Language of document : ECLI:EU:C:2010:779

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

16 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Ambjent – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Direttiva 91/414/KEE – Aċċess pubbliku għal informazzjoni – Direttivi 90/313/KEE u 2003/4/KE – Applikazzjoni ratione temporis – Kunċett ta’ ‘tagħrif dwar l-ambjent’ – Kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali u industrijali”

Fil-Kawża C‑266/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Pajjizi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Mejju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura

Stichting Natuur en Milieu,

Vereniging Milieudefensie,

Vereniging Goede Waar & Co.

vs

College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden, li kien College voor de toelating van bestrijdingsmiddelen,

fil-preżenza ta’:

Bayer CropScience BV,

Nederlandse Stichting voor Fytofarmacie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Stichting Natuur en Milieu, minn J. Rutteman assistit minn B. N. Kloostra, advocaat

–        għal Vereniging Milieudefensie, minn B. N. Kloostra, advocaat,

–        għal Vereniging Goede Waar & Co., minn B. N. Kloostra, advocaat,

–        għall-College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden, li kien College voor de toelating van bestrijdingsmiddelen, minn I. L. Rol, assistita minn R. van den Tweel, advocaat,

–        għal Bayer CropScience BV, minn D. Waelbroeck, E. Antypas u E. Broeren, advocaten,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn S. Papaïoannou u I. Chalkias, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Oliver u B. Burggraaf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal‑Kunsill 91/414/KEE, tal‑15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjloni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332) u tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors għal annullament imressaq minn Stichting Natuur en Milieu, Vereniging Milieudefensie u Vereniging Goede Waar & Co. kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden, li kien College voor de toelating van bestrijdingsmiddelen, (iktar ’il quddiem is-“CTB”), irrifjuta li jiżvelalhom ċerti studji u rapporti dwar it-testijiet fil-kamp li jikkonċernaw ir-residwi u l-effikaċja tas-sustanza attiva propamocarb fuq jew ġewwa l-ħass (iktar ’il quddiem “id‑deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 90/313/KEE

3        Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE, tas‑7 ta’ Ġunju 1990, dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoni dwar l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 402):

“1.      Ħlief kif previst f’dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi jkunu meħtieġa jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar l-ambjent lil kull persuna naturali [fiżika] jew legali [ġuridika] fuq talba tiegħu [tagħha] u bla ma jkollu [jkollha] għalfejn jipprova [tipprova] li jkollu [jkollha] xi interess.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi li taħthom din l-informazzjoni ssir effettivament disponibbli.

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex talba għal din l-informazzjoni tiġi rrifjutata fejn tkun taffettwa:

[...]

–        il-kunfidenzalità kummerċjali u industrijali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–        il-kunfidenzalità ta’ data u/jew fajls personali,

–        materjal fornut minn parti terza bla ma dik il-parti tkun taħt obbligazzjoni legali biex tagħmel hekk,

[...]

Informazzjoni fil-pussess ta’ awtoritajiet pubbliċi għandha tingħata parzjalment fejn ikun possibbli biex tiġi sseparata informazzjoni dwar suġġetti relatati mal-interessi hawn fuq imsemmija.

[...]”

 Id-Direttiva 90/642/KEE

4        Skont l-Artikolu 5b(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/642/KEE, tas-27 ta’ Novembru 1990, dwar l-iffissar ta’ livelli massimi għal residwi tal-pestiċidi u fuq ċerti prodotti oriġinarji mill-pjanti, inkluż il-frott u l-ħaxix (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 68), kif emendata bid-Direttiva tal‑Kunsill 97/41/KE, tal‑25 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 184, p. 33):

“L-Istati Membri għandhom jintroduċu arranġamenti biex ikunu stabbiliti livelli massimi ta’ residwi, kemm jekk permanenti jew temporanji, għall-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 1(1), miġjuba fit-territorji tagħhom minn Stat Membru tal-oriġini, billi jittieħed akkont ta’ prattiki agrikoli tajbin fl-Istat Membru tal-oriġini, u mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet meħtieġa biex tkun protetta s-saħħa tal-konsumaturi, fil-każi meta l-ebda livelli massimi ma jkun ġew stabbiliti għal dawn il-prodotti bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-Artikoli 3 (1) jew 5a”.

