Language of document : ECLI:EU:C:2019:363

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑2 ta’ Mejju 2019 (1)

Kawża C683/17

Cofemel – Sociedade de Vestuário SA

vs

G-Star Raw CV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Protezzjoni ġuridika tad-disinni – Dritt ta’ riproduzzjoni – Ħwejjeġ”






 Introduzzjoni

1.        Il-protezzjoni ġuridika ta’ xogħlijiet tal-arti applikata hija prattikament antika daqs dik tal-proprjetà intellettwali inġenerali (2). Madankollu, din għad għandha diffikultajiet sabiex issib postha fi ħdan is-sistema tad-dritt tal-proprjetà intellettwali. Din tkopri tliet oqsma ewlenin: il-protezzjoni tal-invenzjonijiet permezz tad-dritt tal-privattivi, dik tal-kreazzjonijiet intellettwali permezz tad-drittijiet tal-awtur u dik tar-reputazzjoni permezz tad-dritt tat-trade marks. Minħabba n-natura kemm dekorattiva kif ukoll utilitarja tagħhom u l-użu kemm artistiku kif ukoll industrijali tagħhom, l-oġġetti tal-arti applikata huma suxxettibbli għal dawn it-tliet forom ta’ protezzjoni, mingħajr, madankollu, ma jissodisfaw perfettament l-għanijiet jew il-mekkaniżmi ta’ ebda waħda minnhom (3). Għalkemm ġew żviluppati sistemi ta’ protezzjoni sui generis, partikolarment fl-Ewropa, din il-protezzjoni qatt ma kisbet status esklużiv: tista’ dejjem tkun kumulattiva ma’ tipi oħra ta’ protezzjoni (4).

2.        Din il-kawża tikkonċerna b’mod iktar partikolari l-kumulu tal-protezzjoni tad-disinni fis-sistema sui generis mal-protezzjoni tagħhom bħala xogħlijiet permezz tad-drittijiet tal-awtur. Ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni minn dejjem kienet sors ta’ eżitazzjonijiet, kemm mil-leġiżlatur kif ukoll fil-ġurisprudenza, u ta’ kontroversji.

3.        Minn naħa, in-natura utilitarja u funzjonali ta’ xogħlijiet tal-arti applikata u l-fatt li huma intiżi li jiġu prodotti fuq skala industrijali bil-massa tqajjem dubji dwar kemm jistgħu jkunu protetti mid-drittijiet tal-awtur u l-konformità ta’ din il-protezzjoni mal-bażi assjoloġika tagħha (ir-relazzjoni personali li torbot l-awtur max-xogħol tiegħu) kif ukoll l-għanijiet tagħhom (ir-remunerazzjoni għall-isforz intellettwali kreattiv). Il-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tad-disinni b’mod partikolari tippreżenta żewġ tipi ta’ perikoli: l-inflazzjoni tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur u l-ostakolu għall-kompetizzjoni ekonomika libera (5). Għal din ir-raġuni, ħafna ordinamenti ġuridiċi żviluppaw dispożizzjonijiet maħsuba sabiex jirriżervaw il-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni li jkollhom valur artistiku għoli. Wieħed jista’ jikkwota d-duttrina tax-“scindibilità” fid-dritt Taljan, ix-“Stufentheorie” fid-dritt Ġermaniż, jew il-limitazzjoni fuq il-perijodu ta’ protezzjoni għall-oġġetti prodotti fuq skala industrijali fid-dritt tar-Renju Unit (6).

4.        Min-naħa l-oħra, ċerti xogħlijiet tal-arti applikata, bla ebda dubju għandhom grad għoli ta’ oriġinalità. Biżżejjed wieħed jaħseb fl-istili żviluppati f’dan il-qasam bħal Art deco jew il-Bauhaus. L-istess japplika għas-settur tal-attività kkonċernat f’din il-kawża, jiġifieri l-ħwejjeġ: dawk tal-haute couture huma kemm xogħlijiet tal-arti kif ukoll ħwejjeġ, jekk mhux iktar xogħlijiet tal-arti milli ħwejjeġ. Għaldaqstant ma huwiex iġġustifikat li jiġu esklużi a priori xogħlijiet tal-arti applikata mill-protezzjoni mid-drittijiet tal-awtur sempliċement minħabba n-natura funzjonali (wkoll) tagħhom. Barra minn hekk, kategoriji oħra ta’ xogħlijiet, li fir-rigward tagħhom il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ma titpoġġix fid-dubju, jista’ jkollhom ukoll funzjoni utilitarja, filwaqt li jibqgħu kreazzjonijiet intellettwali oriġinali. Dan huwa l-każ ta’ ċerti xogħlijiet letterarji, fotografiċi jew anki mużikali.

5.        B’hekk, l-opzjoni magħżula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-ispirtu tat-teorija tal-unità tal-arti żviluppata fid-duttrina ġuridika Franċiża (7), tal-kumulu tal-protezzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti applikata permezz ta’ sistema sui generis u permezz tad-drittijiet tal-awtur, ma tidhirx li hija irrilevanti (8). Madankollu, huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-awtonomija u t-twettiq tal-għanijiet rispettivi ta’ kull sistema ta’ protezzjoni.

6.        Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tiddeċiedi kwistjonijiet ta’ dritt imressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall) fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

7.        Skont l-Artikolu 2(1) u (7) tal-Konvenzjoni ta’ Berne għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iffirmata f’Berne fid‑9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), kif emendata fit‑28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”) (9):

“1)      It-termini ‘xogħlijiet letterarji u artistiċi’ jkopru kull produzzjoni fil-qasam letterarju, xjentifiku u artistiku, indipendentement mill-mod jew mill-forma ta’ espressjoni bħal: […] ix-xogħlijiet tal-arti applikata […].

[…]

7)      Huwa rriservat għal-leġiżlazzjonijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni li jirregolaw il-qasam ta’ applikazzjoni tal-liġijiet li jikkonċernaw ix-xogħlijiet tal-arti applikata u d-disinni industrijali, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet u disinni, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(4) ta’ din il-Konvenzjoni [(10)]. Ix-xogħlijiet protetti unikament bħala disinni fil-pajjiż ta’ oriġini huma intitolati, f’pajjiż ieħor tal-Unjoni, biss għal dik il-protezzjoni speċjali li tingħata f’dak il-pajjiż lid-disinni; madankollu, jekk protezzjoni speċjali bħal din ma tingħatax f’dak il-pajjiż, dawn ix-xogħlijiet għandhom jiġu protetti bħala xogħlijiet artistiċi.

[…]”

8.        Skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim TRIPS:

“1.      Il-Membri għandhom jipprovdu għall-protezzjoni ta’ disinji industrijali maħluqa indipendentement li huma oriġinali jew ġodda. […]

2.      Kull Membru għandu jassigura li l-ħtiġijiet għas-sigurezza għall-protezzjoni tad-disinji ta’ tessuti, partikolarment dwar l-ispejjeż, eżaminazzjoni u jew pubblikazzjoni, ma jfixklux bla raġuni l-opportunità li wieħed ifittex jew iġib din il-protezzjoni. Il-Membri għandhom jkunu ħielsa li jwettqu dan l-obbligu permezz ta’ disinn industrijali jew permezz ta’ liġi dwar id-drittijiet ta’ l-awtur.”

 Id-dritt tal-Unjoni

9.        L-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (11) jipprovdi:

“Disinn protett minn dritt ta’ disinn reġistrat fi jew għal Stat Membru skond din id-Direttiva għandu jkun eliġibbli wkoll għal protezzjoni taħt il-liġi tad-dritt ta’ l-awtur ta’ dak l-Istat sa mid-data li fiha d-disinn ikun inħoloq jew stabbilit f’kull forma. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sa fejn u l-kondizzjonijiet li bihom tingħata dik il-protezzjoni, magħdud il-grad ta’ oriġinalità meħtieġ.”

