Language of document : ECLI:EU:T:2016:281

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

10 ta’ Mejju 2016 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Enerġija rinnovabbli – Għajnuna mogħtija minn ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi Ġermaniża emendata dwar is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli (liġi EEG tal-2012) – Sostenn għal elettriku rinnovabbli u soprataxxa‑EEG imnaqqsa għal utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna bħala parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Riżorsi tal-Istat”

Fil-Kawża T‑47/15,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata inizjalment minn T. Henze u K. Petersen, sussegwentement minn M. Henze u K. Stranz bħala aġenti, assistiti minn T. Lübbig, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn T. Maxian Rusche u R. Sauer, sussegwentement minn M. Maxian Rusche u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1585, tal-25 ta’ Novembru 2014, dwar l-iskema ta’ għajnuna SA. 33995 (2013/C) (ex 2013/NN) [implimentata mill-Ġermanja għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u tal-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija] (ĠU 2015, L 250, p. 122),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Papasavvas (Relatur), President, E. Bieliūnas u I. S. Forrester, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        F’Diċembru 2011, il-Bund der Energieverbraucher (assoċjazzjoni Ġermaniża ta’ utenti tal-elettriku) ippreżentat ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea, fejn hija qieset li ċerti miżuri previsti mill-Gesetz zur Neuregelung des Rechtsrahmens für die Förderung der Stromerzeugung aus Erneuerbaren Energien (liġi li tirrigwarda leġiżlazzjoni ġdida fil-kuntest legali tal-promozzjoni tal-elettriku mill-enerġija rinnovabbli), tat-28 ta’ Lulju 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1634, iktar 'il quddiem l‑“EEG tal-2012”), intiża li tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012, kienu jikkostitwixxu għajnuna inkompatibbli mas-suq intern.

 Miżuri inkwistjoni

2        L-EEG tal-2012 għandha l-għan li tipproteġi l-klima u l-ambjent billi tiżgura l‑iżvilupp sostenibbli tal-provvista tal-enerġija, billi tnaqqas l-ispejjeż għalih għall-ekonomija Ġermaniża, billi tnaqqas is-sorsi tal-enerġija mill-fossili u billi tiżviluppa t-teknoloġiji għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u mill-gass mill-minjieri (iktar 'il quddiem l-“elettriku EEG”). Għal dan il-għan, hija intiża b’mod partikolari li żżid il-parti tal-enerġija rinnovabbli fil-provvista tal-elettriku sal-minimu ta’ 35 % fl-2020, sussegwentement, permezz ta’ livelli suċċessivi, sal-minimu ta’ 80 % fl-2050 (Artikolu 1 tal-EEG tal-2012).

3        F’dan il-kuntest, l-EEG tal-2012 tipprovdi b’mod partikolari sistema ta’ għajnuna favur il-produtturi tal-elettriku EEG (Artikolu 2 tal-EEG tal-2012), fejn il‑karatteristiċi prinċipali huma deskritti kif ġej.

4        Fl-ewwel lok, l-amministraturi tan-netwerk tal-livelli kollha ta’ vultaġġ (iktar 'il quddiem il-“GR”) li jiżguraw il-provvista ġenerali tal-elettriku huma obbligati, l-ewwel nett, li jikkonnettu man-netwerk tagħhom l-installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku EEG fil-perimetru ta’ attività tagħhom (Artikoli 5 sa 7 tal-EEG tal‑2012), it-tieni nett, li jdaħħlu dan l-elettriku fin-netwerk tagħhom, li jittrasportawh kif ukoll li jiddistribwixxuh bħala prijorità (Artikoli 8 sa 12 tal‑EEG tal-2012) u, it-tielet nett, li jagħtu lill-operaturi ta’ dawn l-installazzjonijiet remunerazzjoni kkalkolata skont tariffi stabbiliti mil-liġi, fid-dawl tan-natura tal-elettriku inkwistjoni u tal-potenza mogħtija jew stabbilita għal installazzjoni kkonċernata (Artikoli 16 sa 33 tal-EEG tal-2012). Alternattivament, l-operaturi tal-installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku EEG għandhom id-dritt, minn naħa, li jbiegħu dan l-elettriku kollu jew parti minnu direttament lil terzi u, min-naħa l-oħra, li jeħtieġu li l-GR li magħhom ġiet konnessa installazzjoni fin-nuqqas ta’ tali bejgħ dirett iħallsuhom primjum fis-suq ikkalkolata abbażi tal-ammont tar-remunerazzjoni li kienet tkun dovuta fil-każ ta’ konnessjoni (Artikoli 33a sa 33i tal-EEG tal-2012). Fil-prattika, huwa stabbilit li dawn l-obbligi huma r-responsabbiltà essenzjalment tal-amministraturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni lokali b’vultaġġ baxx jew medju (iktar 'il quddiem il-“GRD”).

5        Fit-tieni lok, il-GRD huma obbligati li jittrażmettu l-elettriku EEG lill-amministraturi tan-netwerks tat-trasport inter-reġjonali b’vultaġġ għoli u għoli ħafna upstream (iktar 'il quddiem il-“GRT”) (Artikolu 34 tal-EEG tal-2012). Bħala kontroparti għal dan l-obbligu, il-GRT huma obbligati jħallsu lill-GRD l-ekwivalenti tar-remunerazzjonijiet u tal-primjums fis-suq imħallsa minn dawn tal-aħħar lill-operaturi tal-installazzjonijiet (Artikolu 35 tal-EEG tal-2012).

6        Fit-tielet lok, l-EEG tal-2012 tipprovdi mekkaniżmu magħruf bħala “kumpens fuq livell federali” tal-kwantitajiet tal-elettriku EEG li kull GRT idaħħal fin-netwerk tiegħu, minn naħa, u tal-ammonti mħallsa bħala kontroparti lil GRD, min-naħa l-oħra (Artikolu 36 tal-EEG tal-2012). Fil-prattika, kull GRT li kien daħħal u ħallas kwantità tal-elettriku EEG superjuri għal dik mogħtija mill-fornituri tal-elettriku lill-klijenti finali li jinsabu fiż-żona tiegħu jista’ jagħmel użu, fil-konfronti tal-GRT l-oħra, minn dritt għall-kumpens li jikkorrispondi għal din id-differenza. Mis-snin 2009-2010, l-imsemmi kumpens ma jinħadimx iktar fuq bażi reali (skambju ta’ fluss tal-elettriku EEG), iżda fuq bażi finanzjarja (kumpens tal-ispejjeż li huma marbuta miegħu). Tlieta mill-erba’ GRT ikkonċernati minn dan id-dispożittiv għall-kumpens huma impriżi privati (Amprion GmbH, TenneT TSO GmbH u 50 Hertz Transmission GmbH), filwaqt li r-raba’ hija impriża pubblika (Transnet BW GmbH).

7        Fir-raba’ lok, il-GRT huma obbligati li jbigħu l-elettriku EEG li jdaħħlu fin-netwerk tagħhom fis-suq skont l-iskambju tal-elettriku (Artikolu 37(1) tal-EEG tal-2012). Fil-każ li l-prezz miksub b’dan il-mod ma jippermettilhomx li jkopru l-piż finanzjarju li jimponi fuqhom l-obbligu legali li jħallsu għal dan l-elettriku skont it-tariffi stabbiliti mil-liġi, huma għandhom id-dritt li jeħtieġu, skont ir-rekwiżiti ddefiniti mis-setgħa leġiżlattiva, li l-fornituri li jipprovdu servizz lill-klijenti finali jħallsuhom id-differenza, bi proporzjon mal-kwantitajiet mibjugħa. Dan il-mekkaniżmu jismu “soprataxxa-EEG ” (Artikolu 37(2) tal-EEG tal-2012). L-ammont tas-soprataxxa-EEG jista’ madankollu jitnaqqas b’2 ċenteżimi ta’ ewro għal kull kilowatt fis-siegħa (KWs) f’ċerti każijiet (Artikolu 39 tal-EEG tal-2012). Sabiex jibbenefikaw minn tali tnaqqis, ikklassifikat mill-EEG tal-2012 bħala “tnaqqis tas-soprataxxa-EEG”, iżda wkoll magħrufa bħala “privileġġ tal-elettriku ekoloġiku”, il-fornituri tal-elettriku għandhom b’mod partikolari juru, qabel kollox, li minn tal-inqas 50 % tal-elettriku li huma jipprovdu lill-klijenti tagħhom huwa elettriku EEG, sussegwentement, li minn tal-inqas 20 % minnu joriġina mill-enerġija eolika jew mill-enerġija radjoattiva tax-xemx u, fl-aħħar nett, li huwa s-suġġett ta’ bejgħ dirett lill-klijenti tagħhom.

8        Il-metodi ta’ ntaxxar EEG kienu ġew ippreċiżati, b’mod partikolari, mill-Verordnung zur Weiterentwicklung des bundesweiten Ausgleichsmechanismus (regolament dwar il-mekkaniżmu għall-kumpens), tas-17 ta’ Lulju 2009 (BGBl. 2009 I, p. 2101), kif emendat mill-Artikolu 2 tal-Gesetz zur Änderung des Rechtsrahmens für Strom aus solarer Strahlungsenergie und zu weiteren Änderungen im Recht der erneuerbaren Energien (liġi li temenda l-kuntest legali applikabbli għall-enerġija li toriġina mir-raġġi tax-xemx u li temenda l-liġi dwar l-enerġija rinnovabbli), tas-17 ta’ Awwissu 2012 (BGBl. 2012 I, p. 1754), kif ukoll mill-Verordnung zur Ausführung der Verordnung zur Weiterentwicklung des bundesweiten Ausgleichsmechanismus (regolament li jimplementa r-regolament dwar il-mekkaniżmu għall-kumpens), tat-22 ta’ Frar 2010 (BGBl. 2010 I, p. 134), kif emendat miz-Zweite Verordnung zur Änderung der Ausgleichsmechanismus-Ausführungsverordnung (it-tieni regolament li jemenda r-regolament li jimplementa dwar il-mekkaniżmu għall-kumpens), tad-19 ta’ Frar 2013 (BGBl. 2013 I, p. 310).

9        Fil-ħames lok, huwa stabbilit li, minkejja li l-EEG tal-2012 ma tobbligax lill-fornituri tal-elettriku li jgħaddu s-soprataxxa-EEG lill-klijenti finali, hija lanqas ma tipprojbihom milli jagħmlu dan. Huwa wkoll stabbilit li l-fornituri, li huma stess huma obbligati jħallsu din it-taxxa lil GRT, jgħaddu fil-prattika dan il-piż lill-klijenti tagħhom, kif barra minn hekk ikkonfermat dan il-fatt ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja waqt is-seduta. Il-metodi skont liema din it-taxxa għandha tidher fuq l-irċevuta li hija indirizzata lilhom huma previsti mill-EEG tal-2012 (Artikolu 53 tal-EEG tal-2012), bl-istess mod ir-rekwiżiti li taħthom dawn il-klijenti għandhom ikunu informati dwar il-proporzjon ta’ enerġija rinnovabbli, issussidjati skont il-liġi dwar l-enerġija rinnovabbli, li huwa pprovdut lilhom (Artikolu 54 tal-EEG tal-2012).

10      Barra minn hekk, l-EEG tal-2012 tipprovdi wkoll sistema ta’ kumpens speċjali, skont liema l-Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle (Uffiċċju Federali tal-ekonomija u tal-kontrolli tal-esportazzjoni, iktar 'il quddiem il-“BAFA”) jistabbilixxi limitu massimu kull sena fir-rigward tal-ammont tas-soprataxxa-EEG li jista’ jgħaddi mill-fornituri tal-elettriku liż-żewġ kategoriji stabbiliti mill-klijenti, jiġifieri, minn naħa, l-“impriżi li jużaw ħafna elettriku tas-settur produttiv” (iktar 'il quddiem l-“EEI”) u, min-naħa l-oħra, l-“impriżi ferrovjarji”, wara talba li kellha tiġi ppreżentata minn dawn tal-aħħar qabel it-30 ta’ Ġunju tas‑sena preċedenti, bil-għan li tnaqqas l-ispejjeż tagħhom tal-elettriku u, b’dan il-mod, li tiġi ppreżervata l-kompetittività tagħhom (Artikolu 40 tal-EEG tal-2012).

11      L-EEG tal-2012 tispeċifika r-rekwiżiti li jagħtu lok għad-dritt għal din is-sistema, il-proċedura li għandha tiġi segwita mill-impriżi ammissibbli, il-metodi għall-istabbiliment tal-limitu massimu każ b’każ u l-effetti tad-deċiżjonijiet meħuda rigward dan is-suġġett mill-BAFA (Artikoli 41 sa 44 tal-EEG tal-2012). L-EEG tal-2012 tipprovdi b’mod partikolari li, għall-impriżi tas-setturi produttivi li l-ispejjeż għall-konsum tal-elettriku tagħhom jirrappreżentaw minn tal-inqas 14 % tal-valur gross miżjud tagħhom u li l-konsum huwa minn tal-inqas 1 gigawatt fis-siegħa (GWh), dan l-istabbiliment tal-limitu massimu huwa ffissat għal 10 % tas-soprataxxa-EEG għall-parti tal-konsum tagħhom ta’ bejn 1 GWh u 10 GWh, għal 1 % ta’ din it-taxxa għall-parti tal-konsum tagħhom ta’ bejn 10 GWh u 100 GWh, u għal 0.05 ċenteżmu ta’ ewro kull KWh lil hinn minn hekk. L-EEG tal-2012 tipprovdi wkoll li, għall-impriżi tas-settur produttiv li l-ispejjeż għall-konsum tal-elettriku tagħhom jirrappreżentaw minn tal-inqas 20 % tal-valur gross miżjud tagħhom u li l-konsum huwa minn tal-inqas 100 GWh, is-soprataxxa-EEG hija stabbilita għal-limitu massimu ta’ 0.05 ċenteżmu ta’ ewro kull KWh mill-ewwel kilowatt fis-siegħa. L-EEG tal-2012 tispeċifika barra minn hekk li l-fornituri tal-elettriku għandhom jinformaw lill-impriżi li jibbenefikaw mill-avviż ta’ stabbiliment ta’ limitu massimu tas-soprataxxa-EEG, l-ewwel nett, dwar il-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli li jibbenefika mill-għajnuna skont il-liġi dwar l-enerġija rinnovabbli li hija pprovduta lilhom, it-tieni nett, dwar il-kompożizzjoni tat-taħlita tal-enerġija globali u, it-tielet nett, għall-impriżi li huma megħjuna skont il-liġi dwar l-enerġija rinnovabbli, dwar il-kompożizzjoni tat-taħlita tal-enerġija li hija pprovduta lilhom (Artikolu 54 tal-EEG tal-2012).

12      Fis-sitt lok, l-EEG tal-2012 timponi sett ta’ obbligi għall-informazzjoni u għall-pubblikazzjoni fuq l-operaturi tal-installazzjonijiet, l-GR u l-fornituri tal-elettriku, b’mod partikolari fir-rigward tal-GRT u tal-Bundesnetzagentur (aġenzija federali tan-netwerks, iktar 'il quddiem il-“BNetzA”), kif ukoll serje ta’ obbligi ta’ trasparenza li huma r-responsabbiltà speċifika tal-GRT (Artikolu 45 sa 51 tal-EEG tal-2012). L-imsemmija liġi tispeċifika wkoll is-setgħat ta’ sorveljanza u ta’ kontroll li għandha l-BNetzA fir-rigward tal-GRD u tal-GRT (Artikolu 61 tal-EEG tal-2012).

 Deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali

13      Permezz tal-ittra tat-18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Ġermaniżi li hija kienet iddeċidiet li tibda proċeduri ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżuri li jinsabu fl-EEG tal-2012 u implementati taħt il-forma ta’ għajnuna favur l-elettriku rinnovabbli u l-utenti li jagħmu użu intensiv mill-enerġija.

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Frar 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ressqet rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, rikors li hija rrinunzjat permezz tal-ittra tat-28 ta’ April 2015.

15      Permezz tad-digriet tat-8 ta’ Ġunju 2015, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali ordna t-tħassir tal-kawża mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali (Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑134/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:392).

 Deċiżjoni kkontestata

16      Fil-25 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2015/1585, dwar l-iskema ta’ għajnuna SA. 33995 (2013/C) (ex 2013/NN) [implimentata mill-Ġermanja għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u tal-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija] (ĠU 2015, L 250, p. 122, iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

17      Minn naħa, il-Kummissjoni qieset li t-tariffi ggarantiti u l-primjums fis-suq, li jiggarantixxu lill-produtturi tal-elettriku EEG prezz, għall-elettriku li jipproduċu, iktar għoli mill-prezz fis-suq, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li t-tnaqqis tas-soprataxxa‑EEG għal ċerti utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija jikkostitwixxi wkoll għajnuna mill-Istat, li l-kompatibbiltà tiegħu mas-suq intern hija rrikonoxxuta biss sakemm huwa jaqa’ taħt ċerti kategoriji.

18      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jiddikjara dan li ġej:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat għall-appoġġ tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u minn gass estratt mill-minjieri, inkluż il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tiegħu, mogħtija fuq il-bażi tal-Erneuerbare-Energien-Gesetz 2012 [...] (l-Att tal-EEG 2012), implimentata b’mod illeċitu mill-Ġermanja [mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat [TFUE], hija kompatibbli mas-suq intern, soġġetta għall-implimentazzjoni tal-impenn stabbilit fl-Anness I mill-Ġermanja [mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja].

[…]

Artikolu 3:

1.      L-għajnuna mill-Istat, li tikkonsisti fi tnaqqis fis-soprataxxa għall-iffinanzjar tal-appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli [...] fis-snin 2013 u 2014 għall-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija [...], implimentata b’mod illeċitu mill-Ġermanja [mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat [TFUE], tkun kompatibbli mas-suq intern jekk taqa’ taħt waħda mill-erba kategoriji msemmija f’dan il-paragrafu.

Meta l-għajnuna mill-Istat tkun ingħatat lil intrapriża li tappartjeni għal xi settur elenkat fl-Anness 3 għal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-enerġija 2014-2020 [...], hija titqies kompatibbli mas-suq intern jekk l-intrapriża tkun ħallset mill-inqas 15 % tal-ispejjeż addizzjonali li jkunu ġarrbu l-fornituri tal-elettriku minħabba l-obbligi li jkollhom li jixtru l-enerġija rinnovabbli, obbligi li sussegwentement jgħaddu għand il-klijenti tagħhom. Jekk l-intrapriża tkun ħallset inqas minn 15 % ta’ dawk l-ispejjeż addizzjonali, l-għajnuna mill-Istat xorta waħda titqies bħala kompatibbli jekk l-intrapriża tkun ħallset ammont li jikkorrespondi għal mill-inqas 4 % tal-valur gross miżjud tagħha jew, għall-intrapriżi b’intensità elettrika ta’ mill-inqas 20 %, għal mill-inqas 0.5 % tal-valur gross miżjud.

Meta l-għajnuna mill-Istat tkun ingħatat lil intrapriża li ma tappartjenix għal xi settur elenkat fl-Anness 3 għal-Linji Gwida tal-2014, iżda kellha intensità elettrika ta’ mill-inqas 20 % fl-2012 u f’dik is-sena kienet tappartjeni għal settur b’intensità kummerċjali ta’ mill-inqas 4 % fil-livell tal-Unjoni [Ewropea], hija titqies bħala kompatibbli mas-suq intern jekk l-intrapriża tkun ħallset mill-inqas 15 % tal-ispejjeż addizzjonali li jkunu ġarrbu l-fornituri tal-elettriku minħabba l-obbligi li jkollhom li jixtru enerġija rinnovabbli, obbligi li sussegwentement jgħaddu għand il-konsumaturi tal-elettriku. Jekk l-intrapriża tkun ħallset inqas minn 15 % ta’ dawk l-ispejjeż addizzjonali, l-għajnuna mill-Istat xorta waħda titqies bħala kompatibbli jekk l-intrapriża tkun ħallset ammont li jikkorrispondi għal mill-inqas 4 % tal-valur gross miżjud tagħha jew, għall-intrapriżi b’intensità elettrika ta’ mill-inqas 20 %, għal mill-inqas 0.5 % tal-valur gross miżjud.

Meta l-għajnuna mill-Istat tkun ingħatat lil intrapriża eliġibbli għal għajnuna kompatibbli mill-Istat abbażi tat-tieni jew tat-tielet subparagrafu, iżda l-ammont tas-soprataxxa tal-EEG imħallas mill-intrapriża ma jkunx laħaq il-livell mitlub minn dawk is-subparagrafi, il-partijiet tal-għajnuna li ġejjin jitqiesu bħala kompatibbli:

a)       għall-2013, il-parti tal-għajnuna li taqbeż il-125 % tas-soprataxxa effettivament imħallsa mill-intrapriża fl-2013;

b)       għall-2014, il-parti tal-għajnuna li taqbeż il-150 % tas-soprataxxa effettivament imħallsa mill-intrapriża fl-2013.

Meta l-għajnuna mill-Istat tkun ingħatat lil intrapriża mhux eliġibbli għal għajnuna kompatibbli mill-Istat abbażi tat-tieni jew tat-tielet subparagrafu, u meta l-intrapriża tkun ħallset inqas minn 20 % tal-ispejjeż addizzjonali tas-soprataxxa mingħajr tnaqqis, il-partijiet tal-għajnuna li ġejjin jitqiesu bħala kompatibbli:

a)       għall-2013, il-parti tal-għajnuna li taqbeż il-125 % tas-soprataxxa effettivament imħallsa mill-intrapriża fl-2013;

b)       għall-2014, il-parti tal-għajnuna li taqbeż il-150 % tas-soprataxxa effettivament imħallsa mill-intrapriża fl-2013.

2.      Kwalunkwe għajnuna li mhijiex koperta mill-paragrafu 1 titqies bħala inkompatibbli mas-suq intern”.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz tar-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Frar 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat dan ir-rikors.

20      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem tliet motivi, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti, it-tieni wieħed, fuq l-assenza ta’ vantaġġ marbut mas-sistema ta’ kumpens speċjali u, it-tielet wieħed, fuq l-assenza ta’ vantaġġ iffinanzjat permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-fatti

 Fuq l-ammissibbiltà

23      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li l-ewwel motiv huwa inammissibbli minħabba l-fatt, essenzjalment, li ma jinftiehemx.

24      Fil-fatt, il-Kummissjoni tallega li, fid-deskrizzjoni tagħha tas-suġġett tal-motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkritikaha b’mod ġenerali li manifestament naqqset mill-obbligi tagħha li tirrikonoxxi l-forom differenti ta’ azzjoni mill-Istat, kritika li skont il-Kummissjoni, ma kinitx tinftiehem. Hija żżid li ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tinterpreta mill-ġdid argument li ma jistax jinftiehem tar-rikors sabiex tipprova tattribwilu sens.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, kif ukoll skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u l-espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Indipendentement minn kull kwistjoni ta’ terminoloġija, din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex jippermettu li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn tagħhom. Bl-għan li tkun żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li sabiex rikors ikun ammissibbli fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq, il-punti essenzjali ta’ fatti u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu (ara d-digriet tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, EU:T:1993:39, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      B’mod iktar partikolari, jekk stess kellu jiġi aċċettat, minn naħa, li d-dikjarazzjoni tal-motivi tar-rikors ma hijiex marbuta mat-terminoloġija u mal-enumerazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura u, min-naħa l-oħra, li l-preżentazzjoni ta’ dawn il-motivi, mis-sustanza tagħhom iktar milli mill-klassifikazzjoni legali tagħhom, tista’ tkun suffiċjenti, dan huwa madankollu suġġett għall-kundizzjoni li dawn il-motivi joħorġu b’mod suffiċjentement ċar mir-rikors. Barra minn hekk, is-sempliċi dikjarazzjoni astratta ta’ motivi fir-rikors ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tar-Regoli tal-Proċedura u t-termini “espożizzjoni fil-qosor tal-motivi”, użati f’dawn it-testi, ifissru li r-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu r-rikors huwa bbażat (ara d-digriet tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, EU:T:1993:39, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Fil-każ ineżami, jirriżulta mir-rikors li l-għan tal-ewwel motiv huwa ddefinit b’mod ċar, sa fejn huwa intiż jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-fatti u r-rwol tal-Istat fil-funzjonament tal-EEG tal-2012. Mir-rikors jirriżulta wkoll li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE, hekk li dan il-motiv fil-liġi jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar mir-rikors.

28      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq il-mertu

29      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja essenzjalment tqis, li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn il-Kummissjoni kienet wettqet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tar-rwol tal-Istat fil-funzjonament tal-EEG tal-2012. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Istat ma jeżerċitax rwol partikolari u ma jintervjenix fil-funzjonament tal-EEG tal-2012.

30      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-partijiet li jintervjenu fis-sistema tal-EEG tal-2012, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, l-ewwel nett, huma biss entitajiet irregolati mil-liġi privata li jistgħu jipparteċipaw fil-mekkaniżmu tal-EEG tal‑2012, it-tieni nett, l-imsemmija liġi hija applikabbli mingħajr distinzjoni kemm għall-amministraturi tan-netwerks u għall-fornituri pubbliċi tal-elettriku kif ukoll għall-ekwivalenti tagħhom fil-qasam privat, it-tielet nett, l-ebda impriża individwali ma hija inkarigata b’obbligi partikolari mill-EEG tal-2012 jew mir‑regolamenti ta’ implementazzjoni tagħha, iżda biss l-GRT meħud flimkien u, ir-raba’ nett, il-korpi tal-Istat li jingħataw is-setgħat mill-EEG tal-2012 għandhom bħala l-uniku obbligu li jivverifikaw il-legalità u l-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmi stabbiliti, mingħajr ma jkollhom impatt fuq l-oriġini u l-użu tar-riżorsi maħluqa.

31      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-flussi finanzjarji maħluqa permezz tal-funzjonament tal-EEG tal-2012, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li dawn la huma imposti u lanqas ivverifikati mill-Istati. Hija tiddikjara, insostenn ta’ din l-allegazzjoni, li, minn naħa, l-EEG tal-2012 hija sistema ta’ fissazzjoni ta’ prezz għall-produzzjoni tal-elettriku mill-enerġija rinnovabbli li ma tippermettix lill-Istat li jistabbilixxi l-ammont tas-soprataxxa-EEG, liema taxxa tkun stabbilita mill-partijiet fil-kuntest tal-libertà kuntrattwali tagħhom u li, min-naħa l-oħra, l-implementazzjoni tad-dritt għall-ħlas, fost individwi, li tirriżulta mill-mekkaniżmi tal-EEG tal-2012, ma hija bl-ebda mod żgurata mill-korpi tal-Istat u taqa’, meta tinqala’ tilwima, taħt ir-responsabbiltà tal-qrati ċivili.

32      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, fir-rigward tar-rwol tal-amministrazzjoni fis-sistema ta’ kumpens speċjali prevista mill-EEG tal-2012, ir-rwol tal-BAFA huwa limitat sabiex jieħu deċiżjonijiet fuq it-talbiet dwar l-istabbiliment tal-limitu massimu li huma ppreżentati lilu u li jistabbilixxi, fil-kuntest ta’ setgħa limitata li ma tippermettilu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni, deċiżjoni li tillimita lilha nnifisha tikkonstata li, fil-każ ineżami, ir-rekwiżiti meħtieġa għall-kisba tad-dritt għal stabbiliment ta’ limitu massimu huma ssodisfatti. Għalhekk, il-BAFA ma għandux pussess dirett tal-flussi finanzjarji maħluqa permezz tal-funzjonament tal-EEG tal-2012, lanqas ma għandu aċċess għal dan il-fluss u għall-mezzi sabiex jivverifikahom.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, preliminarjament, l-Artikolu 107(1) tat‑TFUE jistabbilixxi li hija inkompatibbli mas-suq intern, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi.

34      L-Artikolu 107(1) TFUE jissuġġetta din l-inkompatibbiltà għall-verifika ta’ erba’ rekwiżiti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et, C‑345/02, EU:C:2004:448, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fir-rigward tal-ewwel minn dawn ir-rekwiżiti, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li jitqiesu bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, id-distinzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni bejn “l-għajnuna mogħtija mill-Istati” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” ma tfissirx li l-vantaġġi kollha mogħtija minn Stat jikkostitwixxu għajnuna, indipendentament minn jekk humiex jew le ffinanzjati permezz ta’ riżorsi li ġejjin mill-Istat, imma hija intiża biss sabiex tinkludi f’dan il-kunċett il-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, kif ukoll dawk mogħtija permezz ta’ korp pubbliku jew privat, stabbilit jew maħtur minn dan l-Istat (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE tista’, bħala regola ġenerali, tinkludi wkoll l-għajnuna mogħtija permezz ta’ korpi pubbliċi jew privati, stabbiliti jew maħtura mill-Istat sabiex tiġi amministrata l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et, C-345/02, EU:C:2004:448, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Madankollu, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom ċertament, minn naħa waħda, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat, però wkoll, min-naħa l-oħra, ikunu attribwibbli lill-Istat (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et, C‑345/02, EU:C:2004:448, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-ġurisprudenza jirriżulta infatti li dawn huma rekwiżiti distinti u kumulattivi (ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑351/02, EU:T:2006:104, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fir-rigward tar-rekwiżit dwar l-imputabbiltà tal-miżura, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok jiġi eżaminat, jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jitqiesu bħala li kienu implikati fl-adozzjoni tal-imsemmija miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-każ, hemm lok jiġi osservat li, għalkemm ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’evalwazzjonijiet manifestament żbaljati tal-fatti, l-argument tagħha jirrigwarda esklużivament, fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, il-funzjonament tal-EEG tal-2012 u r-rwol tal-Istat f’din is-sistema.

39      Fil-fatt, hemm lok jiġi osservat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tillimita lilha nnifisha, insostenn tal-ewwel motiv tagħha, tispjega l-funzjonament tal-EEG tal-2012 permezz ta’ tfakkira tad-dispożizzjonijiet legali, iżda ma tqajjem l-ebda element konkret li jippermetti li jiġi kkonstatat żball ta’ fatt fid-deskrizzjoni tal-mekkaniżmi inkwistjoni jew żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tagħhom.

40      Barra minn hekk, sa fejn, permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem il-kwistjoni dwar l-imputabbiltà lill-Istat tal-EEG tal-2012, għandu jiġi kkonstatat li l-mekkaniżmi ta’ sostenn u ta’ kumpens inkwistjoni f’din il-kawża kienu ġew stabbiliti mil-liġi, f’dan il-każ l-EEG tal-2012, fatt li barra minn hekk tirrikonoxxi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja meta hija tirreferi, fir-rikors, għall-“qafas legali impost”. Dawn il-mekkaniżmi għandhom għalhekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar 'il fuq, jiġu kkunsidrati bħala imputabbli lill-Istat.

41      F’ċirkustanzi bħal dawn, għal kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma huwiex neċessarju li ssir analiżi iktar iddettaljata tar-rwol tal-Istat fil-funzjonament tal-EEG tal-2012, peress li din il-kwistjoni taqa’ taħt l-evalwazzjoni tar-rekwiżit dwar l-użu tar-riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, eżaminat fil-kuntest tat-tielet motiv.

42      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza tal-vantaġġ marbut mas-sistema ta’ kumpens speċjali

43      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni tqis bi żball li s-sistema ta’ kumpens speċjali tistabbilixxi vantaġġ lil EEI. Dan il-motiv jinqasam f’ħames partijiet.

44      Preliminarjament, għandu jiġi osservat, l-istess bħalma tagħmel il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, li l-iżviluppi tat-tieni motiv imqajma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jirrigwardaw esklużivament l-eżistenza stess ta’ vantaġġ fir-rigward tal-EEI, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, marbut biss mas-sistema ta’ kumpens speċjali, u mhux il-kwistjoni tal-għażla ta’ tali vantaġġ u lanqas dwar dik tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv marbut mas-sistema ta’ sostenn, kwistjonijiet li ma għandhomx, għalhekk, għalfejn jiġu eżaminati mill-Qorti Ġenerali.

45      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq tibda teżamina, l-ewwel, it-tieni u l-ħames partijiet flimkien, sussegwentement, it-tielet parti u, finalment, ir-raba’ parti.

 Fuq l-ewwel, it-tieni u l-ħames partijiet

46      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li s-sistema ta’ kumpens speċjali ma tagħtix vantaġġ lil EEI, iżda hija intiża tikkumpensa t-tnaqqis tal-kompetittività internazzjonali tagħhom marbuta, b’mod partikolari, mal-fatt li r-responsabbiltajiet huma ħafna inqas f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, inkluż fl-Istati Membri fejn jeżisti wkoll tnaqqis tar-responsabbiltajiet għall-EEI. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li, fl-Istati terzi, ħafna mid-drabi ma hemmx responsabbiltajiet paragunabbli.

47      Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li numru kbir ta’ setturi b’intensità qawwija tal-enerġija, bħall-produzzjoni jew it-trasformazzjoni ta’ ram, tal-azzar, tal-aluminju u tal-pitrolju, huma suġġetti għal pressjoni kompetittiva internazzjonali b’saħħitha ħafna. Għalhekk, is-sistema ta’ kumpens speċjali ma ġġibx vantaġġ, iżda tikkumpensa żvantaġġ, sa fejn, mingħajr din is-sistema, l-impriżi li l-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni tagħhom huma partikolarment ta’ intensità enerġetika qawwija jsibu lilhom infushom f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni sfavorevoli ħafna meta mqabbla ma’ dik ta’ impriżi fl-istess industrija li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra jew fi Stati terzi.

48      Permezz tal-ħames parti tat-tieni motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li s-sistema ta’ kumpens speċjali hija ġġustifikata sabiex tippreżerva l-kompetittività tal-impriżi Ġermaniżi għall-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni partikolarment ta’ intensità enerġetika qawwija. Minn din il-perspettiva, is-sistema ta’ kumpens speċjali hija strument importanti sabiex tiżgura l-istess rekwiżiti ta’ kompetizzjoni lill-impriżi Ġermaniżi b’intensità enerġetika qawwija u sabiex tippromwovi t-tranżizzjoni għall-provvista ta’ enerġija bbażata fuq sorsi rinnovabbli. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-EEI ffavoriti mis-sistema ta’ kumpens speċjali, li għandhom juru, fil-kuntest tal-proċedura prevista mill-punt 2 tal-Artikolu 41(1) tal-EEG tal-2012, li twettqet ċertifikazzjoni f’liema kuntest il-konsum tagħhom tal-enerġija ġie nnotat u vvalutat, għandhom jagħmlu ħafna sforzi kunsiderevoli fir-rigward tal-verifiki. Ir-rekwiżiti korrispettivi għalhekk joħolqu bosta spejjeż kunsiderevoli. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tnaqqis iktar kunsiderevoli tas‑soprataxxa‑EEG f’dawn il-kundizzjonijiet jikkostitwixxi kumpens adegwat għall-isforzi ta’ amministrazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija magħmula mill-impriżi kkonċernati.

49      F’dan ir-rigward, hemm lok jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ għajnuna huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju għaliex ma jinkludix biss benefiċċji pożittivi, bħas-sussidji stess, iżda anki miżuri tal-Istat li, f’bosta forom, itaffu r-responsabbiltajiet li normalment ikunu inklużi fil-baġit ta’ impriża u li, b’hekk, bla ma jkunu sussidji fit-tifsira stretta tal-kelma, għandhom karattru simili u l-istess effett (ara, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2012, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, T‑210/02 RENV, EU:T:2012:110, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, din għandha b’mod partikolari, minn naħa, tkun tinvolvi vantaġġ li jista’ jieħu forom differenti (għajnuna mogħtija “ta’ kwalunkwe forma”), u, min-naħa l-oħra, dan il-vantaġġ għandu jirriżulta, b’mod dirett jew indirett, minn riżorsi pubbliċi (mogħtija “minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat”).

51      Huwa fid-dawl ta’ dan it-tfakkir li huwa xieraq li jiġi vverifikat jekk il-limitu massimu tas-soprataxxa-EEG mogħti lill-EEI jimplikax, fih innifsu, l-għoti ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, lil dawn l-EEI.

52      Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni osservat, fil-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikoli 40 u 41 tal-EEG tal-2012 jistabbilixxu l-għoti ta’ limitu massimu tas-soprataxxa-EEG lil EEI u jipprevjenu għalhekk lill-GRT u lill-fornituri tal-elettriku milli jirkupraw l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-elettriku EEG mill-EEI.

53      F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi kkonstatat, l-istess bħalma tosserva l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 40 tal-EEG tal-2012 isemmi l-prinċipju ta’ limitu tal-ammont tas-soprataxxa-EEG li jista’ jgħaddi mill-fornituri tal-elettriku għall-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija billi jipprovdi li, fuq talba, il-BAFA joħroġ att amministrattiv li jipprojbixxi lill-fornitur tal-elettriku milli jgħaddi s-soprataxxa-EEG kollha kemm hi fuq l-utenti finali meta din tal-aħħar hija EEI. L-Artikolu 41 tal-EEG tal-2012 jissuġġetta l-limitu tas-soprataxxa-EEG lil EEI għall-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti, marbuta, prinċipalment, mal-importanza tal-konsum tagħhom tal-enerġija.

54      Huwa wkoll xieraq jiġi osservat li l-ebda argument ma tqajjem sabiex jikkontradiċi din il-konstatazzjoni, fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja stess tirrikonoxxi li s-sistema stabbilita minn dawn l-artikoli hija intiża li tillimita l-ispejjeż ekonomiċi addizzjonali li jirriżultaw, għall-EEI, mill-għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku EEG u, għalhekk, tnaqqas ir-responsabbiltajiet li normalment huma inklużi fil-baġit tagħhom.

55      Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema ta’ kumpens speċjali maħluqa mill-Artikoli 40 u 41 tal-EEG tal-2012 kienet teħles lill-EEI mill-oneri li huma ġeneralment għandhom iħallsu u li, għalhekk, l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lil EEI, li kien jirriżulta minn sempliċi deskrizzjoni tal-mekkaniżmu implementat mill-EEG tal-2012, kien stabbilit.

56      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata miċ-ċirkustanza li, permezz ta’ din is-sistema ta’ kumpens speċjali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja trid tikkumpensa żvantaġġ kompetittiv. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li Stat Membru jipprova japprossima, permezz ta’ miżuri unilaterali, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni eżistenti f’ċertu settur ekonomiku ma’ dawk li jipprevalu fi Stati Membri oħra ma jistax ineħħi minn dawn il-miżuri n-natura ta’ għajnuna (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, EU:C:2005:130, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Għalhekk hemm lok li jiġu miċħuda l-ewwel, it-tieni u l-ħames partijiet tat-tieni motiv.

 Fuq it-tielet parti

58      Permezz tat-tielet parti tat-tieni motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, permezz tal-użu tas-sistema ta’ kumpens speċjali sabiex tistabbilixxi limitu massimu tas-soprataxxa mħallsa mill-EEI, il-leġiżlatur Ġermaniż irid biss jikkumpensa l-iżvantaġġi strutturali, hekk li l-ipoteżi ta’ vantaġġ tidher sa mill-bidu li qed tiġi eskluża. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-kumpens tal-iżvantaġġi strutturali ma kienx vantaġġ fis-sens tad-definizzjoni tal-għajnuna li tissemma’ fl-Artikolu 107(1) TFUE.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (ara s-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Huwa importanti wkoll li jitfakkar li l-motivi li jsostnu miżura ta’ għajnuna ma humiex biżżejjed sabiex jeskludu ipso facto tali miżura mill-kwalifika bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni ma jiddistingwix bejn il-miżuri tal-interventi mill-Istat skont il-kawżi jew l-għanijiet, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Qabel kollox, għandu għalhekk jiġi osservat li s-sistema ta’ kumpens speċjali maħluqa permezz tal-Artikoli 40 u 41 tal-EEG tal-2012, ma tistax taħrab mill-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat minħabba l-unika fatt li hija telimina, għall-EEI, żvantaġġ strutturali.

62      Jekk jiġi preżunt li, permezz tal-argument tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja trid tirreferi għall-ġurisprudenza dwar il-kumpens li jirrappreżenta l-kontroparti tas-servizzi mwettqa mill-impriżi inkarigati b’servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali sabiex jimplementaw l-obbligi ta’ servizz pubbliku, għandu jiġi osservat li tali miżura trid tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), sabiex ma taqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Orange vs Il-Kummissjoni, T‑385/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:117, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Issa, fil-każ ineżami, ma jirriżultax minn din il-kawża li l-EEI huma responsabbli għal servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u li għandhom jimplementaw obbligi ta’ servizz pubbliku.

64      Barra minn hekk, hemm lok jiġi stabbilit li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ssostnix, fit-tielet parti tat-tieni motiv tagħha, li r-rekwiżiti stabbiliti permezz tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, (C‑280/00, EU:C:2003:415), ikunu ssosdisfatti fir-rigward tal-miżuri inkwistjoni.

65      Għalhekk, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti

66      Permezz tar-raba’ parti tat-tieni motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tallega li s-sistema ta’ kumpens speċjali tosserva l-prinċipju ta’ kapaċità ta’ ħlas, sa fejn il-Gvern tal-Ġermanja jispera, billi jnaqqas is-soprataxxa-EEG għall-impriżi li jagħmlu użu minn intensità enerġetika qawwija, li dawn l-impriżi jistgħu jinżammu fil-Ġermanja u għalhekk iġibu minn tal-inqas ċertu kontribut għas-soprataxxa-EEG.

67      F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi osservat li, permezz tal-argument ġenerali u astratt tagħha bbażat fuq l-osservanza tal-“prinċipju ta’ kapaċità tal-ħlas”, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiddikjara biss, essenzjalment, li kieku l-EEI kienu mgħobbija b’soprataxxa-EEG b’rata sħiħa, huma setgħu jċaqilqu l-produzzjoni tagħhom pajjiż ieħor u, b’dan il-mod, ma kinux jistgħu jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-fondi maħluqa minn din is-soprataxxa. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tipproduċi madankollu l-ebda prova insostenn ta’ dan l-argument. B’mod partikolari, hija ma turix li hija ħadet inkunsiderazzjoni b’mod individwali s-sitwazzjonijiet finanzjarji tal-impriżi li jibbenefikaw mill-istabbiliment tal-limitu massimu tas-soprataxxa-EEG, jew li, mingħajr din tal-aħħar, huma kienu effettivament iċaqilqu l-produzzjoni tagħhom.

68      Iktar minn hekk, jekk jitqies, skont l-argument tagħha dwar il-prinċipju ta’ kapaċità tal-ħlas, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja trid tirreferi għall-ġurisprudenza skont liema l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jintroduċu differenza bejn l-impriżi u, għalhekk, huma prima facie selettivi, meta din id-differenza tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema ta’ spejjeż li huma jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Ġibiltà u r-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata), dan l-argument ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, hija ma wrietx li d-differenza bejn l-impriżi fir-rigward tar-responsabbiltajiet kienet fil-fatt iġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema inkwistjoni, kif teħtieġ il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Ġibiltà u r-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Għalhekk, hemm lok li r-raba’ parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

70      Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li t-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ vantaġġ marbut mas-sistema ta’ kumpens speċjali, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ vantaġġ finanzjarju permezz tar-riżorsi tal-Istat

71      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni tqis bi żball li l‑funzjonament tal-EEG tal-2012 jinvolvi riżorsi mill-Istat filwaqt li, skont is-sottomissjonijiet tagħha, il-konstatazzjonijiet tas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), ma kinux jippermettu li jiġi aċċettat, fil-każ ineżami, li kienet teżisti għajnuna mill-Istat, kemm fir-rigward tas-sistema ta’ għajnuna kif ukoll tas-sistema ta’ kumpens. Fil-fatt, l-EEG tal-2012 hija, kif tosserva l-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, minn naħa, tobbliga lill-impriżi privati li jipprovdu l-elettriku sabiex jixtru l-elettriku prodott fiż-żona tagħhom ta’ forniment mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għal prezzijiet minimi superjuri għall-valur ekonomiku reali ta’ dan it-tip ta’ elettriku u, min-naħa l-oħra, tqassam ir-responsabbiltà finanzjarja li tirriżulta minn dan it-tip ta’ obbligu bejn l-imsemmija impriżi ta’ forniment tal-elettriku u l-operaturi privati tan-netwerks tal-elettriku li jinsabu upstream.

72      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li s-sistema tal-EEG tal-2012 ma għandha l-ebda rabta mal-baġit tal-Istat jew ta’ entità pubblika, hekk li l-implikazzjoni tar-riżorsi tal-Istati hija eskluża.

73      F’dan ir-rigward, qabel kollox, hija tiddikjara li t-testi leġiżlattivi dwar is-sistema tal-EEG tal-2012 ma jipprovdux la għall-finanzjament tal-għajnuna għall-enerġiji rinnovabbli mir-riżorsi tal-Istat u lanqas għall-imputabbiltà tal-Istat. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li, skont il-ġurisprudenza, pagamenti bejn individwi li huma ordnati mill-Istat mingħajr ma jkunu attribwiti għall-baġit tal-Istat jew ta’ entità pubblika oħra u li fir-rigward tagħhom l-Istat ma jirrinunzja għal ebda riżors, fi kwalunkwe forma, bħall-imposti, taxxi, oneri jew oħrajn, iżommu n-natura privata tagħhom.

74      Sussegwentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li t-taxxi, imposti u spejjeż huma kkaratterizzati mill-fatt li d-dħul maħluq għandu, taħt forma jew oħra, imur lura għall-baġit tal-Istat jew ta’ entità pubblika. Issa, dan ma huwiex eżattament il-każ għall-EEG tal-2012. Il-GRT ma humiex entitajiet pubbliċi u r-riżorsi li huma mħallsa sabiex ikopru l-ispejjeż li jirriżultaw mill-bejgħ fis-suq tal-kambju tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli bl-ebda mod ma jnaqqsu, la direttament u lanqas indirettament, id-dħul tal-Istat.

75      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-assenza ta’ attribuzzjoni tas-soprataxxa-EEG għall-baġit federali jew għal dak ta’ entità pubblika tirriżulta wkoll mill-fatt li l-eventwali eċċessi jew defiċits tal-GRT għandhom jiġu kkumpensati, interessi inklużi, is-sena ta’ wara fil-kuntest tal-istabbiliment tas-soprataxxa-EEG, konformement għal dak li japplika fid-dritt ċivili għall-azzjoni għal kumpens tal-ispejjeż. Dwar dan l-aspett, hija żżid li l-eventwali kawżi li jinħolqu mill-ammont dovut skont is-sistema ta’ finanzjament tal-EEG tal-2012 jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati ċivili, peress li l-awtoritajiet amministrattivi ma għandhom l-ebda influwenza fuq l-iżvolġiment ta’ dawn il-kawżi.