 Id-Direttiva 91/414

5        Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414:

“Fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, sustanza attiva għandha tiġi inkluża fl-Anness I għal perjodu ta’ żmien inizjali li ma jkunx jaqbeż l‑10 snin, jekk jista’ jiġi mistenni li prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva jkunu jwettqu [jissodisfaw] il-kondizzjonijiet segwenti:

a)      il-fdalijiet [ir-residwi] tagħhom, wara użu konsistenti mal-prattika fl-użu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, ma jkollhomx effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali jew għall-ilma ta’ taħt l-art jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent, u l-imsemmija fdalijiet [residwi], jekk ikunu sinifikanti mil-lat tossikoloġiku jew ambjentali, ikunu jistgħu jiġu mkejla b’metodi li jkunu użati b’mod mifrux;

b)      l-użu tagħhom, li jrid ikun konsistenti mal-prattika fl-użu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, ma jkollux effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent skond ma jiddisponi l-Artikolu 4(1)(b)(iv) u (v).”

6        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414 jipprevedi:

“L-Istati Membri [u l-Kummissjoni] għandhom, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva […] 90/313/KEE, jaċċertaw ruħhom li l-informazzjoni mogħtija mill-applikanti li tkun tinvolvi sigrieti industrijali u kummerċjali tiġi meqjusa bħala kunfidenzjali jekk l-applikant li jixtieq jara li sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I jew l-applikant għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti jitlob dan, u jekk l-Istat Membru jew il-Kummissjoni jaċċetta li t-talba tal-applikant tkun iġġustifikata.

Il-kunfidenzjalità m’għandhiex tapplika għal:

[...]

–        sommarju tar-riżultati tat-testijiet sabiex tiġi stabbilita l-effikaċità [effikaċja] tas-sustanza jew prodott u n-nuqqas ta’ periklu għall-bnedmin, l-annimali, il-pjanti u l-ambjent,

–        [...]”

 Id-Direttiva 2003/4

7        Skont il-premessa 5 tad-Direttiva 2003/4:

“Fil‑25 ta’ Ġunju 1998, il-Komunità Ewropea ffirmat il-Konvenzjoni tan-NU/ECE dwar l-Aċċess għat-Tagħrif, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Tiswir tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja f’Materji Ambjentali (“il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”). Id-disposizzjonijiet tal-liġijiet Komunitarji jridu jkunu konsistenti ma’ din il-Konvenzjoni bil-ħsieb tal-konklużjoni tagħha mill-Komunità Ewropea.”

8        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      “Tagħrif dwar l-ambjent” għandu jfisser kull tagħrif fil-għamla miktuba, li jidher, li jinsama’, bl-elettronika jew ta’ kull materjal ieħor dwar:

a)      l-istat tal-elementi tal-ambjent, bħalma huma l-arja u l-atmosfera, l‑ilma, il-ħamrija, il-pajżaġġ u s-siti naturali inklużi l-artijiet mistagħdra, iż-żoni kostali u marini, id-diversità bijoloġika u l‑komponenti tagħha, inklużi l-organiżmi mmodifikati ġenetikament, u l-interazzjoni fost dawn l-elementi;

b)      il-fatturi, bħalma huma s-sustanzi, l-enerġija, il-ħsejjes, ir-radjazzjoni jew l-iskart, […] l-emissjonijiet, l-iskarigi u ħruġ ieħor fl-ambjent, li jaffettwaw jew x’aktarx jaffettwaw l-elementi tal-ambjent riferiti fil‑[paragrafu](a);

(ċ)      il-miżuri (inklużi l-miżuri amministrattivi), bħalma huma l-politiki, il‑leġiżlazzjoni, il-pjani, il-programmi, il-ftehimijiet ambjentali, u l‑attivitajiet li jaffettwaw jew x’aktarx li jaffettwaw l-elementi u l‑fatturi riferiti fil-[paragrafu] (a) u fil-[paragrafu] (b) kif ukoll il‑miżuri jew l-attivitajiet iddiżinjati għalbiex [sabiex] jipproteġu dawn l-elementi;

[...]

f)      l-istat tas-saħħa u tas-sigurtà pubblika, inklużi t-tniġġiż tal-katina tal‑ikel, meta rilevanti, il-kundizzjonijiet tal-ħajja umana, is-siti kulturali u l-istrutturi mibnija daqskemm jistgħu jaffettwaw jew jiġu affettwati mill-istat tal-elementi tal-ambjent riferiti fil-[paragrafu] (a) jew, permezz ta’ dawn l-elementi, minn kull materja riferita fil‑[paragrafu] (b) u (ċ);

[...]”

