Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Lulju 2012 - Health Food Manufacturer's Association et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-296/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: The Health Food Manufacturer's Association (East Molesey, ir-Renju Unit); Quest Vitamins Ltd (Birmingham, ir-Renju Unit); Natures Aid Ltd (Kirkham, ir-Renju Unit); Natuur- & gezonheidsProducten Nederland (Ermelo, l-Olanda); u New Care Supplements BV (Oisterwijk, l-Olanda) (rappreżentanti: B. Kelly u G. Castle, Solicitors, u P. Bogaert, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012, tas-16 ta' Mejju 2012, li jistabbilixxi lista ta' indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 136, p. 1);

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Mejju 2012 li tadotta lista ta' indikazzjonijiet awtorizzati dwar is-saħħa u li tistabbilixxi lista ta' indikazzjonijiet dwar is-saħħa msejħa pendenti li la huma miċħuda u lanqas awtorizzati mill-Kummissjoni;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi, fejn jallegaw li r-Regolament ikkontestat huwa illegali għal dawn ir-raġunijiet:

L-ewwel motiv:

l-adozzjoni ta' lista permessa ta' indikazzjonijiet ta' saħħa ġeneriċi filwaqt li ċerti indikazzjonijiet tħallew taħt il-miżuri tranżitorji tal-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 (jiġifieri li jinqasam il-proċess ta' evalwazzjoni u li tiġi adottata lista parzjali ta' indikazzjonijiet taħt l-Artikolu 13(1)) ma għandhiex bażi legali. Barra minn hekk, hija tikser il-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba, taċ-ċertezza legali u ta' nondiskriminazzjoni minħabba diversi raġunijiet, fosthom: ma kienx hemm ġustifikazzjoni għall-qsim tal-proċess; il-qsim ma kienx trasparenti; ma kienx hemm konsultazzjoni jew raġunijiet xierqa għall-qsim; ċerti indikazzjonijiet huma "pendenti" u jibqgħu jibbenefikaw mill-perijodi tranzitorji eżistenti taħt ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 (minkejja n-nuqqas ta' ċertezza legali ta' dawn il-perijodi tranżitorji).

It-tieni motiv:

in-nuqqas ta' inklużjoni ta' diversi indikazzjonijiet tas-saħħa fil-lista awtorizzata jikser ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 billi japplika kriterji ta' evalwazzjoni inadegwati, jikser il-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba, iċ-ċertezza legali u d-dmir ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-ikel nazzjonali u l-obbligu ta' motivazzjoni.

It-tielet motiv :

jekk it-talbiet sottomessi iktar 'il fuq ma jiġux milqugħa, ir-rikorrenti jallegaw li r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 stess huwa bla effett minħabba ksur tad-dritt għal smigħ u ksur taċ-ċertezza legali. L-illegalità tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 hija invokata f'dan ir-rikors skont l-Artikolu 277 TFUE u tikkostitwixxi motiv ta' illegalità tar-Regolament (UE) Nru 432/2012.

____________