Language of document : ECLI:EU:T:2012:164

Kawża T-123/09

Ryanair Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat ― Self permess lil kumpannija tal-ajru u li jista’ jiġi inkluż mal-kapital proprju tagħha ― Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni ― Bejgħ ta’ assi ta’ kumpannija tal-ajru ― Deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna fi tmiem il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni ― Rikors għal annullament ― Locus standi ― Parti kkonċernata ― Ammissibbiltà ― Diffikultajiet serji ― Kompetenza ― Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat-28 ta’ Marzu 2012 ?II ‑ 0000

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament ― Persuni fiżiċi jew ġuridiċi ― Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment ― Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna statali mas-suq komuni mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ― Rikors mill-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE ― Ammissibbiltà

(Artikolu 88(2) KE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 1(h), 4(3) u 6(1))

2.      Rikors għal annullament ― Persuni fiżiċi jew ġuridiċi ― Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment ― Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna statali mas-suq komuni mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ― Rikors mill-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE ― Identifikazzjoni tas-suġġett tar-rikors ― Rikors intiż li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati ― Motivi li jistgħu jiġu invokati

(Artikolu 88(2) KE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6(1))

3.      Rikors għal annullament ― Persuni fiżiċi jew ġuridiċi ― Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment ― Rikors mill-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE ― Dritt li jiġu invokati l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità kollha indikati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE ― Motivi intiżi għall-kisba ta’ deċiżjoni dwar l-eżistenza jew il-kompatibbiltà ta’ għajnuna statali mas-suq komuni ― Inammissibbiltà

(Artikolu 88(2) KE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 230 KE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati ― Kunċett ― Natura legali ― Interpretazzjoni bbażata fuq elementi oġġettivi ― Stħarriġ ġudizzjarju ― Portata

(Artikoli 87(1) KE u 88(2) u (3) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 4(4) u 13(1))

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati ― Eżami mill-Kummissjoni ― Fażi preliminari u fażi kontradittorja ― Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni ― Diffikultajiet ta’ evalwazzjoni ― Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja ― Diffikultajiet serji ― Kunċett ― Natura oġġettiva

(Artikoli 87(1) KE u 88(2) u (3) KE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati ― Eżami mill-Kummissjoni ― Kompetenza ― Adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat u li fl-istess waqt tieħu konjizzjoni tal-impenji meħuda mill-Istat Membru

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 4(2))

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati ― Deċiżjoni tal-Kummissjoni ― Evalwazzjoni tal-legalità skont elementi ta’ informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati ― Irkupru ta’ għajnuna illegali ― Determinazzjoni tad-debitur fil-każ ta’ trasferiment ta’ assi ― Kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” tal-impriża ― Obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha li jistgħu jiġu kkunsidrati ― Assenza

(Artikolu 88(2) KE)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati ― Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi li ma teżistix għajnuna mill-Istat ― Obbligu ta’ motivazzjoni ― Portata

(Artikoli 87(1) KE, 88(2) u (3) KE, u 253 KE)

10.    Rikors għal annullament ― Persuni fiżiċi jew ġuridiċi ― Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment ― Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq proċedura fil-qasam tal-għajnuna ― Impriża kompetitriċi tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna ― Dritt għal azzjoni legali ― Kundizzjonijiet

(Artikolu 88(2) KE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

1.      Fil-qasam tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, il-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk jeżistux dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Meta dubji bħal dawn għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li għaliha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jitqies li kull parti interessata fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni hija direttament u individwalment ikkonċernata minn tali deċiżjoni. Fil-fatt, il‑benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, jistgħu biss jiksbu l-osservanza tagħhom jekk huma għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni.

Għaldaqstant, il-kwalità partikolari ta’ parti interessata skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, marbuta mas-suġġett speċifiku tar-rikors, hija biżżejjed sabiex jiġi identifikat, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, ir-rikorrent li jikkontesta deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, parti interessata għandha tinftiehem b’mod partikolari kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħha jistgħu jkunu effettwati bl-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri b’mod partikolari impriżi kompetituri tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna. Fi kliem ieħor, hija tirreferi għal grupp indeterminat ta’ destinatarji.

(ara l-punti 63-65)

2.      Fil-qasam tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, essenzjalment huwa jqiegħed inkwistjoni l-fatt li d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni tkun ittieħdet mingħajr ma din l-istituzzjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u b’hekk tikser id-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. L-użu ta’ tali argumenti ma jistax, madankollu, ikollu l-konsegwenza li jbiddel is-suġġett ta’ rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet marbuta tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni stipulata fl-Artikolu 88(2) KE kif ukoll fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE.

(ara l-punt 66)

3.      Meta rikorrent ifittex li jħares id-drittijiet proċedurali li jikseb mill-Artikolu 88(2) KE, huwa jista’ jinvoka kwalunkwe motiv minn dawk enumerati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE, sa fejn ikunu intiżi għall-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata u, b’mod definittiv, għall-ftuħ mill-Kummissjoni tal‑proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE. Min-naħa l-oħra, ma hijiex kompetenza tal-Qorti Ġenerali, f’dan l-istadju tal‑proċedura ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Kummissjoni, li tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna jew dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

(ara l-punt 74)

4.      Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif stabbilit fit-Trattat, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala regola u fid-dawl sew tal-elementi konkreti tal-kwistjoni mressqa quddiemha u kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Dan tant huwa minnu li, meta l-Kummissjoni ma tistax tikseb il-konvinzjoni, wara l-ewwel eżami fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 88(3) KE, li l-miżura tal-Istat inkwistjoni ma tikkostitwixxix “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE jew, jekk tiġi kkwalifikata bħala għajnuna, hija kompatibbli mat-Trattat, jew meta din il-proċedura ma ppermettitilhiex tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma bl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE “mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni diskrezzjonali”. Dan l-obbligu huwa wkoll espressament ikkonfermat permezz tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 4(4) u 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE.