9        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4, intitolat “Eċċezzjonijiet”, jipprevedi fil‑paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l‑ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:

[...]

d)      il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali meta din il‑kunfidenzjalità tkun ipprovvduta fil-liġijiet nazzjonali jew Komunitarji sabiex tipproteġi intress ekonomiku leġittimu, inkluż l-interes pubbliku fiż‑żamma tal-kunfidenzjalità u s-segretezza dwar it-taxxi;

[...]

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Bis-saħħa tal-paragrafu 2(a), (d), (f), (g) u (h), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta t-talba jkollha x’taqsam ma’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent.

[...]”

10      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/4 jipprevedi:

“Id-Direttiva 90/313/KEE hija hawnhekk imħassra b’effett mill‑14 ta’ Frar 2005.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jiġu mifhuma bħala li jirreferu għal din id-Direttiva u għandhom jiġu moqrija skond it-tabella tal-korrelazzjoni fl‑Anness.”

 Id-Deċiżjoni 2005/370/KE

11      Permezz tad-Deċiżjoni 2005/370/KE, tas‑17 ta’ Frar 2005, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 164M, 16.06.2006, p. 17), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva din il-konvenzjoni.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12      Skont l-Artikolu 22 tal-liġi dwar il-pestiċidi tal‑1962 (Bestrijdingsmiddelenwet 1962):

“1.      L-obbligu tal-kunfidenzjalità previst fl-Artikolu 2:5 tal-liġi ġenerali fil‑qasam amministrattiv (Algemene wet bestuursrecht) ma japplikax għall‑komponenti ta’ pestiċida dannuża għall-bniedem jew għall-annimali jew il‑pjanti li hija mixtieqa l-konservazzjoni tagħhom.

2.      Jekk id-data li tirriżulta jew tista’ tiġi dedotta minn att ippreżentat, skont id‑dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew abbażi tagħha, quddiem il-ministru kkonċernat jew quddiem il-College, jew anki quddiem persuna jew istituzzjoni oħra, u li l-kunfidenzjalità tagħha hija ġġustfikata bħala sigriet industrijali, il‑ministru kkonċernta jew il-College għandu jiddeċiedi, fuq talba bil-miktub mill‑parti li tkun ippreżentat l-att, li din id-data għandha tibqa’ kunfidenzjali. Tali talba għandha tiġi mmotivata.

3.      Il-ministru kkonċernat għandu jistabbilixxi r-regoli rigward id-data li għaliha ma japplikax l-obbligu tal-kunfidenzjalità”.

13      Permezz ta’ regolament ministerjali tad‑19 ta’ Ottubru 1999, il-ministeru tas‑Saħħa, tal-Benesseri u tal-Isports, bi qbil mas-segretarju tal-Istat għall‑Agrikultura, għall-Protezzjoni tan-Natura u għas-Sajd immodifika r‑regolament dwar ir-residwi tal-pestiċidi. Din il-modifika tistabbilixxi, fost affarijiet oħra, il-limitu massimu awtorizzat għar-residwi (iktar ’il quddiem l‑“LMR”) ta’ 15 mg/kg għall-pestiċida propamocarb fuq jew ġewwa l-ħass.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Il-modifika tal-LMR għall-propamocarb fuq jew ġewwa l-ħass saret fuq talba tad‑detenur tal-prodott Previcur N. Bayer CropScience BV (iktar ’il quddiem “Bayer”) hija s-suċċessur ta’ dan id-detentur.

15      Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu b’mod partikolari lis-CTB sabiex jikkomunikalhom l-informazzjoni kollha li abbażi tagħha ttieħdet id-deċiżjoni dwar l-iffissar tal‑LMR imsemmi iktar ’il fuq.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2005, is-CTB ċaħad it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, abbażi tal-Artikolu 22 tal-liġi dwar il-pestiċidi tal‑1962. Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ April 2005, dawn tal-aħħar ressqu lment kontra din id‑deċiżjoni.

17      Fil‑31 ta’ Mejju 2005, is-CTB informa lil Bayer bit-talba għall-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti prinċipali. Huwa offra lil Bayer il-possibbiltà li tressaq talba ta’ kunfidenzjalità fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fid-dokumenti kkonċernati.

