Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Marzu 2010 - Amecke Fruchsaft vs UASI - Uhse (69 Sex up)

(Kawża T-125/10)

Lingwa tar-rikors: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Amecke Fruchtsaft GmbH & Co. KG (Menden, il-Ġermanja) (rappreżentanti: R. Kaase u J.-C. Plate, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Beate Uhse Einzelhandels GmbH (Flensburg, il-Ġermanja)

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara ammissibbli r-rikors, flimkien mal-annessi sottomessi, ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tat-12 ta' Jannar 2010, fil-Każ R 612/2009-1; u

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija inkompatibbli mal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 1;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Beate Uhse Einzelhandels GmbH

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark verbali "69 Sex up" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 3, 5, 9, 29, 30, 32, 33, 38 u 41 (Applikazzjoni Nru 5 418 108)

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: ir-rikorrenti

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: it-trade mark verbali Ġermaniża "sex:h:up" Nru 305 31 669.9 għal prodotti fil-klassijiet 5, 29, 30 u 32

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni milqugħa fir-rigward tal-prodotti invokati kollha

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: annullament tad-deċiżjoni kkontestata u ċaħda tal-oppożizzjoni

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 peress li hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146)