10.      Bis-saħħa tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (12):

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[…]”

11.      Skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar drittijiet ta’ privattivi partikolari, trade marks, drittijiet ta’ disinni, mudelli ta’ utilità, topografiji ta’ prodotti ta’ semikondutturi, type faces, aċċess kondizzjonat, aċċess għal cable ta’ servizzi tax-xandir, protezzjoni ta’ teżori nazzjonali, ħtiġiet ta’ depożiti legali, liġijiet dwar prattiċi restrittivi u kompetizzjoni inġusta, sigrieti professjonali, sigurtà, kunfidenzalità, protezzjoni u privatezza ta’ data, aċċess għal dokumenti pubbliċi, il-liġi tal-kuntratt.”

12.      L-Artikolu 96(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (13) jipprovdi:

“Disinn protett minn disinn Komunitarju għandu jkun eliġibbli wkoll għall-protezzjoni skond il-liġijiet tad-drittijiet ta’ l-awtur ta’ l-Istati Membri mid-data li fiha d-dritt kien maħluq jew iffissat f’kull għamla. Sa fejn u sakemm li għalihom din il-protezzjoni tiġi kkonferita u l-kondizzjonijiet li fuqhom din il-protezzjoni tiġi kkonferita, inkluż il-livell meħtieġ ta’ l-oriġinalità, għandhom jiġu stabbiliti minn kull Stat membru.”

 Id-dritt Portugiż

13.      Id-Direttiva 2001/29 ġiet trasposta fid-dritt Portugiż fil-Código do Direito de Autor e dos Direitos Conexos (il-Kodiċi tad-Drittijiet tal-Awtur u tad-Drittijiet Relatati), li l-Artikolu 2(1) tiegħu jelenka l-kategoriji ta’ oġġetti protetti permezz tad-drittijiet tal-awtur f’dawn it-termini:

“1.      Il-kreazzjonijiet intellettwali fl-oqsma letterarji, xjentifiċi u artistiċi, ikun x’ikun il-ġeneru tagħhom, il-forma ta’ espressjoni, il-mertu, il-mod ta’ komunikazzjoni u l-għan, jinkludu b’mod partikolari:

[…]

i)      ix-xogħlijiet tal-arti applikata, disinni industrijali u xogħlijiet tal-arti li jikkostitwixxu kreazzjoni artistika, irrispettivament mill-protezzjoni tal-proprjetà industrijali;

[…]”

 Il-kawża prinċipali, il-proċedura u d-domandi preliminari

14.      G-Star Raw CV (iktar ’il quddiem “G-Star”), kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż, toħloq, tipproduċi u tikkummerċjalizza l-ħwejjeġ. G-Star tuża, bħala detentriċi jew bis-saħħa ta’ kuntratti ta’ liċenzja esklużiva, it-trade marks G-Star, G-Star Raw, G-Star Denim Raw, GS-Raw, G-Raw u Raw. Il-ħwejjeġ ikkummerċjalizzati taħt dawn it-trade marks jinkludu b’mod partikolari mudelli ta’ jeans imsejħa Arc, kif ukoll mudelli ta’ sweat-shirts u tee-shirts imsejħa Rowdy.

15.      Cofemel – Sociedade de Vestuario SA (iktar ’il quddiem “Cofemel”), kumpannija rregolata mid-dritt Portugiża, toħloq, tipproduċi u tikkummerċjalizza, taħt it-trade mark Tiffosi, mudelli ta’ jeans, sweat-shirts u tee-shirts.

16.      Fit‑30 ta’ Awwissu 2013, G-Star adixxiet qorti Portugiża tal-ewwel istanza b’azzjoni intiża prinċipalment sabiex Cofemel tiġi ordnata twaqqaf il-ksur kollu tad-drittijiet tal-awtur tagħha u kull att ta’ kompetizzjoni żleali kontriha kif ukoll sabiex tikkumpensaha għad-dannu mġarrab b’riżultat ta’ dan il-fatt u, fil-każ ta’ ksur ġdid, tħallasha pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum sal-waqfien tiegħu. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, G-Star argumentat b’mod partikolari li ċerti mudelli ta’ jeans, sweat-shirts u tee-shirts ikkummerċjalizzati minn Cofemel kellhom disinn identiku jew simili għal dak tal-mudelli tagħha Arc u Rowdy. G-Star sostniet ukoll li dawn tal-aħħar kienu kreazzjonijiet intellettwali oriġinali u, bħala tali, xogħlijiet ta’ disinn protetti permezz tad-drittijiet tal-awtur.

17.      Is-sentenza mogħtija mill-qorti adita laqgħet parzjalment ir-rikors imressaq minn G-Star. Cofemel appellat minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona, il-Portugall), li kkonfermatha.

18.      Adita b’appell ta’ Cofemel, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) tqis bħala stabbilit, l-ewwel nett, li l-mudelli ta’ ħwejjeġ ta’ G-Star ikkupjati minn Cofemel kienu ġew iddisinjati minn disinjaturi mpjegati minn G-Star jew minn disinjaturi li jaġixxu għaliha u li kienu assenjawlha kuntrattwalment id-drittijiet tal-awtur tagħhom. It-tieni nett, dawn il-mudelli tal-ħwejjeġ huma r-riżultat ta’ kunċetti u ta’ proċessi ta’ manifattura rrikonoxxuti bħala innovattivi fid-dinja tal-moda. It-tielet nett, dawn il-mudelli huma kkaratterizzati minn sett ta’ elementi speċifiċi (forma tridimensjonali, pożizzjoni ta’ ċerti komponenti, skema ta’ assemblaġġ u ta’ kuluri, eċċ.), parzjalment riprodotti fil-mudelli tal-ħwejjeġ ta’ Cofemel. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) tistaqsi dwar it-tifsira li għandha tingħata lill-Artikolu 2(1)(i) tal-Kodiċi tad-Drittijiet tal-Awtur u tad-Drittijiet Relatati. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, filwaqt li tinkludi b’mod ċar xogħlijiet tal-arti applikata, disinni industrijali u xogħlijiet ta’ disinn li jikkostitwixxu kreazzjoni artistika fil-lista ta’ xogħlijiet protetti permezz tad-drittijiet tal-awtur, din id-dispożizzjoni ma tispeċifikax il-grad ta’ oriġinalità meħtieġ sabiex tali xogħlijiet jibbenefikaw minn din il-protezzjoni.

19.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ, regola li tirriżulta mill-Artikolu 2(1)(i) tal-Código de Direitos de Autor e Direitos Conexos (il-Kodiċi tad-Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet Konnessi, iktar ’il quddiem iċ-‘CDADC’) – li tagħti protezzjoni tal-copyright lil xogħlijiet ta’ arti applikata, disinni industrijali jew lil xogħolijiet ta’ design li, lil hinn mill-għan utilitarju li jservu, joħolqu effett viżiv proprju u distintiv mill-perspettiva estetika, fejn l-oriġinalità tagħhom hija kriterju ċentrali għall-għoti ta’ protezzjoni, fl-ambitu tad-drittijiet tal-awtur?

2)      L-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ, regola li tirriżulta mill-Artikolu 2(1)(i) taċ-CDADC – li tagħti protezzjoni tal-copyright lil xogħlijiet ta’ arti applikata, disinni industrijali jew lil xogħolijiet ta’ design jekk, fid-dawl ta’ evalwazzjoni partikolarment eżiġenti fir-rigward tan-natura artistika tagħhom, u fid-dawl tal-ideat dominanti fiċ-ċirkoli kulturali u istituzzjonali, jixirqilhom li jiġu kklassifikati bħala ‘ħolqien artistiku’ jew ‘xogħol ta’ arti’?”

