hija ssostni li, waqt l-evalwazzjoni tal-effetti orizzontali tal-konċentrazzjoni fuq is-suq tal-market data platforms, il-pressjoni ta' kompetizzjoni eżerċita minn Thomson flimkien ma' dik eżerċitata minn Wombat, l-uniku kompetitur serju potenzjali, ġiet injorata.

Fir-raba' lok, hija ssostni li l-inċentiv dejjem jikber ta' Reuters li tostakola l-aċċess tat-terzi għall-contribution data, iżolat permezz tal-konċentrazzjoni, ma ġiex eżaminat.

Fil-ħames lok, hija ssostni li l-pożizzjoni tal-partijiet u l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-suq tan-news ma ġewx evalwati korrettament u li l-kostituzzjoni ta' monopolju fuq is-suq upstream ġiet permessa mingħajr motivi li jistgħu jiġu mifhuma.

Fis-sitt lok, hija ssostni li s-swieq ta' desktop products in research & asset management u b'mod partikolari, is-swieq nazzjonali ta' wealth management desktop products ma kinux is-suġġett ta' riċerki suffiċjenti fir-rigward tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni.

Fis-seba' lok, hija ssostni li l-effetti negattivi globali tal-konċentrazzjoni lil hinn mill-fruntieri tas-suq ma ġewx eżaminati, minkejja li l-Kummissjoni rrikonoxxiet fid-deċiżjoni tagħha li s-swieq ikkonċernati jikkoinċidu.

Fit-tmien lok, hija ssostni li impenji li ma jaffetwawx is-swieq kollha tqiesu bħala suffiċjenti, swieq li fuqhom il-konċentrazzjoni kellha bħala effett li tostakola kompetizzjoni effettiva.

Fid-disa' lok, hija ssostni li dawn l-impenji, barra minn hekk, mhumiex tali li jiżġuraw kompetizzjoni effettiva fl-oqsma li huma jkopru.

Fl-għaxar lok, hija ssostni li d-dritt tagħha għal smigħ ġie miksur minħabba difetti proċedurali.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta' Jannar 2004, dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi ("ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet") (ĠU L 24, p. 1).