18      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Lulju 2005, Bayer indikat, b’mod partikolari, id‑dokumenti li kien fihom, fl-opinjoni tagħha, sigrieti industrijali. Dawn kienu jirrigwardaw prinċipalment studji fuq ir-residwi u rapporti dwar testijiet fil‑kamp. Hija talbet il-kunfidenzjalità għal dawn id-dokumenti.

19      Fit‑22 ta’ Ġunju 2007, is-CTB ċaħad l-iżvelar tal-istudji tar-residwi u tar-rapporti dwar testijiet fil-kamp, għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigrieti industrijali. Huwa pprovda l-lista tad-dokumenti li setgħet tingħata kopja tagħha. Din il-lista ġiet ikkompletata permezz ta’ deċiżjoni ta’ rettifika tas‑17 ta’ Lulju 2007.

20      Dan ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju ġie fformulat kontra din id-deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2007 u d-deċiżjoni ta’ rettifika tas‑17 ta’ Lulju 2007. Dawn iż-żewġ atti jikkostitwixxu flimkien id-deċiżjoni kkontestata.

21      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-liġi nazzjonali li abbażi tagħha ġie rrifjutat l-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni u l-applikazzjoni tagħha f’dan il-każ humiex kompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/4.

22      B’mod iktar preċiż, l-istħarriġ tagħha jikkonċerna, minbarra l-applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2003/4 għal fatti ta’ dan il-każ, l-istess kunċett ta’ tagħrif dwar l-ambjent irregolat minn dik id-direttiva. Qabel kollox, hija tistaqsi, fil-fatt, jekk id-data li fuqha hija bbażata d-definizzjoni ta’ LMR ta’ prodott għall‑protezzjoni tal-pjanti tikkostitwixxix tali tagħrif dwar l-ambjent u għaldaqstant taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-imsemmija direttiva.

23      Billi kkonstatat sussegwentement li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414 jipprevedi kunfidenzjalità mhux kundizzjonata tal-informazzjoni industrijali u kummerċjali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-imsemmi artikolu peress li dan jippreċiża li huwa japplika “mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2003/4”. Din tal-aħħar, fl-Artikolu 4 tagħha, tagħti preċedenza lill‑informazzjoni dwar il-kunfidenzjalità marbuta mas-sigrieti industrijali jew mill-inqas teżiġi li l-awtoritajiet nazzjonali jibbilanċjaw l-interessi inkwistjoni.

24      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali bbilanċjar tal-interessi jistax isir b’mod ġenerali u darba għal dejjem fid-dispożizzjonijiet adottati mill-leġiżlatur jew mill-awtorità amministrattiva kompetenti jew jekk għandux isir fuq bażi individwali, każ b’każ.

25      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett ta’ tagħrif dwar l-ambjent fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-tagħrif li jingħata fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni (jew ta’ estensjoni tal‑awtorizzazzjoni) ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti sabiex jiġi ddeterminat l-ammont massimu ta’ pestiċida, ta’ komponent tagħha jew prodotti ta’ trasformazzjoni tiegħu, li jistgħu jinsabu fl-ikel jew fix-xorb?

2)      Fil-każ li tingħata riposta pożittiva għall-ewwel domanda, x’inhi r-relazzjoni bejn l-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414/KEE […] u d-Direttiva 2003/4/KE […], f’dak li huwa rilevanti għall-applikazzjoni tat-tagħrif kif deskritt fid‑domanda preċedenti, u b’mod partikolari, din ir-relazzjoni hija tali li l‑Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414/KEE japplika biss sakemm ma jikkawżax preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva 2003/4/KE?

3)      Jekk mir-risposti għall-ewwel żewġ domandi jirriżulta li l-konvenuta f’din il-proċedura hija marbuta li tapplika l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4/KE, dan l-artikolu b’hekk ifisser li l-ibbilanċjar li huwa jippreskrivi bejn l‑interess ġenerali permezz tal-iżvelar u l-interess partikolari permezz tar‑rifjut tal-iżvelar għandu jsir meta qed issir l-applikazzjoni, jew li dan l‑ibbilanċjar jista’ jsir fil-leġiżlazzjoni nazzjonjali?”