20.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Diċembru 2017. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Gvern Portugiż, mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Taljan u mill-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Portugiż, il-Gvern Ċek u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni kienu rrappreżentati fis-seduta, li saret fit‑12 ta’ Diċembru 2018.

 Analiżi

21.      Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li fil-fehma tiegħi għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jipprekludix il-fatt li d-disinni industrijali (14) ma jkunux protetti permezz tad-drittijiet tal-awtur ħlief bil-kundizzjoni li jkollhom karattru artistiku qawwi, li jmur lil hinn minn dak li normalment huwa meħtieġ minn kategoriji oħra ta’ xogħlijiet.

22.      Ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “xogħol” fid-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni, kif ukoll l-analiżi tal-argumenti, imressqa b’mod partikolari mill-Gvern Taljan, mill-Gvern Ċek u mill-Gvern tar-Renju Unit, ibbażati fuq l-allegat status speċjali ta’ disinni fis-sistema stabbilita mid-dritt tal-Unjoni.

 Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ xogħol

23.      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, iċċitat mill-qorti tar-rinviju, fih innifsu ma jiddefinixxix x’għandu jitqies bħala xogħol. Din id-dispożizzjoni tagħti biss lill-awturi d-dritt esklużiv li tkun awtorizzata jew ipprojbita kwalunkwe riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma tiddefinixxi l-kunċett ta’ “xogħol”. Huwa probabbli li, kif isostni l-Gvern Ċek fl-osservazzjonijiet tiegħu, id-differenzi kbar bejn is-sistemi tad-drittijiet tal-awtur tal-Istati Membri ma għamluhiex possibbli li wieħed jasal għal definizzjoni unanimament aċċettabbli. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li, anki fuq il-livell nazzjonali, huwa estremament diffiċli, jekk mhux impossibbli, li tinħoloq definizzjoni astratta li kapaċi tkopri l-għadd ta’ oġġetti differenti ħafna li jistgħu jiġu protetti permezz tad-drittijiet tal-awtur u li jiġu esklużi fl-istess ħin dawk li ma humiex. L-iktar li jista’ jsir huwa li titfassal lista, li neċessarjament ma hijiex eżawrjenti, tal-oqsma tal-ħolqien li fihom jistgħu japplikaw id-drittijiet tal-awtur, kif dan sar fl-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berne.

24.      Madankollu, lakuna bħal din ma setgħetx tibqa’ teżisti, billi l-kunċett ta’ “xogħol” huwa l-pedament ta’ kwalunkwe sistema tad-drittijiet tal-awtur peress li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tiegħu. Interpretazzjoni uniformi ta’ dan il-kunċett hija għaldaqstant indispensabbli fl-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, ikun inutli li jiġu armonizzati d-drittijiet differenti li jgawdu l-awturi kieku l-Istati Membri jkunu liberi li jinkludu jew jeskludu minn din il-protezzjoni, sew b’mezzi leġiżlattivi kif ukoll ġurisprudenzjali, ħaġa jew oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja bilfors kienet ser tintalab, illum jew għada, sabiex timla din il-lakuna permezz ta’ domandi preliminari minn qrati li jiddubitaw mill-applikabbiltà tad-direttivi fuq id-drittijiet tal-awtur f’każijiet speċifiċi.

25.      Billi d-Direttiva 2001/29 ma tiddefinixxix fiha nnifisha l-kunċett ta’ “xogħol” u ma tirreferixxix għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tagħtih definizzjoni, dan huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (15). Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex oġġett jiġi kklassifikat bħala “xogħol” skont id-drittijiet tal-awtur, huwa meħtieġ li jkun “oriġinali fis-sens li huwa kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess” (16). Din il-kundizzjoni tal-applikabbiltà tad-drittijiet tal-awtur, kif armonizzata fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mid-Direttiva 2001/29, ġiet dedotta mill-Qorti tal-Ġustizzja mill-istruttura ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-Konvenzjoni ta’ Berne. Madankollu, din il-kundizzjoni ma hijiex invenzjoni tad-dritt tal-Unjoni: fil-fatt hija tidher fil-biċċa l-kbira tal-liġijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur, għall-inqas fis-sistemi tad-dritt kontinentali (17). Għaldaqstant hija tappartjeni, b’ċertu mod, għat-tradizzjonijiet ġuridiċi tal-Istati Membri.

26.      Il-kategorija ta’ “kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess” hija l-element ewlieni tad-definizzjoni tax-xogħol. Din id-definizzjoni ġiet żviluppata iktar tard fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qieset li hija kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess meta tirrifletti l-personalità tal-awtur. Dan ikun il-każ meta l-awtur seta’ jesprimi l-kapaċitajiet kreattivi tiegħu meta jsawwar ix-xogħol billi jagħmel għażliet ħielsa u kreattivi (18). Min-naħa l-oħra, meta l-espressjoni tal-komponenti tal-oġġett inkwistjoni tkun iddettata mill-funzjoni teknika tagħhom, il-kriterju tal-oriġinalità ma jkunx issodisfatt, għaliex il-modi differenti ta’ implimentazzjoni ta’ idea huma tant limitati li l-idea u l-espressjoni jingħaqdu. Sitwazzjoni bħal din ma tippermettix lill-awtur jesprimi l-ispirtu kreattiv tiegħu b’mod oriġinali u twassal għal riżultat li jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali tiegħu stess (19). Hija biss il-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess, fis-sens iddefinit hawn fuq, li tikklassifika bħala xogħol li jista’ jkun protett permezz tad-drittijiet tal-awtur. L-elementi bħax-xogħol intellettwali u l-ħila tal-awtur ma jistgħux, bħala tali, jiġġustifikaw il-protezzjoni tal-oġġett ikkonċernat permezz tad-drittijiet tal-awtur, jekk dan ix-xogħol u din il-ħila ma jesprimu l-ebda oriġinalità (20). Finalment, huwa meħtieġ li l-oġġett tal-protezzjoni taħt id-drittijiet tal-awtur ikun identifikabbli bi preċiżjoni u oġġettività suffiċjenti (21) (22).

 L-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza għad-disinni

27.      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ċek fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, id-definizzjoni ta’ xogħol bħala kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess ma hijiex limitata għal dawk l-oqsma suġġetti għal regoli speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni fejn dan il-kriterju huwa pprovdut espressament fihom, jiġifieri d-databases, ir-ritratti u l-programmi tal-kompjuter (23).

28.      Fil-fatt, l-ewwel applikazzjoni li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dan il-kriterju kienet tikkonċerna xogħol letterarju protett fuq il-bażi tad-Direttiva 2001/29. Kif diġà indikajt, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet dan il-kriterju mill-istruttura ġenerali tad-drittijiet tal-awtur kemm internazzjonali kif ukoll tal-Unjoni. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad applikat dan il-kriterju għall-oġġetti rregolati minn regoli speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, bħar-ritratti, din l-applikazzjoni kienet ibbażata mhux fuq dawn ir-regoli imma fuq il-ġurisprudenza preċedenti tagħha (24).

29.      Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, b’mod ċar li l-kriterju tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess, kif żviluppat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa intiż li japplika għall-kategoriji kollha ta’ xogħlijiet. Dan jirriżulta wkoll mill-uniformità meħtieġa fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29 għat-territorju kollu tal-Unjoni. Fil-fatt, kwalunkwe differenza bejn id-drittijiet interni tal-Istati Membri fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur iddgħajjef din l-applikazzjoni uniformi (25). Għalhekk ma nara l-ebda raġuni sabiex dan il-kriterju ma jiġix applikat, għall-inqas bħala prinċipju, għad-disinni industrijali għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni tagħhom permezz tad-drittijiet tal-awtur.

