Language of document : ECLI:EU:T:2015:375

Kawża T‑296/12

The Health Food Manufacturers’ Association et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Regolament (UE) Nru 432/2012 — Indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel — Rikors għal annullament — Att leġiżlattiv li ma jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni — Interess dirett — Ammissibbiltà — Ksur tal-Artikoli 13 u 28 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Nondiskriminazzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni żbaljati — Regolament Nru 1924/2006 — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Dritt ta’ smigħ — Ċertezza legali — Perijodu tranżitorju irraġonevoli — Listi ta’ indikazzjonijiet sospiżi”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Ġunju 2015

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Kunċett ta’ att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu263 TFUE — Kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi — Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel — Inklużjoni

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 432/2012)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Inċidenza diretta — Kriterji — Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel — Rikorrent li ressaq indikazzjonijiet preċiżi fir-rigward tal-indikazzjonijiet ipprojbiti li għandhom l-effett li joħolqu dannu lis-sitwazzjoni legali tiegħu — Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 432/2012)

3.      Proċedura ġudizzjarja — Prova — Prova dokumentali — Valur probatorju — Evalwazzjoni mill-Qorti tal-Unjoni — Kriterji

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 64 u 65)

4.      Rikors għal annullament — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Interess ġuridiku — Introduzzjoni tal-istess rikors uniku minn żewġ rikorrenti — Ammissibbiltà tar-rikors ta’ wieħed mir-rikorrenti — Neċessità li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tat-tieni rikorrent — Assenza

(Artikolu 263 TFUE)

5.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Att regolatorji li jinkludu fihom miżuri ta’ implementazzjoni — Kunċett — Regolament Nru 432/2012 li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel — Esklużjoni

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 432/2012)

6.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Indikazzjonijiet nutrizzjonali u dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel — Regolament Nru 1924/2006 — Indikazzjonijiet dwar is-saħħa barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal — Adozzjoni tal-lista armonizzata ta’ indikazzjonijiet awtorizzati — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Premessi 1 u 2 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, u Artikoli 1 u 13(1) sa (3))

7.      Liġi tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Metodi — Interpretazzjoni litterali, sistematika, storika u teleoloġika — Teħid inkunsiderazzjoni tal-motivazzjoni tal-att inkwistjoni

8.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Indikazzjonijiet nutrizzjonali u dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel — Regolament Nru 1924/2006 — Indikazzjonijiet dwar is-saħħa barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal — Adozzjoni tal-lista armonizzata ta’ indikazzjonijiet awtorizzati — Qbiż mill-Kummissjoni ta’ terminu proċedurali — Impatt fuq il-legalità tal-att ikkonċernat — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, Artikolu 13(3))

9.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Indikazzjonijiet nutrizzjonali u dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel — Regolament Nru 1924/2006 — Indikazzjonijiet dwar is-saħħa barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal — Adozzjoni tal-lista armonizzata ta’ indikazzjonijiet awtorizzati — Applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżuri tranżitorji għall-indikazzjonijiet sospiżi jew fil-proċess ta’ evalwazzjoni — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, Artikoli 13(1) u 28(5) u (6))

10.    Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Indikazzjonijiet nutrizzjonali u dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel — Regolament Nru 1924/2006 — Indikazzjonijiet dwar is-saħħa barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal — Adozzjoni tal-lista armonizzata ta’ indikazzjonijiet awtorizzati — Stabbiliment ta’ miżuri provviżorji li japplikaw għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa sospiżi jew fil-proċess ta’ evalwazzjoni — Identifikazzjoni tal-indikazzjonijiet sospiżi permezz ta’ riferenza lejn diversi siti tal-Internet — Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali — Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, Artikoli 13(2) u 28(5) u (6); premessi 4 u 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 432/2012)

11.    Drittijiet fundamentali — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Dritt għal amministrazzjoni tajba — Dritt ta’ smigħ — Inapplikabbiltà għall-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta’ atti ta’ portata ġenerali

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Regolament tal-Kummissjoni Nru 432/2012)

12.    Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Indikazzjonijiet nutrizzjonali u dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel — Regolament Nru 1924/2006 — Indikazzjonijiet dwar is-saħħa barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal — Adozzjoni tal-lista armonizzata ta’ indikazzjonijiet awtorizzati — Obbligu ta’ konsultazzjoni bil-quddiem tal-produtturi tas-settur u tal-partijiet interessati l-oħra — Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, Artikolu 13(1) sa (3); Regolament tal-Kummissjoni Nru 432/2012)