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

26      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Ottubru 2010, Bayer u Nederlandse Stichting voor Fytofarmacie talbu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali billi sostnew, essenzjalment, li l-kwistjoni dwar jekk it-tagħrif inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċernax emissjonijiet fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 għandha tkun suġġetta għal diskussjoni kontradittorja. Fil-fatt, skont il-persuni kkonċernati, dan il-kunċett ta’ emissjonijiet ġie analizzat mill-Avukat Ġenerali fil‑konklużjonijiet tiegħu meta, minn naħa, il-qorti tar-rinviju ma ressqet l-ebda domanda f’dan ir-rigward, min-naħa l-oħra, ċerti partijiet ma żviluppaw l-ebda argument fir-rigward ta’ dan il-kunċett, u meta dawk li ttratawh fl‑osservazzjonijiet tagħhom taw interpretazzjoni totalment opposta għal dik li ngħatat fl-imsemmija konklużjonijiet.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, Ġabra p.I-7633, punt 31 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

28      Min-naħa l-oħra, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bħala risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. (ara s-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

29      Il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, tqis li għandha fid‑dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha meħtieġa biex twieġeb id-domandi ppreżentati mill-qorti tar-rinviju u li l-kawża ma għandhiex tiġi eżaminata abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiemha.

30      Għaldaqstant, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

31      Hemm lok li jiġi ossevat li l-qorti tar-rinviju tqis li l-fatti fil-kawża prinċipali għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad-dritt applikabbli fid-data meta ttieħdet id‑deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/4, applikabbli f’din id-data. Min-naħa l‑oħra, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jsostnu li din l-interpretazzjoni għandha tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/313 li peress li tħassret mid‑Direttiva 2003/4 biss fid-data tal‑14 ta’ Frar 2005, kienet fis-seħħ kemm fid‑data li fiha ġiet ipprovduta l-informazzjoni, li ntalab l-iżvelar tagħha lill‑amministrazzjoni kompetenti, kif ukoll fid-data li fiha din tal-aħħar ġiet mitluba tiżvela tagħrif għall-ewwel darba.

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-prinċipju, dispożizzjoni legali tapplika sa mid-dħul fis-seħħ tal-att li joħloqha. Jekk hija ma tapplikax għas‑sitwazzjonijiet ġuridiċi maħluqa u miksuba b’mod definittiv taħt is-sistema legali preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għas‑sitwazzjonijiet ġuridici ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Monsanto Technology, C‑428/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punt 66). Is-sitwazzjoni tkun differenti jekk, u b’riżerva għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ atti ġuridiċi, jekk ir-regola l-ġdida tkun akkumpanjata b’dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw b’mod speċjali l‑kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha.

33      F’dan il-każ hemm lok li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2003/4 li tħassar id‑Direttiva 90/313 ma tinkludi, f’dan ir-rigward, l-ebda dispożizzjoni speċifika.

34      Barra minn dan, id-dritt ta’ aċċess għal tagħrif dwar l-ambjent jikkonkretizza ruħu biss fid-data li fiha l-awtoritajiet kompetenti jintalbu jiddeċiedu dwar it-talba miġjuba quddiemhom. Fil-fatt, huwa biss f’dak il-mument li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-awtoritajiet għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt u ta’ liġi tal-kawża, jekk it-tagħrif mitlub għandux jiġi pprovdut jew le.

35      F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet wara l-iskadenza tat‑terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/4, huwa, fi kwalunkwe każ, fid‑dawl tad-dritt ta’ aċċess għal tagħrif dwar l-ambjent, kif iddefinit minn din id‑direttiva, li għandhom jiġu evalwati l-fatti fil-kawża prinċipali, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni li tmur kontra l-imsemmija direttiva, li fl-Artikolu 3 tagħha, ma tagħmel, barra minn dan, l-ebda distinzjoni skont in-natura tat-tagħrif li hija tirregola l-iżvelar tiegħu, bejn dak li kien fil-pusses tal-awtoritajiet kompetenti qabel l‑14 ta’ Frar 2005 u dak li wasal għandhom biss wara din id‑data.

36      Konsegwentment, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula fid-dawl tad-Direttiva 2003/4, kif titlob il-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ewwel domanda

37      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4 jelenka d-diversi kategoriji ta’ tagħrif li jaqa’ taħt tagħrif dwar l-ambjent li d-dritt tal-Unjoni jissuġġetta għas-sistema ta’ żvelar iddefinita mill-imsemmija direttiva. L-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar‑rinviju hija intiża, konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat, essenzjalment, jekk tagħrif bħal dik fil-kawża prinċipali jaqax taħt waħda minn dawn il‑kategoriji.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata tiċħad l-iżvelar ta’ studji ta’ residwi u ta’ rapporti dwar testijiet fil-kamp, ipprovduti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ estensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ prodott li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 91/414. Sabiex adotta din l-aħħar direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonstata b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 4 tal‑imsemmija direttiva, li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ma għandhomx biss konsegwenzi favorevoli fuq il-produzzjoni tal-pjanti u li l-użu tagħhom jista’ joħloq riskji u perikli għall-bniedem, l-annimali u l-ambjent, speċjalment jekk jiġu introdotti fis-suq mingħajr ma jkunu ġew eżaminati u awtorizzati b’mod uffiċjali u jekk jintużaw b’mod żbaljat.

39      Għaldaqstant ma jistax jiġi kkontestat li t-tagħrif imsemmi mid-deċiżjoni kkontestata u relattiv għar-residwi ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fuq ikel jaqa’ taħt proċedura ta’ awtorizzazzjoni intiża preċiżament sabiex tipprevjeni riskji u perikli għal bniedem, l-annimali u l-ambjent. Bħala tali, dan it-tagħrif jista’, minnu nnifsu, jikkonċerna, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1)(f) tad‑Direttiva 2003/4, l-istat tas-saħħa u tas-sigurtà pubblika, inkluż it-tniġġiż tal‑katina tal-ikel.

40      Madankollu, skont dan l-Artikolu 2(1)(f), tagħrif ta’ din in-natura jaqa’ biss taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/4 sa fejn l-istat tas-saħħa u tas‑sigurtà, u t-tniġġiż tal-katina tal-ikel li huwa jikkonċerna jinbidlu jew ikunu jistgħu jinbidlu mill-istat tal-elementi tal-ambjent previsti fl-imsemmi Artikolu 2(1)(a), jew, permezz ta’ dawn l-elementi, minn wieħed mill-fatturi, miżuri jew attivitajiet previsti fl-istess Artikolu 2(1)(b) u (ċ).

41      L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2003/4 jirrigwarda l-elementi tal-ambjent, bħalma huma l-arja u l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, il-pajżaġġ u s-siti naturali inklużi l‑artijiet mistagħdra, iż-żoni kostali u marini, id-diversità bijoloġika u l‑komponenti tagħha, inklużi l-organiżmi mmodifikati ġenetikament, u l‑interazzjoni bejn dawn l-elementi. Fir-rigward tal-Artikolu 2(1)(b), huwa jsemmi fatturi, bħalma huma, b’mod partikolari, is-sustanzi, l-enerġija, il-ħsejjes, ir‑radjazzjoni jew l-iskart, l-emissjonijiet, l-iskarigi u ħruġ ieħor fl-ambjent, li jaffettwaw jew x’aktarx jaffettwaw l-elementi tal-ambjent previsti fl-imsemmi Artikolu 2(1)(a).

42      F’dan il-każ, il-provvista ta’ tagħrif dwar il-preżenza ta’ residwi ta’ prodotti għall‑protezzjoni tal-pjanti fuq jew ġewwa ħxejjex bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-ħass, hija intiża wkoll, billi tippermetti li jiġi vverifikat il-livell li fih ġie ffissat l-LMR, sabiex tillimita r-riskju ta’ tibdil ta’ wieħed mill-komponenti tad-diversità bijoloġika u r-riskju ta’ tixrid ta’ dawn ir-residwi b’mod partikolari fuq il-ħamrija jew fl-ilma ta’ taħt l-art. Tali tagħrif, anki jekk ma jinkludix direttament huwa stess evalwazzjoni dwar il-konsegwenzi ta’ dawn ir-residwi fuq is-saħħa tal‑bniedem, jikkonċerna elementi tal-ambjent li jistgħu jibdlu s-saħħa tal‑bniedem f’każ ta’ preżenza eċċessiva ta’ dawn ir-residwi, li huwa preċiżament dak li dan it-tagħrif huwa intiż li jivverifika.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “tagħrif dwar l-ambjent” previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jinkludi t-tagħrif prodott fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ estensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont massimu ta’ pestiċida, ta’ komponent tagħha jew ta’ prodotti ta’ trasformazzjoni tiegħu, li jistgħu jinsabu fl-ikel jew fix-xorb.

 Fuq it-tieni domanda

44      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma japplikaw biss sakemm ma jippreġudikawx l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4.

