Language of document : ECLI:EU:T:2020:624

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

16 ta’ Diċembru 2020 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Ambjent – Klassifikazzjoni, ittikkettar u imballaġġ tas-sustanzi u tat-taħlitiet – Klassifikazzjoni taż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja fost is-sustanzi ta’ tossiċità akkwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akkwatika kronika tal-kategorija 1 (H410) – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi”

Fil-Kawża T‑635/18,

Industrial Química del Nalón, SA, stabbilita f’Oviedo (Spanja), irrappreżentata minn K. Van Maldegem, M. Grunchard, S. Saez Moreno u P. Sellar, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Wilderspin, R. Lindenthal u K. Talabér‑Ritz, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

u minn

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä u W. Broere, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba skont l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-kumpens għad-danni li r-rikorrenti allegatament ġarrbet minħabba l-adozzjoni tar‑Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 944/2013 tat-2 ta’ Ottubru 2013 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il‑klassifikazzjoni, l-ittikkettjar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU 2013, L 261, p. 5), sa fejn dan jikklassifika ż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja fost is-sustanzi ta’ tossiċità akkwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akkwatika kronika tal-kategorija 1 (H410),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn J. Svenningsen, President, R. Barents, C. Mac Eochaidh, T. Pynnä u J. Laitenberger (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1, u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 286/2011 tal-10 ta’ Marzu 2011 (ĠU 2011, L 83, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 138, p. 66, u fil-ĠU 2011, L 246, p. 34) skont l-Artikolu 1 tiegħu, għandu “l-għan […] li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi [u ta’] taħlitiet […] billi: (a) jarmonizza l-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ sustanzi u taħlitiet, u r-regoli dwar l-ittikkettar u l-imballaġġ għas-sustanzi u t-taħlitiet perikolużi”.

2        Il-premessi 5 sa 8 tar-Regolament Nru 1272/2008 huma fformulati kif ġej:

“(5)      Bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-kummerċ dinji filwaqt li jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kriterji armonizzati għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ġew żviluppati bir-reqqa tul perijodu ta’ 12-il sena fi ħdan l-istruttura tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), li rriżultaw fis-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar ta’ Sustanzi Kimiċi (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-GHS”).

(6)      Dan ir-Regolament isegwi diversi dikjarazzjonijiet li fihom il-Komunità kkonfermat l-intenzjoni tagħha li tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni globali tal-kriterji tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar, mhux biss fil-livell tan-NU, iżda anki permezz ta’ l-inkorporazzjoni tal-kriterji tal-GHS miftehma internazzjonalment fid-dritt Komunitarju.

(7)      Il-benefiċċji għall-intrapriżi ser jiżdiedu hekk kif aktar pajjiżi fid-dinja jadottaw il-kriterji tal-GHS fil-leġislazzjoni tagħhom. Il-Komunità għandha tkun fuq quddiem ta’ dan il-proċess biex tinkoraġġixxi pajjiżi oħra jsegwu u bil-għan li tipprovdi vantaġġ kompetittiv lill-industrija fil-Komunità.

(8)      Għalhekk huwa essenzjali li d-dispożizzjonijiet u l-kriterji għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi, taħlitiet u ċerti oġġetti speċifiċi jkunu armonizzati fi ħdan il-Komunità, b’kont meħud tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni u r-regoli ta’ ttikkettar tal-GHS, iżda anki billi jkompli jsir xogħol fuq l-40 sena ta’ esperjenza miksuba permezz ta’ l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja eżistenzi dwar is-sustanzi kimiċi u li jinżamm il-livell ta’ protezzjoni miksub permezz tas-sistema ta’ klassifikazzjoni u l-ittikkettar, permezz ta’ klassijiet ta’ periklu Komunitarji li għadhom mhux parti mill-GHS kif ukoll permezz tar-regoli attwali ta’ ttikkettar u imballaġġ.”

3        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1272/2008 jistabbilixxi:

“Sustanza jew taħlita li tissodisfa l-kriterji relatati ma’ perikli fiżiċi, perikli tas-saħħa jew perikli ambjentali, [a] imniżżla fil-partijiet 2 sa 5 ta’ l-Anness I hija perikoluża u għandha tiġi kklassifikata f’relazzjoni mal-klassijiet ta’ periklu rispettivi previsti f’dak l-Anness.”

4        L-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 jippreżenta l-kriterji ta’ klassifikazzjoni tas-sustanzi u tat-taħlitiet fi klassijiet ta’ perikolu.

5        Il-punt 4.1.1.1 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “tossiċità akkwatika”:

“(a)      ‘Tossiċità akkwatika akuta’ tfisser il-karatteristika intrinsika ta’ sustanza li tkun ta’ dannu għal organiżmu akkwatiku f’esponiment qasir għal dik is-sustanza.

[…]

(g)      ‘Tossiċità kronika akkwatika’ tfisser il-karatteristika intrinsika ta’ sustanza li tikkawża effetti negattivi fuq l-organiżmi akkwatiċi waqt l-esponiment akkwatiku li huma determinati fir-rigward taċ-ċiklu tal-ħajja tal-organiżmu.

