Language of document : ECLI:EU:C:2024:60

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet – Direttiva 89/665/KEE – Aċċess għall-proċeduri ta’ appell – Artikolu 2(3) u Artikolu 2a(2) – Obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu proċedura ta’ appell b’effett sospensiv – Istanza ta’ appell tal-ewwel istanza – Rikors dwar id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt – Artikolu 2(9) – Korpi responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni ta’ natura mhux ġudizzjarja – Konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku qabel il-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ din l-istanza – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C‑303/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

CROSS Zlín, a.s.

vs

Úřad pro ochranu hospodářské soutěže,

fil-preżenza ta’:

Statutární město Brno,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President ta’ Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Mejju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal CROSS Zlín, a.s., minn M. Šimka u L. Vaculínová, avukati,

–        għal Úřad pro ochranu hospodářské soutěže, minn P. Mlsna u I. Pospíšilíková, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn L. Halajová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn N. Ioannou, D. Kalli u E. Zachariadou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, P. Ondrůšek u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(3) u tal-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 82, p. 17 u fil-ĠU 2015, L 114, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn CROSS Zlín, a.s., u l-Úřad pro ochranu hospodářské soutěže (l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, ir-Repubblika Ċeka, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) dwar il-konferma, mill-President ta’ dan tal-aħħar, taċ-ċħid tar-rikors ta’ CROSS Zlín kontra d-deċiżjoni tal-iStatutární město Brno (il-Belt ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka) li teskludi lil din il-kumpannija minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku dwar l-estensjoni tal-funzjonijiet taċ-ċentru ta’ kontroll tat-traffiku (dwar is-sistema tad-dwal tat-traffiku) ta’ din il-belt.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-ħames premessa tad-Direttiva 89/665 hija fformulata kif ġej:

“[…] ladarba l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huma ta’ tul daqshekk qasir, il-korpi kompetenti ta’ reviżjoni għandhom, fost ħwejjeġ oħra, jkunu awtorizzati jieħdu miżuri interim immirati lejn is-sospensjoni ta’ din il-proċedura jew l-implimentazzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ tittieħed mill-awtorità kuntrattwali; billi ż-żmien qasir tal-proċeduri jfisser li l-ksur imsemmi qabel għandu jiġi ttrattat b’mod urġenti”.

4        Il-premessi 3, 4 u 36 tad-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU 2007, L 335, p. 31, rettifika fil-ĠU 2018, L 176, p. 23 u fil-ĠU 2022, L 225, p. 5), jipprovdu:

“(3)      Il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja wrew ċertu numru ta’ nuqqasijiet fil-mekkaniżmi ta’ reviżjoni fl-Istati Membri. Minħabba dawn in-nuqqasijiet, il-mekkaniżmi stabbiliti fid-Direttivi [tal-Kunsill] 89/665/KEE u 92/13/KEE [tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315)] mhux dejjem jippermettu l-konformità mal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari fi stadju fejn il-ksur ikun għadu jista’ jissewwa. Konsegwentament, il-garanziji ta’ trasparenza u nuqqas ta’ diskriminazzjoni mfittxija minn dawn id-Direttivi għandhom jissaħħew biex jiżguraw li l-Komunità fl-intier tagħha tibbenefika mill-effetti pożittivi tal-modernizzazzjoni u mis-simplifikazzjoni tar-regoli dwar l-appalti pubbliċi li nkisbu mid-Direttivi 2004/18/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7 p. 132)] u 2004/17/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19)] […]

(4)      In-nuqqasijiet li ġew nnutati jinkludu, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ perijodu li jippermetti reviżjoni effettiva bejn id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt u l-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat. Xi kultant dan jirriżulta f’ċirkostanzi fejn l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti li jixtiequ jagħmlu irriversibbli l-konsegwenzi tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tad-disputa biex jipproċedu malajr għall-iffirmar tal-kuntratt. Sabiex jagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas, li huwa ostaklu serju għall-ħarsien ġudizzjarju effettiv ta’ l-offerenti kkonċernati, jiġifieri, dawk l-offerenti li għadhom ma ġewx esklużi b’mod definittiv, jeħtieġ li jkun provdut perijodu minimu sospensiv li matulu tiġi sospiża l-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, irrispettivament jekk il-konklużjoni ssirx fil-mument ta’ l-iffirmar tal-kuntratt jew le.

[…]

(36)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal tribunal imparzjali, bi qbil ma’ l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 47 tal-Karta.”

5        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi:

“1.      […]

[…]

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65)] jew id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1, rettifika fil-ĠU L 114, 5.5.2015, p. 24, u fil-ĠU L 82, 26.3.2018, p. 17), id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, tal-inqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

[…]

5.      L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna kkonċernata l-ewwel titlob reviżjoni mill-awtorità kontraenti. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talba għal reviżjoni tirriżulta fis-sospensjoni immedjata tal-possibbiltà ta’ konklużjoni tal-kuntratt.

[…]

Is-sospensjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha l-awtorità kontraenti tkun bagħtet tweġiba jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi, jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha l-awtorità kontraenti tkun bagħtet tweġiba, jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data tar-riċevuta ta’ tweġiba.”

6        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665, intitolat “Ħtiġijiet għall-proċeduri ta’ reviżjoni”, jgħid:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

(a)      jittieħdu, ma’ l-ewwel opportunità possibbli u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri intermedji bil-għan li jiġi korrett il-ksur allegat jew li ma jsirx dannu ulterjuri lill-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi żgurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti;

(b)      jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluż it-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji fis-sejħa għall-offerti, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fi kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt;

(ċ)      jingħataw danni lil persuni li jġarrbu ħsara minn xi ksur.

