Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Ġunju 2008 - Gosselin Word Wide Moving vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-208/08)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Gosselin Word Wide Moving NV (Deurne, Il-Belġju) (rappreżentanti: F. Wijckmans u S. De Keer, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali tal-11 ta' Marzu 2008, innotifikata lir-rikorrenti fil-25 ta' Marzu 2008, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/38.543) - Servizzi ta' ġarr internazzjonali ) fil-parti li tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, fil-parti li tikkonċerna lir-rikorrenti, safejn il-Kummissjoni tikkonstata ksur kontinwu min-naħa tar-rikorrenti mill-31 ta' Jannar 1992 sat-18 ta' Settembru 2002, u tnaqqas il-multa imposta fl-Artikolu 2, fil-parti li tikkonċerna lir-rikorrenti, skond il-perijodu hekk irrivedut tal-ksur;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2(e) tad-Deċiżjoni, fil-parti li tikkonċerna lir-rikorrenti, għar-raġunijiet imqajma fit-tieni u/jew fit-tielet motiv, u tnaqqas b'mod korrispondenti l-multa imposta fl-Artikolu 2, fil-parti li tikkonċerna lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-ewwel motiv invokat mir-rikorrenti jafferma li d-deċiżjoni kisret l-Artikolu 81 KE. L-ewwel parti tafferma li l-Kummissjoni ma stabilixxietx fid-dritt li l-aġir li jista' jiġi attribwit lir-rikorrenti għandu jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni notevoli għall-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 81 KE. It-tieni parti tafferma li l-Kummissjoni ma stabilixxietx fid-dritt li l-ftehim li pparteċipat fih ir-rikorrenti jista' jaffettwa b'mod notevoli l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Sussidjarjament, it-tieni motiv jafferma li d-deċiżjoni kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/20031, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17/622 u l-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi3. Il-Kummissjoni kisret dawn id-dispożizzjonijiet meta ddeterminat il-gravità tal-ksur, id-dewmien tal-ksur u l-valur tal-bejgħ li jservu sabiex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa u, fl-aħħar nett, injorat xi ċirkustanzi attenwanti tar-rikorrenti meta kkalkolat il-multa.

Sussidjarjament, it-tielet motiv jafferma li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali, u dan b'mod partikolari meta ddeterminat il-gravità tal-ksur u l-valur tal-bejgħ meħuda in kunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-multa.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 1, p. 1).

2 - Ir-Regolament Nru 17: L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204).

3 - Linji ta' gwida tal-Kummissjoni dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skond l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2).