13.    Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Regolament li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 432/2012)

14.    Liġi tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Ugwaljanza fit-trattament — Kunċett

15.    Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Indikazzjonijiet nutrizzjonali u dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel — Regolament Nru 1924/2006 — Evalwazzjoni xjentifika tar-riskji — Rekwiżit li jitlob livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa — Twettiq ta’ evalwazzjoni inqas eżiġenti għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal — Esklużjoni

(Premessa 17 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, u Artikoli 5, 6 u 13(1) sa (3) u 5, u 14)

16.    Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Indikazzjonijiet nutrizzjonali u dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel — Regolamenti Nru 178/2002 u 1924/2006 — Indikazzjonijiet dwar is-saħħa barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal — Adozzjoni tal-lista armonizzata ta’ indikazzjonijiet awtorizzati — Obbligu li jiġu adottati linji gwida li jikkonċernaw l-evalwazzjoni mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet — Assenza — Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali — Assenza

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 178/2002 u Nru 1924/2006 Artikolu 13(3))

17.    Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Indikazzjonijiet nutrizzjonali u dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel — Regolamenti Nru 178/2002 u 1924/2006 — Evalwazzjoni xjentifika tar-riskji — Indikazzjonijiet dwar is-saħħa barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal — Applikazzjoni tar-Regolament Nru 1924/2006 bħala lex specialis — Konsegwenzi

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 178/2002, Artikolu 30(4), u Nru 1924/2006, Artikolu 13(2) u (3))

18.    Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Riferiment ġenerali għal dokumenti oħra annessi mar-rikors — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

19.    Eċċezzjoni ta’ illegalità — Portata — Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita — Att ta’ natura ġenerali li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata — Neċessità ta’ rabta legali bejn l-att suġġett għal rikors u l-att ġenerali kkontestat

(Artikolu 277 TFUE)

20.    Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Atti preparatorji — Esklużjoni — Lista ppubblikata mill-Kummissjoni li telenka l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jinsabu fil-proċess ta’ evalwazzjoni u li jifformaw parti mis-sistema tranżitorja prevista bir-Regolament Nru 1924/2006 — Att li jservi biss biex tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali — Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1924/2006, Artikolu 28(5) u (6))

21.    Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Neċessità ta’ interess reali u attwali — Rikors li jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent — Interess relatat ma’ sitwazzjonijiet futuri u inċerti — Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

22.    Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Dikjarazzjoni astratta — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

1.      Il-kunċett ta’ att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, in fine, għandu jinftiehem li jinvolvi atti ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni ta’ atti leġiżlattivi. Jikkostitwixxi att regolatorju ir-Regolament Nru 432/2012 li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal.

Fil-fatt, l-imsemmi regolament kien adottat mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ implementazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura regolatarja bi skrutinju u li, konsegwentement, ma jikkostitwixxix att leġiżlattiv. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 432/2012 għandu portata ġenerali, peress li dan japplika għal sitwazzjonijiet determinati b’mod oġġettiv u għandu effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.

(ara l-punti 34-37)

2.      Il-kundizzjoni tal-inċidenza diretta fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ, l-ewwel nett, li l-miżura kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti u, it-tieni nett, li ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma inkarigati mill-implementazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni kkontestata mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji.

Fir-rigward ta’ rikors ippreżentat kontra r-Regolament Nru 432/2012, li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal, huwa r-rikorrent li għandu jidentifika, għall-finijiet li jipprova li huwa direttament milqut fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-indikazzjonijiet ikkonċernati mill-imsemmi regolament li jikkawżaw dannu lis-sitwazzjoni legali tiegħu. B’mod iktar partikolari, ir-rikorrent huwa marbut li jipprova li, fl-introduzzjoni tar-rikors, huwa kien juża, fil-komunikazzjonijiet kummerċjali li jirrigwardaw il-prodotti tagħhom, indikazzjonijiet ipprojbiti wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 432/2012. F’dan ir-rigward, sa fejn dan jipprova li kien għamel użu, fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tiegħu, minn indikazzjonijiet dwar is-saħħa miċħuda mill-imsemmi regolament, għandu jiġi kkonstatat li dan tal-aħħar jista’ jkollu effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent.

Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 432/2012 ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tiegħu, peress li l-awtorizzazzjoni prevista fl-imsemmi regolament tinkludi, evidentement, natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni unika kkontestata mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħrajn intermedjarji. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 432/2012, dan huwa obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

(ara l-punti 38, 40, 41, 44)

3.      L-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi, fejn l-uniku kriterju biex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni inkluża fih hijiex verosimili u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom tħejja, id-destinatarju tiegħu, u jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi konkluż li l-kredibbiltà tad-dokumenti ppreżentati minn rikorrent tkun stabbilità biżżejjed fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet prodotti fuq talba espressa mill-Qorti tal-Unjoni, iffirmati mid-diretturi tal-impriża rikorrenti, li huma meħtieġa li jkollhom il-kapaċità li joffru indikazzjonijiet preċiżi rigward l-informazzjoni mitluba, u ppreżentati permezz tal-avukat li jirrappreżenta lir-rikorrent fil-kawża tiegħu, li, bħala kollaboratur tal-ġustizzja u minħabba obbligi ta’ etika li huwa għandu, għandu jiżgura l-awtentiċita u l-veraċità tal-imsemmija dokumenti.

(ara l-punt 42)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara-punt 43)

5.      Il-kunċett ta’ atti regolatorji li ma jinkludux fihom miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-bidu tiegħu, fl-evitar li individwu jkun imġiegħel li jikser il-liġi biex ikun jista’ jaċċedi għal qorti. Sabiex jiġi evalwat jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni skont it-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ individwi oħra. Sabiex jiġi vverifikat jekk l-att ikkontestat jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, għandu jsir riferiment esklużivament għas-suġġett tar-rikors u, fil-każ fejn rikorrent jitlob biss l-annullament parzjali ta’ att, huma biss il-miżuri ta’ implementazzjoni li din il-parti tal-att possibbilment tinvolvi, li għandhom, skont il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni.

Fir-rigward tar-Regolament Nru 432/2012, li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel differenti minn dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard kif ukoll għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal, dan japplika, mid-definizzjoni tiegħu, b’mod awtomatiku fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi ta’ supplimenti tal-ikel u l-applikazzjoni tiegħu ma teħtieġ ebda tip ta’ miżura min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u Ewropej. Minn dan isegwi li l-imsemmi regolament ma jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

(ara l-punti 46-50)

6.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni inkariga lill-Kummissjoni, permezz tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, bil-kompitu li tistabbilixxi, fil-livell tal-Unjoni, lista armonizzata ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi differenti minn dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard kif ukoll għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal. Madankollu, il-kliem tad-dispożizzjoni msemmija ma jippreċiżax jekk il-lista tal-indikazzjonijiet awtorizzati kelliex tiġi adottata f’daqqa jew jekk, min-naħa l-oħra, din il-lista setgħetx tiġi adottata f’diversi stadji, u għalhekk il-Kummissjoni tkun tista’ l-permess tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li l-evalwazzjoni tagħhom, kemm quddiem l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), kif ukoll quddiemha, tkun għadha ma ngħalqitx.

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1924/2006, hekk kif jirriżultaw kemm mill-premessi 1 u 2 tiegħu kif ukoll mill-Artikolu 1 tiegħu, l-Artikolu 13(1) sa (3) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi biss obbligu ta’ riżultat għall-Kummissjoni, li jikkonsisti li tiġi adottata, wara konsultazzjoni mal-EFSA, il-lista ta’ indikazzjonijiet permessi fuq il-bażi ta’ listi nazzjonali pprovduti mill-Istati Membri. Fil-fatt, xejn fil-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew tal-premessi tar-Regolament Nru 1924/2006 ma jissuġġerixxi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jċaħħad lill-Kummissjoni mill-fakultà li tipproċedi b’mod gradwali għar-redazzjoni tal-imsemmija lista u, b’mod partikolari, li tikkompleta fl-istess ħin li l-evalwazzjonijiet tekniċi jitwettqu mill-EFSA u li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmi regolament huma vverifikati mill-Kummissjoni stess. Bil-kontra, l-Artikolu 13(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1924/2006 jissuġġetta għall-evalwazzjoni libera ta’ din l-istituzzjoni d-definizzjoni, fl-osservanza tal-prinċipji ffissati mir-regolament imsemmi u mid-dritt tal-Unjoni, tar-rata li għandha twassal għall-adozzjoni tal-lista ta’ indikazzjonijiet permessi. F’dan ir-rigward, sabiex l-għan assenjat lilha jkun jista’ jiġi segwit b’mod effiċjenti, u, bħall-każ ineżami, fid-dawl ta’ evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li hija għandha tagħmel, il-Kummissjoni għandha jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

