Language of document : ECLI:EU:T:2021:902

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

15 ta’ Diċembru 2021 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ‘Orizzont 2020’ (2014‑2020) – Regolament (UE) Nru 1290/2013 – Dokumenti dwar il-proġett ta’ riċerka ‘iBorderCtrl: Intelligent Portable Border Control System’ – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Interess pubbliku superjuri”

Fil-Kawża T‑158/19,

Patrick Breyer, residenti f’Kiel (il-Ġermanja), irrappreżentat minn J. Breyer, avukat,

rikorrent,

vs

L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA), irrappreżentata minn S. Payan-Lagrou u V. Canetti, bħala aġenti, assistiti minn R. van der Hout u C. Wagner, avukati,

konvenuta,

li għandha suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tar-REA tas‑17 ta’ Jannar 2019 (ARES (2019) 266593), dwar l-aċċess parzjali għal dokumenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Kornezov, President, E. Buttigieg (Relatur) u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑5 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

1        Fid‑19 ta’ April 2016, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA) ikkonkludiet il-ftehim ta’ sussidju Nru 700626 (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ sussidju”) mal-membri ta’ konsorzju bil-għan li jiġi ffinanzjat il-proġett “iBorderCtrl: Intelligent Portable Control System” (iktar ’il quddiem il-“proġett iBorderCtrl”) fil-kuntest tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020” (2014‑2020) (iktar ’il quddiem il-“programm Orizzont 2020”) għal perijodu ta’ 36 xahar mill‑1 ta’ Settembru 2016.

2        Ir-REA tiddeskrivi l-proġett iBorderCtrl bħala li huwa intiż li jittestja teknoloġiji ġodda fix-xenarji ta’ ġestjoni kkontrollata tal-fruntieri (“controlled border management scenarios”) li jistgħu jżidu l-effikaċja tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u jiżguraw il-ġestjoni iktar rapida tal-vjaġġaturi leġittimi kif ukoll kxif iktar rapidu tal-attivitajiet illegali. Madankollu, ir-REA tosserva li l-proġett ma jikkonċernax l-iżvilupp ta’ teknoloġija intiża għall-implimentazzjoni effettiva ta’ sistema funzjonali bi klijenti reali.

3        Fil-kuntest tal-finanzjament u tal-implimentazzjoni tal-proġett, ir-REA rċeviet mingħand il-membri tal-konsorzju, konformement mal-ftehim ta’ sussidju, ċerti dokumenti relatati ma’ diversi stadji tal-iżvilupp tal-proġett iBorderCtrl.

4        Fil‑5 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrent, Patrick Breyer, ressaq, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), lill-Kummissjoni Ewropea talba għal aċċess (iktar ’il quddiem it-“talba inizjali”) għal diversi dokumenti, minn naħa, dawk dwar l-awtorizzazzjoni tal-proġett iBorderCtrl u, min-naħa l-oħra, dawk imfassla matul dan il-proġett. L-imsemmija talba ġiet irreġistrata fl-istess jum bir-referenza ARES (2018) 5639117 u ntbagħtet lir-REA fis‑7 ta’ Novembru 2018.

5        Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Novembru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), ir-REA informat lir-rikorrent li wieħed mid-dokumenti mitluba kien aċċessibbli għall-pubbliku, li hija kienet qiegħda tagħtih aċċess parzjali għal dokument ieħor mitlub u li hija kienet qiegħda tiċħad it-talba tiegħu għal aċċess fir-rigward ta’ dokumenti oħra mfassla matul il-proġett billi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess permezz tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet intiżi għall-protezzjoni, minn naħa, tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn id-dokumenti mitluba kienu jinkludu data personali ta’ persuni involuti fil-proġett li ma kinux fl-isfera pubblika, u, min-naħa l-oħra, tal-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

6        Fis‑26 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrent bagħat lill-Kummissjoni talba konfermattiva għal aċċess irreġistrata bir-referenza ARES (2018) 6073379 (iktar ’il quddiem it-“talba konfermattiva”), filwaqt li aċċetta li l-ismijiet tal-persuni fiżiċi involuti fil-proġett jiġu redatti fid-dokumenti inkwistjoni.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2019 (ARES (2019) 266593), ir-REA tat lir-rikorrent aċċess parzjali għal dokumenti oħra mitluba u ċaħdet it-talba tiegħu għal aċċess għall-kumplament billi invokat il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u billi rreferiet b’mod partikolari għall-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f’“Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014‑2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 81) u għall-ftehim ta’ sussidju (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

8        It-tabella li ġejja tiġbor fil-qosor il-pożizzjoni tar-REA fir-rigward tad-diversi dokumenti mitluba mfassla matul il-proġett iBorderCtrl (iktar ’il quddiem id-“dokumenti mitluba”):

Dokumenti/riżultati

Pożizzjoni tar-REA

Informazzjoni kunfidenzjali

D 1.1 L-ewwel rapport tal-konsulent tal-etika (Ethics advisor’s first report)

Rifjut ta’ aċċess

Evalwazzjoni etika u ġuridika tal-għodda, tal-komponenti tekniċi u tal-metodi żviluppati fil-proġett

D 1.2 L-etika tat-tfassil ta’ profil, ir-riskju ta’ stigmatizzazzjoni tal-individwi u l-pjan ta’ mitigazzjoni (Ethics of profiling, the risk of stigmatization of individuals and mitigation plan)

Rifjut ta’ aċċess

Evalwazzjoni etika u ġuridika tal-għodda, tal-komponenti teknoloġiċi u tal-metodi żviluppati fil-proġett

D 1.3 Konsulent tal-etika (Ethics Advisor)

Rifjut ta’ aċċess

Data tal-konsulent tal-etika

D 2.1 Rapport tal-analiżi tar-rekwiżiti (Requirement Analysis Report)

Rifjut ta’ aċċess

Soluzzjonijiet teknoloġiċi u deskrizzjoni tal-arkitettura globali tas-sistema

D 2.2 Arkitettura ta’ referenza u speċifikazzjoni tal-komponenti (Reference Architecture and components specification)

Rifjut ta’ aċċess

Soluzzjonijiet teknoloġiċi u deskrizzjoni tal-arkitettura globali tas-sistema

D 2.3 Rapport ta’ eżami ġuridiku u etiku fuq il-livell tal-UE (EU wide legal and ethical review report)

Rifjut ta’ aċċess

Evalwazzjoni etika u ġuridika tal-għodda, tal-komponenti teknoloġiċi u tal-metodi żviluppati fil-proġett

D 3.1 Apparati għall-ġbir ta’ data – speċifikazzjonijiet (Data Collection Devices – specifications)

Aċċess parzjali

Il-partijiet redatti tad-dokument fihom informazzjoni li taffettwa l-interessi kummerċjali

D 7.3 Pjan ta’ tixrid u ta’ komunikazzjoni (Dissemination and communication plan)

Aċċess parzjali

Il-partijiet redatti tad-dokument fihom informazzjoni li taffettwa l-interessi kummerċjali

D 7.6 Rapport ta’ komunikazzjoni annwali, inkluż il-materjal ta’ komunikazzjoni (Yearly communication report including communication material)

Indikazzjoni: dokument pubblikament aċċessibbli

Xejn

D 7.8 Pjan ta’ tixrid u ta’ komunikazzjoni 2 (Dissemination and communication plan 2)

Aċċess parzjali

Il-partijiet redatti tad-dokument fihom informazzjoni li taffettwa l-interessi kummerċjali

D 8.1 Pjan ta’ ġestjoni tal-kwalità (Quality Management Plan)

Rifjut ta’ aċċess

Informazzjoni kunfidenzjali tal-konsorzju dwar il-ġestjoni tal-proġett, mill-ippjanar tal-miżuri tekniċi sal-kunsinna tar-riżultati

D 8.3 Rapport dwar il-progress perjodiku (Periodic Progress Report)

Rifjut ta’ aċċess

Deskrizzjoni tal-progress tekniku fir-rigward tad-diversi lottijiet ta’ xogħol

D 8.4 Rapport annwali (Annual Report)

Rifjut ta’ aċċess

Deskrizzjoni tal-progress tekniku fir-rigward tad-diversi lottijiet ta’ xogħol

D 8.5 Rapport dwar il-progress perjodiku 2 (Periodic Progress Report 2)

Rifjut ta’ aċċess

Deskrizzjoni tal-progress tekniku fir-rigward tad-diversi lottijiet ta’ xogħol

D 8.7 Rapport annwali 2 (Annual Report 2)

Rifjut ta’ aċċess

Deskrizzjoni tal-progress tekniku fir-rigward tad-diversi lottijiet ta’ xogħol


II.    Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors li fih il-Kummissjoni ġiet formalment indikata bħala l-konvenuta.

10      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Novembru 2019, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien hemm lok li jitqies li l-parti li kontriha ġie ppreżentat dan ir-rikors ma kinitx il-Kummissjoni, iżda r-REA u li, għaldaqstant, ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

11      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrent ipproduċa u ppropona provi ġodda. Ir-REA ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-terminu mogħti.

12      Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata fis‑17 ta’ Novembru 2020 skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrent jipproduċi l-Anness 1 tad-deċiżjoni inizjali, kif ukoll sabiex iwieġeb għal mistoqsija bil-miktub. Ir-rikorrent wieġeb għal din it-talba fit-terminu mogħti. Minkejja n-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi terminu, permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2021, skont l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tal-Għaxar Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li l-istruttorja ta’ din il-kawża kienet ġiet iffaċilitata permezz tal-inklużjoni fil-proċess tad-dokumenti ppreżentati tardivament. B’hekk, it-tweġiba tar-rikorrent u d-dokument mitlub ġew inklużi fil-proċess.

13      Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Novembru 2020, adottat skont l-Artikolu 91(c) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ordnat lir-REA tipproduċi kopji tal-ftehim ta’ sussidju u tal-verżjonijiet kunfidenzjali tad-dokumenti kollha marbuta mat-talba konfermattiva li għalihom l-aċċess totali jew parzjali ġie rrifjutat. Ir-REA kkonformat ma’ din it-talba fit-terminu mogħti. Skont l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura, dawn id-dokumenti ma ntbagħtux lir-rikorrent.

14      Fis‑17 ta’ Frar 2021, ingħalqet il-fażi orali tal-proċedura.

15      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrent ippreżenta numru ta’ dokumenti. Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ April 2021, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 113(2)(a) tar-Regoli tal-Proċedura u, permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, iddeċidiet li tinkludi fil-proċess id-dokumenti ppreżentati mir-rikorrent fit‑23 ta’ Marzu 2021 u li tistieden lir-REA tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwarhom. Din tal-aħħar ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-terminu mogħti.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Ġunju 2021, il-proċedura orali ngħalqet mill-ġdid.

17      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lil REA għall-ispejjeż.

18      Ir-REA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-provi l-ġodda prodotti u proposti.

III. Fiddritt

19      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-ewwel inċiż u tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 8(1) tal-istess regolament.

20      Sa fejn it-tieni motiv jirrigwarda l-portata stess tat-talba għal aċċess, dan għandu jiġi eżaminat l-ewwel.

A.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 7(1) u talArtikolu 8(1) tarRegolament Nru 1049/2001

21      Ir-rikorrent isostni li r-REA kisret l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn id-deċiżjoni inizjali u d-deċiżjoni kkontestata kienu jirrigwardaw biss id-dokumenti mitluba mfassla matul il-proġett iBorderCtrl, bl-esklużjoni ta’ dawk relatati mal-awtorizzazzjoni stess tal-proġett inkwistjoni, li madankollu ssemmew wkoll fit-talba għal aċċess.

22      Ir-rikorrent jippreċiża f’dan ir-rigward li t-talba konfermattiva rreferiet espressament għat-talba inizjali, li fiha huwa kien semma d-dokumenti relatati mal-awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni, b’tali mod li kien superfluwu li jiġi elenkat mill-ġdid fit-talba konfermattiva kull wieħed mid-dokumenti li għalihom kien intalab l-aċċess. Huwa jsostni li, fl-assenza ta’ kwalunkwe rtirar parzjali tat-talba għal aċċess, ir-REA ma setgħetx tippreżumi li t-talba konfermattiva ma kinitx tirrigwarda iktar id-dokumenti kollha msemmija fit-talba inizjali.

23      Ir-REA tosserva li, konformement mal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, id-deċiżjoni kkontestata kopriet id-dokumenti kollha li għalihom ir-rikorrent kien talab l-aċċess fit-talba konfermattiva tiegħu. Issa, peress li din tal-aħħar ma għamlitx riferiment għad-dokumenti relatati mal-awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni, li diġà ma kinux imsemmija jew imniżżla fid-deċiżjoni inizjali u li lanqas ma kienu koperti mill-motivazzjoni tagħha, u peress li l-imsemmija dokumenti ma ssemmewx, lanqas indirettament, fil-kuntest tal-motivi tat-talba konfermattiva, ir-REA ppreżumiet li dawn id-dokumenti ma kinux is-suġġett tat-talba konfermattiva. Jekk ir-rikorrent ried jestendi t-talba konfermattiva tiegħu għal dawn id-dokumenti, huwa kellu jirreferi espressament għalihom fit-talba konfermattiva tiegħu. Madankollu, xejn ma jipprekludi lir-rikorrent milli jressaq talba għal aċċess fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti fil-futur.

24      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li r-REA ma eżaminatx b’mod komplet it-talba għal aċċess peress li hija naqset milli tieħu pożizzjoni dwarha sa fejn din kienet tirrigwarda d-dokumenti relatati mal-awtorizzazzjoni tal-proġett iBorderCtrl.

25      Huwa paċifiku bejn il-partijiet li, fit-talba inizjali, ir-rikorrent kien talab l-aċċess, b’mod partikolari, għad-dokumenti kollha relatati mal-awtorizzazzjoni tal-proġett iBorderCtrl. Huwa paċifiku wkoll li dawn id-dokumenti ma ssemmewx fid-deċiżjoni inizjali. Fil-fatt, huma ma jidhrux fost id-dokumenti elenkati taħt it-Titolu A tad-deċiżjoni inizjali bħala li jaqgħu fil-portata tat-talba inizjali. Bl-istess mod, taħt it-Titolu B tad-deċiżjoni inizjali, iddedikat għall-eżami tat-talba għal aċċess, ir-REA ppreċiżat li hija kienet tqis li kienu d-dokumenti elenkati fl-Anness 1 tagħha li kienu jagħmlu parti mit-talba inizjali. Issa, id-dokumenti relatati mal-awtorizzazzjoni tal-proġett iBorderCtrl ma ssemmewx fl-imsemmi anness. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni inizjali ma kinitx tirrigwarda dawn id-dokumenti, liema fatt huwa aċċettat espliċitament mir-REA. Fil-fatt, din id-deċiżjoni kienet tirreferi b’mod sistematiku għad-dokumenti mitluba kif iddefiniti minn qabel fl-istess deċiżjoni, fejn id-dokumenti relatati mal-awtorizzazzjoni tal-proġett iBorderCtrl ma kinux jagħmlu parti minnhom.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, peress li l-benefiċċju ta’ tali dritt ma huwiex suġġett, skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, għal ġustifikazzjoni tat-talba.

27      Meta l-iżvelar ta’ dokument jintalab minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, dawn għandhom l-obbligu jevalwaw, f’kull każ ineżami, jekk dan id-dokument jaqax taħt l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Suède u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 35).

28      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-kliem tal-premessa 13 tar-Regolament Nru 1049/2001, l-applikazzjoni ta’ proċedura amministrattiva f’żewġ stadji, flimkien mal-possibbiltà ta’ proċedimenti fil-qrati jew ta’ lmenti lill-Ombudsman Ewropew, ġiet prevista sabiex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

29      Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza, l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, inkwantu jipprevedu proċedura f’żewġ stadji, għandhom bħala għan li jippermettu, minn naħa, ipproċessar rapidu u faċli tat-talbiet għal aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ikkonċernati kif ukoll, min-naħa l-oħra, b’mod prijoritarju, li jintlaħaq ftehim bonarju dwar it-tilwim li jista’ eventwalment jinqala’ (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 53).

30      Mill-punti 25 sa 29 iktar ’il fuq jirriżulta li l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu kkonċernat huwa obbligat iwettaq eżami komplet tad-dokumenti kollha koperti mit-talba għall-iżvelar. Tali rekwiżit japplika, bħala prinċipju, mhux biss matul l-ipproċessar ta’ talba konfermattiva, fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda wkoll matul l-ipproċessar ta’ talba inizjali, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament (sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, T‑300/10, EU:T:2012:247, punt 69).

31      Issa, mill-elementi enfasizzati fil-punt 25 iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dan il-każ, ir-REA naqset milli tagħti deċiżjoni fuq it-talba għal aċċess inizjali sa fejn din kienet tirrigwarda d-dokumenti relatati mal-awtorizzazzjoni tal-proġett iBorderCtrl bi ksur tal-obbligu tagħha ta’ eżami komplet tal-imsemmija talba. Tali nuqqas min-naħa tagħha jippreġudika manifestament l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1049/2001 ta’ pproċessar rapidu u faċli tat-talbiet għal aċċess u ta’ ftehim bonarju dwar tilwim, kif imfakkra fil-punt 29 iktar’ il fuq (sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, T‑300/10, EU:T:2012:247, punt 73).