(ara l-punti 75, 76)

5.      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex l-obbligu li tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, il-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ tali diffikultajiet tirrikjedi investigazzjoni kemm taċ-ċirkustanzi li fih ġie adottat l-att ikkontestat kif ukoll tal‑kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi jsir paragun bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni u l-elementi li l-Kummissjoni kellha meta ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq komuni. Ir-rikorrenti għandha l-oneru li tipprova l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji u tista’ tinħeles minn tali oneru billi tippreżenta serje ta’ indikazzjonijiet konkordanti dwar, minn naħa, iċ-ċirkustanzi u t-tul tal-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari u, min-naħa l-oħra, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

Għalkemm hija ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-deċiżjoni li tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali, meta tikkonstata l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet, madankollu l-Kummissjoni tgawdi minn ċertu marġni diskrezzjonali fir-riċerka u fl-investigazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabbilixxi jekk dawn iqajmux diffikultajiet serji. Skont l-għan tal-Artikolu 88(3) KE u d-dmir ta’ amministrazzjoni tajba li hija għandha, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tibda djalogu mal-Istat li nnotifika l-għajnuna jew ma’ terzi sabiex, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, jingħelbu diffikultajiet li setgħet possibbilment iltaqgħet magħhom. Issa, din il-fakultà tippresupponi li l-Kummissjoni tista’ tadatta l-pożizzjoni tagħha skont ir-riżultati tad-djalogu mibdi, mingħajr ma dan l-adattament għandu jiġi interpretat a priori bħala li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Barra minn hekk, in-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mmexxi mill-Kummissjoni waqt il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tikkostitwixxi indikazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

(ara l-punti 77-79)

6.      Fil-qasam tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tadotta, abbażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, deċiżjoni li permezz tagħha, filwaqt li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat, hija tieħu konjizzjoni tal-impenji meħuda mill-Istat Membru.

(ara l-punt 96)

7.      Il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha meta hija adottatha. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li teżamina ex officio u b’suppożizzjonijiet liema huma l-elementi li setgħu tressqu quddiemha waqt il-proċedura amministrattiva.

(ara l-punti 103, 104)

8.      Fil-qasam tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mħallsa lil kumpannija f’diffikultà jista’ jiġi estiż għal kumpannija ġdida li lilha l-kumpannija inkwistjoni ttrasferixxiet parti mill-assi tagħha, fejn dan it-trasferiment jippermetti li tiġi kkonstatata kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpanniji. Sabiex wieħed jikkonkludi li teżisti kontinwità ekonomika, l-elementi li ġejjin jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni: is-suġġett tat-trasferiment (assi u passiv, żamma tal-impjegati, assi magħquda), il-prezz tat-trasferiment, l-identità tal-azzjonisti jew tal-proprjetarji tal-impriża li tieħu l-impjegati fi ħdanha u l-impriża li minnha jiġu dawn l-impjegati, il-mument meta seħħ it-trasferiment (wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-ftuħ tal-proċedura jew id-deċiżjoni finali) jew ukoll il-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni, mingħajr ma l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi kollha.

(ara l-punti 155, 156)

9.      Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi li ma teżistix l-għajnuna mogħtija mill-Istat irrapportata mill-persuna li tagħmel l-ilment, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tispjega b’mod suffiċjenti lill-persuna li tagħmel l-ilment ir-raġunijiet li għalihom il-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati fl-ilment ma kinux biżżejjed sabiex jipprovaw l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Madankollu, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tieħu pożizzjoni dwar l-elementi li huma manifestament irrilevanti, insinjifikattivi jew ċarament sekondarji. Fil-fatt, tali deċiżjoni adottata fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-għajnuna stabbilita permezz tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE, li għandu biss l-għan li jippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata, mingħajr ma tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fis-subartikolu 2 tal-imsemmi artikolu, meħuda f’termini qosra ta’ żmien, għandha tinkludi biss ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li ma jeżistux diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq komuni.

Għaldaqstant, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Kummissjoni li tesponi fid-deċiżjoni tagħha elementi oħra minbarra l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li jkollhom importanza essenzjali fil-qafas tad-deċiżjoni. Tali motivazzjoni hija biżżejjed sabiex wieħed jistabbilixxi l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tistħarreġ il-legalità tagħha abbażi tal-Artikolu 253 KE.

(ara l-punti 180-182, 185)

10.    Fil-qasam tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, deċiżjoni li tagħlaq proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE tikkonċerna individwalment lill-impriżi li kienu wara l-ilment li ta lok għal din il-proċedura u li l-osservazzjonijiet tagħhom instemgħu, liema osservazzjonijiet iddeterminaw l-iżvolġiment tal-proċedura, għalkemm, madankollu, il-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija sostanzjalment effettwata bl-ammont tal-għajnuna li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni. Madankollu, ma jirriżultax li impriża ma tistax turi b’mod ieħor, b’riferiment għal ċirkustanzi speċifiċi li jindividwalizzawha b’mod analogu għal dak tad-destinatarju, li hija tinsab individwalment ikkonċernata.

(ara l-punt 194)