30.      Lanqas ma jien konvint mill-argument żviluppat mill-Gvern Ċek waqt is-seduta li jgħid li l-kriterju tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess huwa inerenti għal kwalunkwe xogħol u ma jipprekludix rekwiżiti iktar stretti li d-dritt nazzjonali jimponi fuq ċerti kategoriji ta’ oġġetti, bħalma huma xogħlijiet tal-arti applikata.

31.      Il-kriterju tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess ċertament jagħmilha possibbli li ssir distinzjoni bejn oġġetti li jistgħu jkunu protetti permezz tad-drittijiet tal-awtur minn dawk li ma jaqgħux taħt din il-protezzjoni (26). Madankollu, dan il-kriterju, li l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għalih ukoll bħala kriterju ta’ oriġinalità (27), jikkostitwixxi wkoll ir-rekwiżit massimu li l-Istati Membri huma intitolati li jimponu sabiex wieħed jibbenefika mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur, ikun xi jkun il-livell tal-kreazzjoni artistika tal-oġġett inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara ħafna fis-sentenza tagħha Painer li fil-każ ta’ ritratt, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 ma tistax tkun inferjuri għal dik li minnha jibbenefikaw xogħlijiet oħra, inklużi xogħlijiet fotografiċi oħra (28). Fil-fatt, l-ebda element fid-Direttiva 2001/29 jew f’direttiva oħra applikabbli fil-qasam ma jippermetti li jitqies li l-portata ta’ tali protezzjoni hija riżultat ta’ differenzi eventwali fil-possibbiltajiet ta’ kreazzjoni artistika, fil-ħolqien ta’ diversi kategoriji ta’ xogħlijiet (29). Issa, għalkemm il-portata tal-protezzjoni ma tistax tiġi limitata fuq din il-bażi, ma jistax a fortiori jitqies li tali protezzjoni hija kompletament eskluża għar-raġuni msemmija.

32.      Bl-istess mod, fid-Direttiva 2001/29 ma nara l-ebda element li jippermetti li ssir distinzjoni fil-livell ta’ protezzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti applikata fuq il-bażi tal-mertu artistiku tagħhom. Madankollu, il-Gvern Taljan, il-Gvern Ċek u l-Gvern tar-Renju Unit, li ssottomettew osservazzjonijiet fil-kawża preżenti, iqisu li element bħal dan jidher f’dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 u l-Artikolu 96(2) tar-Regolament Nru 6/2002. Għalhekk, issa ser nanalizza dan l-aspett.

 Il-kontribuzzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 u tal-Artikolu 96(2) tar-Regolament Nru 6/2002

33.      Infakkar li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ kumulu ta’ protezzjoni tad-disinni kemm permezz tad-dritt tad-disinni kif ukoll permezz tad-drittijiet tal-awtur. Skont it-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu, il-portata u l-kundizzjonijiet għall-ksib tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur, inkluż il-livell meħtieġ ta’ oriġinalità, huma ddeterminati minn kull Stat Membru. Formulazzjoni simili tinsab fl-Artikolu 96(2) tar-Regolament Nru 6/2002.

34.      Skont il-Gvern Taljan, il-Gvern Ċek u l-Gvern tar-Renju Unit, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Istati Membri diskrezzjoni sħiħa fil-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur lid-disinni, u dan minkejja l-adozzjoni ta’ Direttiva 2001/29. Dawn il-gvernijiet isostnu għalhekk li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Pożizzjoni simili hija rrakkomandata fid-duttrina (30).

35.      Ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni u ser nanalizza iktar ’l isfel id-diversi argumenti mressqa sabiex isostnuha, li jien ma tantx insib li huma konvinċenti.

36.      L-ewwel nett, kif jirriżulta mingħajr dubji mill-ewwel sentenza tiegħu, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 jirrigwarda biss disinni rreġistrati. Għalhekk il-libertà eventwali mogħtija lill-Istati Membri tirrigwarda biss din il-kategorija ta’ disinni. Issa, il-maġġoranza tad-disinni fl-Unjoni Ewropea ma humiex irreġistrati (31). Kif jirriżulta mill-informazzjoni mogħtija fit-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża, dan huwa partikolarment veru għad-disinni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, jidhirli li huwa iktar rilevanti r-raġunament ibbażat fuq l-Artikolu 96(2) tar-Regolament Nru 6/2002. Fil-fatt, dan ir-regolament jipprovdi protezzjoni limitata għal tliet snin għal kull disinn fl-Unjoni Ewropea, bil-kundizzjoni li jkun ġdid u oriġinali, mingħajr il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni.

37.      Huwa veru li, fid-dawl tal-kliem tiegħu, l-Artikolu 96(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jidher li jagħti lill-Istati Membri marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fil-kundizzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur lid-disinni. Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jingħatalhom bla ħsara għall-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq il-livell tal-Unjoni, li huwa kkonfermat mill-premessa 32 ta’ dan ir-regolament, li tgħid “[f]in-nuqqas ta’ l-armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet dwar id-drittijiet ta’ l-awtur, huwa importanti li jiġi stabbilit il-prinċipju ta’ kumulu tal-protezzjoni taħt id-disinn Komunitarju u taħt il-liġijiet tad-drittijiet ta’ l-awtur, filwaqt li l-Istati Membri jitħallew ħielsa li jistabbilixxu sa fejn u sakemm iwasslu l-liġi tad-drittijiet ta’ l-awtur u l-kondizzjonijiet li taħthom tiġi kkonferita din il-protezzjoni” (32). Jidher terġa’ iktar ċar mill-memorandum ta’ spjegazzjoni tar-Regolament Nru 6/2002 (33) li s-soluzzjoni adottata fl-Artikolu 96(2) attwali tar-Regolament Nru 6/2002 kienet maħsuba sabiex tkun provviżorja, fl-istennija tal-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

38.      Għalhekk, jidher ċar, fil-fehma tiegħi, li ladarba din l-armonizzazzjoni saret, b’mod partikolari permezz tad-Direttiva 2001/29, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri fl-Artikolu 96(2) tar-Regolament Nru 6/2002 huwa limitat mill-obbligi imposti fuqhom bis-saħħa ta’ din id-direttiva. Ikun tassew sorprendenti li wieħed iqis li kwalunkwe riferiment f’test tad-dritt tal-Unjoni għad-dritt tal-Istati Membri jammonta sabiex dawn l-istess Stati jinħelsu mill-obbligi tagħhom li jirriżultaw, fil-qasam kopert minn dak ir-riferiment, minn atti oħra tal-Unjoni, kemm jekk ġew qabel jew inkella wara. Riferiment bħal dan neċessarjament jirreferi għad-dritt intern kif inkwadrat mill-obbligi negattivi u pożittivi li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni.

39.      F’dan ir-rigward, m’iniex konvint mill-argument tal-Gvern tar-Renju Unit li r-Regolament Nru 6/2002 ġie wara d-Direttiva 2001/29. Huwa minnu li dan ir-regolament ġie adottat biss fit‑12 ta’ Diċembru 2001, filwaqt li d-Direttiva 2001/29 ġiet adottata fit‑22 ta’ Mejju tal-istess sena. Madankollu, l-ewwel nett, it-test li jikkorrispondi mal-Artikolu 96(2) attwali tar-Regolament Nru 6/2002, għalkemm ifformulat b’mod differenti, kien diġà inkluż fl-ewwel proposta tal-Kummissjoni għal dan ir-regolament tat‑3 ta’ Diċembru 1993, ferm qabel l-ewwel proposta tad-Direttiva 2001/29 (34). Sussegwentement, ix-xogħol leġiżlattiv fuq dawn iż-żewġ testi sar b’mod simultanju. It-tieni nett, it-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/29 skada biss fit‑22 ta’ Diċembru 2002, filwaqt li r-Regolament Nru 6/2002 daħal fis-seħħ fil-bidu ta’ Marzu ta’ dik is-sena. Fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, l-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur skont id-Direttiva 2001/29 għalhekk ma kinitx intlaħqet, billi l-Istati Membri għadhom ma kinux obbligati jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Għalhekk, il-fatt li r-Regolament Nru 6/2002 ġie adottat wara d-Direttiva 2001/29 ma għandu l-ebda effett fuq l-analiżi tar-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ atti: il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri mill-Artikolu 96(2) ta’ dan ir-regolament huwa limitat mill-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2001/29.