2.      Is-setgħat speċifikati fil-paragrafu 1 u l-Artikoli 2d u 2e jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli minn aspetti differenti tal-proċedura ta’ reviżjoni.

3.      Meta korp tal-prim istanza, li hu indipendenti mill-awtorità kontraenti, jirrevedi deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kontraenti ma tkunx tista’ tikkonkludi l-kuntratt qabel ma l-korp ta’ reviżjoni jkun ħa deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri intermedjarji jew għal reviżjoni. Is-sospensjoni m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza tal-perijodu sospensiv imsemmi fl-Artikoli 2a(2) u 2d(4) u (5).

4.      Ħlief fejn previst fil-paragrafu 3 u l-Artikolu 1(5), il-proċeduri ta’ reviżjoni mhux neċessarjament ikollhom l-effett ta’ sospensjoni awtomatika fuq il-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratt li magħhom għandhom x’jaqsmu.

5.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni għandu jqis il-konsegwenzi probabbli tal-miżuri intermedjarji fl-interessi ta’ dawk kollha li jistgħu jsofru dannu, kif ukoll fl-interess pubbliku, u jista’ jiddeċiedi li ma jagħtix dawn il-miżuri meta l-konsegwenzi negattivi tagħhom jistgħu jkunu akbar mill-benefiċċji tagħhom.

Deċiżjoni li ma tingħatax miżuri intermedjarji m’għandha tippreġudika l-ebda pretensjoni oħra tal-persuna li tkun qed titlob tali miżuri.

6.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li fil-każ fejn jiġu mitluba danni minħabba li deċiżjoni kienet meħuda illegalment, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel titwarrab minn korp li jkollu s-setgħat neċessarji.

7.      […]

Barra minn hekk, ħlief f’każ fejn deċiżjoni jkollha tiġi mwarrba qabel l-għoti tad-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt skond l-Artikolu 1(5), paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikoli 2a sa 2f, is-setgħat tal-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom ikunu limitati għall-ħlas tad-danni lil kull persuna li tkun sofriet minnħabba ksur tal-liġi.

[…]

9.      Fejn il-korpi responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni ma jkunux ta’ natura ġudizzjarja, għandhom dejjem jingħataw raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, f’każ bħal dan, għandha ssir dispożizzjoni biex ikunu garantiti proċeduri li bihom kwalunkwe miżura kontra l-liġi allegatament meħuda mill-korp ta’ reviżjoni, jew kwalunkwe difett allegat fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu, jkunu jistgħu jiġu soġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja jew reviżjoni minn korp ieħor li jkun qorti jew tribunal fis-sens ta’ l-Artikolu [267 TFUE], u indipendenti kemm mill-awtorità kontraenti kif ukoll mill-korp ta’ reviżjoni.

[…]”

7        Skont l-Artikolu 2a ta’ din id-direttiva, intitolat “Perijodu sospensiv”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni msemmija fl-Artikolu 1(3) ikollhom żmien biżżejjed għal reviżjoni effettiva tad-deċiżjonijiet ta’ l-għoti ta’ kuntratt meħuda mill-awtoritajiet kontraenti, billi jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa li jirrispettaw il-kondizzjonijiet minimi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 2ċ.

2.      Kuntratt ma jistax jiġi konkluż wara d-deċiżjoni li jingħata kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2014/24] jew id-Direttiva [2014/23] qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas 10 ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li fiha tintbagħat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lill-offerenti u lill-kandidati konċernati jekk jintużaw fax jew mezzi elettroniċi, jew jekk jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni oħrajn, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li fiha tintbagħat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lill-offerenti u lill-kandidati konċernati jew mill-inqas 10 ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data tal-wasla tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt.

L-offerenti għandhom jitqiesu li huma kkonċernati jekk ikun għadhom ma ġewx definittivament esklużi. Esklużjoni tkun definittiva jekk tkun ġiet notifikata lill-offerent ikkonċernat u tkun jew ġiet ikkunsidrata legali minn korp ta’ reviżjoni indipendenti jew ma tkunx għadha tista’ tiġi soġġetta għal proċedura ta’ reviżjoni.

[…]

Il-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ għoti lil kull offerent u kandidat ikkonċernat għandha tkun akkumpanjata b’dan li ġej:

–        sommarju tar-raġunijiet rilevanti […], u

–        dikjarazzjoni preċiża tal-perijodu eżatt ta’ waqfien applikabbli b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu dan il-paragrafu.”

8        L-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665, intitolat “Ineffettività”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każi li ġejjin:

[…]

(b)      fil-każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 1(5), l-Artikolu 2(3) jew l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva, jekk dan il-ksur ikun ċaħħad lill-offerent milli jitlob reviżjoni tal-possibbiltà ta’ rimedji pre-kuntrattwali, fejn dak il-ksur ikun sar flimkien ma’ ksur tad-Direttiva [2014/24] jew [tad-]Direttiva [2014/23], jekk dan il-ksur ikun affettwa l-opportunità ta’ l-offerent li qed japplika għal reviżjoni, biex jikseb il-kuntratt;

[…]

2.      Il-konsegwenzi meta kuntratt jiġi kkunsidrat ineffettiv għandhom jiġu stipulati mil-liġi nazzjonali.

Il-liġi nazzjonali tista’ tipprovdi għall-annullament retroattiv tal-obbligi kuntrattwali kollha jew tillimita l-iskop tal-annullament għal dawk l-obbligi li xorta jkunu għad iridu jitwettqu. F’dan il-każ ta’ l-aħħar, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ penali oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 2e(2).”