32      Ir-REA ssostni li kien ir-rikorrent li kellu jindika espliċitament id-dokumenti relatati mal-awtorizzazzjoni tal-proġett iBorderCtrl fit-talba konfermattiva tiegħu fin-nuqqas ta’ liema hija setgħet tippreżumi li dawn id-dokumenti ma kinux koperti mill-imsemmija talba.

33      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li, fit-talba konfermattiva għal aċċess, ir-rikorrent indika espliċitament li din saret wara t-talba tiegħu għal aċċess inizjali. Ebda parti mit-talba konfermattiva ma turi li r-rikorrent irtira t-talba tiegħu għal aċċess għad-dokumenti relatati mal-awtorizzazzjoni tal-proġett iBorderCtrl. L-intenzjoni tar-rikorrent li jtenni t-talba tiegħu għal aċċess għad-dokumenti kollha msemmija fit-talba inizjali tirriżulta wkoll mill-fatt, imsemmi mir-rikorrent, li huwa aċċetta espliċitament li jagħmel konċessjonijiet oħra wara d-deċiżjoni inizjali, jiġifieri li jaċċetta li d-data personali li tinsab fid-dokumenti inkwistjoni tiġi redatta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-REA ma setgħetx tippreżumi li, fil-kuntest tat-talba konfermattiva tiegħu, ir-rikorrent kien irrinunzja milli jitlob l-aċċess għad-dokumenti relatati mal-awtorizzazzjoni tal-proġett BoriderCtrl.

34      Min-naħa l-oħra, sa fejn, permezz ta’ tali argument, ir-REA ssostni, essenzjalment, li r-rikorrent kellu jikkontesta espliċitament, fil-kuntest tat-talba konfermattiva, in-nuqqas li tiddeċiedi, fid-deċiżjoni inizjali, fuq it-talba għal aċċess tiegħu sa fejn din kienet tirrigwarda d-dokumenti relatati mal-awtorizzazzjoni tal-proġett iBorderCtrl, tali argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, nuqqas min-naħa tagħha li tiddeċiedi, fid-deċiżjoni inizjali, fuq parti mit-talba inizjali għal aċċess kellha l-konsegwenza li t-tieni stadju tal-proċedura fir-rigward tad-dokumenti kkonċernati minn dan in-nuqqas ma nbdietx. Approċċ kuntrarju, difiż mir-REA, imur kontra l-għanijiet imsemmija mill-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, kif imfakkra fil-punt 29 iktar ’il fuq.

35      Fl-aħħar nett, huwa ċertament minnu li, kif issostni r-REA, persuna tista’ tressaq talba ġdida għal aċċess li tirrigwarda dokumenti li l-aċċess għalihom ġie preċedentement irrifjutat u li tali talba tobbliga lill-istituzzjoni kkonċernata teżamina jekk ir-rifjut ta’ aċċess preċedenti għadux iġġustifikat fid-dawl ta’ bidla fis-sitwazzjoni ta’ liġi jew ta’ fatt li seħħet fil-frattemp (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punti 56 u 57).

36      Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, nuqqas li tingħata deċiżjoni fuq parti minn talba għal aċċess ma tistax tiġi assimilata ma’ rifjut ta’ aċċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punti 122 u 123). Konsegwentement, tali possibbiltà li titressaq talba ġdida għal aċċess ma tistax isservi sabiex tirrimedja nuqqas ta’ eżami komplet mill-istituzzjoni kkonċernata tal-ewwel talba għal aċċess jew tikkostitwixxi argument sabiex il-persuna li tressaq it-talba tiġi mċaħħad mill-possibbiltà ta’ rimedju li huwa għandu skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:455, punt 40).

37      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn ir-REA naqset milli tagħti deċiżjoni fuq it-talba tar-rikorrent sa fejn din kienet intiża għall-ksib tal-aċċess għad-dokumenti relatati mal-awtorizzazzjoni tal-proġett iBorderCtrl.

B.      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-ewwel inċiż talArtikolu 4(2) u talaħħar parti tassentenza talArtikolu 4(2) tarRegolament Nru 1049/2001

38      L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, l-ewwel waħda bbażata fuq l-assenza ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, it-tieni parti bbażata fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

39      Qabelxejn, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà, ikkontestata mir-REA, tal-provi l-ġodda prodotti u proposti mir-rikorrent fl-ittra tiegħu tal‑20 ta’ Ġunju 2020 u tal-ilment li permezz tiegħu huwa jsostni li r-REA kellha tagħtih tal-inqas aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba.

1.      Fuq l-ammissibbiltà tal-provi l-ġodda prodotti u proposti

40      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrent ipproduċa xi estratti mis-siti internet bħala provi ġodda u ppropona provi ġodda li kienu jikkonsistu f’riferimenti għal dawn is-siti internet. Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha tad‑9 ta’ Lulju 2020 dwar dawn, ir-REA ssostni, minn naħa, li dawn il-provi prodotti u proposti huma inammissibbli, peress li ġew ippreżentati tardivament u mingħajr ma d-dewmien fil-preżentazzjoni tagħhom kien debitament iġġustifikat mir-rikorrent. Min-naħa l-oħra, ir-REA tikkontesta l-preżentazzjoni tal-fatti proposta mir-rikorrent abbażi ta’ dawn il-provi.

41      Skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, b’mod eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-produzzjoni tal-prova kuntrarja u l-amplifikazzjoni tal-provi proposti wara li tiġi prodotta prova kuntrarja mill-kontroparti fir-risposta tagħha ma jaqgħux taħt ir-regola ta’ dekadenza prevista mill-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-provi l-ġodda proposti u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 92(7) tal-imsemmija regoli, li jipprevedi espressament li l-produzzjoni tal-prova kuntrarja u l-amplifikazzjoni tal-provi proposti jibqgħu rriżervati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2004, M vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑172/01, EU:T:2004:108, punt 44; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il‑Kummissjoni, T‑691/14, taħt appell, EU:T:2018:922, punt 1460 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li provi prodotti jew proposti tardivament, minn parti, setgħu jiġu ġġustifikati, b’mod partikolari, jekk il-produzzjonijiet tardivi tal-kontroparti jiġġustifikaw li l-proċess jiġi kkompletat, b’mod li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju (sentenza tal‑14 ta’ April 2005, Gaki-Kakouri vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑243/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2005:238, punt 32).

42      F’dan il-każ, il-provi prodotti u proposti mir-rikorrent fl-ittra tiegħu tal‑20 ta’ Ġunju 2020 ma jistgħux jiġu ddikjarati inammissibbli minħabba l-fatt li ġew prodotti wara l-preżentata tal-kontroreplika bi ksur tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, kif indika r-rikorrent fl-ittra tiegħu tal‑20 ta’ Ġunju 2020, dawn il-provi prodotti u proposti huma intiżi li jwieġbu għall-argument tar-REA fil-punt 17 tal-kontroreplika li jgħid li kienu biss il-gwardji tal-fruntieri u l-kollaboraturi tal-proġett iBorderCtrl li setgħu jipparteċipaw fit-testijiet pilota ta’ dan il-proġett.

43      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument li r-REA tislet mill-fatt li r-rikorrent diġà sostna fir-replika li kull wieħed seta’ jipparteċipa fit-testijiet pilota u li għalhekk seta’ jipproduċi jew jipproponi, sa minn dan l-istadju, il-provi insostenn ta’ din l-affermazzjoni.

44      Fil-fatt, il-pożizzjoni espressa mir-REA fil-punt 17 tal-kontroreplika ma tirriżultax mid-deċiżjoni inizjali, mid-deċiżjoni kkontestata jew mir-risposta, b’tali mod li r-rikorrent, li sar jaf biha biss bil-kontroreplika, ma kienx obbligat isostni l-argument tiegħu ppreżentat fir-replika permezz ta’ provi kuntrarji.

45      Għaldaqstant, ir-regola tad-dekadenza prevista fl-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura ma tapplikax fir-rigward tal-provi prodotti u proposti mir-rikorrent fl-ittra tiegħu tal‑20 ta’ Ġunju 2020, b’tali mod li dawn huma ammissibbli.

2.      Fuq lammissibbiltà talilment ibbażat fuq nuqqas li jingħata aċċess parzjali

46      Ir-REA ssostni li l-għan tal-ewwel motiv, kif ifformulat fir-rikors, huwa limitat għal ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn ir-REA ma tatx tal-inqas aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba, invokat għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, huwa inammissibbli.

47      Ir-rikorrent isostni li l-ilment li jgħid li r-REA kellha tikkomunika tal-inqas parti mid-dokumenti mitluba ma huwiex ġdid. Minn naħa, ma huwiex neċessarju li l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiġi “ċċitat separatament”, sa fejn ir-REA stess żvelat id-dokumenti inkwistjoni parzjalment redatti. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni ta’ żvelar tal-inqas parzjali tad-dokumenti mitluba diġà ġiet invokata fl-istadju tar-rikors.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa minnu li ma huwiex indispensabbli għall-ammissibbiltà ta’ lment li tissemma espliċitament dispożizzjoni li tagħha qiegħed jiġi allegat ksur, għandu madankollu jirriżulta b’mod ċar mill-argumentazzjoni kif ippreżentata fl-istadju tar-rikors li r-rikorrent kellu l-intenzjoni jsostni tali ksur.

49      F’dan il-każ, kif isostni r-rikorrent, diversi siltiet tar-rikors għandhom jinftiehmu bħala li jaqgħu taħt ilment ibbażat impliċitament, iżda neċessarjament, fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

50      Fil-fatt, fil-punt 26 tar-rikors, ir-rikorrent sostna li partijiet differenti mid-dokumenti li għalihom kien talab aċċess setgħu jiġu żvelati mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-interessi kummerċjali tal-konsorzju. Barra minn hekk, peress li sostna, fil-punt 28 tar-rikors, billi bbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza, li r-REA naqset milli teżamina fid-dettall id-dokumenti mitluba sabiex jiġi vverifikat sa fejn dawn kienu jinkludu informazzjoni essenzjali ġdida li kienet għadha ma kinitx magħrufa, ir-rikorrent semma, impliċitament, iżda neċessarjament, obbligu tar-REA li teżamina jekk aċċess parzjali għall-imsemmija dokumenti setax jingħata minħabba li dawn kienu jinkludu informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku li ma tikkostitwixxix kumpilazzjoni ta’ tali informazzjoni li jistħoqqilha protezzjoni skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-argumenti iktar iddettaljati ppreżentati fir-replika jikkostitwixxu amplifikazzjoni tal-ilment ibbażat fuq rifjut ta’ aċċess tal-inqas parzjali għad-dokumenti mitluba invokat fl-istadju tar-rikors. L-argument tar-REA li dan l-ilment huwa inammissibbli għandu għalhekk jiġi miċħud.

3.      Fuq lewwel parti talewwel motiv, ibbażata fuq lassenza ta’ preġudizzju għallprotezzjoni talinteressi kummerċjali

52      Fil-kuntest tal-argumenti tagħhom dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-partijiet ma jaqblux b’mod partikolari dwar il-kwistjoni relatata mal-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tar-Regolament Nru 1290/2013, tal-klawżoli tal-ftehim ta’ sussidju u tal-Artikolu 339 TFUE, liema kwistjoni għandha tiġi eżaminata preliminarjament.

a)      Fuq lapplikazzjoni f’dan ilkaż tarRegolament Nru 1290/2013, talklawżoli talftehim ta’ sussidju u talArtikolu 339 TFUE

53      Ir-rikorrent isostni li l-bażi legali tal-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tkun ir-Regolament Nru 1049/2001, u mhux ir-Regolament Nru 1290/2013, il-klawżoli tal-ftehim ta’ sussidju jew l-Artikolu 339 TFUE invokati wkoll mir-REA fid-deċiżjoni kkontestata insostenn tar-rifjut ta’ aċċess. Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrent, ir-Regolament Nru 1290/2013 ma jistax jipprevali fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 u ma jistax ikun hemm deroga mill-applikazzjoni tal-imsemmi regolament permezz ta’ kuntratt, bħall-ftehim ta’ sussidju.

54      Ir-REA ssostni li r-rikorrent jiddikjara b’mod żbaljat li la r-Regolament Nru 1290/2013 u lanqas l-Artikolu 339 TFUE ma huma rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tat-talba tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni. Skont ir-REA, anki jekk id-dispożizzjonijiet l-iktar reċenti tar-Regolament Nru 1290/2013 ma ġewx espressament indikati bħala iktar speċifiċi fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001, iż-żewġ regolamenti għandhom jiġu osservati u rrikonċiljati permezz ta’ applikazzjoni koerenti, peress li r-Regolament Nru 1290/2013, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, jagħti f’dan ir-rigward protezzjoni komplementari u msaħħa tal-aċċess għad-dokumenti li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-ftehim ta’ sussidju jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u l-aċċess għad-dokumenti maħluqa fil-kuntest tal-proġett iBorderCtrl fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1290/2013. Għalhekk, skont l-Artikolu 36.1 tal-ftehim ta’ sussidju, id-dokumenti mitluba, li kienu indikati bħala “kunfidenzjali”, ma setgħux jiġu mxerrda.

55      L-eżami ta’ din il-kwistjoni jimplika li għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dispożizzjonijiet relatati mal-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tar-REA japplikaw għad-dokumenti kollha miżmuma minn din l-aġenzija, jiġifieri d-dokumenti kollha mfassla jew rċevuti minnha u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività tagħha. Barra minn hekk, għalkemm l-imsemmi regolament huwa intiż sabiex jikkonferixxi fuq il-pubbliku dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli, dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 88, u tal‑5 ta’ Frar 2018, Pari Pharma vs EMA, T‑235/15, EU:T:2018:65 punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Is-sistema tal-eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li huma ffavoriti mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk li jkunu mhedda minn dan l-iżvelar. Id-deċiżjoni meħuda fuq talba għal aċċess għal dokumenti tiddependi fuq il-kwistjoni dwar liema huwa l-interess li għandu jipprevali fil-każ ineżami (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Filwaqt li l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni kkonċernat għandu jipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif l-aċċess għal dokument li l-iżvelar tiegħu jkun intalab jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li huwa possibbli għall-istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni li jibbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet simili ta’ natura ġenerali jistgħu japplikaw għal talbiet għal żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punti 64 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tiġġustifika r-rifjut parzjali ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba, ir-REA invokat il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda billi qieset li din l-aħħar dispożizzjoni kellha tiġi interpretata konformement mad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità li jinsabu fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1290/2013 u mal-Artikolu 36 tal-ftehim ta’ sussidju dwar il-proġett iBorderCtrl. Billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, ir-REA qieset li r-Regolament Nru 1049/2001 u r-Regolament Nru 1290/2013 kellhom għalhekk jiġu applikati b’mod li tiġi żgurata applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor u li b’hekk tippermetti l-applikazzjoni koerenti tagħhom.

59      L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1290/2013, intitolat “Kunfidenzjalità”, jipprevedi li d-data, l-għarfien u l-informazzjoni kkomunikata bħala kunfidenzjali fil-kuntest ta’ azzjoni għandhom jinżammu kunfidenzjali, bla ħsara għall-kundizzjonijiet iddefiniti fil-ftehimiet, fid-deċiżjonijiet jew fil-kuntratti ta’ implimentazzjoni u filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata u l-aċċess għal tali informazzjoni. Il-kunfidenzjalità tad-dokumenti sottomessi lir-REA fil-kuntest tal-proġett iBorderCtrl hija suġġetta, b’mod partikolari, għall-kundizzjonijiet iddefiniti fil-ftehim ta’ sussidju li l-Artikolu 36.1 tiegħu jipprevedi li matul l-eżekuzzjoni tal-azzjoni u erba’ snin wara l-perijodu ta’ 36 xahar mill-bidu tal-azzjoni, il-partijiet għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità ta’ kull data, kull dokument jew kull materjal ieħor indikat bħala kunfidenzjali fil-mument tal-iżvelar tiegħu. Dan it-terminu ma kienx skada meta saret it-talba inizjali tar-rikorrent.

60      Għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-REA ssostni li, peress li l-għan speċifiku tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1290/2013 kien li jillimitaw l-aċċess ta’ terzi għad-dokumenti koperti minn din id-dispożizzjoni, id-dokumenti indikati bħala “kunfidenzjali” skont l-Artikolu 36.1 tal-ftehim ta’ sussidju ma setgħux jiġu mxerrda lil terz. Fil-fatt, skont ir-REA, meta tkun tapplika protezzjoni skont ir-Regolament Nru 1290/2013 u l-ftehim ta’ sussidju, il-protezzjoni “supplimentari” jew “imsaħħa” hekk stabbilita għandha tiġi ggarantita sabiex ma jiġix ippreġudikat is-suċċess tal-proġetti ffinanzjati, li huwa bbażat fuq id-disponibbiltà tar-riċerkaturi li jipparteċipaw fil-proġetti, peress li din id-disponibbiltà tista’ tiġi kompromessa jekk id-dokumenti ppreżentati, li ta’ spiss ikollhom soluzzjonijiet innovattivi u informazzjoni kummerċjalment sensittiva, jirriskjaw li jiġu żvelati skont ir-Regolament Nru 1049/2001. L-ispirtu u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1290/2013 u tal-ftehim ta’ sussidju li jirregolaw tali protezzjoni “supplimentari” jitilfu s-sens tagħhom li kieku l-pubbliku kellu aċċess għal dokumenti relatati mal-proġett inkwistjoni indikati bħala kunfidenzjali. Għaldaqstant, ir-REA tindika li hija “ppreżumiet” li d-dokumenti tal-konsorzju kklassifikati bħala kunfidenzjali, skont l-Artikolu 36.1 tal-ftehim ta’ sussidju, kienu jinkludu informazzjoni sensittiva li l-iżvelar tagħha jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju.