40.      Lanqas ma jien konvint mill-argument ibbażat fuq ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 98/71 jew tar-Regolament Nru 6/2002 (35). Għalkemm il-Kummissjoni kellha għanijiet iktar ambizzjużi u għalkemm finalment ġie deċiż li ma kienx xieraq, dak iż-żmien, li tarmonizza d-drittijiet tal-awtur tal-Istati Membri permezz ta’ atti leġiżlattivi dwar id-disinni, dan ma jfissirx li l-protezzjoni ta’ dawn id-disinni permezz tad-drittijiet tal-awtur għandha tibqa’ tikkostitwixxi eċċezzjoni, ladarba tinkiseb din l-armonizzazzjoni. Għalkemm ix-xogħol preparatorju ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni jistgħu ċertament jagħtu informazzjoni prezzjuża dwar ir-raġunijiet li ggwidaw l-għażliet tal-leġiżlatur tal-Unjoni, it-tagħlim meħud minn dan ix-xogħol preparatorju ma jistax jipprevali, madankollu, fuq il-kliem u s-sinjifikat tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. B’mod partikolari, ma huwiex xieraq li wieħed jislet mix-xogħol preparatorju ta’ test (id-Direttiva 98/71 jew ir-Regolament Nru 6/2002) konklużjonijiet dwar l-interpretazzjoni jew il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ test ieħor (id-Direttiva 2001/29).

41.      Sussegwentement, il-Gvern tar-Renju Unit jinvoka, insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/29, li jgħid li din id-direttiva ma taffettwax id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar, b’mod partikolari, id-disinni, inkluż l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 (36). Min-naħa tiegħi, inqis li din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/29 lanqas ma tista’ tifforma l-bażi tal-argument ta’ dan il-Gvern. Fil-fatt, huwa evidenti li d-Direttiva 2001/29, li tirrigwarda d-drittijiet tal-awtur, ma għandhiex taffettwa d-dispożizzjonijiet f’oqsma oħra, bħad-dritt tad-disinni. Madankollu, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71, bħall-Artikolu 96(2) tar-Regolament Nru 6/2002, ma huwiex dispożizzjoni li taqa’ fil-qasam tad-dritt tad-disinni, imma f’dak tad-drittijiet tal-awtur. Interpretazzjoni differenti tkun tfisser li l-protezzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti applikata permezz tad-drittijiet tal-awtur hija funzjoni tad-dritt tad-disinni, filwaqt li dawn iż-żewġ oqsma huma awtonomi. L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/29 ma jistax, għaldaqstant, jiġi interpretat bħala l-bażi tal-esklużjoni tad-disinni mill-armonizzazzjoni magħmula mid-Direttiva 2001/29.

42.      Fi kwalunkwe każ, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi eċċezzjoni daqstant importanti għad-drittijiet tal-awtur armonizzati, ma kienx jagħmel dan impliċitament f’diversi atti tad-dritt tal-Unjoni, imma b’mod ċar u espliċitu, pereżempju fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/29 li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

43.      Il-Gvern Ċek iżid li, kif jindika t-titolu tagħha, id-Direttiva 2001/29 tarmonizza biss “ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur” u dan “fis-soċjetà tal-informazzjoni”. Madankollu, ma narax kif din l-osservazzjoni tista’ tkun konsistenti mal-argumenti li jressaq dwar il-protezzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti applikata.

44.      Huwa veru li d-Direttiva 2001/29 tħalli barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha aspetti importanti tad-drittijiet tal-awtur: id-drittijiet morali, il-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet, id-difiża ta’ dawn id-drittijiet (ħlief għad-dispożizzjonijiet ġenerali ħafna tal-Artikolu 8), eċċ. Madankollu, G-star invokat fil-kawża prinċipali d-dritt esklużiv tal-awtur li jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu. Issa, dan id-dritt huwa armonizzat b’mod eżawrjenti bid-Direttiva 2001/29. Huwa veru wkoll li, b’mod partikolari fil-letteratura anglofona, id-Direttiva 2001/29 ħafna drabi tissejjaħ “id-Direttiva dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni” (Information Society Directive). Jidhirli li wħud mill-awturi joħorġu minn dan l-isem informali konklużjonijiet eċċessivi daqs kemm huma żbaljati. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/29 jagħti “enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni” jibqa’ l-fatt li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma maħsuba sabiex japplikaw l-istess fi kwalunkwe ambjent, kemm jekk jaqaw taħt is-soċjetà tal-informazzjoni u kemm jekk le. Għalhekk, il-fatt li d-disinni huma normalment inkorporati f’oġġetti tanġibbli li jappartjenu għad-dinja “reali” (37) dan bl-ebda mod ma jiġġustifika l-esklużjoni tagħhom mill-protezzjoni pprovduta minn din id-direttiva.

45.      L-argument ta’ dawn il-gvernijiet lanqas ma huwa bbażat fuq id-dritt internazzjonali. Huwa veru li l-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berne jħalli għad-diskrezzjoni tal-Istati firmatarji l-kwistjoni tal-applikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għad-disinni. Din il-konvenzjoni għandha, madankollu, tapplika mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, jekk dan id-dritt jirrestrinġi l-libertà tal-għażla tal-Istati Membri, dispożizzjoni fakultattiva tal-Konvenzjoni ta’ Berne ma tistax tfixkel din ir-restrizzjoni. Kwalunkwe konklużjoni differenti tmur kontra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE. L-istess kunsiderazzjonijiet jgħoddu għall-Artikolu 25 tal-Ftehim TRIPs.

46.      Barra minn hekk, kieku l-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berne kellu jitqies bħala deroga mill-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw mid-Direttiva 2001/29, ikun jeħtieġ li tiġi applikata wkoll it-tieni sentenza ta’ dak il-paragrafu, fejn hemm sanċit il-prinċipju ta’ reċiproċità bejn l-Istati firmatarji fil-protezzjoni tad-disinni. Skont din id-dispożizzjoni, għall-oġġetti protetti biss bħala disinni fil-pajjiż tal-oriġini, din il-protezzjoni speċjali biss tista’ tintalab f’pajjiż ieħor, sakemm din il-protezzjoni speċjali ma tingħatax hemmhekk, f’liema każ ikunu protetti permezz tad-drittijiet tal-awtur. Issa, l-eliminazzjoni ta’ dan il-prinċipju ta’ reċiproċità, sors ta’ diskriminazzjoni li tmur kontra r-regoli tas-suq intern, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri kienet preċiżament wieħed mill-għanijiet tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 6/2002 (38).