Konsegwentement, l-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni tal-fondatezza tal-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni f’qasam kumpless huwa limitat għall-eżami ta’ jekk l-eżerċizzju mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tal-kompetenzi tagħhom huwiex ivvizzjat bi żball manifest, jekk kienx hemm użu ħażin ta’ poter jew jekk huma eċċedewx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom.

(ara l-punti 59, 60, 64, 65, 73)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 61-63)

8.      Għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tadotta l-lista kompluta tal-indikazzjonijiet permessi mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar 2010 u li l-imsemmija lista ġiet adottata biss parzjalment mir-Regolament Nru 432/2012, li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal, fid-data tas-16 ta’ Mejju 2012, fl-assenza ta’ dispożizzjoni li tipprevedi, jew espressament, jew impliċitament, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tat-termini proċedurali, l-iskadenza tat-terminu inkwistjoni ma tistax twassal għall-annullament komplet jew parzjali tal-att li l-proċess tiegħu ta’ adozzjoni jinkludi t-termini inkwistjoni ħlief jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, l-imsemmi att seta’ kellu kontenut differenti.

(ara l-punt 71)

9.      Mill-kliem tal-Artikolu 28(5) u (6) tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ miżuri tranżitorji hija prevista għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li qed jiġu evalwati u li fir-rigward tagħhom ebda deċiżjoni ma ġiet adottata mill-Kummissjoni. Madankollu, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħhom fi ħdan it-tliet kategoriji msemmija fl-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, xejn ma jimpedixxi li l-indikazzjonijiet li jibqgħu sospiżi, sakemm issir l-evalwazzjoni tagħhom mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) jew l-eżami tagħhom mill-Kummissjoni, jistgħu jibbenefikaw minn miżuri tranżitorji previsti mill-imsemmi regolament.

(ara l-punt 83)

10.    Ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jeżiġi li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari u preċiżi u li l-konsegwenzi tagħhom ikunu previdibbli, il-fatt li, sabiex jiġu identifikati indikazzjonijiet dwar is-saħħa li qed jiġu evalwati u li jistgħu jintużaw konformement mal-Artikolu 28(5) u (6) tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 432/2012, li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal, il-premessi 4 u 11 tar-Regolament Nru 432/2012 jirreferu għas-siti internet rispettivi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u tal-Kummissjoni, fejn jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, minn naħa, il-lista kkonsolidata li tidentifika l-kodiċi ID kollha tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa trażmessi mill-Istati Membri skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, u, min-naħa l-oħra, il-lista li telenka l-kodiċi ID li jirrigwardaw l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li li għadhom sospiżi, kif ukoll il-lista li telenka l-kodiċi ID li jirrigwardaw l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li nċaħdu. F’dan ir-rigward, minkejja li kien mixtieq li l-Kummissjoni tadotta, rigward kemm l-indikazzjonijiet sospiżi kif ukoll indikazzjonijiet miċħuda, lista li tippreżenta format simili għal dak tal-lista ta’ indikazzjonijiet permessi, annessa mar-Regolament Nru 432/2012, sabiex jiġi ffaċilitat il-kompitu ta’ identifikazzjoni għall-partijiet ikkonċernati, il-fatt li l-Kummissjoni mxiet, f’dan il-każ, b’mod differenti, ma huwiex biżżejjed sabiex isostni lment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ċarezza jew ta’ preċiżjoni rigward dan is-suġġett.

Barra minn hekk, il-fatt li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jqisu li r-riċerka tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa sospiżi tikkawża ċerta diffikultà ma huwiex, fih innifsu, suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tiġi kkritikata b’nuqqas ta’ preċiżjoni jew ta’ ċarezza, sa fejn l-indikazzjonijiet sospiżi jistgħu jinsabu billi jiġu kkonsultati d-dokumenti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Kummissjoni u mill-EFSA. Bl-istess mod, id-deċiżjoni mill-imsemmija awtoritajiet nazzjonali li jiġi propost strument ta’ għajnuna għall-prodotturi tal-prodotti tal-ikel ma tistax titqies li tiżvela difett tar-Regolament Nru 432/2012, ta’ natura li jwassal għall-annullament tagħha, iżda pjuttost mekkaniżmu ta’ għajnuna li l-imsemmija awtoritajiet iddeċidew, fuq l-inizjattiva tagħhom stess, li jadottaw fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom.