[…]”.

6        F’dak li jirrigwarda b’mod iktar preċiż il-kriterji ta’ klassifikazzjoni tat-taħlitiet, il-punt 4.1.3 jipprevedi:

“4.1.3.1. Is-sistema ta’ klassifikazzjoni għat-taħlitiet tkopri l-kategoriji kollha ta’ klassifikazzjoni li huma użati għas-sustanzi, jiġifieri l-kategoriji Akuta 1 u Kronika minn 1 sa 4. Sabiex tintuża d-dejta kollha disponibbli għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-perikli ambjentali akkwatiċi tat-taħlita, dan li ġej hu applikat fejn adatt:

Il-“komponenti rilevanti” ta’ taħlita huma dawk li huma kklassifikati bħala “Akuti 1” jew “Kroniċi 1” u huma preżenti f’konċentrazzjoni ta’ 0,1 % (w/w) jew aktar, u dawk li huma kklassifikati “Kroniċi 2”, “Kroniċi 3” jew “Kroniċi 4” u huma preżenti f’konċentrazzjoni ta’ 1 % (w/w) jew akbar, sakemm ma jkunx hemm suppożizzjoni (bħal fil-każ ta’ komponenti b’tossiċità għolja (ara t-Taqsima 4.1.3.5.5.5)) li komponent preżenti f’konċentrazzjoni aktar baxxa xorta jista’ jkun rilevanti għall-klassifikazzjoni tat-taħlita għall-perikli akkwatiċi ambjentali. Ġeneralment, għas-sustanzi kklassifikati bħala “Akuta 1” jew “Kronika 1” il-konċentrazzjoni li għandha titqies hija ta’ (0,1/M) %. (Għal spjegazzjoni tal-fattur M ara t-Taqsima 4.1.3.5.5.5).

4.1.3.2. L-approċċ għall-klassifikazzjoni tal-perikli ambjentali akkwatiċi huwa maqsum fi stadji, u jiddependi fuq it-tip ta’ informazzjoni disponibbli għat-taħlita nfisha u għall-komponenti tagħha. Il-Figura 4.1.2 issemmi fil-qosor il-proċess li għandu jiġi segwit.

L-elementi tal-approċċ fi stadji jinkludu:

–        klassifikazzjoni bbażata fuq taħlitiet ittestjati;

–        klassifikazzjoni bbażata fuq prinċipji ta’ konnessjoni;

–        l-użu tal-‘addizzjoni tal-komponenti kklassifikati’ u/jew ‘formula ta’ addittività’.”

7        Il-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, intitolat “Metodu ta’ għadd totali”, jipprovdi:

“4.1.3.5.5.1.1. Fil-każ tal-kategoriji tal-klassifikazzjoni tas-sustanzi fi Kronika 1 sa Kronika 3, il-kriterji sottostanti tat-tossiċità jvarjaw b’fattur ta’ 10 fit-trasferiment minn kategorija għall-oħra. Is-sustanzi b’klassifikazzjoni f’medda ta’ tossiċità għolja jistgħu għalhekk jikkontribwixxu għall-klassifikazzjoni ta’ taħlita f’medda iżjed baxxa. Il-kalkolu ta’ dawn il-kategoriji ta’ klassifikazzjoni għalhekk għandu jqis il-kontribut ta’ kwalunkwe sustanza kklassifikata bħala Kronika 1, 2 jew 3.

4.1.3.5.5.1.2. Meta taħlita jkun fiha komponenti klassifikati bħala Akuti 1 jew Kroniċi 1, għandha tingħata attenzjoni għall-fatt li dawk il-komponenti, meta t-tossiċità akuta tagħhom tkun taħt il-1 mg/l u/jew it-tossiċità kronika tkun inqas minn 0,1 mg/l (jekk ma jiddegradawx malajr) u 0,01 mg/l (jekk jiddegradaw malajr) jikkontribwixxu għat-tossiċità tat-taħlita anki f’konċentrazzjoni baxxa. Ingredjenti attivi fil-pestiċidi ħafna drabi jkun fihom dik it-tossiċità akkwatika qawwija iżda wkoll xi sustanzi oħra bħat-taħlitiet organometalliċi. F’dawn iċ-ċirkostanzi l-applikazzjoni tal-limiti ġeneriċi ta’ konċentrazzjoni normali jistgħu jwasslu għal “klassifikazzjoni inqas” tat-taħlita. Għalhekk, fatturi li jimmultiplikaw għandhom jiġu applikati biex jagħmlu tajjeb għall-komponenti tossiċi ħafna, kif deskritt fit-Taqsima 4.1.3.5.5.5.”

8        Fir-rigward tal-klassifikazzjoni fil-kategorija ta’ tossiċità akuta 1, il-punt 4.1.3.5.5.3.1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 jipprovdi:

“L-ewwel il-komponenti kollha kklassifikati bħala Akuti 1 huma kkunsidrati. Jekk is-somma tal-konċentrazzjonijiet (f’%) ta’ dawn il-komponenti mmultiplikata bil-fatturi M korrispondenti tagħhom tkun ≥ 25 %, it-taħlita kollha tiġi kklassifikata bħala Akuta 1.”