 Iddritt Ċek

9        Mill-Artikoli 241 u 242 taż-zákon č 134/2016 Sb., o zadávání veřejných zakázek (il-Liġi Nru 134/2016 dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 134/2016”), jirriżulta li jista’ jitressaq ilment kontra l-proċedura tal-awtorità kontraenti f’terminu ta’ ħmistax-il jum mid-data li fiha l-lanjant persuna li tilmenta ssir taf bil-ksur tal-liġi mill-awtorità kontraenti.

10      Skont l-Artikolu 245(1) ta’ din il-liġi, l-awtorità kontraenti għandha tibgħat lill-persuna li tilmenta, fi żmien ħmistax-il jum minn meta tirċievi l-ilment, deċiżjoni dwar dan l-ilment filwaqt li tindika jekk hija tilqax jew tiċħadx l-ilment. Din id-deċiżjoni għandha tinkludi motivazzjoni li fiha l-awtorità kontraenti tikkummenta b’mod dettaljat u li jinftiehem iċ-ċirkustanzi kollha msemmija fl-ilment mill-persuna li tilmenta. Jekk l-awtorità kontraenti tilqa’ l-ilment, hija għandha tindika wkoll, fl-imsemmija deċiżjoni, il-miżuri korrettivi li hija ser tieħu.

11      Skont l-Artikolu 245(4) tal-imsemmija liġi, jekk l-awtorità kontraenti tiċħad l-ilment, hija għandha tinforma lil-persuna li tilmenta, fid-deċiżjoni dwar l-ilment, bil-possibbiltà li din tressaq, fit-terminu previst fl-Artikolu 251(2) tal-istess liġi, talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ kontroll tal-atti tal-awtorità kontraenti quddiem l-Uffiċċju kif ukoll dwar l-obbligu li tibgħat lill-awtorità kontraenti, fl-istess terminu, kopja ta’ din it-talba.

12      L-Artikolu 246(1) tal-Liġi Nru 134/2016 jipprovdi li l-awtorità kontraenti ma tistax tikkonkludi kuntratt ma’ fornitur:

“(a)      qabel l-iskadenza tat-terminu għat-tressiq ta’ lment kontra d-deċiżjoni dwar l-esklużjoni ta’ parteċipant mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, fuq l-għażla tal-fornitur jew kontra l-att ta’ notifika volontarja tal-intenzjoni li jikkonkludi l-kuntratt;

(b)      sakemm tiġi nnotifikata lill-persuna li tilmenta d-deċiżjoni dwar l-ilment jekk ikun sar ilment;

(c)      qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien għall-preżentata ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ kontroll tad-dokumenti tal-awtorità kontraenti, jekk l-awtorità kontraenti tkun ċaħdet l-ilment imressaq;

(d)      fi żmien 60 jum mid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ kontroll tal-atti tal-awtorità kontraenti, jekk tkun tressqet talba għall-ftuħ ta’ din il-proċedura fil-limitu ta’ żmien. Madankollu, l-awtorità kontraenti tista’ tikkonkludi l-kuntratt, anki f’dan it-terminu, jekk l-Uffiċċju jkun ċaħad din it-talba jew jekk il-proċedura amministrattiva li tikkonċerna l-imsemmija talba tkun ingħalqet u din id-deċiżjoni ta’ ċaħda jew ta’ għeluq tkun saret definittiva fil-kuntest ta’ din il-proċedura amministrattiva.”

13      Skont l-Artikolu 246(2) ta’ din il-liġi, l-awtorità kontraenti lanqas ma tista’ tikkonkludi kuntratt ma’ fornitur f’terminu ta’ 60 jum mid-data tal-preżentata tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-atti tal-awtorità kontraenti jekk l-Uffiċċju jibda din il-proċedura ex officio. Madankollu, l-awtorità kontraenti tista’ tikkonkludi kuntratt, anki f’dan it-terminu, jekk il-proċedura amministrattiva tkun ingħalqet u tali deċiżjoni tkun saret finali fil-kuntest ta’ din il-proċedura amministrattiva.

14      Konformement mal-Artikolu 254(1) tal-imsemmija liġi, talba intiża biex tiġi imposta projbizzjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku tista’ titressaq minn applikant li jsostni li l-awtorità kontraenti kkonkludiet il-kuntratt, b’mod partikolari, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel, minkejja l-projbizzjoni ta’ konklużjoni tiegħu prevista mill-istess liġi jew minn miżura provviżorja, jew abbażi ta’ proċedura differenti mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

15      L-Artikolu 257(j) tal-Liġi Nru 134/2016 jipprovdi li l-Uffiċċju għandu jagħlaq permezz ta’ digriet il-proċedura meta l-awtorità kontraenti tkun ikkonkludiet, matul il-proċedura amministrattiva, kuntratt għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt li huwa s-suġġett tal-istħarriġ.

16      L-Artikolu 264(1) ta’ din il-liġi jipprevedi li l-Uffiċċju jimponi fuq l-awtorità kontraenti, fil-kuntest tal-proċedura mibdija b’talba skont l-Artikolu 254 tal-imsemmija liġi, projbizzjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt jekk il-kuntratt pubbliku jew il-kuntratt qafas ikun ġie konkluż bil-mod imsemmi f’dan l-Artikolu 254(1). Il-kuntratt li għalih l-Uffiċċju impona projbizzjoni ta’ eżekuzzjoni, mingħajr ma pproċeda skont il-paragrafu 3, huwa invalidu ab initio. Skont dan l-Artikolu 264(2), il-kuntratt għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku jsir null, minħabba ksur tal-istess liġi, biss fil-każ fejn l-Uffiċċju jimponi projbizzjoni ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt skont l-imsemmi Artikolu 264(1).