(ara l-punti 86, 87, 89)

11.    Skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma miżura individwali li taffettwahom ħażin tittieħed kontrihom. Madankollu, d-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif jirriżulta mill-imsemmija dispożizzjoni, ma jinkludix il-proċess ta’ redazzjoni ta’ atti ta’ portata ġenerali. Fil-fatt id-dritt għal smigħ fi proċedura amministrattiva li tirrigwarda persuna speċifika ma jistax jiġi traspost fil-kuntest ta’ proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri ġenerali.

Għalhekk, fir-rigward tar-Regolament Nru 432/2012, li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal, sa fejn dan jikkostitwixxi miżura ta’ portata ġenerali, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jistax japplika.

(ara l-punti 97-99)

12.    L-Artikolu 13(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1924/2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, inkwantu bażi legali għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 432/2012, li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal, ma jipprovdix li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkonsulta l-produtturi tas-settur u l-partijiet ikkonċernati l-oħrajn fil-kuntest tal-proċedura għal adozzjoni tal-lista ta’ indikazzjonijiet permessi. Fil-fatt, mill-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 jirriżulta li huma biss l-Istati Membri li għandhom id-dritt li jissottomettu lill-Kummissjoni l-lista nazzjonali ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jservu ta’ bażi għar-redazzjoni tal-lista ta’ indikazzjonijiet permessi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikorrent ma jista’ jinvoka favurih il-ksur ta’ ebda dritt għal smigħ mill-Kummissjoni, ibbażat fuq l-Artikolu 13(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1924/2006, rigward id-deċiżjoni li tiġi adottata l-lista ta’ indikazzjonijiet permessi f’diversi stadji.

(ara l-punt 100)

13.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 105, 110)

14.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 113)

15.    Mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-premessa 17 u tal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, jirriżulta li l-imsemmi regolament jeħtieġ, minn naħa, li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa xjentifikament sostanzjati biss jistgħu jintużaw fl-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li dawn l-indikazzjonijiet ikun jistgħu jiġu awtorizzati biss wara evalwazzjoni xjentifika armonizzata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) li tissodisfa r-rekwiżiti l-iktar għoljin. Din il-premessa tapplika wkoll għall-proċedura għal permess imsemmija fl-Artikolu 13(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1924/2006, li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni ma tistax titlob lill-EFSA evalwazzjoni xjentifika inqas eżiġenti fir-rigward tal-indikazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 13(5) ta’ dan ir-regolament jew taħt l-Artikolu 14 tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ma jintroduċu kundizzjonijiet differenti, rigward l-evalwazzjoni xjentifika li għandha titwettaq, bejn l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa skont id-dispożizzjoni li tapplika għalihom.

Barra minn hekk, it-twettiq ta’ evalwazzjoni xjentifika tar-riskji li tkun l-iktar eżawrjenti possibbli abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi bbażati fuq il-prinċipji ta’ eċċellenza, ta’ trasparenza u ta’ indipendenza jikkostitwixxi garanzija proċedurali importanti biex tiġi żgurata l-oġġettività xjentifika tal-miżuri u biex jiġu evitati miżuri arbitrarji.

(ara l-punti 129, 130)

16.    La r-Regolament Nru 1924/2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, u lanqas ir-Regolament Nru 178/2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel, ma jinkludu ebda obbligu għall-Kummissjoni jew għall-EFSA li jiġu pprovduti, qabel il-bidu tal-proċedura ta’ evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, linji gwida speċifiċi li jikkonċernaw il-mod li bih l-EFSA kellha l-intenzjoni li tevalwa t-talbiet għal permess ta’ indikazzjonijiet. Il-fatt li, l-EFSA adottat ulterjorment tali linji gwida, fid-dawl tal-esperjenza li hija kienet kisbet waqt l-ewwel evalwazzjonijiet imwettqa, ma huwiex tali li juri l-eżistenza ta’ preġudizzju għaċ-ċertezza legali. Bil-kontra, għandu jitqies li l-adozzjoni tal-imsemmija linji gwida tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-imsemmija ċertezza b’mod partikolari fir-rigward tal-partijiet ikkonċernati.

(ara l-punt 149)

17.    Mis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 178/2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel EFSA u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel, b’mod partikolari mill-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament, jirriżulta li, għal dak li jikkonċerna r-regoli li jirregolaw il-proċedura għall-adozzjoni ta’ opinjonijiet xjentifiċi, dan ir-regolament jikkostitwixxi leġiżlazzjoni addizzjonali b’relazzjoni mar-Regolament Nru 1924/2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, li l-applikazzjoni tiegħu hija eskluża peress li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħal dan ir-regolament tal-aħħar, tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-permess ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa.

F’dan ir-rigward, sa fejn l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1924/2006 jipprovdi espressament li l-EFSA tgawdi mill-fakultà li twettaq l-evalwazzjoni xjentifika armonizzata tal-listi ta’ indikazzjonijiet ippreżentati mill-Istati Membri konformement mal-Artikolu 13(2) tal-istess regolament, għandu jitqies li l-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 178/2002 ma japplikax fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal, b’tali mod li l-EFSA ma għandha la l-obbligu li tibda’ diskussjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali u lanqas li tippubblika d-dokumenti mehmuża mal-imsemmija diskussjonijiet fil-kuntest tal-evalwazzjoni mwettqa.

(ara l-punti 160, 161)

18.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 162)

19.    Il-possibbiltà offruta mill-Artikolu 277 TFUE li tiġi invokata l-illegalità ta’ att ta’ portata ġenerali ma tikkostitwixxix dritt ta’ azzjoni awtonoma u tista’ tiġi eżerċitata biss b’mod inċidentali, peress li l-inammissibbiltà tal-azzjoni prinċipali twassal għalhekk għal dik tal-eċċezzjoni ta’ illegalità. Barra minn hekk, eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma b’mod inċidentali skont l-Artikolu 277 TFUE, fil-mument tal-konstatazzjoni fil-kawża prinċipali tal-legalità ta’ att terz, hija ammissibbli biss jekk teżisti rabta ta’ konnessjoni bejn dan l-att u r-regola li allegata illegalità tagħha hija eċipita. Sa fejn l-Artikolu 277 TFUE ma għandux l-għan li jippermetti li parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ att ta’ natura ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima. Minn dan jirriżulta li l-att ġenerali li l-illegalità tiegħu hija mqajma għandu jiġi applikabbli, direttament jew indirettament, fil-każ li huwa s-suġġett tar-rikors.

F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ tali rabta tista’ tiġi dedotta, b’mod partikolari, mill-konstatazzjoni li l-att ikkontestat fil-kawża prinċipali jibbaża essenzjalment fuq dispożizzjoni tal-att li l-legalità tiegħu hija kkontestata.

(ara l-punti 169, 170, 172)

20.    Jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet, kapaċi li jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu. Sabiex jiġi stabbilit jekk att jew deċiżjoni jipproduċux tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza tagħhom. Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna atti jew deċiżjonijiet li r-redazzjoni tagħhom issir f’diversi fażijiet, fil-prinċipju, jikkostitwixxu biss atti li jistgħu jiġu kkontestati, il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem il-proċedura, bl-esklużjoni ta’ miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali.

Ma tikkostitwix att kontestabbli lista ppubblikata mill-Kummissjoni bl-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jistgħu jintużaw konformement mas-sistema tranżitorja prevista mill-Artikolu 28(5) u (6) tar-Regolament Nru 1924/2006, peress li dawn l-indikazzjonijiet jibqgħu sospiżi, sakemm issir l-evalwazzjoni tagħhom mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) jew tal-eżami tagħhom mill-Kummissjoni. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ lista li l-uniku għan tagħha jikkonsisti li jiġu identifikati indikazzjonijiet dwar is-saħħa li għandhom qed jiġu evalwati u li fuqhom il-Kummissjoni għadha ma ddeċidietx definittivament tikkonsisti biss miżura intermedjarja li l-għan tagħha huwa li tipprepara l-inklużjoni jew, bil-kontra, n-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ kull waħda minn dawn l-indikazzjonijiet fil-lista tal-indikazzjonijiet permessi, li tibqa’, fir-rigward tagħha, id-deċiżjoni finali.

(ara l-punti 201-203)

21.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 206, 207)

22.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 209)