Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fil-21 ta’ April 2021 – F. Hoffmann-La Roce Ltd et vs Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

(Kawża C-261/21)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: F. Hoffmann-La Roche Ltd, Novartis AG, Novartis Farma SpA, Roche SpA

Konvenut: Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

Domandi preliminari

Il-qorti nazzjonali, li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju tad-dritt intern, f’kawża li fiha t-talba tar-rikorrent tkun intiża direttament sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tal-prinċipji espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess kawża sabiex jinkiseb l-annullament tas-sentenza appellata, tista’ tivverifika l-applikazzjoni korretta, f’każ konkret, tal-prinċipji espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża inkwistjoni, jew hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha twettaq tali eżami?

Is-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) Nru 4990/2019 kisret, fis-sens indikat mill-partijiet, il-prinċipji espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, għal dak li jirrigwarda a) l-inklużjoni, fl-istess suq rilevanti, ta’ żewġ prodotti mediċinali, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tat-teħid ta’ pożizzjoni ta’ awtoritajiet li kkonstataw l-illegalità tal-provvista u tal-offerta ta’ Avastin off-label u b) l-ommissjoni li tiġi vverifikata n-natura allegatament qarrieqa tal-informazzjoni mxandra mill-kumpanniji?

L-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 2(1) u (2) u l-Artikolu 267 TFUE, moqrija b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludu sistema bħal dik li tikkonċerna l-Artikolu 106 tal-codice del processo amministrativo (il-Kodiċi tal-Ġustizzja Amministrattiva) u l-Artikoli 395 u 396 tal-codice di procedura civile (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), sa fejn ma tippermettix li jintuża r-rimedju ġudizzjarju tar-reviżjoni (revocazione) kontra s-sentenzi tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) li jkunu kunfliġġenti ma’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, b’mod partikolari, mal-prinċipji ġuridiċi stabbiliti minn din tal-aħħar fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari?

____________