47.      Finalment, l-argument li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni huwa mdgħajjef mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fis-sentenza Flos (39), rigward it-terminu ta’ protezzjoni ta’ disinni permezz tad-drittijiet tal-awtur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għażla mħollija f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-portata u l-kundizzjonijiet sabiex tinkiseb tali protezzjoni ma setgħetx tikkonċerna t-tul ta’ din il-protezzjoni, li huwa armonizzat fuq il-livell tal-Unjoni bid-Direttiva 93/98/KEE (40). L-istess raġunament jista’ jiġi segwit fir-rigward tad-Direttiva 2001/29: billi din id-direttiva, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, armonizzat id-drittijiet ekonomiċi tal-awturi, inkluż il-kunċett ta’ “xogħol”, li huwa fundamentali għal applikazzjoni uniformi ta’ dawn id-drittijiet, dawn il-kwistjonijiet ma humiex koperti mill-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 u, b’analoġija, fl-Artikolu 96(2) tar-Regolament Nru 6/2002. Jiena naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni espressa fl-osservazzjonijiet tagħha.

48.      Għalhekk, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/71 u l-Artikolu 96(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandhom jiġu interpretati bħala affermazzjoni tal-prinċipju ta’ kumulu tal-protezzjoni: xogħol tal-arti applikata ma għandux jiġi eskluż mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur minħabba s-sempliċi fatt li jista’ jibbenefika minn protezzjoni sui generis bħala disinn. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati bħala deroga minn dawk tad-Direttiva 2001/29 jew kwalunkwe test ieħor tal-Unjoni li jirregola d-drittijiet tal-awtur.

 Konklużjoni intermedja

49.      Għaldaqstant, f’dan l-istadju, inqis li r-risposta għad-domandi preliminari hija li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jipprekludi li d-disinni industrijali jkunu protetti permezz tad-drittijiet tal-awtur biss bil-kundizzjoni li jkollhom karattru artistiku qawwi li jmur lil hinn minn dak li normalment huwa meħtieġ minn kategoriji oħra ta’ xogħlijiet.

 Rimarki finali fuq il-protezzjoni tad-disinni permezz tad-drittijiet tal-awtur

50.      Minkejja dan li ngħad, ma rridx ninjora jew nissottovaluta t-tħassib espress kemm mill-gvernijiet li għamlu l-osservazzjonijiet tagħhom f’din il-kawża kif ukoll minn ċerti rappreżentanti tad-duttrina (41) rigward il-konsegwenzi dannużi ta’ protezzjoni eċċessiva tad-disinni permezz tad-drittijiet tal-awtur.

51.      Fil-fatt, il-protezzjoni sui generis ta’ disinni, bħal dik prevista fir-Regolament Nru 6/2002, hija adattata tajjeb għan-natura speċifika ta’ dawn l-oġġetti protetti, jiġifieri, oġġetti utilitarji komuni u prodotti fil-massa li madankollu jista’ jkollhom ukoll xi karatteristiċi estetiċi oriġinali li jistħoqqilhom protezzjoni. Din il-protezzjoni ddum biżżejjed sabiex tippermetti li jsir profitt mill-investiment li jikkostitwixxi l-elaborazzjoni tad-disinn (42), mingħajr ma tiġi mfixkla eċċessivament il-kompetizzjoni. Bl-istess mod, il-kundizzjonijiet sabiex tinkiseb din il-protezzjoni, ibbażati fuq l-oriġinalità u n-novità, kif ukoll il-kriterju użat sabiex jiġi ddeterminat att ta’ kontrafazzjoni, li huwa dak tal-impressjoni viżiva globali (43), huma adattati għar-realtà tas-swieq li jirrigwardaw dawn l-oġġetti.

52.      Madankollu, jekk ikun faċli wisq li tinkiseb, għall-istess oġġett, il-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur, li huma ħielsa minn kull formalità, li japplikaw mill-ħolqien tal-oġġett u mingħajr kundizzjoni ta’ novità u li t-tul ta’ żmien tagħhom huwa prattikament infinit fir-rigward tal-utilità ta’ disinn għas-sid tagħha (44), hemm ir-riskju li s-sistema tad-drittijiet tal-awtur teskludi s-sistema sui generis għad-disinni. Issa, din l-esklużjoni jkollha diversi effetti negattivi: l-iżvalutazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, imfittxija sabiex jipproteġu l-kreazzjonijiet effettivament banali, l-ostakolu għall-kompetizzjoni minħabba t-tul eċċessiv tal-protezzjoni jew anki l-inċertezza legali, sa fejn il-kompetituri ma humiex f’pożizzjoni li jbassru jekk disinn li l-protezzjoni tiegħu sui generis tkun skadiet huwiex protett ukoll permezz tad-drittijiet tal-awtur.

53.      Dan it-tħassib jispjega l-limitazzjonijiet differenti tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet tal-arti applikata fis-sistemi nazzjonali tal-proprjetà intellettwali msemmija fl-introduzzjoni għal dawn il-konklużjonijiet. Min-naħa l-oħra, kif spjegajt fir-risposta għad-domandi preliminari, is-sistema tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni ma għandha l-ebda bażi legali li tippermetti din il-limitazzjoni peress li x-xogħlijiet tal-arti applikata huma protetti bħala kreazzjonijiet intellettwali tal-awtur tagħhom stess, bl-istess mod bħall-kategoriji l-oħra ta’ xogħlijiet.

54.      Madankollu, jidhirli li applikazzjoni stretta tad-drittijiet tal-awtur mill-qrati nazzjonali tkun tista’ tirrimedja sa ċertu punt l-iżvantaġġi li jirriżultaw mill-kumulu ta’ din it-tip ta’ protezzjoni mal-protezzjoni sui generis tad-disinni. Fil-fatt, din ma hijiex kwistjoni li tiġi estiża, permezz tad-drittijiet tal-awtur, il-protezzjoni mogħtija fuq id-disinni sa sebgħin sena wara l-mewt tal-awtur, imma li jinkisbu fir-rigward ta’ xogħlijiet tal-arti applikata l-għanijiet speċifiċi tad-drittijiet tal-awtur bl-użu ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi għalihom.

55.      Issa, id-drittijiet tal-awtur u d-dritt tad-disinni għandhom għanijiet differenti. Dan tal-aħħar jipproteġi l-investiment fil-ħolqien ta’ disinni mill-imitazzjoni tagħhom mill-kompetituri. Min-naħa l-oħra, id-drittijiet tal-awtur jinjoraw din il-protezzjoni kontra l-kompetizzjoni. Għall-kuntrarju, id-djalogu, l-ispirazzjoni u r-riformulazzjoni huma inerenti fil-kreazzjoni intellettwali u d-drittijiet tal-awtur ma humiex maħsuba sabiex ifixkluhom (45). Dak li jipproteġu d-drittijiet tal-awtur, għall-inqas permezz ta’ drittijiet ekonomiċi, hija l-possibbiltà ta’ sfruttament ekonomiku bla xkiel tax-xogħol bħala tali.

56.      Dawn l-għanijiet differenti jimxu id f’id ma’ mekkaniżmi u prinċipji differenti ta’ protezzjoni.

57.      L-ewwel nett, għalkemm il-limitu minimu ta’ oriġinalità adottat fid-drittijiet tal-awtur normalment ma huwiex għoli ħafna, ma huwiex ineżistenti. Sabiex jibbenefika mill-protezzjoni, l-isforz tal-awtur irid ikun liberu u kreattiv. Is-soluzzjonijiet iddettati biss mir-riżultat tekniku ma humiex protetti (46), l-istess bħal xogħol nieqes minn kull kreattività (47). F’dan is-sens, ma huwiex neċessarju li mill-oġġetti utilitarji jkun meħtieġ livell artistiku partikolarment għoli meta mqabbel ma’ kategoriji oħra ta’ xogħlijiet, huwa biżżejjed li jiġi applikat letteralment il-kriterju tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess. Kull prodott ta’ utilità għandu dehra viżiva, frott tax-xogħol tad-disinjatur tiegħu. Madankollu, mhux kwalunkwe aspett viżiv ser jkun protett permezz tad-drittijiet tal-awtur.

