Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovenja
(Kawża C-328/22)
Lingwa tal-kawża: is-Sloven
Partijiet
Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Rous Demiri, E. Sanfrutos Cano)
Konvenut: Ir-Repubblika tas-Slovenja
Talbiet
1. tikkonstata li, billi ma installatx sistemi ta’ pajpijiet adegwati għall-ilma urban mormi
konformement mal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi 1 fl-agglomerazzjonijiet ta’ Kočevje, Trbovlje, Loka u Ljubljana;
konformement mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271/KEE fl-agglomerazzjonijiet ta’ Kočevje, Trbovlje, u Loka; u
konformement mal-Artikolu 15 u mal-Anness I(B) u (D) tad-Direttiva 91/271/KEE fl-agglomerazzjonijiet ta’ Ljubljana u Ptuj,
ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tal-Artikoli 4, 5 u 15 kif ukoll tal-Anness I(B) u (D) tad-Direttiva 91/271/KEE.
2. tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Din il-kawża tikkonċerna l-implimentazzjoni fis-Slovenja tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi. It-tilwima toriġina minn proċedura twila u vasta intiża biex jiġi stabbilit nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi taħt id-dritt tal-Unjoni li ilu jseħħ sa mill-2014 u li fil-kuntest tiegħu l-Kummissjoni stabbilixxiet għadd ta’ ksur.
Is-suġġett tal-ksur huwa n-nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva tal-ilma mormi minn agglomerazzjonijiet u ħarsien inadegwat ta’ skariki mill-impjanti ta’ trattament tal-komuni. In-numru tal-agglomerazzjonijiet li ma humiex konformi nbidel matul il-proċedura peress li, ċertament, ġie rrimedjat ċertu numru ta’ ksur matul dan il-perijodu. Madankollu parti mill-agglomerazzjonijiet għadhom f’qagħda ta’ ksur u dan jagħti lok għar-rikors preżenti.
____________
1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26.