45      Hemm lok li jiġi osservat, preliminarjament, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414 jinkludi lista ta’ dokumenti u ta’ tagħrif li ma jistgħux jiġu suġġetti għal trattament kunfidenzjali. Fost dawn hemm inkluż, fil-ħames inċiż, “[sommarju] tar-riżultati tat-testijiet sabiex tiġi stabbilita l-effikaċità [effikaċja] tas-sustanza jew prodott u n-nuqqas ta’ periklu għall-bnedmin, l-annimali, il-pjanti u l-ambjent”. Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, qabel ma jiddeterminaw x’inhu l-iskop tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità mitluba minn Bayer skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jivverfikaw jekk it-tagħrif u d-dokumenti kkonċernati jinsabux fost dawk elenkati fil-lista inkluża f’dan it-tieni paragrafu tal-Artikolu 14.

46      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi mfakkar li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għat-tagħrif dwar l-ambjent, inizjalment ġew stabbiliti mid-Direttiva 30/313, li ġiet imħassra mid-Direttiva 2003/4 sa mill‑14 ta’ Frar 2005.

47      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414 stabbilixxa l-prinċipju li l-applikanti għall‑awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq jistgħu jitolbu li t-tagħrif ipprovdut minnhom u li jikkostitwixxi sigriet industrijali jew kummerċjali jibqa’ kunfidenzjali, iżda dan “mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 90/313”. L-Artikolu 3 ta’ din l-aħħar direttiva kien jipprevedi li l‑Istati Membri jistgħu jirrifjutaw l-aċċess għal tagħrif fil-qasam tal-ambjent meta dan jirrigwarda sigriet kummerċjali u industrijali.

48      Id-Direttiva 90/313 ġiet issostitwita mid-Direttiva 2003/4 li l-Artikolu 4 tagħha jipprevedi protezzjoni ta’ sigrieti industrijali u kummerċjali inqas stretta meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta mill-imsemmija dispożizzjonijiet, meħuda flimkien, tad-Direttivi 91/414 u 90/313, peress li din teżiġi li, sabiex jiġi deċiż li għandu jiġi rrifjutat jew le l-iżvelar ta’ tagħrif dwar l-ambjent, l-interess moqdi bir-rifjut tal‑iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar.

49      F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, sa mill‑14 ta’ Frar 2005, u bis-saħħa tad‑dispożizzjonijiet espliċiti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/4, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414 għandu jinqara bħala li jagħmel riferiment, mhux iktar għad‑Direttiva 90/313 iżda għad-Direttiva 2003/4. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja inkluża fid-Direttiva 2003/4 f’dan ir-rigward, għandu jingħata effett sħiħ lir-riferiment magħmul b’dan il-mod minn issa ’il quddiem, mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414, għad-Direttiva 2003/4.

50      Għaldaqstant, l-imsemmi Artikolu 14 għandu jinqara fis-sens li huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4 li l-Istati Membri u l‑Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-indikazzjonijiet li ġew ipprovduti mill‑applikanti ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall‑protezzjoni tal-pjanti u li jikkostitwixxu sigriet industrijali jew kummerċjali, jibqgħu kunfidenzjali, jekk dawn l-applikanti jressqu t-talba f’dan is-sens u jekk l‑Istat Membru, jew il-Kummissjoni, jaċċettaw il-ġustifikazzjoni pprovduta mill‑persuni kkonċernati.

51      Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħak dik fil-kawża prinċipali, huma l‑awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, meta ssirilhom talba għall‑kunfidenzjalità tal-indikazzjonijiet pprovduti, li għandhom jittrattawha b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 14, b’riżerva li dan it-trattament ma jwassalx lil dawn l-awtoritajiet, meta ssirilhom ukoll talba għal aċċess għall-istess tagħrif, sabiex jiksru l-obbligi imposti fuqhom minn issa ’il quddiem skont id-Direttiva 2003/4.