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

17      Fis‑27 ta’ Settembru 2019, il-Belt ta’ Brno nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku dwar l-estensjoni tal-funzjonijiet taċ-ċentru għall-kontroll tat-traffiku (dwar is-sistema tad-dwal tat-traffiku) ta’ din il-belt. Il-valur stmat ta’ dan il-kuntratt pubbliku kien ta’ 13 805 000 koruna Ċeka (CZK) mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) (madwar EUR 560 000).

18      Il-Belt ta’ Brno, bħala awtorità kontraenti, irċeviet żewġ offerti, jiġifieri dik ta’ CROSS Zlín, l-inqas għolja, u dik ta’ Siemens Mobility, s. r. o. Permezz ta’ avviż tas‑6 ta’ April 2020, din l-awtorità kontraenti eskludiet lill-CROSS Zlín minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Fis‑7 ta’ April 2020, il-kuntratt imsemmi ngħata lil Siemens Mobility.

19      Cross Zlín ressqet ilment kontra dan l-avviż ta’ esklużjoni, li l-awtorità kontraenti ċaħdet permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2020. Sussegwentement, din il-kumpannija ressqet talba għal stħarriġ tal-atti tal-awtorità kontraenti quddiem l-Uffiċċju, intiża għall-annullament tal-imsemmi avviż ta’ esklużjoni kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt ikkonċernat lil Siemens Mobility.

20      Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva quddiem l-Uffiċċju, dan tal-aħħar adotta ex officio, fit‑3 ta’ Lulju 2020, miżura provviżorja li tipprojbixxi lill-awtorità kontraenti milli tikkonkludi l-kuntratt pubbliku inkwistjoni sal-għeluq definittiv ta’ din il-proċedura amministrattiva.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Awwissu 2020, l-Uffiċċju ċaħad it-talba ta’ CROSS Zlín. Din tal-aħħar għalhekk ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni, li l-President tal-Uffiċċju, bħala istanza amministrattiva tat-tieni grad, ċaħad permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2020. Fit‑18 ta’ Novembru 2020, l-awtorità kontraenti kkonkludiet dan il-kuntratt pubbliku ma’ Siemens Mobility.

22      Fit‑13 ta’ Jannar 2021, CROSS Zlín ippreżentat rikors quddiem il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju, kontra din id-deċiżjoni tal-President tal-Uffiċċju. Fl-istess ħin ma’ dan ir-rikors, CROSS Zlín ressqet talba intiża biex l-imsemmi rikors jingħata effett sospensiv fir-rigward tal-konklużjoni tal-kuntratt u sabiex tiġi adottata miżura provviżorja li tikkonsisti fil-projbizzjoni lill-awtorità kontraenti milli tikkonkludi jew teżegwixxi l-imsemmi kuntratt pubbliku.

23      Fil‑11 ta’ Frar 2021, din il-qorti ċaħdet din it-talba għar-raġuni, essenzjalment, li, meta kuntratt pubbliku jkun diġà ġie konkluż, ma hemmx lok li tiġi imposta projbizzjoni li dan il-kuntratt jiġi konkluż fuq l-awtorità kontraenti kkonċernata. Fil-fatt, fl-istat attwali tad-dritt Ċek, anki fil-każ fejn tali azzjoni ġudizzjarja tintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata b’rinviju tal-kawża quddiem l-Uffiċċju, dan tal-aħħar jagħlaq il-proċedura abbażi tal-Artikolu 257(j) tal-Liġi Nru 134/2016, mingħajr ma jeżamina din il-kawża fil-mertu.

24      Bl-istess mod, l-imsemmija qorti rrifjutat li timponi fuq l-awtorità kontraenti projbizzjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, peress li l-leġiżlazzjoni Ċeka ma tipprekludix il-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku wara li d-deċiżjoni tal-President tal-Uffiċċju tkun kisbet natura definittiva fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

25      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar jekk id-Direttiva 89/665 kif ukoll ir-rekwiżit li jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju effettiv li jirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lil awtorità kontraenti tikkonkludi kuntratt pubbliku qabel l-iskadenza tat-terminu previst għall-preżentata ta’ rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tal-istanza amministrattiva tat-tieni grad jew qabel ma l-qorti adita tkun tista’ tiddeċiedi dwar talba intiża għall-adozzjoni ta’ miżura provviżorja li tipprojbixxi lil din l-awtorità kontraenti milli tikkonkludi dan il-kuntratt sakemm id-deċiżjoni dwar dan ir-rikors tkun saret definittiva.

26      Mill-ġurisprudenza tal-qrati Ċeki jirriżulta li, jekk il-kuntratt pubbliku jiġi konkluż qabel ma l-qorti adita tkun iddeċidiet dwar tali rikors jew tali talba, din il-qorti ma tagħtix iktar miżuri provviżorji, peress li, f’tali każ, ma jkunx iktar neċessarju li tiġi rregolata provviżorjament is-sitwazzjoni tal-partijiet.