58.      It-tieni nett, id-drittijiet tal-awtur huma bbażati fuq distinzjoni bejn l-idea u l-espressjoni tagħha, fejn l-espressjoni biss hija protetta. Għal xogħlijiet tal-arti applikata, din id-dikotomija x’aktarx, fl-opinjoni tiegħi, tnaqqas l-effetti antikompetittivi tal-protezzjoni tagħhom permezz tad-drittijiet tal-awtur. Ippermettuli nieħu bħala eżempju l-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex nuri l-punt tiegħi.

59.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali titlob protezzjoni għal:

“[il-]mudelli […] ta’ sweat[-]shirts u t[ee]-shirts, […] magħmula minn diversi elementi, partikolarment immaġni stampata fuq quddiem, l-iskema tal-kuluri, il-post tal-but fuq iż-żaqq u l-inserzjonijiet fuq il-but […]” u

“[i]l-mudell [ta’ jeans] ikkaratterizzat mill-mod kif kull waħda mit-tliet biċċiet drapp differenti nqatgħet u twaħħlet. L-użu ta’ dawn il-biċċiet drapp ta’ tulijiet u forom differenti għamilha possibbli li tinħoloq sieq […] b’effett tridimensjonali (3D), b’pieg ’il ġewwa u lura, u b’hekk jinbaram madwar ir-riġel tal-utent (effett ta’ tornavit). Elementi oħra li jikkontribwixxu għall-“effett ta’ tornavit” huma d-darts inkorporati fil-mudell fil-livell tal-irkoppa, fuq kull waħda mis-saqajn”.

60.      Il-klassifikazzjoni tal-prodotti inkwistjoni bħala xogħlijiet protetti u l-konstatazzjoni ta’ kontrafazzjoni eventwali, li huma elementi purament fattwali, jaqgħu, ovvjament, kompletament taħt id-diskrezzjoni tal-qorti nazzjonali. Jidhirli, madankollu, li fatturi bħal “kompożizzjoni speċifika bbażata fuq forom, kuluri, kliem u numri”, l-“iskema ta’ kuluri”, il-“pożizzjoni tal-bwiet fuq iż-żaqq”, jew anki l-“qatgħa bi twaħħil ta’ tliet biċċiet drapp”, li Cofemel allegatament irriproduċiet, għandhom jiġu analizzati bħala ideat suxxettibbli għal espressjonijiet differenti, jew anki bħala soluzzjonijiet funzjonali (48), u ma għandhomx ikunu koperti bil-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur.

61.      Barra minn hekk, billi invokat il-karattru innovattiv u uniku (dak iż-żmien) tal-mudell G-Star Elwood tagħha, introdott fl‑1996, G-Star tidher li trid tipproteġi permezz tad-drittijiet tal-awtur ir-reputazzjoni tagħha u l-karattru distintiv tal-prodotti tagħha, protezzjoni li normalment hija żgurata permezz tad-dritt tat-trade marks.

62.      Huwa veru li l-ksur tad-drittijiet tal-awtur ma għandux, fil-każijiet kollha, jikkonsisti fir-riproduzzjoni sħiħa tax-xogħol. Il-partijiet ta’ xogħol jibbenefikaw ukoll mill-protezzjoni, sakemm fihom l-elementi li huma l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess ta’ dan ix-xogħol (49). Barra minn hekk, ma għandhomx ikunu elementi sempliċement ispirati mill-ideat espressi mix-xogħol, imma mill-partijiet meħuda minn dan ix-xogħol. L-evalwazzjoni fuq dan il-punt għandha ssir mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu fuq bażi ta’ każ b’każ. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, din il-qorti għandha tiżgura ruħha wkoll min-natura suffiċjentement identifikabbli tal-oġġett tal-protezzjoni mitluba (50).

63.      Fl-aħħar u t-tielet nett,  id-drittijiet tal-awtur huma differenti mid-dritt tad-disinni fl-evalwazzjoni tal-ksur tad-drittijiet esklużivi protetti. Sabiex jittenna dak li jgħid l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 6/2002, id-dritt tad-disinni jiżgura l-protezzjoni kontra “kull disinn li ma jħallix impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent informat”. Issa, dan il-kunċett ta’ “impressjoni viżiva ġenerali” huwa għalkollox estranju għad-drittijiet tal-awtur.

64.      Id-drittijiet tal-awtur jipproteġu xogħol konkret, mhux xogħol li jkollu tali aspett viżiv (51). Żewġ fotografi li jieħdu ritratt tal-istess xena fl-istess mument jistgħu jiksbu immaġnijiet li ma jipproduċux impressjoni viżiva ġenerali differenti. F’termini tad-dritt tad-disinni, kull min wera r-ritratt tiegħu l-ewwel jista’ jopponi l-wiri tar-ritratt tal-ieħor. Dan ma huwiex il-każ fid-drittijiet tal-awtur, fejn il-kreazzjoni parallela, sakemm tkun tassew oriġinali, mhux biss hija legali, imma tibbenefika bis-sħiħ mill-protezzjoni bħala xogħol separat. L-istess jgħodd għall-kreazzjoni ispirata minn xogħlijiet preċedenti. Sakemm din il-kreazzjoni ma tikkostitwixxix riproduzzjoni mhux awtorizzata ta’ elementi oriġinali ta’ xogħol ta’ ħaddieħor, il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur ma tqumx, kemm jekk l-impressjoni viżiva ġenerali hija differenti jew le.

65.      Id-drittijiet tal-awtur għalhekk jippermettu lill-awtur ta’ disinn jopponi l-wiri u l-użu ta’ disinn li ma jipproduċix impressjoni viżiva ġenerali differenti biss jekk ikun kapaċi juri r-riproduzzjoni ta’ elementi oriġinali tad-disinn tiegħu.

66.      Fl-evalwazzjoni ta’ talba għall-protezzjoni ta’ disinn permezz tad-drittijiet tal-awtur, il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi sabiex tiddistingwi bejn dik li hija protezzjoni, eventwalment, sui generis tad-disinni u l-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur, biex b’hekk tiġi evitata l-konfużjoni ta’ dawn iż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni.

 Konklużjoni

67.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li tingħata r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall):

1)      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jipprekludi li d-disinni industrijali jkunu protetti permezz tad-drittijiet tal-awtur biss bil-kundizzjoni li jkollhom karattru artistiku qawwi li jmur lil hinn minn dak li normalment huwa meħtieġ minn kategoriji oħra ta’ xogħlijiet.

2)      Fl-evalwazzjoni ta’ talba għal protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ disinn industrijali, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet u l-mekkaniżmi speċifiċi ta’ dawn id-drittijiet, bħall-protezzjoni mhux ta’ ideat imma ta’ espressjonijiet u l-kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet esklużivi. Min-naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali ma tistax tapplika għall-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur il-kriterji speċifiċi tal-protezzjoni tad-disinni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Wieħed mill-ewwel atti leġiżlattivi f’dan il-qasam kien il-liġi Franċiża tat‑18 ta’ Marzu 1806 li stabbilixxiet il-conseil des prud’hommes (il-Qorti Industrijali) f’Lyon, li tat protezzjoni lill-disinni tal-manifatturi tal-ħarir ta’ Lyon.


3      Ara Fischman Afori, O., “Reconceptualizing Property in Designs”, Cardozo Arts & Entertainment Law Journal, Nru 3, 2008, p. 1105 sa 1178.


4      Fuq il-fenomenu tal-kumulu ta’ protezzjoni tad-disinni fid-dritt tal-proprjetà intellettwali ara, b’mod partikolari, Derclaye, E., Leistner, M., Intellectual Property Overlaps: A European Perspective, Hart Publishing, Oxford, 2011; kif ukoll Tischner, A., Kumulatywna ochrona wzornictwa przemysłowego w prawie własności intelektualnej, C.H. Beck, Varsavja, 2015.


