Language of document : ECLI:EU:F:2013:131

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

16 ta’ Settembru 2013

Kawża F‑46/12

Dagmar Höpcke

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AST/111/10 — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Struzzjoni sabiex jiġi redatt test b’tul minimu — Nuqqas ta’ osservanza”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu D. Höpcke titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Awwissu 2011 tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AST/111/10 li ma tinkludihiex fil-lista ta’ riżerva.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. D Höpcke għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Ċaħda ta’ kandidatura — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet

(Regolamenti tal-Persunal Artikolu 25; Anness III, Artikolu 6)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Proċedura u kontenut tal-eżamijiet — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Proċedura u kontenut tal-eżamijiet — Metodi ta’ korrezzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

1.      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata bl-indizji meħtieġa sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li jagħmel possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet meħuda minn Bord tal-Għażla, dan l-obbligu għandu madankollu jkun irrikonċiljat mar-rispett tas-sigriet li japplika għax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla skont l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

Minħabba s-sigriet li għandu jinżamm dwar ix-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, il-komunikazzjoni tal-marki miksuba fid-diversi eżamijiet tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla. Barra minn hekk, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni għandu fl-evalwazzjoni tar-riżultati tal-eżamijiet, dan il-Bord ma jistax jiġi obbligat, meta jimmotiva l-fatt li kandidat ma għaddiex minn eżami, li jippreċiża r-risposti tal-kandidat li tqiesu li huma insuffiċjenti jew li jispjega għalfejn dawn ir-risposti tqiesu li huma insuffiċjenti. Barra minn hekk, il-Bord tal-Għażla jista’ leġittimament jikkummenta dwar ir-riżultati ta’ kandidat għall-eżamijiet ġenerali u jastjeni ruħu milli jikkummenta fir-rigward tal-eżamijiet speċifiċi.

(ara l-punti 37, 38, 40 u 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, punti 21 sa 31

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Lulju 1995, Pimley-Smith vs Il-Kummissjoni, T‑291/94, punti 63 u 64; 19 ta’ Frar 2004, Konstantopoulou vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑19/03, punt 34

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ April 2008, Dragoman vs Il-Kummissjoni, F‑16/07, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-proċedura u tal-kontenut iddettaljat tal-eżamijiet previsti fil-kuntest ta’ kompetizzjoni. Il-Qorti tal-Unjoni tista’ tistħarreġ biss il-proċeduri ta’ eżami fejn huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-kandidati u l-oġġettività tal-għażla li ssir minn fosthom. Il-qorti lanqas ma hija kompetenti sabiex teżamina l-kontenut dettaljat ta’ eżami, ħlief jekk dak il-kontenut joħroġ mill-qafas indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni jew jekk ma jkunx kompatibbli mal-għanijiet tal-eżami jew tal-kompetizzjoni.

Struzzjoni mogħtija mill-Bord tal-Għażla li jiġi redatt numru minimu ta’ linji f’wieħed mill-eżamijiet ta’ kompetizzjoni, liema struzzjoni tapplika għall-kandidati kollha u li l-għan tagħha hija, minn naħa, li tiżgura lill-kandidati l-istess kundizzjonijiet ta’ redazzjoni tal-eżami u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lill-korretturi li japplikaw b’mod uniformi kriterji oġġettivi għal xogħlijiet komparabbli, għandha l-għan li tiżgura l-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati.

Din il-konklużjoni ma hijiex imdgħajfa mill-argument li l-Bord tal-Għażla ma ppreċiża la l-font u lanqas id-daqs tal-karattri li għandhom jintużaw meta l-forma tat-test f’dak li jirrigwarda font u d-daqs tal-ittri, prevista mill-Bord tal-Għażla għall-kompjuters li kienu disponibbli għall-kandidati tal-kompetizzjoni, tikkorrispondi ma’ test standard, ikkonfigurat bl-istess mod għall-kandidati kollha. Jekk wieħed minnhom ibiddel din il-konfigurazzjoni, il-Bord tal-Għażla jinduna faċilment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-konfigurazzjoni tal-kompjuters tinftiehem fis-sens li hija obbligatorja, li l-Bord tal-Għażla ma għandux bżonn jagħti struzzjonijiet dwar il-font u d-daqs tal-karattri li għandhom jintużaw u li l-kandidati ma humiex awtorizzati jbiddlu din il-konfigurazzjoni, u huma suġġetti għal sanzjonijiet jekk jagħmlu dan.

Din il-konklużjoni lanqas ma hija mdgħajfa mill-argument li l-Bord tal-Għażla ma indikax in-numru ta’ “indents” jew “carriage returns” li għandhom jintużaw, meta, sa fejn l-eżami inkwistjoni jkun intiż li jevalwa l-konoxxenzi ortografiċi, sintassiċi u grammatiċi, kull kandidat għandu jiżgura li t-test tiegħu jkun twil biżżejjed u jinkludi għall-inqas in-numru minimu meħtieġ ta’ linji. Kull kandidat għandu joqgħod attent li l-“idents” u l-“carriage returns” ma jintużawx b’mod arbitrarju, b’mod li jżidu b’mod artifiċjali n-numru ta’ linji redatti, iżda li jikkorrispondu mal-ħtieġa tar-redazzjoni u jirrispettaw il-koerenza tat-test. B’hekk, meta l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni jivverifika jekk il-kandidati segwewx l-istruzzjoni li jirrediġu numru minimu ta’ linji, għandu jevalwa l-“idents” u l-“carriage returns” użati mill-kandidati fid-dawl tal-kriterji tal-korrezzjoni li huwa jkun stabbilixxa qabel l-eżamijiet, li huma koperti mis-sigriet tad-deliberazzjonijiet.

(ara l-punti 63 sa 67)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Konstantopoulou vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Marzu 2012, Marsili vs Il-Kummissjoni, F‑19/10, punt 20

3.      Fil-kuntest ta’ kompetizzjoni, il-Qorti tal-Unjoni tista’ tistħarreġ il-metodi ta’ korrezzjoni, magħżula mill-Bord tal-Għażla fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, biss sa fejn ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-kandidati u l-oġġettività tal-għażla li ssir minn fosthom.

(ara l-punt 76)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Konstantopoulou vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60; 26 ta’ Jannar 2005, Roccato vs Il-Kummissjoni, T‑267/03, punt 49