Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Ġunju 2008 - Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-209/08)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Stichting Administratiekantoor Portielje (Rotterdam, l-Olanda) (rappreżentanti: D. Van Hove, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali tal-11 ta' Marzu 2008, innotifikata lir-rikorrenti fil-25 ta' Marzu 2008, dwar proċeduri ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE (Każ KOMP/38.543 - Servizzi ta' ġarr internazzjonali) fil-parti fejn tissemma r-rikorrenti;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2(e) tad-deċiżjoni, fil-parti fejn tissemma r-rikorrenti, għall-motivi msemmija fir-raba' u/jew fil-ħames motivi, u t-tnaqqis tal-multa imposta fl-Artikolu 2, fil-parti fejn tissemma r-rikorrenti;

tikkundanna lil-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti jgħid li d-deċiżjoni kisret l-Artikoli 81 KE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 1, peress li l-Kummissjoni ma wrietx skond il-liġi li r-rikorrenti hija impriża skond l-artikoli msemmija.

Fit-tieni motiv, ir-rikorrenti tgħid li d-deċiżjoni kisret l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatti, bi żball attribwiet ir-responsabbiltà ta' l-aġir ta' Gosselin lir-rikorrenti.

Fit-tielet motiv, ir-rikorrenti tgħid li d-deċiżjoni kisret l-Artikolu 81 KE. L-ewwel parti ta' l-imsemmi motiv tgħid li l-Kummissjoni ma wrietx skond il-liġi li l-atti li jistgħu jiġu kkontestati lil Gosselin għandhom ikunu kkwalifikati bħala restrizzjoni evidenti għall-kompetizzjoni skond l-Artikolu 81 KE. It-tieni parti tgħid li l-Kummissjoni ma wrietx skond il-liġi li l-akkordju li fih Gosselin ħadet sehem jista' jolqot b'mod rilevanti l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Ir-raba' motiv jgħid li d-deċiżjoni kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 2, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17/62 3 u l-linji gwida għall-kalolku tal-multi 4. Il-Kummissjoni kisret dawn id-dispożizzjonijiet meta kkonstatat il-gravità tal-ksur, il-valur tal-bejgħ li jservi sabiex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Gosselin u, fl-aħħar nett, ma kkunsidratx cirkustanzi attenwanti għal Gosselin fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa.

Il-ħames motiv jgħid li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali, u b'mod partikolari meta kkonstatat il-gravità tal-ksur u l-valur tal-bejgħ li ttieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-multa.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, p. 1).

2 - Diġà ċċitat fin-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

3 - Regolament Nru 17 : L-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 1962, Nru 13, p. 204).

4 - Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).