76      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, essenzjalment, li l-mekkaniżmu tal-EEG tal-2012 ma jipprovdix sorveljanza mill-Istat tal-użu magħmul mir-riżori maħluqa mis-soprataxxa-EEG. Għalkemm l-EEG tal-2012 tipprovdi ċertament serje ta’ obbligi ta’ sorveljanza intiżi li jivverifikaw ir-regolarità, il-legalità u l-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmi implementati mill-korpi privati b’implementazzjoni tar-rekwiżiti legali, xorta jibqa’ l-fatt li, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-korpi tal-Istat li għandhom dawn ir-responsabbiltajiet ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jeżerċitaw influwenza fuq il-ħlas jew il-fluss finanzjarju u ma għandhom l-ebda setgħa fuq ir-riżorsi finanzjarji li jirriżultaw mill-partijiet differenti li jipparteċipaw fis-sistema. Hija tibbaża lilha nnifisha, prinċipalment, fuq il-kawża li tagħti lok għas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004, Pearle et (C‑345/02, EU:C:2004:448).

77      Qabel kollox, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tallega li l-obbligi ta’ verifika tal-BNetzA jirrigwardaw essenzjalment l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar is-soprataxxa-EEG li l-fornituri tal-elettriku jistgħu jeħtieġu mill-konsumaturi finali. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-BNetzA tista’ tintervjeni biss jekk l-istabbiliment tas-soprataxxa-EEG jikser ir-regoli stabbiliti, billi jiġu inklużi pereżempju l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu integrati fis-soprataxxa‑EEG.

78      Sussegwentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-impożizzjoni legali ta’ metodu ta’ kalkolu kif ukoll l-obbligi ta’ trasparenza u d-drittijiet ta’ sorveljanza li huma marbuta miegħu jservu sempliċiment sabiex jevitaw li awtur ma jiksibx rikkezza f’xi stadju jkun liema jkun tal-katina.

79      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fid-deċiżjoni kkontestata billi qieset li l-leġiżlazzjoni u s-sorveljanza huma fluss monetarju privat tal-għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx hemm riżorsi mill-Istat meta kienet suffiċjentement eskluża l-influwenza mill-Istat fuq l-użu tar-riżorsi.

80      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li l-argument użat fl-ewwel żewġ partijiet tat-tielet motiv, iċċentrat prinċiplament fuq il-kwistjoni ta’ l-implikazzjoni tar-riżorsi mill-Istat fil-funzjonament tal-iskema ta’ sostenn, japplika b’analoġija għall-iskema ta’ kumpens speċjali.

81      Preliminarjament, l-ewwel nett, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li għandhom jitqiesu li huma għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, mill-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni u mir-regoli proċedurali stabbiliti permezz tal-Artikolu 108 TFUE jirriżulta li l-vantaġġi mogħtija permezz ta’ mezzi oħra għajr riżorsi tal-Istat ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Id-distinzjoni bejn għajnuna mogħtija mill-Istat u għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat hija intiża biex tinkludi fil-kunċett ta’ għajnuna mhux biss l-għajnuna mogħtija direttament mill-Istat, iżda wkoll dik mogħtija minn korpi pubbliċi jew privati, maħtura jew stabbiliti mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig, 78/76, EU:C:1977:52, punt 21, u tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jaċċetta li s-sempliċi fatt li jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi inkarigati bid-distribuzzjoni tal-għajnuna jippermetti li jiġu evitati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 23).

82      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit, fil-każijiet kollha, li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat biex il-vantaġġ mogħti lil impriża waħda jew iktar ikun jista’ jitqies li huwa għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Fil-fatt, huwa xieraq jitfakkar li l-Artikolu 107(1) TFUE jkopri l-mezzi finanzjarji kollha li bihom l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu fil-fatt jappoġġjaw lill-impriżi, irrispettivament minn jekk dawk il-mezzi huma jew ma humiex parti b’mod permanenti mill-patrimonju tal-Istat. Konsegwentement, anki jekk is-somom li jikkorrispondu għall-miżura inkwistjoni ma humiex fil-pussess tal-amministrazzjoni tat-Teżor pubbliku b’mod permanenti, il-fatt li jibqgħu kontinwament taħt il-kontroll pubbliku, u għaldaqstant fid-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa suffiċjenti sabiex jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat (ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Fil-każ ineżami, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, permezz tal‑EEG tal-2012, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet introduċiet taxxa speċjali, is-soprataxxa-EEG, u ddefinixxiet l-għan tagħha, li huwa l-finanzjament tad-differenza bejn l-ispejjeż magħmula mill-GRT għax-xiri tal-elettriku EEG u d-dħul mill-bejgħ ta’ dan l-elettriku. Il-Kummissjoni qieset li l-metodu ta’ kalkolu li jservi sabiex jiddetermina l-livell ta’ soprataxxa-EEG kien ukoll iddefinit fl‑EEG tal-2012, kif ukoll il-prinċipju skont liema d-defiċits u l-eċċessi huma kkoreġuti matul is-sens ta’ wara, u b’hekk jiġi ggarantit li l-GRT ma jbatux telf, iżda jimplika wkoll li huma ma jistgħux jużaw d-dħul mis-soprataxxa għall-finijiet differenti minn dawk tal-finanzjament tal-elettriku EEG. Il-Kummissjoni ddeċidiet li, għal kuntrarju ta’ dak li kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), l-Istat kien, fil-kuntest tal-EEG tal-2012, ipprovda lil GRT ir-riżorsi finanzjarji neċessarji sabiex tiġi ffinanzjata l-għajnuna għall-elettriku EEG.

85      Sabiex din il-konklużjoni tiġi sostnuta, il-Kummissjoni bbażat lilha nnifisha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq erba’ serje ta’ argumenti.

86      L-ewwel nett, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 112 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, li, peress li s-soprataxxa-EEG kienet introdotta mill-Istat u peress li dan tal-aħħar kien ħatar lil GRT sabiex jamministraw il-fondi, is-sempliċi fatt li l-vantaġġ ma huwiex iffinanzjat direttament mill-baġit tal-Istat, ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi l-possibbiltà li r-riżorsi tal-Istati huma implikati. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li hija ġurisprudenza stabbilita li l-entitajiet maħtura sabiex jamministraw l-għajnuna jistgħu jkunu korpi pubbliċi jew privati u li, konsegwentement, il-fatt li l-GRT ikunu operaturi privati ma jistax fih innifsu jeskludi l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat, kif ukoll in-natura inizjalment privata tar-riżorsi miġbura.

87      It-tieni nett, il-Kummissjoni bbażat lilha nnifisha, fil-premessi 117 u 118 tad-deċiżjoni kkontestata u għall-finijiet tad-demostrazzjoni tal-implikazzjoni tar-riżorsi tal-Istat fis-sistema implementata mill-EEG tal-2012, fuq il-ħatra tal-GRT sabiex jamministraw is-soprataxxa-EEG. F’dan ir-rigward, il‑Kummissjoni żammet il-konklużjonijiet preliminari fformulati fid-deċiżjoni tal-bidu ta’ proċedura u qieset li l-GRT kellhom:

–        jixtru l-elettriku EEG prodott fil-perimetru tagħhom, jew direttament mingħand il-produttur meta dan kien direttament marbut mal-linja ta’ trasport, jew mingħand il-GRD, bit-tariffi feed-in, jew iħallsu l-primjum tas-suq (konsegwentement, l-elettriku EEG kif ukoll ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ għajnuna prevista mill-EEG tal-2012 huma ċċentralizzati fuq il-livell ta’ kull wieħed mill-erba’ GRT);

–        japplikaw il-“privileġġ tal-elettriku ekoloġiku” għall-fornituri li jistaqsu għalih u li jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa, stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tal-EEG 2012;

–        jaġġustaw bejniethom l-ammont ta’ elettriku EEG sabiex kull wieħed minnhom ikun jista’ jixtri l-istess proporzjon ta’ elettriku EEG;

–        ibigħu l-elettriku EEG fis-suq spot skont ir-regoli ddefiniti fl-EEG 2012 u fid-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu, peress li dan il-bejgħ seta’ jsir b’mod konġunt;

–        jikkalkolaw b’mod konġunt is-soprataxxa-EEG, li għandha tkun l-istess għal kull KWh ikkonsmat fil-Ġermanja, bħala d-differenza bejn id-dħul mill-bejgħ tal-elettriku EEG u l-ispejjeż marbuta max-xiri tal-elettriku EEG;

–        jippubblikaw b’mod konġunt is-soprataxxa-EEG f’format speċifiku fuq sit elettroniku konġunt;

–        jippubblikaw l-informazzjoni aggregata dwar l-elettriku EEG;

–        iqabblu s-soprataxxa-EEG prevista mal-valur li suppost kien hemm fil-verità f’sena partikolari u jadattaw is-soprataxxa għas-sena ta’ wara;

–        jippubblikaw il-previżjonijiet għal bosta snin bil-quddiem;

–        jiġbru s-soprataxxa-EEG mingħand il-fornituri tal-elettriku;

–        iżommu (kull wieħed minnhom) il-flussi finanzjarji kollha (spejjeż u dħul) marbuta mal-EEG tal-2012 f’kontijiet bankarji separati.

88      Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li l-GRT ma kinux jillimitaw lilhom infushom sabiex isolvu l-pretensjonijiet privati bejniethom, iżda kienu qegħdin jimplimentaw l-obbligi legali tagħhom skont l-EEG tal-2012.

89      It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 119 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-GRT kienu suġġetti għal sorveljanza stretta tal-Istat għal dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni tas-soprataxxa-EEG. Din is-sorveljanza hija, skont il-Kummissjoni, imwettqa mill-BNetzA, li għandha barra minn hekk setgħat ta’ implementazzjoni neċessarji. Skont il-Kummissjoni, il-BNetzA tissorvelja b’mod partikolari l-mod kif il-GRT ibigħu fis-suq spot l-elettriku EEG li għalih jitħallsu tariffi feed-in u jivverifikaw li l-GRT jistabbilixxu, jiffissaw u jippubblikaw is-soprataxxa-EEG kif suppost, li l-GRT jitolbu ħlas xieraq lill-fornituri tal-elettriku għas-soprataxxa-EEG, li jintalbu tariffi feed-in u primjums xierqa lil GRT u li s-soprataxxa-EEG titnaqqas biss għall-fornituri tal-elettriku li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 39 tal-EEG tal-2012. Il‑Kummissjoni qieset ukoll li l-BNetzA kienet tirċievi informazzjoni mill-GRT dwar l-għajnuna għall-elettriku EEG u dwar il-prezzijiet li jintalbu lill-fornituri u li, fl-aħħar nett, hija setgħet timponi multi u tadotta deċiżjonijiet, fejn id-deċiżjonijiet għandhom influwenza fuq il-livell ta’ soprataxxa-EEG.

90      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 123 sa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet teżisti, fil-kuntest tal-funzjonament tal-EEG tal-2012, verifika ġenerali tal-Istat li jirriżulta mill-fatt li dan tal-aħħar jorganizza trasferiment tar-riżorsi finanzjarji permezz tal-leġiżlazzjoni u jistabbilixxi għal liema għanijiet dawn ir-riżorsi finanzjarji jistgħu jiġu użati. Skont il-Kummissjoni, li tibbaża lilha nnifisha b’mod partikolari fuq il-kawża li wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851), l-element deċiżiv jikkonsisti fil-fatt li l-Istat kien ħoloq sistema fejn l-ispejjeż tal-GRT huma kkumpensati b’mod sħiħ mis-soprataxxa-EEG u fejn il-fornituri tal-elettriku huma awtorizzati jgħaddu s-soprataxxa-EEG għand il-konsumaturi finali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li l-verifika tar-riżorsi mill-Istat ma kinitx tfisser li l-flussi deħlin u ħerġin marbuta mar-riżorsi kkonċernati kellhom jidhru fil-baġit tal-Istat, iżda li, sabiex l-Istat jeżerċita verifika fuq ir-riżorsi, kien biżżejjed li, bħal f’dan il-każ, dan tal-aħħar jirregola b’mod sħiħ dak li jista’ jinħoloq fil-każ ta’ defiċit jew ta’ eċċess tal-kont dwar is-soprataxxa-EEG.

91      Fil-każ ineżami, hemm lok jiġi vverifikat, fir-rigward tal-argumenti mqajma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jekk huwiex ġust li l-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-EEG tal-2012 kienet timplika riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

92      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li huwa stabbilit, kif tfakkar fil-punti 2 sa 12 iktar 'il fuq, li s-soprataxxa-EEG, miġbura u amministratata mill-GRT, hija intiża, fl-aħħar nett, sabiex tkopri l-ispejjeż mit-tariffi feed-in u l-primjum tas-suq previsti mill-EEG tal-2012 filwaqt li tiggarantixxi lill-produtturi tal-elettriku EEG prezz għall-elettriku li jipproduċu iktar għoli mill-prezz tas-suq. Għalhekk, hemm lok jitqies li s-soprataxxa-EEG tipproċedi, prinċipalment, għall-implementazzjoni ta’ politika pubblika ta’ għajnuna lill-produtturi tal-elettriku EEG stabbilita, permezz ta’ liġi, mill-Istat.

93      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-GRT huma inkarigati, fil-każ ineżami, mill-EEG tal-2012, sabiex jamministraw is-sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku li joriġina mis-sorsi rinnovabbli. Għal dak li jirrigwarda dan is-suġġett, u kif ġustament osservat il-Kummissjoni (ara punti 87 u 88 iktar 'il fuq), l-EEG tal‑2012 tagħti b’mod ċar lil GRT serje ta’ obbligi u prerogattivi għal dak li jirrigwarda l-implementazzjoni tal-mekkaniżmi li jirriżultaw minn din il-liġi, hekk li l-GRT huma l-punt ċentrali fil-funzjonament tas-sistema prevista mill-imsemmija liġi. Il-missjonijiet ta’ ġestjoni u ta’ amministrazzjoni ta’ din is-sistema, previsti b’mod partikolari mill-Artikoli 34 sa 39 tal-EEG tal-2012, jistgħu jitqabblu, mill-perspettiva tal-effetti tagħhom, ma’ konċessjoni mill-Istat. Fil-fatt, hemm lok jiġi osservat li l-fondi implikati fil-funzjonament tal-EEG tal‑2012 huma esklużivament amministrati għall-għanijiet ta’ interess pubbliku, skont metodi ddefiniti minn qabel mil-leġiżlatur Ġermaniż. F’dan ir-rigward, l-imsemmija fondi, li jikkonsistu fi spejjeż addizzjonali li jgħaddu għand il-konsumatur finali u huma mħallsa mill-fornituri tal-elettriku lill-GRT għall-elettriku EEG fejn il-prezz jaqbeż dak tal-elettriku mixtri mis-suq, ma jgħaddux direttament mingħand il-konsumaturi finali għal għand il-produtturi tal-elettriku-EEG, jiġifieri bejn operaturi ekonomiċi awtonomi, iżda jinneċessitaw l-intervent ta’ intermedjarji, inkarigati b’mod partikolari bil-ġbir u bil-ġestjoni tagħhom. Huwa xieraq b’mod partikolari li jiġi enfasizzat li l-imsemmija fondi la jitqiegħdu fil-baġit ġenerali tal-GRT, u lanqas ma jitħallew għad-dispożizzjoni libera tagħhom, iżda huma s-suġġett ta’ kontijiet separati u huma assenjati esklużivament għall-finanzjament tas-sistemi ta’ għajnuna u ta’ kumpens, b’esklużjoni ta’ kull għan ieħor. Għalhekk, għal kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, is-sitwazzjoni tal-GRT fil-kawża inkwistjoni għandha punti komuni mas-sitwazzjoni tas-Samenwerkende ElektriciteitsProduktiebedrijven NV fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413), u ma’ dik tal-Abwicklungsstelle für Ökostrom AG fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Awstrija vs Il-Kummissjoni (T‑251/11, EU:T:2014:1060).

94      Għalhekk, għandu jitqies li l-fondi li joriġinaw mis-soprataxxa-EEG u li huma amministrati kollettivament mill-GRT jibqgħu taħt l-influwenza dominanti tas-setgħat pubbliċi sa fejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamenti li jirregolawhom jippermettu li l-GRT jiġu assimilati, meħuda kollettivament, għal entità li timplementa konċessjoni tal-Istat.

95      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li r-riżorsi inkwistjoni f’din il-kawża, li joriġinaw mis-soprataxxa-EEG u huma intiżi kemm għal finanzjament tas-sistema ta’ għajnuna għall-elettriku EEG kif ukoll għall-finanzjament tas-sistema ta’ kumpens, huma miksuba grazzi għal oneri imposti fl-aħħar nett fuq suġġetti privati mill-EEG tal-2012. Fil-fatt, l-Artikolu 37 tal-EEG tal-2012 jipprovdi, minħabba fl-obbligu impost mill-imsemmija liġi fuq GR li jħallsu remunerazzjoni addizzjonali jew primjum fis-suq lill-produtturi tal-elettriku EEG, l-għażla lill-GRT sabiex jimponu żieda fil-prezz lill-fornituri, liema fornituri jistgħu jgħadduh sussegwentement fuq il-klijenti finali skont il-metodi, b’mod partikolari f’termini ta’ trasparenza dwar il-fatturi, iddefiniti mil-leġiżlatur. Ma huwiex ikkontestat li l-fornituri tal-elettriku jgħaddu fil-prattika l-oneru finanzjarju li jirriżulta mis-soprataxxa-EEG għand il-klijenti finali (ara punt 9 iktar 'il fuq), intiża għar-rimbors tal-ispiża li tirriżulta mill-ispejjeż marbuta mal-imsemmi obbligu. Barra minn hekk huwa xieraq li jiġi osservat li dan l-oneru, li għalih l‑EEI jibbenefikaw minn stabbiliment ta’ limitu massimu skont il-metodi mfakkra fil-punt 11 iktar 'il fuq, jirrappreżenta, kif irrikonoxxiet ir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja waqt is-seduta, 20 % sa 25 % tal-ammont totali tal-fattura ta’ konsumatur finali medju. Fid-dawl tal-firxa ta’ dan l-oneru, ir-riperkussjoni tiegħu fuq il-konsumaturi finali għandha għalhekk titqies bħala konsegwenza prevista u organizzata mil-leġiżlatur Ġermaniż. Huwa għalhekk minħabba fl-EEG tal-2012 li l-konsumaturi finali tal-elettriku huma, de facto, marbuta jħallsu dan is‑suppliment fil-prezz jew żieda. Dan jirrigwarda oneru impost unilateralment mill-Istat fil-kuntest tal-politika tiegħu ta’ għajnuna lill-produtturi tal-elettriku EEG u li jixbah, mill-perspettiva tal-effetti tiegħu, lil taxxa fuq il-konsum tal-elettriku fil-Ġermanja. Fil-fatt, dan l-oneru huwa impost minn awtorità pubblika, għall-finijiet ta’ interess pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni tal-klima u tal-ambjent, billi jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-provvista tal-enerġija, billi jiġu żviluppati teknoloġiji ta’ produzzjoni tal-elettriku EEG u, abbażi ta’ kriterju oġġettiv, skont il-kwalità tal-elettriku mogħtija mill-fornituri lill-klijenti finali tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punti 43 sa 47). Kif tenfasizza l-Kummissjoni fil‑premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Istat mhux biss iddefinixxa lil min għandu jingħata l-vantaġġ, il-kriterji tal-eliġibbiltà u l-livell ta’ għajnuna, iżda pprovda wkoll ir-riżorsi finanzjarji li jkopru l-ispejjeż tal-appoġġ għall-elettriku EEG. Barra minn hekk, għal kuntrarju taċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL‑ARREE (C‑677/11, EU:C:2013:348), ma ġiex sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u ma hemmx indikazzjoni f’dan is-sens fil-fajl, li l-inizjattiva ta’ impożizzjoni, permezz tal-miżura inkwistjoni, kienet ġejja mill-entitajiet responsabbli għall-ħlas u lanqas li l-GRT kienu qed jaġixxu unikament bħala strument fi skema li dawn l-entitajiet kienu huma stess ipprevedu, jew inkella li huma stess kienu ddeċidew dwar l-użu tar-riżorsi finanzjarji hekk maħluqa.

96      Għalhekk, hemm lok li jiġu kklassifikati l-ammonti inkwistjoni, maħluqa mis-soprataxxa EEG, meħuda mill-konsumaturi finali tal-elettriku u li joriġinaw mill-obbligu, impost mill-EEG tal-2012 fuq GR, li jħallsu remunerazzjoni addizzjonali jew primjum fis-suq lill-produtturi tal-elettriku EEG, bħala fondi li jimplikaw riżorsi tal-Istat, li jixbhu lil taxxa (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 66, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Awstrija vs Il-Kummissjoni, T‑251/11, EU:T:2014:1060, punt 68). Fi kwalunkwe każ, dawn il-fondi ma jistgħux jiġu analizzati bħala riżorsi proprji tal-GRT li fil-konfronti tagħhom l-Istat kien sempliċement ippreskriva, permezz ta’ miżura leġiżlattiva, użu partikolari, peress li dawn il-fondi ma kienu, fl-ebda mument kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, għad-dispożizzjoni libera tal-GRT.

97      Hemm lok jitfakkar ukoll li hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun tista’ titqies bħala li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna għandu jkun hemm rabta vinkolanti ta’ allokazzjoni bejn it-taxxa u l-għajnuna skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li l-prodott tat-taxxa huwa neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C‑393/04 u C‑41/05, EU:C:2006:403, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-każ ineżami, huwa stabbilit li tali rabta hija stabbilita bejn it-taxxa miġbura mill-GRT, permezz tas-soprataxxa-EEG, u l-għajnuna favur l-appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku EEG.

98      Għal dak li jirrigwarda s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), li fuqha tipprova tibbaża r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, hemm lok jiġi osservat li, sabiex tiġi eskluża l-klassifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat lilha nnifisha, essenzjalment, fuq il-fatt li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, li, minn naħa, timponi fuq l-impriżi privati l-provvista tal-elettriku sabiex jixtru l-elettriku EEG għal prezzijiet iktar mill-valur ekonomiku reali u, min-naħa l-oħra, tqassam l-oneru finanzjarju li jirriżulta minn dan bejn l-impriżi li jipprovdu l-elettriku u l-operaturi privati tan-netwerks tal-elettriku li jinsabu upstream, ma kinitx tippreżenta elementi fejn seta’ jiġi dedott li kien hemm trasferiment dirett jew indirett tar-riżorsi tal-Istat. F’tali ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-imsemmija leġiżlazzjoni tagħti vantaġġ inkontestabbli lill-impriżi li jipproduċu l-elettriku EEG u li tali vantaġġ kien il-konsegwenza tal-intervent tas-setgħat pubbliċi ma kienx suffiċjenti sabiex il-miżura inkwistjoni tiġi kklassifikata bħala għajnuna.

99      Madankollu jirriżulta mill-analiżi tal-kuntest fattwali tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), li, għal kuntrarju tal-miżura Ġermaniża li hija s-suġġett ta’ din il-proċedura, il-mekkaniżmu previst mil-liġi preċedenti Ġermaniża ma kienx jipprevedi la r-riperkussjoni espliċita tal-ispejjeż żejda fuq il-konsumaturi finali u lanqas l-intervent tal-intermedjarji inkarigati mill-ġbir jew mill-amministrazzjoni tas-somom li jikkostitwixxu għajnuna u, għaldaqstant, ma kienx jipprevedi entitajiet paragunabbli, fl-istruttura tagħhom jew fir-rwol tagħhom, għall-GRT meħuda kollettivament.

100    Għal kuntrarju tal-każ ineżami, il-vantaġġ analizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), kien jikkonsisti fil-garanzija, bi profitt għall-impriżi benefiċjarji, tal-possibbiltà li terġa’ tinbiegħ l-enerġija prodotta mis-sorsi rinnovabbli kollha u sa fejn il-prezz tal-bejgħ kien jaqbeż il-prezz fis-suq, mingħajr ma ebda sistema ta’ finanzjament ta’ dan is-suppliment fil-prezz, permezz ta’ soprataxxa li tixbah lil taxxa fuq il-konsum tal-elettriku, fejn l-ammont huwa identiku għal kull KWh tal-elettriku pprovdut lil klijent finali, tiġi implementata.

101    Iktar minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), l-impriżi privati ma kinux, bħal fil-kwistjoni fil-kawża preżenti, imqabbda mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jamministraw riżorsi tal-Istat, iżda kienu biss obbligati li jixtru permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 35). F’din il-kawża, huwa stabbilit li l-obbligu tar-remunerazzjoni addizzjonali tal-produtturi tal-elettriku EEG li huwa r-responsabbiltà tal-GRT ma jiġix sodisfatt permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess, iżda permezz tal-fondi li joriġinaw mis-soprataxxa-EEG, amministrati mill-GRT u allokati esklużivament għall-finanzjament tas-sistemi ta’ għajnuna u ta’ kumpens implementati mill-EEG tal-2012.

102    Għalhekk, peress li l-fondi inkwistjoni fil-kawża taw lok għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), ma setgħux jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat, peress li fl-ebda mument ma kienu taħt il-verifika pubblika u ma kien jeżisti l-ebda mekkaniżmu, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, stabbilit u rregolat mill-Istat Membru, tal-kumpens tal-ispejjeż żejda li jirriżultaw minn dan l-obbligu tax-xiri u li permezz tiegħu l-Istat jiggarantixxi lil dawn l-operaturi privati l-kopertura integrali tal-imsemmija spejjeż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 36).

103    Barra minn hekk, jirriżulta wkoll minn analiżi tal-kuntest fattwali tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), li, għal kuntrarju tal-miżura Ġermaniża li hija s-suġġett ta’ din il-proċedura, is-sistema maħluqa mil-liġi Ġermaniża preċedenti ma kinitx tipprovdi mekkaniżmu paragunabbli għas-sistema ta’ kumpens speċjali, li permezz tagħha stabbiliment ta’ limitu massimu tas-soprataxxa-EEG li seta’ jgħaddi mill-fornituri tal-elettriku għal għand l-EEI huwa stabbilit.

104    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li s-sistema implementata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kawża inkwistjoni hija sostanzjalment differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), fir-rigward b’mod partikolari tal-metodi ta’ amministrazzjoni, ta’ użu, ta’ soprataxxa u ta’ allokazzjoni tal-fondi inkwistjoni.

105    Fit-tielet lok, huwa ċertament stabbilit li l-GRT huma korpi li jippreżentaw ruħhom, fil-maġġor parti, taħt il-forma ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata rregolati mid-dritt privat. Madankollu, dan ma huwiex meqjus suffiċjenti, fiċ-ċirkustanzi partikolari f’din il-kawża, sabiex tiġi eskluża l-konklużjoni dwar il-preżenza tar-riżorsi tal-Istat fil-kuntest tal-miżuri li jirriżultaw mill-EEG tal-2012.

106    Fil-fatt, kif dan ġie osservat fil-punti 93 u 94 iktar 'il fuq, il-GRT għandhom ir-responsabbiltà, minbarra r-rwoli inerenti għall-attività prinċipali tagħhom, li jamministraw is-sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku EEG. Huma barra minn hekk jiġu vverifikati f’dan l-obbligu, kif tfakkar il-Kummissjoni fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, hekk li ma jistgħux jużaw il-fondi miġbura fil-kuntest tal-miżura inkwistjoni, li huma pprovduti lilhom mill-fornituri msemmija minn din tal-aħħar, għal għanijiet oħra differenti minn dawk previsti mil-leġiżlatur Ġermaniż. F’tali ċirkustanzi, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-missjonijiet li jirriżultaw mill-EEG tal-2012 li huma r-responsabbiltajiet tagħhom, l-azzjoni ta’ dawn il-korpi ma hijiex dik ta’ entità ekonomika li taġixxi liberament fis-suq bil-għan li tikseb profitti, iżda hija azzjoni limitata mil-leġiżlatur Ġermaniż, li llimitaha fir-rigward tal-implementazzjoni tal-imsemmija missjonijiet.

107    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-GRT huma suġġetti għall-obbligu li jamministraw l-ammonti finanzjarji, miksuba b’applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni, fuq kont komuni speċifiku, li jaqa’ taħt il-verifika ta’ awtoritajiet tal‑Istat, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 61 tal-EEG tal-2012. Dan jikkostitwixxi indikazzjoni addizzjonali, meta jiġi analizzat flimkien mal-kompetenzi u mal-obbligi speċifiċi attribwiti mill-EEG tal-2012 lill-GRT, li ma humiex fondi li jikkorrispondu għal riżorsi normali li jagħmlu parti mis-settur privat u li huma fid-dispożizzjoni sħiħa tal-impriża li tamministrahom, iżda riżorsi partikolari, li l-użu tagħhom għal finijiet strettament speċifiċi ġie previst minn qabel mil-leġiżlatur Ġermaniż (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T‑67/94, EU:T:1998:7, punti 106 sa 108).

108    Iktar partikolarment, fir-rigward tal-verifika tal-GRT mill-entitajiet tal-Istat, din tiġi implementata fuq diversi livelli. Minn naħa, verifika ssir mill-BNetzA. Konformement mal-Artikolu 61 tal-EEG tal-2012, il-BNetzA għandha b’mod partikolari, fil-kuntest tal-missjonijiet ta’ sorveljanza tagħha, tivverifika li l-GRT ibigħu l-elettriku konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 tal-EEG tal-2012 u li jiddeterminaw, jiffissaw, jippubblikaw u jiffatturaw lill-fornituri tal-elettriku s-soprataxxa-EEG billi josservaw ir-rekwiżiti legali u r-regolamenti.

109    Min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 48 tal-EEG tal-2012, il-BNetzA tiġi ppreżentata, mill-GRT, id-data użata għall-mekkaniżmu ta’ kumpens.

110    Issa, l-eżistenza ta’ tali verifika stretta tal-konkordanza tal-azzjonijiet tal-GRT mal-kuntest legali previst, anki li ssir a posteriori, tidħol fil-loġika ġenerali tal-istruttura globali prevista mill-EEG tal-2012. Din il-verifika tikkorabora b’hekk il-konklużjoni, ibbażata b’mod partikolari fuq il-kompetenzi attribwiti lil dawn il-korpi u adottata fir-rigward tal-missjonijiet u tal-obbligi tagħhom, skont liema l-GRT ma jaġixxux f’isimhom u liberament, iżda bħala amministraturi ta’ għajnuna mogħtija permezz ta’ fondi mill-Istat. Anki jekk jingħad li l-verifika li l‑GRT huma suġġetti għaliha ma għandhiex effett dirett fuq l-amministrazzjoni tal-fondi inkwistjoni ta’ kuljum, jibqa’ l-fatt li hija effettivament element addizzjonali intiż sabiex jiġi żgurat li l-azzjoni tal-GRT tibqa’ limitata sew fil-kuntest previst mill-EEG tal-2012.

111    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi osservat li ġustament il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-premessi 98 sa 137 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-vantaġġ previst mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 16 sa 33(i) tal-EEG tal-2012 bi profitt tal-produtturi tal-elettriku EEG permezz tat-tariffi feed-in u tal-primjums fis-suq kien jixbah, f’dan il-każ, lil taxxa stabbilita mill-awtoritajiet tal-Istat li jimplika riżorsi tal-Istat sa fejn dan tal-aħħar kien jorganizza trasferiment tar-riżorsi finanzjarji permezz tal-leġiżlazzjoni u kien jistabbilixxi għal liema raġuni dawn ir-riżorsi finanzjarji setgħu jiġu użati.

112    Din il-konklużjoni tgħodd ukoll għall-vantaġġ favur l-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija li huma l-EEI, sa fejn il-mekkaniżmu ta’ kumpens previst mill-EEG tal-2012 jikkostitwixxi, kif osservat il-Kummissjoni ġustament fil-premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata, oneru addizzjonali għall-GRT. Fil-fatt, kull tnaqqis tal-ammont tas-soprataxxa-EEG għandu preċiżament bħala konsegwenza li jnaqqas l-ammonti miġbura mingħand l-EEI mill-fornituri tal-elettriku u jista’ jitqies bħala li jwassal għal telf mid-dħul għall-GRT. Madankollu, dan it-telf jerġa’ jinġabar, sussegwentement, mingħand fornituri oħra u, fil-fatt, mingħand klijenti oħra finali, sabiex jikkumpensa t-telf li jkun sar b’dan il-mod, kif barra minn hekk ikkonfermat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja waqt is-seduta bħala risposta għad-domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali. Għalhekk, il-konsumatur finali medju fil-Ġermanja jipparteċipa, b’ċertu mod, għas-sussidju tal-EEI li jibbenefikaw minn stabbiliment ta’ limitu massimu ta’ soprataxxa-EEG. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li l-konsumaturi finali tal-elettriku li ma humiex EEI għandhom ibatu spejjeż żejda li ġejjin mill-istabbiliment tal-limitu massimu tas-soprataxxa-EEG li minnu jibbenefikaw dawn tal-aħħar tikkostitwixxi, hawnhekk ukoll, indizzju addizzjonali, meta jiġi analizzat mal-iżviluppi preċedenti, li l-fondi li ġejjin mis-soprataxxa-EEG huma fil-fatt riżorsi partikolari, ekwivalenti għal taxxa fuq il-konsum tal-elettriku, fejn l-użu għal għanijiet strettament iddeterminati kien ġie previst minn qabel mil-leġiżlatur Ġermaniż fil‑kuntest tal-implementazzjoni ta’ politika pubblika u mhux ta’ inizzjattiva privata.

113    Dawn il-konklużjonijiet ma jistgħux jiġu vvizzjati mill-argumenti l-oħra mqajma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

114    Sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sserraħ ukoll l-argument tagħha fuq l-allegat xebh taċ-ċirkustanza fattwali u legali ta’ din il-kawża ma’ dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE (C‑677/11, EU:C:2013:348), għandu jiġi kkonstatat li dawn iċ-ċirkustanzi jiddistingwu lilhom infushom minn dawk tal-kawża inkwistjoni.

115    Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE (C‑677/11, EU:C:2013:348), id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja kienet dik tar-regolarità, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li testendi b’mod obbligatorju għall-professjonisti kollha fis-settur tal-agrikoltura tal-produzzjoni u tat-trobbija tad-dundjani ftehim, konkluż fi ħdan l-organizzazzjoni interprofessjonali li tirrappreżenta l-imsemmi settur, li jistabbilixxi kontribuzzjoni sabiex jiġu ffinanzjati azzjonijiet komuni deċiżi minn din l-organizzazzjoni.

116    Fil-punt 36 tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE (C‑677/11, EU:C:2013:348), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux effettivament jużaw ir-riżorsi li ġejjin mill-kontribuzzjoni inkwistjoni sabiex jgħinu ċerti impriżi, sa fejn hija l-organizzazzjoni interprofessjonali kkonċernata li tiddeċiedi dwar l-użu ta’ dawn ir-riżorsi, li huma kompletament iddedikati għal-għanijiet stabbiliti minnha stess.