52      L-imsemmija obbligi jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad‑Direttiva 2003/4. Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-Istati Membri jipprevedu li talba għal tagħrif dwar l-ambjent, ħlief jekk dan tal-aħħar ikun jikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent, tista’ tinċaħad meta l-iżvelar tal-imsemmi tagħrif jippreġudika l-kunfidenzjalità ta’ tagħrif kummerċjali jew industrijali, fil‑każ li din il-kunfidenzjalità tkun prevista mill-liġi nazzjonali jew mid-dritt tal‑Unjoni Ewropea. Madankollu, huma jeżiġu wkoll li tali motiv għal rifjut għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess li l-iżvelar tat-tagħrif għandu għall-pubbliku, u li, f’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut tal-iżvelar.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-awtoritajiet kompetenti ssirilhom talba għal aċċess għal tagħrif dwar l-ambjent li ġie pprovdut mill-applikant għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li għalih it-talba għall‑protezzjoni bħala sigriet industrijali jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414 tidhrilhom li hija ġġustifikata, dawn l-awtoritajiet huma madankollu obbligati li jilqgħu t-talba għal aċċess għal dan it-tagħrif jekk dan tal‑aħħar ikun jikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent jew, fil-każijiet l-oħra, l‑interess pubbliku moqdi bl-iżvelar ikun jidher superjuri għall-interess moqdi bir‑rifjut tal-iżvelar.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, dment li sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali ma taqax taħt waħda minn dawk elenkati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma japplikaw biss sakemm ma jippreġudikawx l‑obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4.

 Fuq it-tielet domanda

55      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ibbilanċjar li huwa jippreskrivi tal-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar ta’ tagħrif dwar l-ambjent u tal-interess partikolari moqdi permezz tar-rifjut tal-iżvelar għandux isir f’kull każ partikolari mressaq quddiem l-awtoritajiet kompetenti jew jekk jistax jiġi ddefinit f’miżura ġenerali adottata mil-leġiżlatur nazzjonali.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-kliem tal-Artikolu 4 tad‑Direttiva 2003/4 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li l-ibbilanċjar tal‑interessi inkwistjoni kellu jsir f’kull każ partikolari.

57      La d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2003/4 ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l‑ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, kif preskritt mill-Artikolu 4 ta’ din l-aħħar direttiva, jista’ jiġi ssostitwit b’miżura oħra ħlief b’eżami ta’ dawn l-interessi f’kull każ partikolari.

58      Madankollu, dan il-fatt ma jostakolax lil-leġiżlatur nazzjonali milli jiddetermina, permezz ta’ dispożizzjoni ta’ natura ġenerali, kriterji li jippermettu li tiġi ffaċilitata din l-evalwazzjoni komparata tal-interessi inkwistjoni, bil-kundizzjoni waħdanija li din id-dispożizzjoni ma teżentax lill-awtoritajiet kompetenti milli effettivament jagħmlu eżami partikolari ta’ kull sitwazzjoni mressqa quddiemhom fil-kuntest ta’ talba ta’ aċċess għal tagħrif dwar l-ambjent ppreżentata abbażi tad‑Direttiva 2003/4.

59      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ibbilanċjar tal-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar ta’ tagħrif dwar l-ambjent u l‑interess partikolari moqdi permezz tar-rifjut tal-iżvelar għandu jsir f’kull każ partikolari mressaq quddiem l-awtoritajiet kompetenti, anki jekk il-leġiżlatur nazzjonali jiddetermina permezz ta’ dispożizzjoni ta’ natura ġenerali kriterji li jippermettu li tiġi ffaċilitata din l-evalwazzjoni komparata tal-interessi inkwistjoni.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “tagħrif dwar l-ambjent” imsemmi fl-Artikolu 2 tad‑Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE għandu jiġi interpretat fis‑sens li huwa jinkludi t-tagħrif prodott fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ estensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont massimu ta’ pestiċida, ta’ komponent tagħha jew prodotti ta’ trasformazzjoni tiegħu, li jistgħu jinsabu fl-ikel jew fix-xorb.

2)      Dment li sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali ma taqax taħt waħda minn dawk elenkati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tal‑Kunsill 91/414/KEE, tal‑15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, id-dispożizzjonijiet tal‑imsemmi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma japplikaw biss sakemm ma jippreġudikawx l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4.

3)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li l‑ibbilanċjar li huwa jippreskrivi tal-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar ta’ tagħrif dwar l-ambjent u tal-interess partikolari moqdi permezz tar‑rifjut tal-iżvelar għandu jsir f’kull każ partikolari mressaq quddiem l-awtoritajiet kompetenti, anki jekk il-leġiżlatur nazzjonali jiddetermina permezz ta’ dispożizzjoni ta’ natura ġenerali, kriterji li jippermettu li tiġi ffaċilitata din l-evalwazzjoni komparata tal-interessi inkwistjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.