27      Għalhekk, fil-każ li l-qorti adita tikkonkludi li l-Uffiċċju wettaq żball fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-esklużjoni tal-offerent ikkonċernat, hija għandha tannulla, minħabba l-illegalità, id-deċiżjoni tal-President tal-Uffiċċju, imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, u tirrinvija l-kawża quddiem din l-awtorità amministrattiva. Madankollu, jekk il-kuntratt pubbliku inkwistjoni jkun ġie konkluż qabel ma din il-qorti tiddeċiedi, l-Uffiċċju, ladarba l-kawża tiġi rrinvijata lilu, ma għandux jeżamina mill-ġdid il-fondatezza tat-talba għal stħarriġ tal-atti tal-awtorità kontraenti konformement mat-talbiet tal-imsemmija qorti u għandu jagħlaq il-proċedura abbażi tal-Artikolu 257(j) tal-Liġi Nru 134/2016.

28      F’tali ipoteżi, l-offerent eskluż jista’ jirrikorri biss lejn il-qrati ċivili fil-kuntest ta’ talba għall-kumpens għad-dannu kkawżat mill-aġir illegali tal-awtorità kontraenti, iżda, skont il-qorti tar-rinviju, huwa diffiċli li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ tali kumpens.

29      Din il-qorti żżid li, skont il-leġiżlazzjoni Ċeka, l-Uffiċċju huwa “istanza ta’ appell”, fis-sens tad-Direttiva 89/665. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 246 tal-Liġi Nru 134/2016 jipprevedi t-termini li matulhom l-awtorità kontraenti hija pprojbita milli tikkonkludi kuntratt matul il-proċedura quddiem l-Uffiċċju. Madankollu, dan tal-aħħar ma jistax jitqies bħala qorti.

30      Konsegwentement, jekk, kif jirriżulta mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia (C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 73), kellu jitqies li l-qorti ta’ stħarriġ indipendenti, skont l-Artikolu 2(3) jew l-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665, għandha tkun qorti, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-leġiżlazzjoni Ċeka, li tippermetti l-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku immedjatament wara d-deċiżjoni tal-Uffiċċju, tikser din id-direttiva u ma tiggarantixxix rimedju ġudizzjarju effettiv lill-offerenti esklużi minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

31      Fl-aħħar nett, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-insuffiċjenza tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 89/665 fl-ordinament ġuridiku Ċek, il-qorti tar-rinviju tqis li hija tkun obbligata, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ illegalità tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, li timponi fuq l-Uffiċċju li ma japplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ċek li jagħtu lok għal tali ksur ta’ din id-direttiva.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Huwa kompatibbli mal-Artikolu 2(3) u mal-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva [89/665] interpretati fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-[Karta], jekk il-leġiżlazzjoni Ċeka tippermetti lill-awtorità kontraenti tikkonkludi kuntratt fil-forma ta’ kuntratt pubbliku qabel ma jkun ġie ppreżentat rikors quddiem qorti li hija kompetenti sabiex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni meħuda fit-tieni istanza mill-[Uffiċċju] dwar l-esklużjoni ta’ offerent?”

 Fuq ittalba għal ftuħ millġdid talfażi orali talproċedura

33      Wara li ngħataw il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, CROSS Zlín, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Settembru 2023, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34      Insostenn tat-talba tagħha, CROSS Zlín tqis li, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, il-kawża tirriskja li tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet jew il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, l-ordinament ġuridiku Ċek ma jippermettix, la fil-fatt u lanqas fid-dritt, lil qorti amministrattiva li tannulla kuntratt, anki jekk ikun ġie konkluż abbażi ta’ deċiżjoni illegali tal-awtorità kontraenti. Issa, dawn il-konklużjonijiet ma jiħdux inkunsiderazzjoni dan il-fatt, fatt li CROSS Zlín tixtieq tispjega fil-kuntest tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

35      Barra minn hekk, hija tindika li hija tixtieq tittratta b’mod partikolari, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raġuni għalfejn il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno) ċaħdet it-talba tagħha intiża għall-adozzjoni ta’ miżura provviżorja intiża biex tipprojbixxi l-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tal-ġurisdizzjoni tal-qrati amministrattivi Ċeki sabiex jiddeċiedu dwar il-validità tal-kuntratti konklużi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt b’rabta mad-deċiżjonijiet mogħtija fl-ewwel istanza mill-Uffiċċju, kif ukoll l-effetti reali tal-annullament ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju minn qorti amministrattiva u tal-effett tagħhom fuq il-kuntratt ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku diġà konkluż. Hija tipproponi, f’dan ir-rigward, li tiġi kkompletata, b’diversi elementi, ir-risposta għad-domanda preliminari ssuġġerita mill-Avukat Ġenerali.

36      Minn naħa, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta minn dawn il-konklużjonijiet u lanqas mill-motivazzjoni li abbażi tagħha jasal għalihom l-Avukat Ġenerali (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, LACD, C‑133/22, EU:C:2023:710, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għandu jitfakkar ukoll li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet ikkonċernati jirrispondu għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti fil-kawża prinċipali jew ta’ persuna kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Interseroh, C‑654/18, EU:C:2020:398, punt 33, u tad‑9 ta’ Novembru 2023, Všeobecná úverová banka, C‑598/21, EU:C:2023:845, punt 50).

38      B’hekk, CROSS Zlín ma tistax tiġġustifika b’mod validu t-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura billi tipproponi li tikkompleta r-risposta għad-domanda preliminari ssuġġerita mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu.