61      Permezz ta’ tali argument, ir-REA timmilita impliċitament, iżda neċessarjament, favur l-istabbiliment ta’ preżunzjoni ġenerali li d-dokumenti kkomunikati lir-REA minn parteċipant f’azzjoni bħala kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1290/2013 u tal-Artikolu 36.1 tal-ftehim ta’ sussidju ma għandhomx jiġu żvelati lil terz mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat konkretament jekk waħda mill-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ trasparenza previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 kinitx tapplika għall-imsemmija dokumenti.

62      Barra minn hekk, billi tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza dwar il-preżunzjonijiet ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar, ir-REA tistieden lill-Qorti Ġenerali teżamina l-applikazzjoni, f’dan il-każ, ta’ tali preżunzjoni ġenerali bbażata fuq ir-Regolament Nru 1290/2013.

63      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità hija fakultattiva għall-istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni li jirċievi talba għal aċċess għal dokumenti (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Għalhekk, anki jekk jitqies li tali preżunzjoni ġenerali kienet tapplika f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-REA ma wiġbitx għat-talba ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni billi bbażat ruħha fuq tali preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità iżda eżaminat b’mod konkret u individwali jekk, b’mod partikolari fid-dawl tal-protezzjoni mogħtija lill-imsemmija dokumenti mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1290/2013 u fid-dawl tal-Artikolu 36.1 tal-ftehim ta’ sussidju, l-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kellhiex tapplika fir-rigward tagħhom. Barra minn hekk, ir-REA ammettiet espliċitament kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li hija wettqet eżami konkret u individwali tal-possibbiltà li jingħata l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

65      Konsegwentement, l-argumenti kollha li permezz tagħhom ir-REA ssostni impliċitament, iżda neċessarjament, l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba bbażata fuq in-natura kunfidenzjali tagħhom skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1290/2013 u l-Artikolu 36.1 tal-ftehim ta’ sussidju huma ineffettivi.

66      Madankollu, tali konklużjoni ma għandhiex bħala konsegwenza li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, huwa biss ir-Regolament Nru 1049/2001 li japplika f’dan il-każ. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta r-regolamenti ma jinkludux dispożizzjonijiet li jipprevedu espressament is-supremazija ta’ wieħed fuq l-ieħor, għandha tiġi żgurata applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor sabiex b’hekk ikun hemm applikazzjoni koerenti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      F’dan il-każ, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1290/2013 u l-Artikolu 36.1 tal-ftehim ta’ sussidju jistabbilixxu u jimplimentaw ir-regola tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u tad-dokumenti relatati mal-proġett inkwistjoni li ġew identifikati bħala “kunfidenzjali”, f’dan il-każ fl-Anness I tal-imsemmi ftehim. Għalkemm l-imsemmi regolament u l-ftehim ta’ sussidju jistabbilixxu ċerti eċċezzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni u tal-Istati Membri ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament u l-Artikolu 36.1 tal-imsemmi ftehim, jew dwar l-obbligu ta’ tixrid tar-riżultati skont l-Artikolu 43(2) tal-istess regolament kif ukoll tal-Artikoli 29.1 u 29.2 tal-ftehim ta’ sussidju, dawn iżommu madankollu l-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-informazzjoni fir-rigward tal-pubbliku b’mod ġenerali matul il-perijodu stabbilit fil-ftehim ta’ sussidju.

68      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 38.2.1 tal-ftehim ta’ sussidju, id-dritt tar-REA li tuża l-materjal, id-dokumenti u l-informazzjoni tal-benefiċjarji jinkludi l-għoti tal-aċċess bi tweġiba għal talbiet individwali skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, skont din id-dispożizzjoni, dan id-dritt huwa mingħajr effett, b’mod partikolari, fuq l-obbligi fil-qasam tal-kunfidenzjalità previsti fl-Artikolu 36 tal-ftehim ta’ sussidju, li jibqgħu applikabbli.

69      Minn dan isegwi li r-REA ħadet ġustament inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità prevista fir-rigward tad-dokumenti mitluba skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1290/2013 u l-Artikolu 36.1 tal-ftehim ta’ sussidju waqt l-eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba fid-dawl tal-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

70      Kuntrarjament għall-argument sostnut mir-rikorrent, l-Artikolu 36.1(e) tal-ftehim ta’ sussidju, li jgħid li, essenzjalment, l-obbligi ta’ kunfidenzjalità ggarantiti bis-saħħa tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1290/2013 ma japplikawx iktar jekk l-iżvelar tal-informazzjoni huwa meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ aċċess għal dokumenti li jirriżulta mir-Regolament Nru 1049/2001 jipprevali neċessarjament fuq il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti stabbilita mir-Regolament Nru 1290/2013. Fil-fatt, li kieku l-argument tar-rikorrent kellu jiġi segwit, dan ikollu bħala konsegwenza li jrendi essenzjalment ineffettiv l-obbligu ġenerali msemmi fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament li jiġi żgurat it-trattament kunfidenzjali tad-dokumenti indikati bħala tali, li, skont l-Artikolu 18(3) tal-istess regolament, l-imsemmi ftehim għandu josserva billi jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet. Madankollu, l-Artikolu 36.1(e) tal-ftehim ta’ sussidju jirrifletti n-neċessità, imfakkra fil-punt 66 iktar ’il fuq, li tiġi żgurata applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 1290/2013 u Nru 1049/2001 li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor u li tippermetti applikazzjoni koerenti tagħhom.

71      Għalhekk, il-fatt li d-dokumenti sottomessi lir-REA minn parteċipant f’azzjoni, bħal f’dan il-każ il-membri tal-konsorzju, ġew ikklassifikati, mill-partijiet fil-ftehim, bħala kunfidenzjali jikkostitwixxi indizju għar-REA, meta hija teżamina t-talba għal aċċess ta’ terz għal dawn id-dokumenti, li l-kontenut tagħhom huwa sensittiv mill-perspettiva tal-interessi ta’ dan il-parteċipant. Il-klassifikazzjoni tad-dokumenti kkomunikati lir-REA bħala kunfidenzjali fil-kuntest ta’ proġett ma tistax madankollu tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u ma teżentax lir-REA, fil-kuntest tal-eżami konkret u individwali tat-talba għal aċċess għal dawn id-dokumenti indikati bħala “kunfidenzjali”, mill-obbligu tagħha li teżamina jekk jaqgħux parzjalment jew fl-intier tagħhom taħt din l-eċċezzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2012, In ’t Veld vs Il‑Kunsill, T‑529/09, EU:T:2012:215, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Barra minn hekk, l-eżami diliġenti mill-istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni ta’ kull talba ta’ terz intiża għall-aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001, u b’mod partikolari tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, huwa intiż li jiggarantixxi l-ibbilanċjar bejn, minn naħa, id-dritt tal-pubbliku li jkollu aċċess għal dawn id-dokumenti u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati, b’tali mod li ma humiex fondati l-preokkupazzjonijiet tar-REA li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għal dokumenti kkomunikati lilha bħala kunfidenzjali tiskoraġġixxi lir-riċerkaturi milli jipparteċipaw f’azzjonijiet iffinanzjati fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1290/2013, minħabba l-fatt li jibżgħu li informazzjoni kunfidenzjali tiġi żvelata lil terzi.

73      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, ir-REA eżaminat ukoll jekk l-informazzjoni inkluża fid-dokumenti mitluba kinitx tinkludi b’mod partikolari informazzjoni li tista’ tiġi koperta mis-sigriet professjonali fis-sens tal-Artikolu 339 TFUE sabiex tirrifjuta, jekk ikun il-każ, l-iżvelar tagħha skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

74      Huwa fid-dawl ta’ din l-informazzjoni li għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv tar-rikors.

b)      Fuq lapplikazzjoni f’dan ilkaż taleċċezzjoni intiża għallprotezzjoni talinteressi kummerċjali ta’ terzi u lpossibbiltà li jingħata talinqas aċċess parzjali

75      Ir-rikorrent isostni li, kuntrarjament għal dak li qieset ir-REA fid-deċiżjoni kkontestata, id-dokumenti mitluba kkontestati setgħu jiġu żvelati, kompletament jew parzjalment, mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju.

76      Ir-REA ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija vverifikat individwalment id-dokumenti kollha kkonċernati u spjegat li dawn kienu jinkludu informazzjoni interna tal-membri tal-konsorzju dwar il-proprjetà intellettwali, ir-riċerki pendenti, l-għarfien, il-metodi, it-tekniki u l-istrateġiji tal-konsorzju, li l-iżvelar tagħha jippreġudika l-interessi kummerċjali tiegħu, peress li din tagħti vantaġġ lill-kompetituri potenzjali tal-membri tal-konsorzju. B’dan il-mod, hija aġixxiet konformement mar-Regolament Nru 1049/2001, mal-ġurisprudenza applikabbli u mat-Titolu III tar-Regolament Nru 1290/2013, u kkunsidrat korrettament il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li ġiet ippreżentata lilha fil-kuntest tal-proġett iBorderCtrl li tirriżulta mill-Artikolu 3 ta’ dan l-aħħar regolament. Ir-rikorrent ma weriex li l-evalwazzjoni tagħha kienet żbaljata.

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(3) TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru għandu jkollha dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni bla ħsara għall-prinċipji u għall-kundizzjonijiet stabbiliti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti ġie stabbilit fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

78      Ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Il-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għal dokumenti xorta huwa suġġett għal ċerti limitazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1049/2001, b’mod partikolari fil-premessa 11 u fl-Artikolu 4 tiegħu, jipprevedi sistema ta’ eċċezzjonijiet li jobbligaw lill-istituzzjonijiet u lill-organi li ma jiżvelawx dokumenti fil-każ fejn dan l-iżvelar jikkawża preġudizzju għal wieħed minn dawn l-interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Jannar 2017, Deza vs ECHA, T‑189/14, EU:T:2017:4, punt 51).

80      Sa fejn l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għal dokumenti, dawn għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 75).

81      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 iktar ’il fuq, is-sistema ta’ eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li huma ffavoriti mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk li huma mhedda minn dan l-iżvelar. Id-deċiżjoni meħuda fuq talba għal aċċess għal dokumenti tiddependi fuq il-kwistjoni dwar liema huwa l-interess li għandu jipprevali fil-każ ineżami (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument, ma huwiex biżżejjed, bħala prinċipju, li dan id-dokument ikun jirrigwarda attività jew interess imsemmi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-istituzzjoni kkonċernata għandha, bħala prinċipju, tispjega wkoll kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “interessi kummerċjali”, mill-ġurisprudenza jirriżulta li kull informazzjoni dwar kumpannija u r-relazzjonijiet tan-negozju tagħha ma tistax titqies li taqa’ taħt il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata għall-interessi kummerċjali konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ħlief sabiex tinżamm taħt kontroll l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li jikkonsisti fl-għoti tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli, lill-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2017, Deza vs ECHA, T‑189/14, EU:T:2017:4, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Għalhekk, sabiex tiġi applikata l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa neċessarju li jintwera li d-dokumenti kontenzjużi jkun fihom elementi li jistgħu, minħabba l-iżvelar tagħhom, jippreġudikaw l-interessi kummerċjali ta’ persuna ġuridika. Dan huwa l-każ meta, b’mod partikolari, id-dokumenti mitluba jkun fihom informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata, b’mod partikolari, mal-istrateġiji kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, mar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom u mal-metodi ta’ xogħol jew meta dawn ikun fihom data tal-impriża stess li turi l-kompetenza tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, T‑516/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:759, punti 82 sa 84 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2017, Deza vs ECHA, T‑189/14, EU:T:2017:4, punt 56).

85      Skont il-ġurisprudenza, l-eżami tal-aċċess parzjali għal dokument tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni għandu jsir fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kunsill vs Hautala, C‑353/99 P, EU:C:2001:661, punti 27 u 28).

86      Mill-kliem stess tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni huma marbuta li jeżaminaw jekk għandux jingħata aċċess parzjali għad-dokumenti koperti minn talba għal aċċess, billi jillimitaw rifjut eventwali biss għall-informazzjoni koperta mill-eċċezzjonijiet imsemmija mill-imsemmi artikolu. L-istituzzjoni għandha tagħti tali aċċess parzjali jekk l-għan ta’ din l-istituzzjoni, meta tirrifjuta l-aċċess għad-dokument, ikun jista’ jintlaħaq fil-każ li din l-istituzzjoni tillimita ruħha għar-redazzjoni tas-siltiet li jistgħu jippreġudikaw l-interess pubbliku protett (sentenza tal‑25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il‑Kunsill, T‑264/04, EU:T:2007:114, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kunsill vs Hautala, C‑353/99 P, EU:C:2001:661, punt 29).

87      Hija l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni li għandu jeżamina, l-ewwel, jekk id-dokument li huwa s-suġġett tat-talba għal aċċess jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tieni, jekk l-iżvelar ta’ dan id-dokument huwiex ser jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett u, it-tielet, fil-każ ta’ risposta affermattiva, jekk il-bżonn ta’ protezzjoni japplikax għad-dokument kollu (sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2008, Terezakis vs Il‑Kummissjoni, T‑380/04, mhux ippubblikata, EU:T:2008:19, punt 88 u tat‑22 ta’ Mejju 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, T‑300/10, EU:T:2012:247, punt 93).

88      Fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tibbaża r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, ir-REA invokat il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda billi qieset, kif tfakkar fil-punti 58 u 73 iktar ’il fuq, li din l-aħħar dispożizzjoni kellha tiġi interpretata konformement mad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità li jinsabu fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1290/2013 u mal-Artikolu 36 tal-ftehim ta’ sussidju dwar il-proġett iBorderCtrl u fid-dawl tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 339 TFUE għall-informazzjoni li, min-natura tagħha stess, hija koperta mis-sigriet professjonali.

89      Id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża f’dan ir-rigward li l-informazzjoni inkwistjoni hija għarfien intern (“inside knowledge”) tal-konsorzju u tirrifletti l-proprjetà intellettwali speċifika, ir-riċerki għaddejjin, l-għarfien, il-metodoloġiji, it-tekniki u l-istrateġiji li jappartjenu lill-konsorzju. Il-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni taffettwa l-pożizzjoni kompetittiva tal-konsorzju fis-suq u, b’riżultat ta’ dan, tippreġudika b’mod sinjifikattiv l-interessi kummerċjali tiegħu, inkluż dak li jirrigwarda l-proprjetà intellettwali, billi tagħti vantaġġ lill-kompetituri potenzjali tal-proġett inkwistjoni, li jiksbu indebitament il-vantaġġi li ġejjin minnha. L-ewwel, il-kompetituri jistgħu jantiċipaw l-istrateġiji u n-nuqqasijiet tal-membri tal-konsorzju, b’mod partikolari waqt il-parteċipazzjoni f’sejħiet għal offerti. It-tieni, huma jistgħu jikkupjaw jew jużaw il-proprjetà intellettwali, l-għarfien, il-metodi, it-tekniki u l-istrateġiji tal-konsorzju sabiex itejbu l-prodotti jew is-servizzi tagħhom stess f’kompetizzjoni jew jibbenefikaw minn vantaġġ żleali waqt l-applikazzjonijiet għal privattivi, għal approvazzjoni jew għal awtorizzazzjoni għall-prodotti jew għas-servizzi tagħhom. It-tielet, l-iżvelar jikkomprometti l-possibbiltajiet tal-membri tal-konsorzju li jiksbu finanzjament mingħand investituri f’kuntest kompetittiv ħafna fejn hija biss il-kunfidenzjalità li tippermetti li jinżamm il-valur kummerċjali tal-informazzjoni inkwistjoni. Ir-raba’, fid-dawl tan-natura sensittiva ta’ din tal-aħħar, l-iżvelar tagħha jista’ jkun ta’ ħsara għar-reputazzjoni tal-membri tal-konsorzju u għal dik tal-persuni marbuta magħha.

90      Minn dan ir-REA kkonkludiet li kien jeżisti riskju li l-aċċess għad-dokumenti mitluba jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-konsorzju, inkluż fir-rigward tal-proprjetà intellettwali.

91      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-REA tat, fid-deċiżjoni kkontestata, aċċess parzjali għad-dokumenti D 3.1, D 7.3 u D 7.8 u rrifjutat l-aċċess sħiħ għad-dokumenti l-oħra mitluba mfassla matul il-proġett iBorderCtrl, kif jirriżulta mill-punt 8 iktar ’il fuq.