5      Dwar din l-inflazzjoni tal-protezzjoni għad-detriment tal-kompetizzjoni permezz tal-industrial copyright fid-dritt tar-Renju Unit, ara, b’mod partikolari, Bently, L., “The Return of Industrial Copyright?”, European Intellectual Property Review, 2012, p. 654 sa 672.


6      Ara, b’mod partikolari, Derclaye, E., Leistner, M., op. cit., p. 200 u 283; Marzano, P., “Une protection mal conçue pour un produit bien conçu: l’Italie et sa protection des dessins et modèles industriels par le droit d’auteur”, Revue internationale du droit d’auteur, 2014, p. 118; kif ukoll Tischner, A., op. cit., p. 159 sa 170.


7      Ara, b’mod partikolari, Pollaud-Dulian, F., Propriété intellectuelle. Le droit d’auteur, Economica, Paris, 2014, p. 190 sa 194; kif ukoll Vivant, M., Bruguière, J.‑M., Droit d’auteur et droits voisins, Dalloz, Paris, 2016, p. 255 sa 257.


8      Anki għalkemm, skont ċerti awturi, il-prinċipju tal-kumulu ta’ protezzjoni jesprimi l-impotenza tas-sistema tal-proprjetà intellettwali sabiex tikkontrolla l-ipertrofija tagħha (Tischner, A., “The role of unregistred rights – a European perspective on design protection”, Journal of Intellectual Property Law & Practice, Nru 4, 2018, p. 303 sa 314).


9      L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti fil-Konvenzjoni ta’ Berne imma hija parti fil-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ li huwa l-Anness 1C tal-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, iffirmat f’Marrakesh fil‑15 ta’ April 1994 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”), approvat f’isem l-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), fejn l-Artikolu 9(1) jobbliga lill-partijiet kontraenti sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berne.


10      L-Artikolu 7(4) tal-Konvenzjoni ta’ Berne jirrigwarda t-tul tal-protezzjoni tad-disinni industrijali.


11      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120.


12      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


13      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142.


14      Il-qorti tar-rinviju tirreferi fid-domandi tagħha għall-kliem tad-dritt Portugiż: “xogħlijiet tal-arti applikata, disinni industrijali u xogħlijiet ta’ design”. Għalhekk jidhirli li dawn it-tliet termini huma essenzjalment sinonimi. Fi kwalunkwe każ, nirreferi f’dawn il-konklużjonijiet għall-oġġetti, bħall-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistgħu jkunu protetti bħala disinni fis-sens tad-Direttiva 98/71 jew tar-Regolament Nru 6/2002.


15      Ara, fl-aħħar nett, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo (C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 33).


16      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 37).


17      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fid-dritt Ġermaniż, fejn l-Artikolu 2(2) tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tad‑9 ta’ Settembru 1965, jipprovdi li “jikkostitwixxu biss xogħlijiet, fit-tifsira ta’ din il-liġi, il-kreazzjonijiet intellettwali personali”. Dan il-kunċett huwa rifless fil-kunċett ta’ “oriġinalità” fid-drittijiet tal-awtur Franċiżi dwar id-drittijiet tal-awtur (sentenza tal-Cour de cassation, Assemblée plénière (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Assemblea Plenarja, Franza), tas‑7 ta’ Marzu 1986, Babolat vs Pachot, Nru 83-10477, ippubblikata fil-Bulletin), kif ukoll fid-dritt Pollakk (Artikolu 1(1) tal-ustawa o prawie autorskim i prawach pokrewnych (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati) tal‑4 ta’ Frar 1994) jew ukoll fid-dritt Spanjol (Artikolu 10 tal-Ley de Propiedad Intelectual (il-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali), tal‑24 ta’ April 1996). Is-sitwazzjoni hija differenti fis-sistemi tal-copyright tal-pajjiżi Anglo-Sassoni.


18      Sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C‑145/10, EU:C:2011:798, punti 88 u 89).


19      Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace (C‑393/09, EU:C:2010:816, punti 49 u 50).


20      Sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2012, Football Dataco et (C‑604/10, EU:C:2012:115, punt 33).


21      Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo (C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 40).


22      Għad-deskrizzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, qagħadt ħafna fuq il-punti 17 u 18 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2018:870).


23      Dawn huma d-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459), Artikolu 3(1); id-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (ĠU 2006, L 372, p. 12), Artikolu 6; u d-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 2009, L 111, p. 16), Artikolu 1(3).


24      Ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 87), u tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 14).


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo (C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 45).


26      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace (C‑393/09, EU:C:2010:816, punti 46 sa 48).


27      Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace (C‑393/09, EU:C:2010:816, punti 48 u 49).


28      Sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 98).


29      Sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 97).


30      Ara Bently, L., op. cit.


31      Ara Tischner, A., “The role of unregistred rights – a European perspective on design protection”, Journal of Intellectual Property Law & Practice, Nru 4, 2018, kif ukoll ix-xogħlijiet iċċitati.


32      Formulazzjoni simili tinsab fil-premessa 8 tad-Direttiva 98/71.


33      COM(93) 342 finali tat‑3 ta’ Diċembru 1993, p. 53 sa 55.


34      COM(97) 628 finali tal‑21 ta’ Jannar 1998.


35      Dan l-argument tressaq fid-duttrina, ara, b’mod partikolari, Bently, L., op. cit.


36      Kif ukoll, jidhirli, l-Artikolu 96(2) tar-Regolament Nru 6/2002.


37      B’kuntrast ma’ dinja virtwali.


38      Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni ta’ dan ir-regolament (COM(93) 342 finali, p. 56).


39      Sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2011 (C‑168/09, EU:C:2011:29, punt 39).


40      Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE tad‑29 ta’ Ottubru 1993 li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ċerti drittijiet relatati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 141), issostitwita bid-Direttiva 2006/116.


41      Ara, b’mod partikolari, Bently, L., op. cit., kif ukoll Tischner, A., “The role of unregistred rights – a European perspective on design protection”, Journal of Intellectual Property Law & Practice, Nru 4, 2018.


42      Skont ir-Regolament Nru 6/2002, dan il-perijodu huwa ta’ tliet snin għal disinni mhux irreġistrati u ħames snin li jiġġeddu għal ħamsa u għoxrin sena għal dawk irreġistrati, li huwa biżżejjed, billi disinn medju ma jkollux valur kummerċjali ħlief għal madwar erba’ snin u anki inqas (staġun jew tnejn) fis-settur tal-ilbies (ara Tischner, A., “The role of unregistred rights – a European perspective on design protection”, u Van Keymeulen, E., “Copyrighting couture or counterfeit chic? Protecting fashion design: a comparative EU-US perspective”, Journal of Intellectual Property Law & Practice, Nru 10, 2012, p. 728 sa 737).


43      Ara l-Artikoli 4 u 10 tar-Regolament Nru 6/2002.


44      Il-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tibqa’ fis-seħħ għall-ħajja kollha tal-awtur u sebgħin sena wara mewtu.


45      Jista’ jkun mod ieħor għal ċerti drittijiet relatati, pereżempju għal dak li jirrigwarda l-fonogrammi, fejn madankollu huwa diffiċli li wieħed jitkellem dwar ispirazzjoni (ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pelham et (C‑476/17, EU:C:2018:1002)).


46      Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace (C‑393/09, EU:C:2010:816, punti 49 u 50).


47      Sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2012, Football Dataco et (C‑604/10, EU:C:2012:115, punt 33).


48      But imqiegħed fuq id-dahar tas-sweat-shirt ma jkunx ta’ utilità kbira.


49      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 39).


50      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo (C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 40).


51      Markiewicz, R., Ilustrowane prawo autorskie, Wolters Kluwer, Varsavja, 2018, p. 79.