39      Min-naħa l-oħra, ċertament, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

40      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li CROSS Zlín kif ukoll il-persuni kkonċernati li pparteċipaw f’din il-proċedura setgħu jesponu, kemm matul il-fażi bil-miktub kif ukoll matul il-fażi orali tagħha, il-punti ta’ liġi li huma qiesu rilevanti sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-Direttiva 89/665, sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti u li l-ebda wieħed mill-elementi invokati minn CROSS Zlín insostenn tat-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma jiġġustifika dan il-ftuħ mill-ġdid, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq iddomanda preliminari

42      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tgħinha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha u, f’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Universiteit Antwerpen et, C‑265/20, EU:C:2022:361, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Il-formulazzjoni tad-domanda ssemmi l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665 fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtorità kontraenti tikkonkludi kuntratt għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku qabel ma l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tkun tista’ tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li teskludi offerent minn dan il-kuntratt.

44      Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Artikolu 2(3) ma jirrigwardax il-każ ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ esklużjoni ta’ offerent mill-kuntratt ikkonċernat, iżda dak ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt. Għalhekk, peress li mill-elementi li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, quddiem l-Uffiċċju, CROSS Zlín talbet l-annullament mhux biss tal-avviż dwar l-esklużjoni tagħha, iżda wkoll tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali lill-offerent l-ieħor, Siemens Mobility, din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni ta’ għoti biss.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lill-awtorità kontraenti milli tikkonkludi kuntratt pubbliku biss sad-data li fiha l-ewwel istanza, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(3) li, f’dan l-Istat Membru, ma tkunx ta’ natura ġudizzjarja, tiddeċiedi dwar ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt.

46      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 89/665 tinkludi dispożizzjonijiet iddettaljati li jipprevedu sistema koerenti ta’ proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi li għandhom ikunu, skont l-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva, aċċessibbli tal-inqas għal kull persuna li għandha jew li kellha interess li tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

47      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2a(1) tad-Direttiva 89/665, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni msemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva jkollhom termini li jippermettu rimedji effettivi kontra d-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt meħuda mill-awtoritajiet kontraenti, billi jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji li josservaw il-kundizzjonijiet minimi stabbiliti, b’mod partikolari, f’dan l-Artikolu 2a(2).

48      Din l-aħħar dispożizzjoni tiffissa t-termini minimi ta’ sospensjoni li matulhom, wara d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-kuntratt relatat ma’ dan il-kuntratt ma jistax jiġi konkluż. Dawn it-termini huma, skont il-każ, ta’ għaxra jew ta’ ħmistax-il jum kalendarju, b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni tkun intbagħtet lill-offerenti kkonċernati, jew irċevuta minnhom, skont il-mod li bih tintbagħat din id-deċiżjoni.

49      L-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665 jiddetermina għalhekk termini għas-sospensjoni ipso iure tal-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku sabiex tiġi żgurata l-effettività tar-rikors li jista’ jiġi ppreżentat mill-persuni msemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva kontra tali deċiżjoni ta’ għoti.

50      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, meta dawn il-persuni jippreżentaw tali rikors, japplika l-Artikolu 2(3) tal-imsemmija direttiva.

51      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Sambre & Biesme u Commune de Farciennes, C‑383/21 u C‑384/21, EU:C:2022:1022, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan ir-rigward, jirriżulta, qabel kollox, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665 li, meta korp tal-ewwel istanza, indipendenti mill-awtorità kontraenti, jiġi adit b’reviżjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, l-awtorità kontraenti ma tistax tikkonkludi dan il-kuntratt qabel ma dan il-korp tal-ewwel istanza jiddeċiedi jew dwar it-talba għal miżuri provviżorji, jew dwar din ir-reviżjoni.

53      Għalhekk, minn naħa, din id-dispożizzjoni tipprevedi l-effett sospensiv, fir-rigward tal-iffirmar tal-kuntratt, ta’ proċedura ta’ reviżjoni kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku matul il-proċedura quddiem il-korp tal-ewwel istanza adit b’din il-proċedura ta’ reviżjoni jew, tal-inqas, sakemm din l-istanza tiddeċiedi dwar eventwali talba għal miżuri provviżorji. Min-naħa l-oħra, minkejja li l-imsemmija dispożizzjoni teżiġi li l-korp imsemmi jkun indipendenti mill-awtorità kontraenti, hija ma tinkludi ebda indikazzjoni li minnha jirriżulta li l-istess korp għandu jkun ta’ natura ġudizzjarja.

54      Fir-rigward, sussegwentement, tal-kuntest tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665, il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu 2 jipprevedi espressament il-każ fejn “il-korpi responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni ma jkunux ta’ natura ġudizzjarja”, li minnu jirriżulta li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jagħtu lil tali korpi l-kompetenza li jieħdu konjizzjoni ta’ proċeduri ta’ reviżjoni kontra d-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku. F’tali każ, l-imsemmi Artikolu 2(9) jippreċiża li kull miżura allegatament illegali meħuda minn tali korp ta’ reviżjoni mhux ġudizzjarju jew kull allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu għandhom ikunu jistgħu jkunu suġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja jew għal reviżjoni minn korp ieħor li jkun qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, indipendenti mill-awtorità kontraenti u minn dan il-korp ta’ reviżjoni mhux ġudizzjarju li jkun iddeċieda fl-ewwel istanza.

55      Għalhekk, l-istess Artikolu 2(9) jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jagħżlu bejn żewġ soluzzjonijiet għall-organizzazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-kuntratti pubbliċi. L-ewwel soluzzjoni tikkonsisti fl-għoti tal-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ proċeduri ta’ reviżjoni lil istanzi ta’ natura ġudizzjarja. Skont it-tieni soluzzjoni, din il-ġurisdizzjoni hija, fl-ewwel lok, mogħtija lil istanzi li ma humiex ta’ natura ġudizzjarja. F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet kollha meħuda minn dawn l-istanzi għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja jew ta’ rikors li, essenzjalment, ikun “ġudizzjarju” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, u dan jippermetti li jiġi ggarantit rimedju adegwat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999, HI, C‑258/97, EU:C:1999:118, punti 16 u 17).