92      Għaldaqstant hemm lok li jiġi vverifikat jekk, bħalma jallega r-rikorrent, ir-REA qisitx b’mod żbaljat li d-dokumenti mitluba, ikkunsidrati individwalment u konkretament, kinux jinkludu informazzjoni ta’ natura li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, b’tali mod li kien jeżisti riskju reali u mhux ipotetiku li l-iżvelar tagħhom effettivament jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju u, jekk ikun il-każ, jekk aċċess sħiħ jew parzjali setax jingħata. Dan l-eżami għandu jsir fid-dawl tal-konklużjonijiet imsemmija fil-punti 64, 69 u 73 iktar ’il fuq.

93      Insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu, ir-rikorrent jinvoka argumenti ta’ natura trażversali, kif ukoll argumenti iktar speċifiċi dwar l-evalwazzjoni individwali ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti jew dokumenti tal-istess natura.

1)      Fuq largumenti ta’ natura trażversali

94      Għal dak li jirrigwarda, qabelxejn, l-argumenti ta’ natura trażversali, l-ewwel, ir-rikorrent isostni li r-REA twettaq żball meta tinvoka l-interessi kummerċjali tal-“konsorzju”, li ma jeżistix bħala persuna ġuridika u li d-diversi membri tiegħu huma barra minn hekk ukoll istituzzjonijiet xjentifiċi jew l-università li, “a priori”, ma għandhomx interessi kummerċjali.

95      F’dan ir-rigward, minn naħa, jekk jitqies li, kif isostni r-rikorrent, huma l-interessi kummerċjali mhux tal-konsorzju, iżda, individwalment jew kollettivament, dawk tal-membri tiegħu li għandhom jiġu kkunsidrati waqt l-eżami tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, u minkejja xi riferimenti għall-interessi kummerċjali tal-konsorzju, ir-REA eżaminat jekk l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni jikkawżax preġudizzju għall-interessi kummerċjali tal-imsemmi konsorzju. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li r-rikorrent ma jislet ebda konsegwenza mill-argument tiegħu fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent iwettaq żball meta jsostni li istituzzjonijiet xjentifiċi jew università ma jistgħux iwettqu attivitajiet li magħhom huma marbuta interessi kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta‑21 ta’ Ottubru 2010, Agapiou Joséphidès vs Il‑Kummissjoni u EACEA, T‑439/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:442, punti 124 sa 128).

96      It-tieni, għandu jiġi osservat li la l-mument li fih tfassal dokument, invokat mir-rikorrent meta jsostni li d-dokumenti mfassla fil-bidu tal-proġett ma jistgħux jinkludu sigrieti tan-negozju, u lanqas iż-żmien neċessarju għat-tfassil tagħhom, imsemmi mir-REA, ma huma rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk dokument li għalih jintalab l-aċċess jinkludix l-informazzjoni li taqa’ taħt l-interessi kummerċjali ta’ impriża. Dawn l-argumenti tal-partijiet huma għalhekk ineffettivi.

97      It-tielet, ir-rikorrent isostni li r-riżultati tar-riċerki ffinanzjati minn fondi pubbliċi għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-pubbliku, inklużi l-kompetituri tal-membri kummerċjali tal-konsorzju, b’mod partikolari sa fejn kompetizzjoni effettiva li tirrigwarda l-aħjar teknoloġija tippreżenta vantaġġ għall-pubbliku fil-każ fejn l-Unjoni jkollha tiddeċiedi li tuża tali teknoloġija u li tagħmel sejħiet għal offerti fir-rigward tagħha.

98      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar jekk l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju, b’mod partikolari dawk marbuta mar-riżultati tal-proġett, jistħoqqilhom protezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ interess li jista’ jeżisti għall-kompetituri u għall-pubbliku li jkollhom aċċess iġġeneralizzat għall-proġetti ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba minkejja l-eżistenza eventwali ta’ interessi kummerċjali leġittimi u għalhekk ser tiġi, jekk ikun il-każ, eżaminata fil-kuntest tat-tieni motiv.

99      Barra minn hekk, skont ir-rikorrent, l-allegazzjoni tar-REA li tgħid li s-sistema li għandha tiġi żviluppata jkollha “valur kummerċjali” biss jekk il-mod ta’ funzjonament tagħha jibqa’ sigriet hija ineżatta, u dan kemm għal raġunijiet ta’ sigurtà, peress li teknoloġija tal-informazzjoni tkun tista’ tintuża b’sigurtà suffiċjenti biss meta l-mod ta’ funzjonament u l-kodiċi tagħha huma aċċessibbli għall-pubbliku u li b’hekk tista’ tiġi kkontrollata pubblikament u ttestjata fir-rigward tal-punti dgħajfa tagħha, kif ukoll għal raġunijiet kummerċjali, peress li l-metodu ta’ funzjonament ta’ teknoloġija għandha tkun tista’ tiġi kkontrollata u kkonfermata minn partijiet indipendenti (pereżempju xjentifiċi) qabel organu pubbliku jonfoq flus għall-akkwist tagħha.

100    Sa fejn dawn l-argumenti tar-rikorrent għandhom jinftiehmu fis-sens li huwa jsostni, essenzjalment, li l-membri tal-konsorzju ma għandhomx interessi kummerċjali li jistħoqqilhom protezzjoni marbuta ma’ proġett bħal iBorderCtrl, għandu jiġi osservat, kif tagħmel ir-REA, li, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1290/2013, li jaqa’ taħt it-Titolu III ta’ dan ir-regolament li jinkludi regoli li jirregolaw l-użu u t-tixrid tar-riżultati, ir-“riżultati” ta’ proġett huma jew il-proprjetà tal-parteċipant fil-proġett li ġġenerahom jew il-proprjetà komuni tal-parteċipanti fil-proġett. Barra minn hekk, l-Artikolu 42 tal-istess regolament jipprevedi li, meta riżultati jistgħu jagħtu lok għal użu industrijali jew kummerċjali, il-parteċipant li jkun il-proprjetarju tagħhom għandu jeżamina l-possibbiltà li dawn jiġu protetti u, jekk dan ikun possibbli, raġonevoli u ġġustifikat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, jiżgura l-protezzjoni adegwata tagħhom billi jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tiegħu kif ukoll l-interessi leġittimi tal-parteċipanti l-oħra fl-azzjoni, b’mod partikolari l-interessi kummerċjali tagħhom.

101    Minn dan jirriżulta li r-riżultati tal-proġetti li huma l-proprjetà tal-parteċipanti fil-proġett jistgħu jkollhom valur kummerċjali u finanzjarju għalihom u, minħabba f’hekk, l-użu industrijali u kummerċjali tagħhom jista’ jiġi protett. Għalhekk, il-parteċipanti f’tali proġett, bħal, f’dan il-każ, il-membri tal-konsorzju, jista’ jkollhom interessi kummerċjali leġittimi marbuta mar-riżultati tal-imsemmi proġett li jistgħu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

102    Huwa wkoll b’mod żbaljat li r-rikorrent jallega, f’dan il-kuntest, li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1290/2013 hija limitata għall-proprjetà ta’ beni “korporali” prodotti. Fil-fatt, mill-punt 19 tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1290/2013 jirriżulta li “riżultati” tfisser kwalunkwe riżultat tanġibbli jew intanġibbli tal-azzjoni, bħal data, għarfien jew informazzjoni li jiġu ġġenerati fl-azzjoni, fi kwalunkwe forma jew natura, sew jekk jistgħu jiġu protetti kif ukoll jekk le, kif ukoll kwalunkwe dritt marbut magħhom, inkluż drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

103    L-analoġija magħmula f’dan il-kuntest mir-rikorrent għal esklużività kummerċjali li teskludi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mediċinali oħra għal għaxar snin bħal dik imsemmija fis-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2018, PTC Therapeutics International vs EMA (T‑718/15, EU:T:2018:66, punt 91), ma tistax tikkontesta din il-konklużjoni. Fil-fatt, minn naħa, mill-punti 100 u 102 iktar ’il fuq jirriżulta li azzjoni tista’ tiġġenera kemm riżultati li jistgħu jiġu protetti kif ukoll riżultati li ma jistgħux jiġu protetti, jew li ma jkunx raġonevoli jew iġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi li tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-riżultati tal-proġett li jistgħu jiġu protetti, b’mod partikolari, mid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew industrijali, bħall-privattivi, minkejja li dawn id-drittijiet huma, kuntrarjament għal dak li ssostni, essenzjalment, ir-REA, ta’ natura li jipproteġu r-riżultati kontra użu industrijali u kummerċjali mhux iġġustifikat, u b’mod partikolari kontra kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti simili, dan il-fatt fih innifsu ma jrendix infondata deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba bbażata fuq eċċezzjoni intiża sabiex tipproteġi interessi kummerċjali leġittimi, li jinkludu b’mod partikolari drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

104    Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrent għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq levalwazzjoni individwali taddokumenti inkwistjoni

105    Kif tfakkar fil-punt 91 iktar ’il fuq, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ir-REA tat aċċess parzjali għad-dokumenti D 3.1, D 7.3 u D 7.8 u rrifjutat l-aċċess sħiħ għad-dokumenti l-oħra mitluba.

106    Qabelxejn, fl-ewwel lok, għandha tiġi ppreċiżata l-portata tal-ilmenti tar-rikorrent intiżi li jikkontestaw ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba. L-ewwel, fir-rigward tad-dokument D 7.6, għandu jiġi osservat, bħalma għamlet ir-REA, li din tal-aħħar wieġbet għat-talba inizjali, sa fejn din kienet intiża għall-aċċess għal dan id-dokument, li kien aċċessibbli għall-pubbliku, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrent fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Minn dan għandu jiġi konkluż li d-dokument D 7.6 ma huwiex is-suġġett ta’ din it-tilwima. It-tieni, peress li r-rikorrent kien ta l-kunsens tiegħu, fil-kuntest tat-talba konfermattiva tiegħu, li d-data personali tal-persuni involuti fil-proġett tiġi redatta u peress li, barra minn hekk, ma ppreżenta ebda argument sabiex jikkontesta dan l-element fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, għandu jiġi konkluż li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba ma huwiex ikkontestat sa fejn dan jirrigwarda din id-data.

107    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, fl-Anness I tal-ftehim ta’ sussidju, id-dokumenti kollha mitluba, bl-eċċezzjoni tad-dokumenti D 3.1 u D 8.7, huma indikati bħala kunfidenzjali bl-għajnuna tal-frażi “kunfidenzjali, irriżervat għall-membri tal-konsorzju (inklużi s-servizzi tal-Kummissjoni u/jew is-servizzi tar-REA)” (“confidential, only for members of the consortium (including the Commission Services and/or REA Services)”).

108    Fir-rigward tad-dokumenti D 3.1 u D 8.7, għandu jiġi osservat li l-istatus ta’ dokument jista’ jinbidel matul il-proġett, li jeħtieġ, fid-dawl tal-fatt li l-istatus “kunfidenzjali” jew “pubbliku” ta’ dokument jiġi deċiż fil-mument tal-iffirmar tal-ftehim bħal, f’dan il-każ, fl-Anness I tal-ftehim ta’ sussidju, adattament tal-ftehim ta’ sussidju skont l-Artikolu 55 tiegħu. B’hekk, minn naħa, id-dokument D 3.1 kien ġie inkluż, fil-ftehim ta’ sussidju, fost dawk li fir-rigward tagħhom in-natura “sensittiva” kellha tiġi evalwata qabel l-iżvelar tiegħu skont il-mekkaniżmu intern tal-konsorzju. Il-proċedura ta’ modifika tal-istatus tiegħu lejn “kunfidenzjali” kienet għadha għaddejja fil-mument tat-talba inizjali għal aċċess. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dokument D 8.7, dan ġie indikat bħala kunfidenzjali fil-mument tal-preżentazzjoni tiegħu, kif jirriżulta mir-referenza magħmula fuq l-ewwel paġna tiegħu.

109    Ir-REA kellha d-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punti 107 u 108 iktar ’il fuq waqt l-eżami tat-talba għal aċċess tar-rikorrent (ara l-punt 69 iktar ’il fuq).

i)      Fuq iddokumenti D 1.1 (Lewwel rapport talkonsulent tal-etika), D 1.2 (Letika tattfassil ta’ profil, irriskju ta’ stigmatizzazzjoni talindividwi u lpjan ta’ mitigazzjoni) u D 2.3 (Rapport ta’ eżami ġuridiku u etiku fuq illivell talUnjoni)

110    Ir-rikorrent isostni li l-protezzjoni leġittima tal-interessi kummerċjali ma tistax tiġi estiża sal-punt li tinkludi informazzjoni mhux marbuta mal-impriża li ma tikkostitwixxix “sigrieti tan-negozju” bħal, f’dan il-każ, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni etika u l-eżami tal-kuntest ġuridiku, li ma jikkonċernawx teknoloġija b’mod partikolari, iżda jittrattaw kwistjonijiet ġenerali tal-evalwazzjoni etika u ġuridika, li jqumu indipendentement mill-ħolqien konkret tas-sistema u mill-proġett konkret tal-konsorzju. Skont ir-rikorrent, ir-REA ssostni b’mod żbaljat li kull informazzjoni utli għall-kompetituri tal-imsieħba tal-konsorzju tikkostitwixxi sigriet tan-negozju u għandha tiġi protetta. Huwa jirrimarka li l-kompetituri tal-impriżi li jagħmlu parti mill-konsorzju pparteċipaw fit-test tas-sistema li dan tal-aħħar żviluppa.

111    Għalhekk, l-iżvelar tad-dokumenti D 1.1, D 1.2 u D 2.3, li ma jirriflettux, skont ir-rikorrent, l-għarfien xjentifiku u ma fihomx informazzjoni dwar metodi ta’ produzzjoni u ta’ analiżi, ma huwiex ta’ natura li jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju. Fi kwalunkwe każ, anki li kieku dawn id-dokumenti kienu jinkludu elementi li jaqgħu taħt l-għarfien xjentifiku tal-membri tal-konsorzju, żvelar ta’ estratti ta’ dawn id-dokumenti għandu jkun possibbli.

112    Ir-REA ssostni li l-evalwazzjonijiet etiċi u ġuridiċi inklużi fid-dokumenti D 1.1, D 1.2 u D 2.3 huma speċifikament adattati għall-proġett iBorderCtrl sa fejn dawn jindirizzaw u janalizzaw kif id-diversi preokkupazzjonijiet huma konkretament meħuda inkunsiderazzjoni fil-metodoloġija tiegħu. Huma jippreżentaw ukoll miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tar-riskji u tar-rekwiżiti identifikati speċifiċi għall-proġett. Barra minn hekk, il-kumpilazzjoni tal-informazzjoni li tinsab fid-dokument D 2.3 taqa’ taħt “xogħol intellettwali” mhux aċċessibbli għal persuni li ma jagħmlux parti mill-konsorzju u għalhekk tinkludi għarfien speċifiku tal-membri tiegħu. L-evalwazzjonijiet etiċi inklużi fid-dokumenti D 1.1 u D 1.2 jinkludu informazzjoni sensittiva li t-tixrid tagħha jista’ jkun ta’ ħsara għar-reputazzjoni tal-membri tal-konsorzju, tal-imsieħba u tal-individwi assoċjati mal-proġett. Għaldaqstant, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju u jikkostitwixxi vantaġġ indebitu għall-kompetituri.

113    Wara li kkonsultat id-dokumenti D 1.1, D 1.2 u D 2.3, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li dawn jinkludu b’mod partikolari, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, evalwazzjonijiet etiċi u ġuridiċi tal-għodda, tal-komponenti teknoloġiċi u tal-metodi żviluppati fil-kuntest tal-proġett iBorderCtrl.

114    Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda d-dokument D 1.1, dan fih, kif tosserva r-REA, b’mod partikolari d-deskrizzjoni tal-mod kif il-preokkupazzjonijiet etiċi u ġuridiċi identifikati fid-dokumenti D 1.2 u D 2.3 għandhom b’mod konkret jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-iżvilupp tad-diversi komponenti teknoloġiċi u tal-metodi żviluppati fil-kuntest tal-proġett iBorderCtrl, kemm għall-fażi ta’ riċerka kif ukoll għal eventwali fażi ta’ użu sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji etiċi u tad-drittijiet fundamentali invokati. Id-dokument jinkludi, fil-kuntest tar-rakkomandazzjonijiet li huwa jagħmel, riferimenti għall-elementi tal-għarfien, għall-metodoloġiji, għat-tekniki u għall-istrateġiji żviluppati mill-membri tal-konsorzju għall-bżonnijiet tal-proġett jew informazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati.

