Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Marzu 2009 - Al Shanfari vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża T-121/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Thamer Al Shanfari (rappreżentanti: P. Saini, QC, T. Nesbitt u B. Kennelly, Barristers, A. Patel, N. Sheikh, u K. Mehta, Solicitors)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 77/2009, sa fejn huwa jikkonċerna r-rikorrenti; u

tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' din il-kawża

Motivi u argumenti prinċipali

Bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/20041 kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 77/20092, (ir-"regolament ikkontestat"), il-fondi kollha tar-rikorrent li jinsabu fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ġew iffriżati bil-konsegwenza li waqqfuh milli jinnegozja fl-UE, kif ukoll li xlewħ li għandu rabtiet mar-reġim repressiv taż-Żimbabwe u li huwa implikat f'attivitajiet li jipperikolaw b'mod serju d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Barra minn hekk, ir-rikorrent huwa suġġett għal projbizzjoni ta' vvjaġġar skont l-Artikolu 4 tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/161/PESK3.

Ir-rikorrenti jqis li r-regolament ikkontestat għandu jiġi annullat abbażi tar-raġunijiet li ġejjin, li huma kollha indikati hawn isfel:

L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li r-regolament ikkontestat ma għandu l-ebda bażi legali xierqa għaliex la l-Artikolu 60 KE u lanqas l-Artikolu 310 KE ma jagħtu s-setgħa lill-Kunsill jiffirża l-fondi kollha ta' persuna li ma jkollhiex rabta mal-Gvern taż-Żimbabwe.

It-tieni nett, skont dak li jsostni r-rikorrent, ir-regolament ikkontestat jikser l-obbligu tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li, skont l-Artikolu 253 KE, jindikaw ir-raġunijiet li jkunu bbażati fuqhom, għaliex l-espożizzjoni qasira fl-Anness III fir-rigward tar-rikkorent hija manifestament insuffiċjenti u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, li tissuġġetta lir-rikorrenti għal projbizzjoni ta' vvjaġġar, ma tipprovdix iktar informazzjoni.

It-tielet nett, ir-rikorrent isostni li r-regolament ikkontestat jippreġudika d-drittijiet fundamentali tiegħu, għaliex jheddidlu d-drittijiet għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-dritt ta' smigħ; kif ukoll għaliex jheddidlu b'mod spoporzjonat id-drittijiet tat-tgawdija paċifika tal-proprjetà tiegħu.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 tad-19 ta' Frar 2004 dwar ċertu miżuri restrittrivi fir-rigward taż-Żimbabwe (ĠU 2004 L 55, p.1)

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 77/2009 tas-26 ta' Jannar 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe (ĠU 2009 L 23, p.5)

3 - Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/161/PESK tad-19 ta' Frar 2004 li ġġedded miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe