Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 2024 – Dexia Crédit Local vs SRB

(Kawża T-405/21) 1

(“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-Banek (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tas-SRB – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Bażi legali għar-Regolament (UE) Nru 806/2014 – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni”)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Dexia Crédit Local (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: H. Gilliams u J.-M. Gollier, avukati)

Konvenut: Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (rappreżentanti: J. Kerlin u C. De Falco, aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, F. Louis, P. Gey u V. Del Pozo Espinosa de los Monteros, avukati)

Intervenjenti insostenn tal-konvenut: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: J. Etienne u O. Denkov, aġenti), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: E. d’Ursel u A. Westerhof Löfflerová, aġenti), il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Triantafyllou u A. Steiblytė, aġenti)

Suġġett

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, sa fejn din tikkonċerna lilha.

Dispożittiv

Id-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni hija annullata sa fejn din tikkonċerna lil Dexia Crédit Local.

L-effetti tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22, sa fejn din tikkonċerna lil Dexia Crédit Local, huma miżmuma sakemm tidħol fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ta’ din l-istituzzjoni għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti minn Dexia Crédit Local.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

____________

1     ĠU C 338, 23.8.2021.