115    Għal dak li jirrigwarda d-dokument D 1.2, li jindika li għandu rabta u sovrappożizzjoni parzjali mar-rapport legali li jikkostitwixxi d-dokument D 2.3, dan jippreżenta, kif tosserva r-REA, il-metodoloġija li biha l-proġett iBorderCtrl jindirizza speċifikament it-tfassil ta’ profil u r-riskju ta’ stigmatizzazzjoni kemm tal-individwi kif ukoll tal-gruppi, l-analiżi ta’ problema ta’ informazzjoni falza (“false positives”, “false negatives”) tal-għodod informatiċi u l-ewwel deskrizzjoni tar-riskji tal-proġett u l-miżuri ta’ protezzjoni rilevanti. Dan l-eżami, li huwa speċifiku għall-proġett, juża informazzjoni dwar il-komponenti teknoloġiċi u l-metodi żviluppati fil-kuntest tal-proġett u jirreferi għalhekk għall-elementi tal-għarfien, tal-metodoloġiji, tat-tekniki u tal-istrateġiji żviluppati mill-membri tal-konsorzju għall-bżonnijiet tal-proġett jew tal-informazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati dawn l-elementi.

116    Id-dokument D 2.3, redatt minn università parteċipanti, jispjega b’mod iddettaljat kif ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali huma implimentati fid-diversi subsetturi tat-teknoloġiji żviluppati mill-proġett. Din l-analiżi, li teżamina fid-dettall l-infrastruttura tal-proġett iBorderCtrl, tikkonċerna għalhekk, parzjalment, speċifikament it-teknoloġiji, il-funzjonalitajiet u l-għodod użati minn dan il-proġett u tippermetti li tiġi identifikata l-istrateġija segwita fid-dawl tal-qafas regolatorju identifikat.

117    L-informazzjoni msemmija fil-punti 114 sa 116 iktar ’il fuq taqa’ għalhekk taħt l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Huwa mingħajr ma wettqet żball li r-REA qieset fid-deċiżjoni kkontestata li l-iżvelar tagħha seta’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju, inkluż għal dak li jirrigwarda l-proprjetà intellettwali, sa fejn din tippermetti lill-kompetituri jieħdu vantaġġ indebitu mill-għarfien tagħhom li għandu valur kummerċjali.

118    Madankollu, qari tad-dokumenti D 1.1, D 1.2 u D 2.3 juri li dawn fihom ukoll informazzjoni oħra minbarra evalwazzjonijiet dwar l-implikazzjonijiet ġuridiċi u etiċi konkreti tal-proġett iBorderCtrl jew tas-soluzzjonijiet konkretament maħsuba fl-iżvilupp tat-teknoloġiji jew tal-funzjonalitajiet tiegħu.

119    Fil-fatt, dawn id-dokumenti jinkludu, barra minn hekk, deskrizzjoni tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli tal-fruntieri tagħha u tal-istat tad-dritt tal-Unjoni dwar din il-politika kif ukoll żviluppi dwar il-kwistjoni tal-opportunità li dawn il-kontrolli jiġu msaħħa bl-applikazzjoni ta’ mezzi teknoloġiċi innovattivi. Huma jinkludu wkoll sunt iddettaljat tal-kuntest ġuridiku rilevanti fid-dritt internazzjonali, fid-dritt tal-Unjoni u fid-dritt nazzjonali, b’mod partikolari dak dwar il-protezzjoni tad-data personali, il-prinċipji tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. Din l-informazzjoni, li hija bbażata b’mod partikolari fuq sorsi pubblikament aċċessibbli identifikati permezz ta’ riferimenti għal siti internet, ma tirreferix għall-għodda jew għat-teknoloġiji konkretament użati fil-kuntest tal-proġett iBorderCtrl, iżda, kif isostni r-rikorrent, tittratta kwistjonijiet ġenerali fir-rigward tal-evalwazzjoni etika u ġuridika ta’ sistema li tuża mezzi teknoloġiċi innovattivi bħal “rikonoxximent awtomatiku ta’ qerq” jew “evalwazzjoni tar-riskju” awtomatizzat, li jistgħu jsiru indipendentement mill-ħolqien konkret tas-sistema u tal-proġett imfassal mill-membri tal-konsorzju.

120    Barra minn hekk, filwaqt li r-REA ssostni li vverifikat jekk id-dokumenti inkwistjoni kinux jinkludu informazzjoni pubblikament aċċessibbli, fid-deċiżjoni kkontestata hija ma sostnietx li l-informazzjoni identifikata fil-punt 119 iktar ’il fuq kienet tippreżenta valur miżjud meta mqabbla mal-informazzjoni pubblikament aċċessibbli li fuqha hija kienet ibbażata fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2017, Deza vs ECHA (T‑189/14, EU:T:2017:4, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Hija ssostni biss, matul din l-istanza, li l-kumpilazzjoni tal-informazzjoni li tinsab fid-dokument D 2.3 taqa’ taħt “xogħol intellettwali” mhux aċċessibbli għal persuni li ma jagħmlux parti mill-konsorzju u li dan jinkludi għarfien speċifiku tal-membri tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa ċertament minnu li xogħol ta’ sistematizzazzjoni tal-informazzjoni pubblikament aċċessibbli jista’ jkollu ċertu valur kummerċjali, għandu jintwera li s-sistematizzazzjoni tal-imsemmija informazzjoni kienet akkumpanjata minn evalwazzjonijiet li jwasslu għal konklużjonijiet xjentifiċi ġodda jew għal kunsiderazzjonijiet dwar strateġija inventiva ta’ natura li tagħti lill-impriża vantaġġ kummerċjali fuq il-kompetituri tagħha u li, minħabba f’hekk, huma evidentement ta’ natura kunfidenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2017, Deza vs ECHA, T‑189/14, EU:T:2017:4, punt 67). Issa, ir-REA baqgħet ma wrietx li dan ix-xogħol intellettwali ta’ kumpilazzjoni għandu valur miżjud meta mqabbel mal-informazzjoni pubblikament aċċessibbli fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 120 iktar ’il fuq u li s-sempliċi kompitu ta’ kumpilazzjoni ta’ din l-informazzjoni jeħtieġ għarfien speċifiku min-naħa tal-membri tal-konsorzju li għalihom għandu interess kummerċjali li jistħoqqlu protezzjoni skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2017, Deza vs ECHA, T‑189/14, EU:T:2017:4, punt 65).

122    Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li r-REA wettqet żball meta qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti D 1.1, D 1.2 u D 2.3 identifikata fil-punt 119 iktar ’il fuq kien iġġustifikat mill-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju.

123    L-argument tar-REA li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kompetituri tal-membri tal-konsorzju jistgħu jieħdu vantaġġ mill-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti, b’mod partikolari billi jantiċipaw in-nuqqasijiet u l-istrateġiji relatati mal-proġett inkwistjoni fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ proġetti simili, jew jużaw l-għarfien tagħhom, ma jistax jiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni identifikata fil-punt 119 iktar ’il fuq. Fil-fatt, din l-informazzjoni ma taqax taħt l-għarfien jew taħt il-kompetenza speċifika għall-membri tal-konsorzju u, sa fejn ma tikkonċernax applikazzjoni konkreta tal-prinċipji ġuridiċi u etiċi għall-proġett inkwistjoni, hija ma tikkostitwixxix informazzjoni kummerċjali sensittiva, b’tali mod li l-iżvelar tagħha ma huwiex ta’ natura li jagħti vantaġġ lill-kompetituri tal-membri tal-konsorzju. Din l-informazzjoni għalhekk ma taqax taħt il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali żgurata mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

124    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel ir-rikorrent, li r-REA ma tispjegax kif l-iżvelar tad-dokumenti D 1.1, D 1.2 u D 2.3 jista’, b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni identifikata fil-punt 119 iktar ’il fuq, jippreġudika konkretament u effettivament ir-reputazzjoni tal-membri tal-konsorzju. Fi kwalunkwe każ, għalkemm l-argument tar-REA għandu jinftiehem fis-sens li l-fatt li l-proġett inkwistjoni jqajjem tħassib ta’ natura etika u ġuridika jista’, fih innifsu, jippreġudika r-reputazzjoni tal-membri tal-konsorzju li ħolquh, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, mis-suġġett u mill-għan tal-proġett iBorderCtrl, li huma pubblikament magħrufa, kif josserva r-rikorrent billi jirreferi għall-informazzjoni mxerrda fuq is-sit internet iddedikat għall-imsemmi proġett, jista’ jiġi dedott li dan huwa bbażat fuq l-użu ta’ mezzi teknoloġiċi innovattivi bbażati b’mod partikolari fuq il-ġbir ta’ informazzjoni, b’tali mod li l-fatt li sistema bħal iBorderCtrl tista’, bħal kull sistema oħra bbażata fuq tali mezzi innovattivi, tqajjem ċertu tħassib ta’ natura ġuridika u etika ma jikkostitwixxix sigriet kummerċjali jew informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

125    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-REA qieset b’mod żbaljat li l-informazzjoni kollha li tinsab fid-dokumenti D 1.1, D 1.2 u D 2.3 kienet taqa’ taħt l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju u rrifjutat l-aċċess għalihom kollha. Għaldaqstant, dan l-ilment huwa parzjalment fondat.

ii)    Fuq iddokument D 1.3 (Konsulent taletika)

126    Skont ir-rikorrent, pubblikazzjoni anonimizzata, redatta minn data personali, tad-dokument mitlub D 1.3 dwar il-ħatra ta’ konsulent tal-etika estern ma tistax taffettwa l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju.

127    Ir-REA ssostni li t-tixrid ta’ data li tinsab fid-dokument D 1.3 li tista’ tintuża sabiex jiġi identifikat il-konsulent tal-etika u li tikkonċerna kważi t-totalità tad-dokument, bħad-deskrizzjoni ddettaljata tal-kompetenza tiegħu jew il-curriculum vitae tiegħu, jista’ jippreġudika l-indipendenza tiegħu kif ukoll l-interessi kummerċjali tiegħu.

128    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-REA indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-dokument D 1.3, bħad-dokumenti D 1.1, D 1.2 u D 2.3, kien jinkludi evalwazzjonijiet etiċi u ġuridiċi tal-għodda, tal-komponenti teknoloġiċi u tal-metodoloġiji żviluppati fil-kuntest tal-proġett. Issa, qari tal-imsemmi dokument juri li dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, kif tindika r-REA fil-kuntest ta’ din il-kawża, id-dokument D 1.3 jinkludi l-curriculum vitae ddettaljat tal-konsulent tal-etika estern kif ukoll l-ittra tiegħu ta’ aċċettazzjoni tal-kompiti fdati lilu mill-konsorzju.

129    Ebda motivazzjoni oħra dwar ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokument D 1.3 ma tinsab fid-deċiżjoni kkontestata u b’mod partikolari ebda raġuni ma hija invokata sabiex jiġi sostnut li l-iżvelar tal-imsemmi dokument redatt mid-data personali, li r-rikorrent ta l-kunsens tiegħu għalih fit-talba konfermattiva, ma huwiex possibbli. Il-motiv invokat f’dan ir-rigward mir-REA matul din l-istanza, li jgħid li l-iżvelar tad-data li tippermetti li jiġi identifikat il-konsulent tal-etika jippreġudika l-indipendenza tiegħu kif ukoll l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jinsabx fid-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi biss għall-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju. Issa, kif jirriżulta mid-dokument D 1.3, il-konsulent tal-etika inkwistjoni ma huwa impjegat minn ebda wieħed mill-membri tal-konsorzju u huwa persuna indipendenti minnhom. L-interessi kummerċjali tiegħu għalhekk ma jistgħux jiġu konfużi ma’ dawk tal-membri tal-konsorzju.

130    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax, bi tweġiba għat-talba konfermattiva li fiha r-rikorrent ta l-kunsens tiegħu li d-data personali tiġi redatta fid-dokumenti mitluba, li d-dokument D 1.3 huwa, fl-intier tiegħu, kopert mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi biss għall-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, lanqas ma hemm ebda riferiment għall-impossibbiltà li jingħata aċċess parzjali minħabba l-fatt li dokument redatt mid-data personali ma għandu ebda utilità għar-rikorrent fid-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li dan kien il-każ tal-informazzjoni kollha li tinsab fil-curriculum vitae tal-konsulent tal-etika, ir-REA ma tispjegax b’mod partikolari kif tali fatt japplika għal informazzjoni l-oħra li tinsab fid-dokument D 1.3, b’mod partikolari għad-deskrizzjoni tal-kompiti mogħtija mill-membri tal-konsorzju lill-konsulent tal-etika.

131    Minn dan isegwi li l-motivi mressqa fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokument D 1.3 jiġi bbażat biss fuq il-bażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan il-motiv huwa għalhekk fondat.

iii) Fuq iddokument D 2.1 (Rapport talanaliżi tarrekwiżiti)

132    Ir-rikorrent isostni li l-proċeduri ta’ sorveljanza tal-fruntieri fl-Istati Membri kif ukoll ir-rekwiżiti tagħhom, deskritti fid-dokument D 2.1, ma humiex sigrieti tan-negozju, iżda kwistjoni pubblika. Ir-REA żbaljat meta qieset bħala sigriet kummerċjali kull informazzjoni li tista’ tkun utli għall-kompetituri tal-imsieħba tal-konsorzju li jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali filwaqt li hija ma ssostnix li din l-analiżi tirrifletti l-għarfien xjentifiku ta’ persuna jew li hija tinkludi informazzjoni dwar metodi ta’ produzzjoni u ta’ analiżi li l-pubblikazzjoni tagħhom twassal neċessarjament sabiex jiġu ppreġudikati serjament l-interessi ta’ membru tal-konsorzju. Fi kwalunkwe każ, dan jiġġustifika biss ir-redazzjoni tas-siltiet ikkonċernati.

133    Ir-REA ssostni li d-dokument D 2.1, imfassal fl‑2016, jippreżenta b’mod iddettaljat il-proċeduri ta’ sorveljanza tal-fruntieri fl-Istati Membri pilota u jiġbor fil-qosor ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-utenti għall-perijodu qabel il-wasla tagħhom fit-territorju tal-Unjoni u l-fażijiet ta’ kontroll tal-isfond u ta’ kontroll fil-fruntieri. Dan jinkludi l-metodu ta’ evalwazzjoni tal-investigazzjoni u l-konklużjonijiet. Il-kumpilazzjoni tal-informazzjoni tinkludi l-għarfien speċifiku tal-membri tal-konsorzju. Il-kompetituri jiksbu vantaġġ mill-iżvelar ta’ tali informazzjoni anki għaliex ikunu jafu liema approċċ jintuża minn wieħed mill-membri tal-konsorzju. Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrent, il-protezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 1049/2001 tmur ferm lil hinn mis-sempliċi “sigrieti tan-negozju”.

134    Wara li kkonsultat id-dokument inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dan jippreżenta, b’mod partikolari, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, soluzzjonijiet teknoloġiċi (pereżempju teknoloġiji bijometriċi ta’ identifikazzjoni) u d-definizzjoni tal-arkitettura globali tal-proġett iBorderCtrl, u b’hekk jipprovdi l-qafas ġenerali għall-moduli differenti, inklużi l-funzjonalitajiet tal-materjal u tas-software li jikkostitwixxu s-sistema integrata finali.

135    Din l-informazzjoni taqa’ taħt l-għarfien tal-membri tal-konsorzju u tikkonċerna metodoloġiji, tekniki u strateġiji li huma żviluppaw għall-ħtiġijiet tal-proġett. Għaldaqstant, ir-REA ma wettqitx żball meta qieset fid-deċiżjoni kkontestata li l-iżvelar tagħha seta’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju sa fejn dan jippermetti lill-kompetituri jieħdu vantaġġ indebitu mill-għarfien tagħhom li għandu valur kummerċjali.

136    Madankollu, qari ta’ dan id-dokument juri li dan jinkludi wkoll informazzjoni oħra għajr dik li taqa’ taħt il-metodoloġija, it-tekniki u l-istrateġiji speċifiċi tal-proġett iBorderCtrl.

137    Fil-fatt, kif jirriżulta mid-dokument stess, l-analiżi li dan jinkludi ssir fi tliet stadji, fejn l-ewwel waħda tikkonsisti f’deskrizzjoni u analiżi tal-kunċetti sottostanti għall-ġestjoni tal-fruntieri u tipprovdi deskrizzjoni tal-problemi operattivi tal-utenti finali fil-kuntest ġeografiku tagħhom. F’dan il-kuntest, b’mod partikolari l-proċeduri ta’ sorveljanza tal-fruntieri fl-Istati Membri kkonċernati mill-fażi ta’ riċerka tal-proġett huma ddettaljati. Kif isostni r-rikorrent, dawn il-proċeduri, kif ukoll ir-rekwiżiti tagħhom, ma humiex sigrieti tan-negozju tal-membri tal-konsorzju, iżda jaqgħu taħt kwistjoni pubblika. It-tieni stadju jikkonsisti f’deskrizzjoni tal-“ogħla livell” tat-teknoloġiji differenti, li parti minnhom tikkonsisti f’preżentazzjoni ta’ dik li hija, kif jissuġġerixxi t-titolu ta’ din il-parti tad-dokument, is-sitwazzjoni attwali tal-iżvilupp teknoloġiku fl-oqsma kkonċernati mill-proġett.

138    Minkejja li dawn l-analiżi jikkostitwixxu stadji preliminari għall-finijiet tal-eżami tar-rekwiżiti konkreti fir-rigward tal-proġett iBorderCtrl, fid-dawl b’mod partikolari tal-kunċetti hekk identifikati u meta mqabbla mat-teknoloġiji diġà eżistenti, u jikkostitwixxu mingħajr dubju premessa għall-finijiet tat-twettiq tal-analiżi tal-arkitettura ta’ din is-sistema, tal-metodoloġiji tagħha u tal-għodod tagħha msemmija fil-punti 134 u 135 iktar ’il fuq, il-partijiet l-kbar ta’ dawn l-analiżi ma jinkludux informazzjoni li taqa’ taħt l-għarfien speċifiku għall-membri tal-konsorzju, il-konoxxenzi interni tagħhom jew l-kompetenza tagħhom. Is-sempliċi fatt li dawn l-elementi jippermettu eventwalment li jiġi ddeterminat liema huma t-teknoloġiji preeżistenti li l-applikazzjoni jew l-iżvilupp tagħhom jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tar-riflessjoni dwar il-ħolqien tas-sistema fil-kuntest tal-proġett iBorderCtrl ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li juri li dawn l-elementi jaqgħu taħt l-għarfien tal-membri tal-konsorzju. Barra minn hekk, ir-rikorrent jindika li l-“approċċ” użat fil-proġett jista’ diġà jiġi dedott mill-informazzjoni aċċessibbli pubblikament, liema fatt huwa aċċettat mir-REA meta tikkonferma li l-informazzjoni pubblikament aċċessibbli, permezz ta’ komunikazzjoni tal-konsorzju dwar il-funzjonament tas-sistema, tippermetti li wieħed ikun jaf kif is-sistema pilota hija intiża li taħdem.

139    Il-fatt li l-informazzjoni li tinsab fid-dokument D 2.1 msemmija fil-punt 137 iktar ’il fuq ma taqax taħt il-kompetenza xjentifika tal-membri tal-konsorzju jew tal-konoxxenzi interni tagħhom huwa kkonfermat mill-fatt li dawn il-partijiet ta’ analiżi huma bbażati fuq sorsi pubblikament aċċessibbli fosthom il-pubblikazzjonijiet akkademiċi u l-informazzjoni mxerrda fuq l-internet, elenkati fil-parti “Referenzi” tad-dokument.

140    Barra minn hekk, huwa ċertament minnu, kif issostni r-REA, li t-tfassil tal-metodoloġija tal-investigazzjonijiet jew dik ta’ evalwazzjoni tad-data hekk miksuba u l-konklużjonijiet misluta minnhom fir-rigward tal-iżvilupp tal-proġett iBorderCtrl, jinkludu l-għarfien speċifiku tal-membri tal-konsorzju. Madankollu, dan ma huwiex il-każ tal-informazzjoni msemmija fil-punt 137 iktar ’il fuq sa fejn ebda metodoloġija speċifika relatata mal-kumpilazzjoni tagħha ma ġiet enfasizzata fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas ma tirriżulta mid-dokument innifsu. Matul din il-proċedura, ir-REA sostniet li l-kumpilazzjoni tal-informazzjoni li tinsab fid-dokument D 2.1 kien fiha l-għarfien speċifiku tal-membri tal-konsorzju. Għalkemm huwa ċertament minnu, kif tfakkar fil-punt 121 iktar ’il fuq, li xogħol ta’ sistematizzazzjoni tal-informazzjoni aċċessibbli pubblikament jista’ jkollu ċertu valur kummerċjali, ir-REA ma wrietx li, f’dan il-każ, kumpilazzjoni tal-informazzjoni pubblikament aċċessibbli tippreżenta valur miżjud fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 120 iktar ’il fuq u li s-sempliċi kompitu ta’ kumpilazzjoni ta’ din l-informazzjoni jeħtieġ għarfien speċifiku min-naħa tal-membri tal-konsorzju li għalihom għandu interess kummerċjali li jistħoqqlu protezzjoni skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

141    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, kif tosserva r-REA stess, fil-kuntest tal-aċċess parzjali għad-Dokument D 3.1, l-informazzjoni ta’ natura simili, jiġifieri dik li tirrigwarda deskrizzjoni ġenerali tat-tekniki u tat-teknoloġiji preeżistenti (pereżempju s-sensuri bijometriċi) fir-rigward tal-apparati ta’ ġbir ta’ data, ġiet żvelata lir-rikorrent.

142    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-REA wettqet żball meta qieset li l-informazzjoni kollha li tinsab fid-dokument D 2.1 kienet taqa’ taħt l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju u rrifjutat l-aċċess għat-totalità tiegħu. Għaldaqstant, dan l-ilment huwa parzjalment fondat.

iv)    Fuq iddokument D 2.2 (Arkitettura ta’ referenza u speċifikazzjoni tal-komponenti)

143    Skont ir-rikorrent, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex fondata għal dak li jirrigwarda r-rifjut ta’ żvelar tad-dokument D 2.2 sa fejn ma jistax jiġi dedott min-“natura teknika” ta’ dokument li dan neċessarjament jinkludi “informazzjoni sensittiva”. Ir-REA għalhekk ma ressqet ebda punt ta’ fatt li minnu jirriżulta li l-iżvelar ta’ dan id-dokument jippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ membru tal-konsorzju.

144    Ir-REA tosserva li d-dokument D 2.2 jiddeskrivi b’mod iddettaljat kif ir-rekwiżiti tekniċi huma implimentati f’seba’ teknoloġiji żviluppati mill-proġett. Barra minn hekk, l-arkitettura funzjonali globali tal-materjali u tas-software hija ppreżentata b’mod iddettaljat. Fl-aħħar nett, il-każijiet ta’ użu għal tipi differenti ta’ vjaġġaturi huma identifikati għall-finijiet tal-proċeduri ta’ ttestjar futuri. Minħabba n-natura teknika tiegħu, dan id-dokument fih informazzjoni sensittiva, għaliex il-kompetituri li ma jkollhomx tali informazzjoni jieħdu vantaġġ mill-iżvelar tagħha. Għalkemm ir-rikorrent jikkonstata ġustament li l-informazzjoni pubblikament aċċessibbli, permezz ta’ komunikazzjoni tal-konsorzju dwar il-funzjonament tas-sistema, tippermetti li wieħed ikun jaf kif is-sistema pilota hija intiża li tiffunzjona, din l-informazzjoni madankollu ma tinkludix ir-rekwiżiti tekniċi, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet kif ukoll l-arkitettura u l-metodoloġiji relatati li għandhom interess kummerċjali.

145    Wara li kkonsultat id-dokument inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dan jippreżenta, bħad-dokument D 2.1, kif osservat ir-REA fid-deċiżjoni kkontestata, soluzzjonijiet teknoloġiċi u d-definizzjoni tal-arkitettura globali tal-proġett iBorderCtrl kollu, u b’hekk jipprovdi l-qafas ġenerali għall-moduli differenti, inklużi l-funzjonalitajiet tal-materjal u tas-software li jikkostitwixxu s-sistema integrata finali.

146    Din l-informazzjoni taqa’ taħt l-għarfien tal-membri tal-konsorzju u tikkonċerna metodoloġiji, tekniki u strateġiji li huma żviluppaw għall-ħtiġijiet tal-proġett. Għaldaqstant, ir-REA ma wettqitx żball meta qieset fid-deċiżjoni kkontestata li l-iżvelar tagħha seta’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju sa fejn dan jippermetti lill-kompetituri jieħdu vantaġġ indebitu mill-għarfien tagħhom li għandu valur kummerċjali.

147    Madankollu, mill-imsemmi dokument jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami li fih, ittieħdu inkunsiderazzjoni l-analiżi mwettqa fil-kuntest tar-rapport li jikkostitwixxi d-dokument D 2.1 u ċerti evalwazzjonijiet ġuridiċi li huma s-suġġett tad-dokument D 2.3. Konsegwentement, ir-rifjut ta’ aċċess parzjali għall-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti D 2.1 u D 2.3 msemmija fil-punti 137 u 119 iktar ’il fuq, li ġew riprodotti jew miġbura fil-qosor għall-ħtiġijiet tad-dokument D 2.2, jew għall-informazzjoni tal-istess portata jew tal-istess natura, ma huwiex iġġustifikat mill-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju. Għaldaqstant, dan l-ilment huwa parzjalment fondat.

v)      Fuq iddokument D 3.1 (Apparati għallġbir ta’ data – speċifikazzjonijiet)

148    Id-dokument D 3.1 ġie żvelat sa fejn jikkonċerna d-deskrizzjoni ġenerali tat-tekniki u tat-teknoloġiji (pereżempju s-sensuri bijometriċi) fir-rigward tal-apparati ta’ ġbir ta’ data (ara l-punt 141 iktar ’il fuq). Dan ġie kkomunikat lir-rikorrent fil-verżjoni parzjalment redatta tiegħu.

149    Skont ir-rikorrent, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex fondata għal dak li jirrigwarda r-rifjut ta’ żvelar tad-dokument D 3.1 fl-intier tiegħu sa fejn ma jistax jiġi dedott min-“natura teknika” ta’ dokument li dan neċessarjament jinkludi “informazzjoni sensittiva”. Ir-REA għalhekk ma ressqet ebda punt ta’ fatt li minnu jirriżulta li l-iżvelar tad-dokument jippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ membru tal-konsorzju.

150    Ir-REA ssostni li l-partijiet tad-dokument D 3.1 li jiddeskrivu fid-dettall it-tekniki u t-teknoloġiji użati fil-proġett ma sarux aċċessibbli, peress li, minħabba n-natura teknika tagħhom, jikkonċernaw informazzjoni sensittiva li minnha l-kompetituri, li ma għandhomx tali informazzjoni, jibbenefikaw fil-każ ta’ żvelar.

151    Wara li kkonsultat il-partijiet li ma ġewx żvelati tad-dokument D 3.1, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dawn jinkludu deskrizzjoni ddettaljata tad-diversi tekniki u teknoloġiji, kif issostni r-REA. Madankollu, minn naħa, kif isostni r-rikorrent, in-natura ftit jew wisq teknika tal-informazzjoni inkwistjoni, imsemmi mir-REA sabiex issostni l-fondatezza tar-rifjut ta’ aċċess għaliha, ma hijiex fiha nnifisha deċiżiva sabiex jiġi evalwat jekk din taqax taħt l-interessi kummerċjali fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

152    Min-naħa l-oħra, mill-informazzjoni li tinsab fil-partijiet redatti tad-dokument D 3.1 ma jirriżultax li t-tekniki u t-teknoloġiji kollha deskritti fih huma dawk effettivament użati fil-proġett iBorderCtrl, kuntrarjament għal dak li ssostni r-REA. Fil-fatt, dawn fihom deskrizzjonijiet tat-tekniki u tat-teknoloġiji disponibbli fis-suq u potenzjalment utli fl-arkitettura tas-sistema iBorderCtrl. Barra minn hekk, il-partijiet redatti fihom ukoll rakkomandazzjonijiet dwar l-għażla tat-teknoloġiji u tat-tekniki disponibbli li huma ottimali fl-arkitettura tas-sistema iBorderCtrl fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi inkwistjoni. Filwaqt li dawn l-aħħar evalwazzjonijiet jirriflettu l-għarfien tal-membri tal-konsorzju, b’mod partikolari sa fejn, kif indikat fid-dokument, l-esperjenza tagħhom hija kkombinata mal-informazzjoni pubblika miġbura, jew li l-kriterji ta’ evalwazzjoni huma speċifikament imfassla mill-membri, b’tali mod li l-iżvelar tagħhom jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju, dan ma huwiex il-każ tad-deskrizzjonijiet oġġettivi tat-tekniki u tat-teknoloġiji disponibbli fis-suq.

153    Dawn id-deskrizzjonijiet huma barra minn hekk tal-inqas parzjalment ibbażati fuq sorsi aċċessibbli pubblikament, b’mod partikolari fuq pubblikazzjonijiet xjentifiċi jew fuq l-informazzjoni mxerrda fuq l-internet. Ir-REA ma ssostnix li l-kumpilazzjoni ta’ din l-informazzjoni pubblikament aċċessibbli tippreżenta valur miżjud fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 120 u 121 iktar ’il fuq.

154    Minn dan għandu jiġi konkluż li r-REA wettqet żball meta qieset li l-informazzjoni kollha li tinsab fil-partijiet redatti tad-dokument D 3.1 kienet taqa’ taħt l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju u rrifjutat l-aċċess għalihom. Dan l-ilment li permezz tiegħu r-rikorrent jikkontesta r-rifjut ta’ aċċess għall-partijiet redatti tad-dokument D 3.1 huwa għalhekk parzjalment fondat.

vi)    Fuq iddokumenti D 7.3 (Pjan ta’ tixrid u ta’ komunikazzjoni) u D 7.8 (Pjan ta’ tixrid u ta’ komunikazzjoni 2)

155    Fid-deċiżjoni kkontestata, l-aċċess parzjali ngħata għad-dokumenti D 7.3 u D 7.8, li għalhekk ġew ikkomunikati lir-rikorrent fil-verżjonijiet parzjalment redatti tagħhom.

156    Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrent informa lill-Qorti Ġenerali li, billi uża l-mezzi disponibbli għalih, huwa “neħħa” l-partijiet redatti tad-dokument D 7.3, li ġie anness mal-ittra tiegħu. Abbażi tat-test hekk miksub, huwa fformula ċerti osservazzjonijiet insostenn tal-ewwel motiv u tenna l-argument tiegħu li jgħid li, fi kwalunkwe każ, kien jeżisti interess pubbliku superjuri għall-iżvelar sħiħ ta’ dan id-dokument.

157    Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Mejju 2021, ir-REA ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-argumenti tar-rikorrent li fil-kuntest tagħhom hija osservat, b’mod partikolari, li r-rikorrent kien xerred, fuq is-sit internet tiegħu, il-verżjoni sħiħa tad-dokument D 7.3, fil-verzjoni tiegħu li rriżulta mit-tneħħija tal-imsemmija partijiet redatti magħmula mir-rikorrent innifsu.

158    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li r-rikorrent kiseb, billi uża l-mezzi disponibbli għalih, l-aċċess għall-partijiet redatti tad-dokument D 7.3 u għalhekk sar jaf bl-informazzjoni li l-aċċess għaliha kien ġie rrifjutat lilu mir-REA fid-deċiżjoni kkontestata, u li huwa xerred l-imsemmi dokument fuq is-sit internet tiegħu ma jippermettix li jitqies li huwa ma għandux jew ma għadx għandu interess li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt. Ċertament, billi mexa b’dan il-mod, ir-rikorrent ma osservax il-proċeduri previsti mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti u lanqas ma stenna l-eżitu ta’ din il-kawża sabiex ikun jaf jekk huwa setax jew le jikseb legalment l-aċċess għall-verżjoni sħiħa tad-dokument inkwistjoni. Madankollu, dan is-sempliċi fatt, ikun kemm ikun oġġezzjonabbli, ma jikkontestax l-interess tar-rikorrent li jara d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata fuq dan il-punt, peress li l-awtur tal-iżvelar tal-informazzjoni kkontestata ma hijiex ir-REA, li b’hekk jirrikonoxxi l-interess tal-pubbliku li jikseb l-iżvelar ta’ tali informazzjoni. Għalhekk, ir-rikorrent għandu d-dritt jikseb mill-Qorti Ġenerali deċiżjoni dwar il-legalità ta’ din id-deċiżjoni, li tikkawżalu preġudizzju, peress li r-REA ma rtirathiex formalment u peress li hija tatu biss aċċess parzjali għad-dokument mitlub abbażi tal-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-aġir tar-rikorrent fir-rigward tad-dokument inkwistjoni huwa irrilevanti sabiex jiġi evalwat l-interess tiegħu li jikseb l-annullament ta’ tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punti 33 u 45 sa 48, u tat‑22 ta’ Marzu 2011, Access Info Europe vs Il‑Kunsill, T‑233/09, EU:T:2011:105, punti 33 sa 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

159    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minkejja li rnexxielu jsir jaf bl-informazzjoni li l-aċċess għaliha kien ġie rrifjutat lilu mir-REA, ir-rikorrent għandu interess li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn ir-REA kienet irrifjutatlu l-aċċess għall-partijiet redatti tad-dokument D 7.3.

160    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-fatt li r-rikorrent irnexxielu, billi uża l-mezzi disponibbli għalih, “ineħħi” l-partijiet redatti li jinsabu fid-dokument D 7.3 huwa mingħajr ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt u fuq l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward.

161    Sabiex jikkontesta r-rifjut ta’ aċċess għall-partijiet redatti tad-dokumenti D 7.3 u D 7.8, ir-rikorrent isostni li l-protezzjoni leġittima tal-interessi kummerċjali ma tistax tiġi estiża sal-punt li tinkludi informazzjoni mhux relatata mal-impriża li ma tikkostitwixxix “sigrieti tan-negozju”, bħal, b’mod partikolari, l-istrateġija ta’ komunikazzjoni. Għalhekk, is-sempliċi diskussjonijiet għall-finijiet promozzjonali, fosthom id-diskussjonijiet mal-istituzzjonijiet pubbliċi u mal-uffiċjali eletti, bħal dawk li jinsabu fil-partijiet redatti tad-dokumenti D 7.3 u D 7.8, ma jikkostitwixxux sigrieti tan-negozju.