56      Issa, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665, billi jifformula obbligu ta’ sospensjoni tal-konklużjoni tal-kuntratt pubbliku, ma jagħmel ebda riferiment għar-rimedju ġudizzjarju, previst f’dan l-Artikolu 2(9), kontra d-deċiżjonijiet tal-korpi responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni li ma humiex ta’ natura ġudizzjarja.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kemm din l-assenza ta’ riferiment kif ukoll l-għażla mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 89/665 li jagħtu l-kompetenza sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni kontra d-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt lil korpi tal-ewwel istanza ta’ natura ġudizzjarja jew le jimplikaw li, meta Stat Membru jiddeċiedi li jattribwixxi din il-kompetenza lil korp tal-ewwel istanza li ma hijiex ta’ natura ġudizzjarja, it-terminu “korp ta’ reviżjoni”, li jinsab f’dan l-Artikolu 2(3), jirrigwarda lil dan il-korp tal-ewwel istanza mhux ġudizzjarja. F’każ bħal dan, l-Istati Membri għandhom jipprevedu s-sospensjoni tal-konklużjoni tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, jew ipso iure sakemm l-imsemmi korp jiddeċiedi dwar ir-rikors, jew, tal-inqas, sakemm hija tiddeċiedi dwar talba għal miżuri provviżorji intiżi għal tali sospensjoni.

58      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665, moqri fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 2(9), ma jeżiġix li din is-sospensjoni tippersisti wara t-tmiem tal-proċedura quddiem tali korp ta’ reviżjoni mhux ġudizzjarja, pereżempju sakemm istanza ġudizzjarja tiddeċiedi dwar ir-rikors li jista’ jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ dan il-korp ta’ reviżjoni mhux ġudizzjarja.

59      Fl-aħħar nett, din il-konklużjoni hija konformi mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 89/665. Din id-direttiva hija intiża biex tiżgura l-osservanza sħiħa tad-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali, stabbilit fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan ir-rigward, ġie deċiż li l-Artikolu 1(1) u (3) tal-imsemmija direttiva, li huwa intiż biex jipproteġi lill-operaturi ekonomiċi kontra l-arbitrarjetà tal-awtorità kontraenti, għandu l-għan li jiżgura l-eżistenza, fl-Istati Membri kollha, ta’ rimedji effettivi, u malajr kemm jista’ jkun, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari fi stadju fejn il-ksur ikun għadu jista’ jiġi kkoreġut (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried, permezz tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665, jirrikonċilja l-interessi tal-offerent eskluż ma’ dawk tal-awtorità kontraenti u tal-offerent rebbieħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Fastweb, C‑19/13, EU:C:2014:2194, punt 63, kif ukoll id-digriet tat‑23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275, punt 34).

62      Huwa għalhekk li, minn naħa, l-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-istanza responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi probabbli tal-miżuri provviżorji għall-interessi kollha li jistgħu jiġu leżi, kif ukoll l-interess pubbliku, u tiddeċiedi li ma tagħtix tali miżuri provviżorji meta l-konsegwenzi negattivi tagħhom jistgħu jegħlbu l-vantaġġi tagħhom. Issa, l-interess li l-kuntratti pubbliċi jkunu jistgħu jiġu konklużi mingħajr dewmien eċċessiv jikkostitwixxi tali interess pubbliku.

63      Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 89/665 jipprovdi li Stat Membru jista’ jipprevedi li, meta kuntratt ikun ġie konkluż skont dan l-Artikolu 2(3), jiġifieri li jkun ġie konkluż wara li tkun intemmet is-sospensjoni tal-konklużjoni tiegħu, l-awtoritajiet tal-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom ikunu limitati għall-għoti ta’ danni lil kull persuna leża minn ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew tar-regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt.

64      Dawn l-elementi jikkorroboraw għalhekk l-interpretazzjoni, li tirriżulta mill-qari tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665, fid-dawl tal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu 2, li jgħid li s-sospensjoni tal-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku, prevista fl-imsemmi Artikolu 2(3) tibqa’, l-iktar tard, sad-data li fiha l-korp tal-ewwel istanza jiddeċiedi dwar ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, irrispettivament minn jekk din l-istanza tkunx ta’ natura ġudizzjarja jew le. Wara li l-korp imsemmi jkun ħa deċiżjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li parti leża tista’ titlob biss id-danni.

65      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia (C‑497/20, EU:C:2021:1037). Fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kliem “korp ta’ reviżjoni indipendenti”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665, bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat espressament din l-aħħar interpretazzjoni, billi ppreċiżat li din kienet tapplika “sabiex jiġi ddeterminat jekk l-esklużjoni ta’ offerent saritx definittiva”, fis-sens ta’ dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2a(2).

66      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 74 tal-imsemmija sentenza, li n-natura li għadha ma hijiex definittiva tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni tiddetermina, għall-offerenti, il-locus standi kontra d-deċiżjoni ta’ għoti. Fil-punt 75 tal-istess sentenza, hija ppreċiżat li “hija biss l-esklużjoni definittiva, fis-sens [tat-tieni subparagrafu] tal-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665, li jista’ jkollha l-effett li ċċaħħad lil offerent mill-locus standi tiegħu kontra d-deċiżjoni [ta’ għoti ta’ kuntratt]”.