117    Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, huwa stabbilit li l-GRT ma jistgħux jiddeċiedu liberament dwar l-użu tar-riżorsi li ġejjin mis-soprataxxa-EEG u jiddedikawhom, skont il-każ, għal għanijiet li jistabbilixxu huma stess. Fil-fatt, skont l-EEG tal‑2012, il-GRT huma obbligati jamministraw is-soprataxxa-EEG bl-uniku għan li jirremuneraw lill-produtturi tal-elettriku EEG. F’dan ir-rigward, huma għandhom ipoġġu l-flussi finanzjarji kollha (spejjeż u dħul) marbuta mal-EEG tal‑2012 f’kont bankarju komuni sseparat mill-kontijiet tagħhom u jipparagunaw is-soprataxxa-EEG imposta bil-valur li kellu jkollha fir-realtà matul sena partikolari sabiex jadattaw l-imposta għas-sena ta’ wara, dan sabiex jeskludu kull bilanċ ta’ telf jew ta’ profitt tal-kont bankarju użat għall-amministrazzjoni tal-flussi finanzjarji marbuta mal-EEG tal-2012. B’dan il-mod, ma jistax jiġi kkontestat, f’din il-kawża, li l-għanijiet segwiti mill-EEG tal-2012, jiġifieri, prinċipalment, l-għajnuna lill-produtturi tal-elettriku EEG iżda wkoll lil EEI, huma, għal kuntrarju tas-sitwazzjoni tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE (C‑677/11, EU:C:2013:348), kompletament stabbiliti mill-Istat permezz tal-korpus leġiżlattiv u tar-regolamenti adottati bl-inizzjattiva tagħha biss.

118    Għalhekk, l-assenza ta’ aċċess effettiv tal-Istat għar-riżorsi maħluqa mis-soprataxxa-EEG, fis-sens li dawn ċertament ma humiex allokati lill-baġit tal-Istat, ma għandhiex impatt, fil-każ ineżami, fuq l-influwenza dominanti tal-Istat fuq l-użu ta’ dawn ir-riżorsi u fuq il-kapaċità ta’ dan tal-aħħar sabiex jiddeċiedi, minn qabel, grazzi għall-adozzjoni tal-EEG tal-2012, dwar l-għanijiet li għandhom jiġu segwiti u dwar l-użu tal-imsemmija riżorsi fl-integralità tagħhom.

119    Għal dak li jirrigwarda s-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9), u tas-16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias (C‑690/13, EU:C:2015:235), invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-replika tagħha, hemm lok jiġi osservat li, permezz ta’ dawn is-sentenzi, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għandha tiġi stabbilita rabta suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, il-vantaġġ mogħti lil benefiċjarju u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis fil-baġit tal-Istat, anki riskju ekonomiku suffiċjentement konkret tal-oneri tiegħu stess.

120    Madankollu hemm lok li jiġi osservat, fir-rigward tas-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9), u tas-16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias (C‑690/13, EU:C:2015:235), li dawn jirrigwardaw ċirkustanzi fattwali differenti. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-terminu “għajnuna” jimplika neċessarjament vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz tar-riżorsi tal-Istat jew jikkostitwixxi oneru addizzjonali fuq l-Istat jew fuq korpi maħtura jew stabbiliti għal dan il-għan (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C‑200/97, EU:C:1998:579, punt 35 u l‑ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, imfakkra fil-punt 35 iktar 'il fuq, li ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn il-każijiet fejn l-għajnuna tingħata direttament mill-Istat u dawk fejn hija tingħata permezz tal-intermedjarju ta’ korp pubbliku jew privat, maħtur minn dan l-Istat. Peress li, f’din il-kawża, il-GRT ġew magħżula sabiex jamministraw kollettivament is-soprataxxa-EEG u li l-amministrazzjoni tal-flussi finanzjarji li joriġinaw mill-funzjonalment tal-mekkaniżmi tal-EEG tal-2012 hija r-responsabbiltà tagħhom, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat fuq il-fatt li s-sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku EEG ma tkunx piż fuq il-baġit tal-Istat ma jippermettix li tiġi rrifjutata l-preżenza tar-riżorsi tal-Istat f’din il-kawża.

121    Dawn il-konklużjonijiet ma humiex lanqas ivvizjati mill-allegazzjonijiet l-oħra tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

122    Qabel kollox, hemm lok tiġi rrifjutata l-allegazzjoni skont liema fl-ebda każ ma tħallas fil-baġit tal-Istat ammont eċċessiv eventwali mis-soprataxxa-EEG. Ċertament, jirriżulta mill-funzjonament stess tal-EEG tal-2012 li, fi kwalunkwe każ u kif il-partijiet jaqblu li jirrikonoxxu, l-eventwali eċċessi jew defiċits tal-GRT li jirriżultaw mis-soprataxxa-EEG għandhom jiġu kkompensati, interessi inklużi, is-sena ta’ wara fil-kuntest tal-istabbiliment tas-soprataxxa-EEG. Fil-fatt, dan il-kumpens, sena wara sena, previst mill-EEG tal-2012, jeskludi, fl-aħħar nett, kull bilanċ ta’ profitt jew ta’ telf tal-kontabbiltà tal-GRT iddedikata għall-amministrazzjoni tas-soprataxxa-EEG, hekk li l-ipoteżi ta’ ħlas fil-baġit tal-Istat ta’ ammont eċċessiv eventwali mis-soprataxxa-EEG hija neċessarjament impossibbli li sseħħ. Madankollu, kif ġie stabbilit fil-punt 111 iktar 'il fuq, l-implikazzjoni tar-riżorsi tal-Istat f’din il-kawża tirriżulta preċiżament mill-fatt li l-Istat jorganizza trasferiment tar-riżorsi finanzjarji permezz tal-leġiżlazzjoni u jistabbilixxi għal liema għanijiet dawn ir-riżorsi finanzjarji għandhom jiġu użati, u mhux mill-eżistenza tar-rabtiet stretti mal-baġit tal-Istat.

123    Fi kwalunkwe każ, jirriżulta mill-analiżi tal-EEG tal-2012 li saret fil-punti 92 sa 112 iktar 'il fuq li, bħala prinċipju, il-miżura inkwistjoni tipprovdi aċċess mhux interrott tal-GRT għall-finanzjamenti neċessarji sabiex jeżegwixxu l-obbligi fl-interess pubbliku li huma allokati lilhom għall-implementazzjoni tal-missjonijiet tagħhom u li huma intiżi għall-implementazzjoni ta’ politika stabbilita mill-Istat. Issa, dan ikompli jirrafforza l-konklużjoni skont liema l-GRT ma jaġixxux bħall-impriżi tipiċi fis-suq, li jbatu r-riskji kollha u l-imprevisti tas-soltu, inklużi r-riskji finanzjarji, iżda huma bħall-entitajiet partikolari fejn ir-rwol huwa strettament limitat mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

124    Sussegwentement, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont liema, l-ewwel nett, il-miżura inkwistjoni ma tipprovdix rabta mal-baġit tal-Istat jew mal-baġit ta’ entità pubblika, it-tieni nett, la l-BNetzA la l-Istat, f’sens iktar wiesa’, ma jistabbilixxux l-ammont eżatt tas-soprataxxa-EEG, it-tielet nett, in-natura tal-Istat tar-riżorsi użati għas-sistema ta’ kumpens speċjali ma tirriżultax mir-rwol tal-BAFA u r-raba’ nett, eventwali rikorsi marbuta mas-sistema tas-soprataxxa-EEG isegwu, konformement mal-miżura inkwistjoni, il-proċedura ġudizzjarja normali ċivili, u mhux dik amministrattiva, għandu jiġi kkonstatat li dawn għandhom ukoll jiġu rrifjutati.

125    Fil-fatt, minn naħa, diġà ġie kkonstatat li l-fondi inkwistjoni kellhom jiġu kklassifikati, mill-bidu, bħala finanzjament tal-Istat, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-konsumaturi finali huma obbligati jħallsu ż-żieda fil-prezz simili għal taxxa għall-implementazjoni ta’ politika stabbilita mill-Istat. Min-naħa l-oħra, ġie wkoll osservat li l-GRT kienu jaġixxu, għal dak li jirrigwarda l-implementazzjoni tal-missjonijiet tagħhom, f’kuntest limitat b’mod ċar mil-leġiżlatur Ġermaniż. Huma, barra minn hekk, huma kkontrollati b’mod strett mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-Ġermanja. Issa, il-fondi pprovduti permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru, ġestiti u mqassma konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, anki jekk huma ġestiti minn entitajiet distinti mill-awtorità pubblika. Fil-fatt, diġà ġie deċiż li mekkaniżmu ta’ kumpens integrali ta’ spejjeż żejda imposti fuq impriżi minħabba f’obbligu ta’ xiri tal-elettriku li joriġina mill-enerġija eolika, bi prezz superjuri għal dak tas-suq u fejn il-finanzjament kien imqassam fuq il-konsumaturi finali kollha tal-elettriku fit-territorju nazzjonali, kif kien previst mil-leġiżlazzjoni Franċiża analizzata f’dan il-każ, kien jikkostitwixxi intervent permezz tar-riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, b’analoġija, punt 26).

126    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja mqajma matul is-seduta u skont liema l-istabbiliment tal-limitu massimu tas-soprataxxa-EEG li minnu kienu jibbenefikaw l-EEI kien jiġi analizzat bħala prattika ta’ prezzijiet iddifferenzjati magħrufa mill-ekonomisti bl-isem “Ramsey Pricing” (prezz ta’ Ramsey), jew sussidju inkroċat bejn l-utenti li ma jagħmlux użu intensiv mill-elettriku u dawk li jagħmlu użu intensiv mill-elettriku, għandu jiġi kkonstatat li dawn għandhom ukoll jiġu rrifjutati. Ċertament, l-eżistenza stess tas-soprataxxa-EEG tirriżulta mill-għażliet politiċi u l-livell tagħha ma jistax jiġi influwenzat mill-konsumaturi, hekk li dan il-livell jista’ jkun iktar importanti, bi proporzjon għall-fattura finali, fir-rigward tal-utenti li ma jagħmlux użu intensiv mill-elettriku, liema utenti huma inqas sensittivi mill-EEI, mill-perspettiva tad-domanda, għall-emendi fil-prezz tal-elettriku. Madankollu, hija, f’dan ir-rigward, ġurisprudenza stabbilita li hija għajnuna operazzjonali l-għajnuna intiża biex teħles lil impriża mill-ispejjeż li din kien ikollha normalment issostni fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, T‑177/10, EU:T:2014:897, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-istabbiliment tal-limitu massimu inkwistjoni, li jippermetti lil EEI jnaqqsu l-ispejjeż marbuta mal-konsum tal-elettriku tagħhom, liema spejjeż jidħlu bħala definizzjoni fil-kuntest tal-amministrazzjoni ta’ kuljum, jiġi analizzat bħala għajnuna operazzjonali li jimplika, kif dan intwera b’mod partikolari fil-punti 95 u 96 iktar 'il fuq, l-eżistenza tar-riżorsi tal-Istat.

127    Minn din l-analiżi jirriżulta li l-mekkaniżmi li jirriżultaw mill-EEG tal-2012 jipproċedu, prinċipalment, mill-implementazzjoni ta’ politika pubblika ta’ għajnuna lill-produtturi tal-elettriku EEG stabbilit, permezz tal-EEG tal-2012, mill-Istat u li, fl-ewwel lok, il-fondi li joriġinaw mis-soprataxxa-EEG u amministrati kollettivament mill-GRT jibqgħu taħt l-influwenza dominanti tas-setgħat pubbliċi, fit-tieni lok, l-ammonti inkwistjoni, li joriġinaw mis-soprataxxa‑EEG, huma fondi li jimplikaw riżors tal-Istat, simili għal taxxa u, fit-tielet lok, il-kompetenzi u l-missjonijiet allokati lil GRT jippermettu li jiġi konkluż li dawn tal-aħħar ma jaġixxux f’isimhom stess u liberament, iżda bħala amministraturi, li jixbhu entità li teżegwixxi konċessjoni tal-Istat, ta’ għajnuna mogħtija permezz ta’ fondi tal-Istat.

128    Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li ġustament il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-EEG tal-2012 kienet timplika riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

129    Għalhekk, għandu jiġi miċħud it-tielet motiv, kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

130    Skont it-termini tal-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

Papasavvas

Bieliūnas

Forrester

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Mejju 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.