162    Skont ir-REA, id-dokument D 7.3, li huwa intiż sabiex jiġi ddeterminat kif il-proġett huwa mxerred u kkomunikat lill-pubbliku, kien fil-parti l-kbira tiegħu is-suġġett ta’ żvelar. Kienu biss ċerti taqsimiet tad-dokument, li fihom il-membri tal-konsorzju pprovdew informazzjoni ddettaljata dwar ir-relazzjonijiet partikolari li kellhom ma’ msieħba kummerċjali jew akkademiċi magħżula, li ġew redatti, sa fejn dawn jirrappreżentaw informazzjoni sensittiva li l-kompetituri jistgħu jużaw favurihom (pereżempju, billi jikkuntattjaw lil dawn l-imsieħba).

163    Peress li d-dokument D 7.8, li għalih ingħata aċċess parzjali, huwa verżjoni rreveduta tad-dokument D 7.3 mfassla sena wara, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ tixrid tal-informazzjoni inkwistjoni huma l-istess bħal dawk li japplikaw għad-dokument D 7.3.

164    Wara li kkonsultat il-partijiet redatti tad-dokumenti D 7.3 u D 7.8, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, minn naħa, dawn jinkludu strateġija ta’ komunikazzjoni ma’ msieħba kummerċjali bil-għan ta’ eventwali kollaborazzjoni futura. Tali informazzjoni taqa’ taħt l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju sa fejn din tikkonċerna l-istrateġija kummerċjali tagħhom u tippermetti, barra minn hekk, li jiġi dedott liema għodda jew teknoloġiji huma konkretament previsti fil-kuntest tal-proġett iBorderCtrl. Huwa mingħajr ma wettqet żball li r-REA qieset fid-deċiżjoni kkontestata li l-iżvelar tagħha jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju.

165    Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni redatta tikkonċerna t-tixrid u l-promozzjoni tal-proġett iBorderCtrl innifsu u tar-riżultati tiegħu lill-partijiet ikkonċernati li ma humiex imsieħba kummerċjali potenzjali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-REA ma tispjegax kif din l-informazzjoni redatta tad-dokumenti D 7.3 u D 7.8 hija ta’ natura iktar “sensittiva” mill-informazzjoni tal-istess natura żvelata lir-rikorrent. Ir-REA lanqas ma tispjega kif din in-natura “sensittiva” tal-informazzjoni inkwistjoni, jekk jitqies li hija stabbilita, tista’ tiġġustifika li din l-informazzjoni taqa’ taħt l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju filwaqt li hija tammetti li r-relazzjonijiet koperti mill-attivitajiet promozzjonali u informattivi inkwistjoni ma jikkonċernawx negozjati relatati mal-bejgħ jew mal-għoti ta’ liċenzji. Barra minn hekk, wara li kkonsultat il-partijiet redatti inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-attivitajiet promozzjonali u informattivi msemmija fil-partijiet żvelati u fil-maġġoranza tal-partijiet redatti jidhru li jsegwu l-istess għan, jiġifieri t-tixrid bl-iktar mod wiesa’ tal-informazzjoni dwar il-proġett u tas-soluzzjonijiet teknoloġiċi li dan jipproponi. Is-sempliċi fatt, imqajjem mir-REA, li l-kompetituri jistgħu, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni hekk żvelata, jippromwovu s-sistemi tagħhom lill-istess partijiet ikkonċernati ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li din l-informazzjoni taqa’ taħt l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju.

166    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li ċerta informazzjoni li tinsab fil-partijiet redatti tad-dokumenti D 7.3 u D 7.8 jsegwu l-evalwazzjonijiet etiċi u ġuridiċi fformulati fid-dokumenti D 1.2 u D 2.3. Għalhekk, sa fejn l-imsemmija partijiet redatti jirriproduċu jew jiġbru fil-qosor l-informazzjoni msemmija fil-punt 119 iktar ’il fuq, dawn ma jistgħux ikunu koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

167    Minn dan għandu jiġi konkluż li r-REA wettqet żball meta qieset li l-informazzjoni kollha li tinsab fil-partijiet redatti tad-dokumenti D 7.3 u D 7.8 kienet taqa’ taħt l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju u rrifjutat l-aċċess għaliha. Dan l-ilment, li permezz tiegħu r-rikorrent jikkontesta r-rifjut ta’ aċċess għall-partijiet redatti tad-dokumenti D 7.3 u D 7.8, huwa għalhekk parzjalment fondat.

vii) Fuq iddokument D 8.1 (Pjan ta’ ġestjoni talkwalità)

168    Ir-rikorrent isostni li r-REA ma tesponix li d-dokument D 8.1 jinkludi sigrieti tan-negozju ta’ sieħeb tal-konsorzju, li jirrifletti l-għarfien xjentifiku ta’ persuna jew li fih informazzjoni dwar metodi ta’ produzzjoni u ta’ analiżi li l-pubblikazzjoni tagħha twassal neċessarjament għal preġudizzju serju għall-interessi ta’ membru tal-konsorzju. B’hekk, dan id-dokument kellu jiġi żvelat tal-inqas permezz ta’ estratti.

169    Ir-REA ssostni li d-dokument D 8.1 jinkludi informazzjoni dwar l-organizzazzjoni interna tal-konsorzju u dwar il-mod operattiv tiegħu matul it-tul tal-proġett, jiġifieri b’mod partikolari l-organizzazzjoni tal-proġett u tar-responsabbiltajiet, il-proċedura ta’ kontroll tal-kwalità, il-proċess deċiżjonali u l-fluss ta’ komunikazzjoni bejn l-imsieħba. Huwa jippreċiża wkoll l-għodda tal-informatika użati mill-proġett għall-ġestjoni tiegħu. Fl-aħħar nett, id-dokument jinkludi f’dokumenti annessi l-mudelli tad-dokumenti użati mill-konsorzju għar-riżultati tax-xogħlijiet, ir-rapporti intermedji, l-aġenda tal-laqgħa u l-minuti. L-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati u jagħti vantaġġ lill-kompetituri li jixtiequ jimplimentaw proġett simili fil-futur, peress li jibbenefikaw mir-riżultati tax-xogħlijiet tal-membri tal-konsorzju.

170    Wara li kkonsultat id-dokument D 8.1, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dan jinkludi, kif ġie enfasizzat fid-deċiżjoni kkontestata, l-informazzjoni dwar l-istruttura ta’ ġestjoni tal-proġett, kif ukoll l-ippjanar tal-attivitajiet tekniċi għall-kunsinna finali tar-riżultati, u jiddefinixxi l-proċeduri ta’ kontroll tal-kwalità tal-proġett, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet għall-iżvilupp ta’ kull element teknoloġiku.

171    Sabiex jiġi ppreżentat il-pjan ta’ ġestjoni tal-kwalità, id-dokument inkwistjoni jiddeskrivi fid-dettall, b’mod partikolari, l-istruttura tal-ġestjoni tal-kwalità tal-proġett u t-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn persuni u korpi differenti tal-konsorzju, il-metodoloġiji, il-kriterji u l-proċeduri intiżi sabiex tiġi evalwata l-kwalità tar-riżultati tal-proġett fir-rigward tal-komponenti differenti tiegħu, bħall-indikaturi prinċipali ta’ prestazzjoni, kif ukoll il-ġestjoni tar-riskji. Din l-informazzjoni kollha taqa’ taħt l-għarfien tal-membri tal-konsorzju u turi l-kompetenza tagħhom dwar il-ġestjoni tal-kwalità tal-proġett. Barra minn hekk, id-deskrizzjonijiet tad-diversi rendimenti xjentifiċi u teknoloġiċi jinkludu riferimenti għat-tekniki u għall-funzjonalitajiet speċifikament imsemmija fil-kuntest tal-imsemmi proġett u jirriflettu għalhekk l-arkitettura ġenerali tas-sistema, kif maħsuba mill-membri tal-konsorzju. Din l-informazzjoni taqa’ għalhekk taħt l-għarfien xjentifiku tagħhom.

172    Minn dan isegwi li l-informazzjoni kollha li tinsab fid-dokument D 8.1 taqa’ taħt l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Huwa mingħajr ma wettqet żball li r-REA qieset fid-deċiżjoni kkontestata li l-iżvelar tagħha seta’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju sa fejn dan jippermetti lill-kompetituri jieħdu vantaġġ indebitu mill-għarfien tagħhom li għandu valur kummerċjali.

173    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

viii) Fuq iddokumenti D 8.3 (Rapport dwar ilprogress perjodiku), D 8.4 (Rapport annwali), D 8.5 (Rapport dwar ilprogress perjodiku 2) u D 8.7 (Rapport annwali 2)

174    Ir-rikorrent isostni li r-REA ma tesponix li d-dokumenti “deskrittivi” D 8.3, D 8.4, D 8.5 u D 8.7 jinkludu sigrieti tan-negozju ta’ sieħeb tal-konsorzju, li jirriflettu l-għarfien xjentifiku ta’ persuna jew li fihom informazzjoni dwar metodi ta’ produzzjoni u ta’ analiżi li l-pubblikazzjoni tagħhom twassal neċessarjament għal preġudizzju serju għall-interessi ta’ membru tal-konsorzju. Għalhekk, l-imsemmija dokumenti kellhom jiġu żvelati tal-inqas permezz ta’ estratti.

175    Ir-REA ssostni li d-dokumenti D 8.3, D 8.4, D 8.5 u D 8.7 jinkludu informazzjoni dwar l-istat ta’ progress tal-proġett meta mqabbel mal-lottijiet ta’ xogħol ikkonċernati, peress li r-riżultati tekniċi huma deskritti b’rabta mal-indikaturi ta’ prestazzjoni speċifiċi għall-proġett. Barra minn hekk, ir-riskji tal-proġett u l-miżuri ta’ protezzjoni huma ppreżentati u l-istadji tekniċi futuri huma miġbura fil-qosor. Fl-aħħar nett, dawn id-dokumenti jinkludu deskrizzjoni ddettaljata ħafna tal-użu tar-riżorsi minn sieħeb u lott ta’ xogħol, li fih jissemmew ukoll il-kompiti mitmuma. Fil-qosor, dawn id-dokumenti għandhom kontenut tekniku u finanzjarju u l-kompetituri jieħdu vantaġġ mill-aċċess għalihom, għaliex jistgħu jitgħallmu mill-miżuri meħuda u jevitaw l-istadji li rriżultaw irrilevanti jew superfluwi, liema fatt jippermettilhom jistmaw l-ispejjeż tal-investiment, inaqqsu l-ispejjeż u jħaffu t-testijiet jew l-iżvilupp ta’ teknoloġija paragunabbli.

176    Wara li kkonsultat id-dokumenti D 8.3, D 8.4, D 8.5 u D 8.7, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dawn jiddeskrivu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, l-istat ta’ progress tekniku tal-proġett meta mqabbel mal-lottijiet ta’ xogħol ikkonċernati wara 6, 12, 18 u 24 xahar b’riferiment għad-diversi rendimenti xjentifiċi u teknoloġiċi tal-imsemmi proġett.

177    Sabiex jippreżentaw dan l-istat ta’ progress tal-proġett, id-dokumenti inkwistjoni jiddeskrivu fid-dettall l-istrateġija żviluppata mill-membri tal-konsorzju għat-twettiq tal-proġett inkwistjoni, inkluża d-deskrizzjoni ddettaljata tal-kompiti mwettqa matul il-perijodu kkonċernat u t-tqassim tal-kompiti bejn il-membri, kif ukoll il-metodoloġiji maħsuba sabiex isegwu dan l-istat ta’ progress, li jaqa’ taħt l-għarfien tagħhom. Barra minn hekk, id-deskrizzjonijiet tad-diversi rendimenti xjentifiċi u teknoloġiċi jinkludu riferimenti għat-tekniki, għall-għodda u għall-funzjonalitajiet speċifikament imsemmija fil-kuntest tal-imsemmi proġett u jirriflettu għalhekk l-arkitettura ġenerali tas-sistema, kif maħluqa mill-membri tal-konsorzju. Din l-informazzjoni għalhekk taqa’ taħt l-għarfien xjentifiku tagħhom.

178    L-informazzjoni kollha li tinsab fid-dokumenti D 8.3, D 8.4, D 8.5 u D 8.7 taqa’ għalhekk taħt l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Huwa mingħajr ma wettqet żball li r-REA qieset fid-deċiżjoni kkontestata li l-iżvelar tagħha seta’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju sa fejn dan jippermetti lill-kompetituri jieħdu vantaġġ indebitu mill-għarfien tagħhom li għandu valur kummerċjali.

179    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

3)      Konklużjoni fuq lewwel parti talewwel motiv

180    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’ għal dak li jirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess sħiħ għad-dokument D 1.3, ir-rifjut ta’ aċċess parzjali għad-dokumenti D 1.1, D 1.2, D 2.1, D 2.2 u D 2.3, kif ukoll ta’ aċċess iktar estiż għad-dokumenti D 3.1, D 7.3 u D 7.8, u tiġi miċħuda għal dak li jirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti D 8.1, D 8.3, D 8.4, D 8.5 u D 8.7. Madankollu, għandu jitfakkar li ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tissostitwixxi r-REA u tindika konkretament il-partijiet tad-dokumenti li għalihom aċċess parzjali kellu jingħata, peress li l-aġenzija hija obbligata, fl-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, li tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi esposti f’dan ir-rigward fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, T‑516/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:759, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

C.      Fuq ittieni parti talewwel motiv, ibbażata fuq leżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika liżvelar taddokumenti inkwistjoni

181    Ir-rikorrent isostni l-eżistenza ta’ diversi interessi pubbliċi għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba fl-intier tagħhom. L-ewwel, hemm lok li jiġi ggarantit l-aċċess ġenerali tal-kumpannija għar-riżultati tar-riċerki ffinanzjati minn fondi pubbliċi. It-tieni, hemm interess xjentifiku għall-iżvelar, peress li huma biss ir-riżultati ta’ riċerki diskussi, ikkritikati, ittestjati u li jistgħu jiġu riprodotti minn oħrajn li jistgħu jiġu kklassifikati bħala xjentifiċi. It-tielet, jeżisti wkoll interess pubbliku għall-iżvelar sa fejn, minn perspettiva tal-etika u mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali, il-proġett iBorderCtrl, huwa partikolarment diskutibbli. Ir-raba’, jeżisti interess tal-media għall-iżvelar tad-dokumenti kif jixhdu n-numru kbir ta’ rapporti tal-aħbarijiet dwar il-proġett BoriderCtrl. Il-ħames, hemm interess politiku u demokratiku fl-iżvelar tad-dokumenti tal-proġett iBorderCtrl li l-użu prattiku tagħhom jirrikjedi, fi stadju li jmiss, il-ħolqien ta’ bażi legali xierqa. Is-sitt, jeżisti interess baġitarju li ma jiġi investit ebda fond fir-riċerka fuq teknika li l-użu tagħha huwa illegali fl-istat attwali tad-dritt u li, għal raġunijiet politiċi, ma għandhiex tintuża.

182    Fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi preżenti, ir-rikorrent isostni, minn naħa, li l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju “ma għandhomx rilevanza partikolari”: l-ewwel, ammont kbir ta’ informazzjoni dwar il-proġett iBorderCtrl huwa diġà magħruf mill-pubbliku jew ġie żvelat; it-tieni, huwa dubjuż jekk id-dokumenti mitluba kienx ikollhom sigrieti tan-negozju kieku ma kienx għall-mod kif is-sistema iBorderCtrl hija maħsuba, peress li l-għan tal-proġett jidher pjuttost li huwa li jittestja u jiġu kkombinati teknoloġiji eżistenti iktar milli l-iżvilupp ta’ teknoloġija ġdida; it-tielet, l-iżvelar tad-dokumenti tal-proġett ma jaffettwax il-protezzjoni ġuridika tal-komponenti tas-sistema użati jew tas-sistema fl-intier tagħha, li hija diġà protetta minn privattivi, u l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali tal-kodiċijiet ta’ programmazzjoni li setgħu ġew żviluppati matul il-proġett ma hijiex affettwata mill-iżvelar tar-rapporti fuq il-proġett, b’tali mod li l-iżvelar tagħhom ma jnaqqasx il-valur tal-invenzjonijiet tagħhom anki jekk dan seta’ jnaqqas il-pożizzjoni kompetittiva u l-prospetti ta’ profitti ta’ ċerti membri tal-konsorzju. Min-naħa l-oħra, l-interess għat-trasparenza pubblika “għandu min-naħa l-oħra rilevanza kbira” fl-evalwazzjoni tal-interessi kunfliġġenti, sa fejn, l-ewwel, il-proġett huwa kompletament iffinanzjat minn fondi pubbliċi u, it-tieni, huwa partikolarment dubjuż u kkontestat u jqajjem għalhekk kwistjonijiet ta’ prinċipju dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali.

183    Fi kwalunkwe każ, l-interessi pubbliċi differenti, meħuda flimkien, għall-iżvelar tad-dokumenti “huma iktar rilevanti” mill-interessi kummerċjali għall-kunfidenzjalità.