67      B’hekk, minn deċiżjoni tal-“korp ta’ reviżjoni indipendenti”, imsemmi f’dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2a(2) jista’ jirriżulta li offerent jiġi mċaħħad mill-locus standi kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt. F’dan il-kuntest, ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ tali offerent jeżiġi li l-qorti li tiddeċiedi dwar il-legalità tal-esklużjoni ta’ dan tal-aħħar tkun qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta.

68      Min-naħa l-oħra, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma japplikawx f’dak li jirrigwarda l-istanza tar-rikors tal-ewwel istanza msemmija fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà, mogħtija lilu minn din id-direttiva, li jistabbilixxi tali istanza li ma tkunx ta’ natura ġudizzjarja, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa żgurat mir-rekwiżit, previst f’dan l-Artikolu 2(9), li d-deċiżjonijiet kollha ta’ tali istanza ta’ reviżjoni mhux ġudizzjarja jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju.

69      Fir-raba’ u l-aħħar lok, għandu madankollu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni Ewropea, li, fl-assenza, fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, ta’ sospensjoni ipso jure tal-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku sad-data li fiha l-korp ta’ reviżjoni tal-ewwel istanza, imsemmi fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665, jiddeċiedi fuq ir-reviżjoni, u meta dan il-korp ta’ reviżjoni ma jkunx ta’ natura ġudizzjarja, iċ-ċaħda, minn dan il-korp, ta’ talba għal miżuri provviżorji intiżi biex tiġi pprojbita l-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku sad-data li fiha l-imsemmi korp jiddeċiedi dwar dan ir-rikors għandha tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju b’effett sospensiv sakemm il-qorti adita tiddeċiedi dwar dawn il-miżuri provviżorji.

70      Dan ir-rekwiżit jirriżulta mill-qari flimkien tal-paragrafi 3 u 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata n-natura effettiva ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ korp mhux ġudizzjarju tal-ewwel istanza li jiċħad talba għal miżuri provviżorji intiżi biex jipprojbixxu l-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku sad-data li fiha din l-istanza tkun iddeċidiet, minn naħa, l-offerent ikkonċernat minn din id-deċiżjoni ta’ ċaħda għandu jkun jista’ jibbenefika minn terminu ta’ sospensjoni raġonevoli sabiex ikun jista’ jippreżenta dan ir-rikors u, min-naħa l-oħra, jekk dan jiġi ppreżentat, is-sospensjoni tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt għandha tkompli sakemm il-qorti adita tiddeċiedi dwar l-imsemmi rikors.

71      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 246 tal-Liġi Nru 134/2016 jipprevedi li l-kuntratt pubbliku ma jistax jiġi konkluż, minn naħa, qabel l-iskadenza tat-terminu għat-tressiq ta’ lment quddiem l-awtorità kontraenti kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt, u sussegwentement tat-terminu għat-tressiq ta’ talba għal stħarriġ tal-atti tal-awtorità kontraenti quddiem l-Uffiċċju, u, min-naħa l-oħra, matul il-proċedura quddiem l-Uffiċċju, li, skont il-qorti tar-rinviju, huwa l-korp ta’ reviżjoni tal-ewwel istanza, indipendenti mill-awtorità kontraenti, fis-sens tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665, u li ma huwiex ta’ natura ġudizzjarja. B’mod partikolari, mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandha twettaq din il-qorti, skont dan l-Artikolu 246(1), il-projbizzjoni ipso jure li jiġi konkluż kuntratt pubbliku tkompli sad-data li fiha din l-istanza ta’ rikors tal-ewwel istanza tiddeċiedi fuq ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt.

72      F’dan ir-rigward, mill-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-ewwel nett, l-Uffiċċju adotta ex officio, fit‑3 ta’ Lulju 2020, miżura provviżorja li tipprojbixxi lill-awtorità kontraenti milli tikkonkludi l-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali sal-għeluq definittiv tal-proċedura amministrattiva quddiem l-Uffiċċju. Sussegwentement, il-President tal-Uffiċċju, bħala istanza amministrattiva tat-tieni grad, ċaħad, permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2020, l-ilment li CROSS Zlín kienet ressqet kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda, mill-Uffiċċju, tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, u, fl-aħħar nett, fit‑18 ta’ Novembru 2020, l-awtorità kontraenti kkonkludiet dan il-kuntratt mal-offerent rebbieħ. Minn dan isegwi li l-imsemmi kuntratt ġie konkluż biss wara li l-Uffiċċju ddeċieda b’mod definittiv, f’żewġ istanzi, dwar il-legalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ għoti, fatt li, madankollu, għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

73      Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li, mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandha twettaq din il-qorti, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jidhru li jippermettu li tiġi ggarantita applikazzjoni korretta tal-Artikolu 2(3) u tal-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665, moqrija fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-awtorità kontraenti milli tikkonkludi kuntratt pubbliku biss sad-data li fiha l-korp tal-ewwel istanza, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(3), jiddeċiedi dwar ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, mingħajr ma tkun rilevanti, f’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk dan il-korp ta’ reviżjoni huwiex jew le ta’ natura ġudizzjarja.

 Fuq lispejjeż

75      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

“L-Artikolu 2(3) u u l-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-awtorità kontraenti milli tikkonkludi kuntratt pubbliku biss sad-data li fiha l-korp tal-ewwel istanza, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(3), jiddeċiedi dwar ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, mingħajr ma tkun rilevanti, f’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk dan il-korp ta’ reviżjoni huwiex jew le ta’ natura ġudizzjarja.

Firem


*       Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.