184    Ir-REA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent u ssostni li huwa ma weriex l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri għall-iżvelar.

185    Skont l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari “jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”. Minn dan jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhomx jirrifjutaw l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu huwa ġġustifikat minn interess pubbliku superjuri, anki jekk dan jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari.

186    F’dan il-kuntest, għandu jitwettaq eżerċizzju ta’ bbilanċjar, minn naħa, tal-interess speċifiku li għandu jiġi protett permezz tan-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari, tal-interess ġenerali li dan id-dokument isir aċċessibbli fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif huwa ppreċiżat fil-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza addizzjonali, jiġifieri parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali, kif ukoll minn leġittimità, effiċjenza u responsabbiltà ikbar tal-amministrazzjoni taċ-ċittadini f’sistema demokratika (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Agapiou Joséphidès vs Il‑Kummissjoni u EACEA, T‑439/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:442, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2018, PTC Therapeutics International vs EMA, T‑718/15, EU:T:2018:66, punt 107).

187    Hija l-persuna li tressaq it-talba li għandha tinvoka b’mod konkret ċirkustanzi li juru li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati (ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, huma dawk li jsostnu l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 li għandhom juru dan (sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑306/12, EU:T:2014:816, punt 97).

188    Huwa minnu li l-interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument ma għandux neċessarjament ikun distint mill-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, kunsiderazzjonijiet ġenerali ma jistgħux jiġu aċċettati sabiex jiġi ġġustifikat l-aċċess għad-dokumenti mitluba, li jeżiġi li l-prinċipju ta’ trasparenza jkollu, fis-sitwazzjoni partikolari, importanza partikolari li tipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punti 92 u 93 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punti 92 u 93).

189    Fit-talba konfermattiva, ir-rikorrent invoka interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba li jikkonsisti, minn naħa, fl-interess leġittimu tal-pubbliku li jaċċedi għar-riżultati ta’ riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, fid-dritt tal-pubbliku li jkun jaf jekk l-iżvilupp ta’ proġett li eventwalment jinvolvi interferenzi mhux etiċi jew illegali fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata taċ-ċittadini huwiex iffinanzjat minn fondi pubbliċi sabiex ikun jista’ jsir dibattitu pubbliku u demokratiku informat dwar l-istabbiliment ta’ sistemi kontroversjali ġodda ta’ kontroll tal-massa bħal dik proposta fil-kuntest tal-proġett iBorderCtrl.

190    Bi tweġiba għal dan l-argument, ir-REA tindika, fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, li l-interess tal-pubbliku fit-tixrid tar-riżultati tal-proġett inkwistjoni huwa żgurat mill-implimentazzjoni ta’ sensiela koerenti ta’ strateġiji u ta’ għodod intiżi li jxerrdu r-riżultati ta’ proġetti ffinalizzati, normalment permezz ta’ sunti approvati mir-REA u li jippreżervaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-konsorzju kif ukoll l-interessi kummerċjali l-oħra tal-persuni kkonċernati, inkluż għal dak li jirrigwarda d-dokumenti relatati mal-evalwazzjoni ġuridika u etika tal-proġett inkwistjoni li jirreferu speċifikament għall-iżviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi, għall-metodi u għar-riżultati tal-proġett. Min-naħa l-oħra, il-proġett iBorderCtrl huwa proġett ta’ riċerka li għadu għaddej u li għandu l-għan li jesperimenta b’teknoloġiji ġodda fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri tal-Unjoni u mhux li jimplimenta dawn it-teknoloġiji direttament fuq il-post, bil-premessa barra minn hekk li t-tħassib fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kien ġie debitament integrat fil-proġett. Minn dan ir-REA tikkonkludi, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-interessi pubbliċi invokati mir-rikorrent ma jipprevalux fuq l-interessi ta’ terzi għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tagħhom.

191    Qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-eżami tat-tieni parti tal-ewwel motiv jikkonċerna biss id-dokumenti mitluba jew il-partijiet tal-imsemmija dokumenti li fir-rigward tagħhom ir-REA kkonkludiet korrettament li dawn jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 konformement mal-konklużjoni msemmija fil-punt 180 iktar ’il fuq.

192    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm, kif jafferma ġustament ir-rikorrent, jeżisti interess pubbliku għat-tixrid tar-riżultati tal-proġetti li jibbenefikaw minn finanzjament minn fondi tal-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa regoli sabiex jiżgura t-tixrid tar-riżultati tal-proġetti ffinanzjati taħt il-programm Orizzont 2020.

193    Kif tosserva r-REA, ir-Regolament Nru 1290/2013 u l-ftehim ta’ sussidju jipprevedu approċċ ibbilanċjat li jipprova jieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-interessi tal-pubbliku, tad-dinja xjentifika u tal-media għall-iżvelar tar-riżultati u, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-membri tal-konsorzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tagħhom, inkluż fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

194    Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 1290/2013, li fuqu jibbaża ruħu barra minn hekk ir-rikorrent, u l-Artikolu 29.1 tal-ftehim ta’ sussidju jipprevedu obbligu għall-parteċipanti li jxerrdu permezz ta’ mezzi xierqa, b’mod partikolari permezz ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi, ir-riżultati tal-proġett, bla ħsara għal eventwali restrizzjonijiet imposti, b’mod partikolari, mill-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, tar-regoli ta’ sigurtà jew tal-interessi leġittimi. Barra minn hekk, l-Artikolu 29.2 tal-ftehim ta’ sussidju jistabbilixxi li għandu jiġi ggarantit aċċess liberu għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi tar-riżultati evalwati bejn il-pari. Barra minn hekk, l-Artikolu 38.2.1 tal-ftehim ta’ sussidju jipprevedi li r-REA tista’, fl-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, tuża l-informazzjoni dwar l-azzjoni, id-dokumenti, b’mod partikolari s-sunti previsti għall-pubblikazzjoni, u s-servizzi intiżi għall-pubbliku, għall-attivitajiet tagħha ta’ komunikazzjoni u ta’ reklamar.

195    Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 20.3(a)(iii) u mal-Artikolu 20.4(a) tal-ftehim ta’ sussidju, il-parteċipanti għandhom jissottomettu lir-REA, flimkien mar-rapporti perjodiċi tekniċi u finanzjarji, is-sunti li jinkludu, b’mod partikolari, deskrizzjoni tar-riżultati u tat-tixrid tagħhom, intiżi għall-pubblikazzjoni mir-REA.

196    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1290/2013 u l-Artikolu 36.1 tal-ftehim ta’ sussidju jipprevedu, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fih, l-aċċess tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni u tal-Istati Membri għall-informazzjoni dwar ir-riżultati ġġenerati minn parteċipant li bbenefika minn finanzjament tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1290/2013 jiżgura lill-istess istituzzjonijiet, korpi u organi u lill-Istati Membri d-drittijiet ta’ aċċess neċessarji, għall-finijiet tal-iżvilupp, tal-implimentazzjoni u tal-monitoraġġ ta’ politiki jew ta’ programmi tal-Unjoni, għar-riżultati ġġenerati minn parteċipant li jkun ibbenefika minn finanzjament tal-Unjoni.

197    Minn dan isegwi li l-interess pubbliku għat-tixrid tar-riżultati tar-riċerki ffinanzjati mill-fondi pubbliċi fil-kuntest tal-programm Orizzont 2020 huwa żgurat mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1290/2013 u tal-ftehim ta’ sussidju. Ir-rikorrent baqa’ ma weriex li din is-sistema ta’ tixrid tar-riżultati ma tistax tissodisfa b’mod sħiħ l-interess xjentifiku, tal-media u tal-pubbliku b’mod ġenerali li jingħata aċċess għar-riżultati tal-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni u li jkun għalhekk neċessarju li tiġi żvelata, barra minn hekk, informazzjoni inkluża fid-dokumenti mitluba, anki jekk tali żvelar jippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi tal-membri tal-konsorzju protetti skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

198    It-tieni, sa fejn ir-rikorrent isostni li l-obbligu li jiġu żvelati d-dokumenti kollha mitluba jirriżulta min-natura kontroversjali tal-proġett inkwistjoni mill-perspettiva etika u mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali, għandu jiġi osservat li, minn naħa, id-dispożizzjonijiet rilevanti applikabbli għall-proġetti ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni ffinanzjati taħt il-programm Orizzont 2020, fosthom b’mod partikolari l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014‑2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU 2013, L 347, p. 104, rettifika fil-ĠU 2015, L 6, p. 6), l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1290/2013, moqri fid-dawl tal-premessa 9 tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 34 tal-ftehim ta’ sussidju għandhom l-għan li jimponu fuq il-parteċipanti l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rrikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fuq il-Kummissjoni obbligu li tiżgura r-rispett ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-prinċipji, li huwa rifless ukoll fil-fatt li l-evalwazzjonijiet ġuridiċi u etiċi tal-proġett iBorderCtrl, fejn dawn tal-aħħar huma suġġetti għal evalwazzjoni mill-konsulent tal-etika indipendenti, huma speċifikament inklużi fl-istadji obbligatorji tal-iżvilupp tiegħu.

199    Min-naħa l-oħra, kif ir-REA osservat mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-rikorrent, il-proġett inkwistjoni kien proġett ta’ riċerka li kien għadu għaddej u li l-uniku għan tiegħu kien li jesperimenta b’teknoloġiji. Ir-rikorrent ma jallegax li d-drittijiet fundamentali tal-parteċipanti fit-testijiet pilota fil-kuntest tal-proġett iBorderCtrl ma ġewx irrispettati. L-interess pubbliku invokat mir-rikorrent jikkonċerna, fir-realtà, eventwali implimentazzjoni fil-futur f’kundizzjonijiet reali tas-sistemi bbażati fuq tekniki u teknoloġiji żviluppati fil-kuntest tal-proġett iBorderCtrl. Tali interess jiġi ssodisfatt permezz tat-tixrid tar-riżultati fil-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 1290/2013 u ppreċiżati fil-ftehim ta’ sussidju (ara l-punti 194 sa 196 iktar ’il fuq).

200    Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali tqis, bħar-rikorrent, li jeżisti interess tal-pubbliku li jipparteċipa f’diskussjoni pubblika informata u demokratika dwar il-kwistjoni jekk teknoloġiji ta’ kontroll bħal dawk inkwistjoni humiex mixtieqa u jekk għandhomx jiġu ffinanzjati minn fondi pubbliċi, u li dan l-interess għandu jiġi debitament imħares. Fid-dawl tal-fatt li l-proġett iBorderCtrl huwa biss madankollu proġett ta’ riċerka li qiegħed jiġi żviluppat, huwa għalkollox possibbli li tinżamm tali diskussjoni pubblika informata dwar id-diversi aspetti li huma s-suġġett tar-riċerka inkwistjoni abbażi tar-riżultati ta’ dawn ir-riċerki żvelati skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 1290/2013 u fil-ftehim ta’ sussidju, kif imfakkra fil-punti 194 sa 196 iktar ’il fuq.

201    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar f’dan il-kuntest li, skont il-ġurisprudenza, l-interess pubbliku għat-trasparenza ma għandux l-istess rilevanza fir-rigward tal-attività amministrattiva tal-istituzzjoni kkonċernata, li fil-kuntest tagħha jaqgħu d-dokumenti mitluba f’dan il-każ, bħal meta l-attività leġiżlattiva tagħha tkun inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 60, u tal‑25 ta’ Ottubru 2013, Beninca vs Il‑Kummissjoni, T‑561/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:558, punt 64).

202    Minn dan isegwi li r-rikorrent baqa’ ma weriex li l-prinċipju ta’ trasparenza kien jippreżenta, f’dan il-każ, importanza partikolari li tipprevali fuq l-interess leġittimu għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju għal dak li jirrigwarda d-dokumenti jew il-partijiet tad-dokumenti li għalihom ir-REA setgħet validament tqis li dawn kienu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif elenkati fil-punt 180 iktar ’il fuq. Ir-REA setgħet tqis mingħajr ma twettaq żball li l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri għal dan l-iżvelar ma setgħetx tiġi stabbilita abbażi taċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrent fid-dawl b’mod partikolari tas-sistema ta’ tixrid u ta’ aċċess għar-riżultati tar-riċerki implimentata mir-Regolament Nru 1290/2013 u mill-ftehim ta’ sussidju.

203    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, li jirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-diversi interessi invokati meħuda individwalment jew ikkunsidrati flimkien, li jiġġustifika l-iżvelar lill-pubbliku skont l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tal-informazzjoni koperta mill-eċċezzjoni prevista mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

204    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

205    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn ir-REA naqset milli tiddeċiedi dwar it-talba tar-rikorrent għal aċċess għad-dokumenti dwar l-awtorizzazzjoni tal-proġett iBorderCtrl u sa fejn din irrifjutat l-aċċess sħiħ għad-dokument D 1.3 u l-aċċess parzjali jew iktar estiż għad-dokumenti D 1.1, D 1.2, D 2.1, D 2.2, D 2.3, D 3.1, D 7.3 u D 7.8 u li l-kumplament tar-rikors jiġi miċħud.

IV.    Fuq lispejjeż

206    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża dan ikun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

207    F’dan il-każ, ir-rikorrent kiseb sodisfazzjon għal dak li jikkonċerna t-tieni motiv kif ukoll parti importanti mill-ewwel parti tal-ewwel motiv. Għaldaqstant, tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ jekk jiġi deċiż li r-rikorrent għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu u li r-REA għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

208    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, tbati parzjalment jew kompletament l-ispejjeż, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża, b’mod partikolari jekk hija tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li huma fiergħa jew vessatorji.

209    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 156 u 157 iktar ’il fuq, ir-rikorrent kiseb, billi uża l-mezzi disponibbli għalih, l-aċċess għall-partijiet redatti tad-dokument D 7.3, sar jaf għalhekk bl-informazzjoni li l-aċċess għaliha kien ġie rrifjutat lilu permezz tad-deċiżjoni kkontestata u xerred il-verżjoni sħiħa hekk miksuba tad-dokument D 7.3 fuq is-sit internet tiegħu. Billi mexa b’dan il-mod, ir-rikorrent ma osservax il-proċeduri previsti mid-dritt tal-Unjoni dwar l-aċċess għal dokumenti u lanqas ma stenna l-eżitu ta’ din il-kawża sabiex ikun jaf jekk huwa setax jew le jikseb legalment l-aċċess għall-verżjoni sħiħa tad-dokument inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali tqis li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-aġir tar-rikorrent, waqt it-tqassim tal-ispejjeż. Fil-fatt, peress li l-preżentata tal-imsemmi dokument mir-rikorrent fl-ittra tiegħu tat‑23 ta’ Marzu 2021 hija nieqsa minn kull rilevanza għall-finijiet tar-riżoluzzjoni ta’ din it-tilwima, huwa espona b’dan il-mod lir-REA għal spejjeż fiergħa, li jikkonsistu fil-preparazzjoni ta’ osservazzjonijiet bil-miktub fuq din il-preżentata, li setgħu jiġu evitati li kieku r-rikorrent aġixxa b’osservanza ta’ din il-proċedura ġudizzjarja, billi jistenna l-eżitu tagħha u billi jikseb, jekk ikun il-każ, legalment l-aċċess għall-imsemmija informazzjoni jew għal parti minnha, konformement mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, skont l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm lok li r-rikorrent ibati l-ispejjeż marbuta mal-preżentata tal-ittra tiegħu tat‑23 ta’ Marzu 2021 kif ukoll dawk marbuta mal-preżentata tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-REA tal‑20 ta’ Mejju 2021.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) tas17 ta’ Jannar 2019 (ARES (2019) 266593) hija annullata, l-ewwel, sa fejn ir-REA naqset milli tiddeċiedi dwar it-talba ta’ Patrick Breyer għal aċċess għad-dokumenti dwar l-awtorizzazzjoni tal-proġett iBorderCtrl u, it-tieni, sa fejn ir-REA rrifjutat l-aċċess sħiħ għad-dokument D 1.3 u l-aċċess parzjali għad-dokumenti D 1.1, D 1.2, D 2.1, D 2.2 u D 2.3, kif ukoll aċċess iktar estiż għad-dokumenti D 3.1, D 7.3 u D 7.8, sa fejn dawn id-dokumenti fihom informazzjoni li ma hijiex koperta mill-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      P. Breyer għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess relatati mal-preżentata tal-ittra tiegħu tat23 ta’ Marzu 2021 u l-ispejjeż sostnuti mir-REA relatati mal-preżentata tal-osservazzjonijiet tagħha tal20 ta’ Mejju 2021.

4)      P. Breyer għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu stess minbarra dawk relatati mal-preżentata tal-ittra tiegħu tat23 ta’ Marzu 2021.

5)      Ir-REA għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mal-preżentata tal-osservazzjonijiet tagħha tal20 ta’ Mejju 2021, kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti minn P. Breyer minbarra dawk relatati mal-preżentata tal-ittra tiegħu tat23 ta’ Marzu 2021.

Kornezov

Buttigieg

Hesse

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Diċembru 2021.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.