9        Fir-rigward tal-klassifikazzjoni fil-kategoriji ta’ tossiċità kronika 1, 2, 3 u 4, il-punt 4.1.3.5.5.4.1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 jipprovdi:

“L-ewwelnett, jitqiesu l-komponenti kollha kklassifikati bħala Kroniċi 1. Jekk it-total ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet (f’%) ta’ dawn il-komponenti mmultiplikat bil-fatturi M korrispondenti jkun daqs jew akbar minn 25 % it-taħlita tiġi klassifikata bħala Kronika 1. Jekk ir-riżultat tal-kalkolu huwa klassifikazzjoni tat-taħlita bħala Kronika 1 l-proċedura ta’ klassifikazzjoni hi mitmuma.”

10      Fir-rigward tat-taħlitiet b’komponenti tossiċi ħafna, il-punt 4.1.3.5.5.5 ta’ dan l-anness jipprovdi:

“4.1.3.5.5.5.1. Komponenti fil-Kategorija Akuti 1 u Kroniċi 1 b’tossiċitajiet inqas minn 1 mg/l u/jew tossiċitajiet kroniċi inqas minn 0,1 mg/l (jekk ma jiddegradawx malajr) u 0,01 mg/l (jekk jiddegradaw malajr) jikkontribwixxu għat-tossiċità tat-taħlita anki f’konċentrazzjoni baxxa u normalment għandhom jingħataw konsiderazzjoni akbar meta jiġi applikat l-approċċ tal-addizzjoni tal-klassifikazzjoni. Meta taħlita jkun fiha l-komponenti kklassifikati bħala Akuti jew Kroniċi 1, wieħed minn dawn li ġejjin għandu jiġi applikat:

–        L-approċċ fi stadji deskritt fi[l-punti] 4.1.3.5.5.3 u 4.1.3.5.5.4 għandu jiġi applikat billi tintuża “somma peżata billi jiġu multiplikati l-konċentrazzjonijiet tal-komponenti Akuti 1 u Kroniċi 1 b”fattur, minflok ma jingħaddu sempliċiment flimkien il-perċentwali. Dan ifisser li l-konċentrazzjoni ta’ “Akuti 1” fil-kolonna tax-xellug tat-Tabella 4.1.1 u l-konċentrazzjoni ta’ “Kroniċi 1” fil-kolonna tax-xellug tat-Tabella 4.1.2 huma multiplikati bil-fattur multiplikanti adattat. Il-fatturi multiplikanti li għandhom jiġu applikati lil dawn il-komponenti huma definiti permezz tal-valur tat-tossiċità, kif deskritt fil-qosor fit-Tabella 4.1.3. Għalhekk, sabiex tiġi klassifikata taħlita li fiha komponenti Akuti/Kroniċi 1, il-klassifikant jeħtieġ li jkun infurmat dwar il-valur tal-fattur M sabiex japplika l-metodu tal-addizzjoni;

[…]”

11      It-tabella 4.1.3 tal-istess anness tiddefinixxi l-fatturi ta’ multiplikazzjoni skont il-valur tat-tossiċità għall-komponenti tossiċi ħafna ta’ taħlitiet.

12      Fir-rigward tal-proċedura amministrattiva, l-Artikolu 37(1) tar-Regolament Nru 1272/2008, li jawtorizza lill-Istati Membri jipproponu klassifikazzjoni armonizzata għal sustanza, jipprovdi:

“Awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tippreżenta lill-Aġenzija proposta għal klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati ta’ sustanzi u, fejn adatt, limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni jew fatturi M, jew proposta għal reviżjoni tagħhom.”

13      Skont l-Artikolu 37(4) tal-imsemmi regolament, il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) (iktar ’il quddiem il-“KVR”), stabbilit skont l-Artikolu 76(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22, u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84) għandu jadotta opinjoni dwar kwalunkwe proposta “ppreżentata skond il-paragrafi 1 jew 2 fi żmien 18‑il xahar mill-wasla tal-proposta, li jagħti lill-partijiet ikkonċernati opportunità biex jikkummentaw” u l-ECHA għandha “tgħaddi din l-opinjoni u kwalunkwe kumment lill-Kummissjoni”.

14      Finalment, il-proċedura ta’ adozzjoni tal-klassifikazzjonijiet proposti hija prevista fl-Artikolu 37(5) tal-imsemmi regolament fit-termini li ġejjin:

“Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati mingħajr dewmien bla bżonn f’konformità mal-Artikolu 53a, fejn hija ssib li l-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u t-tikkettar tas-sustanza kkonċernata hija xierqa, sabiex temenda l-Anness VI permezz tal-inklużjoni ta’ dik is-sustanza flimkien mal-elementi rilevanti ta’ klassifikazzjoni u tikkettar fit-Tabella 3.1 tal-Parti 3 tal-Anness VI u, fejn ikunu xierqa, il-limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni jew il-fatturi-M.

[…]”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

15      Ir-rikorrenti, Industrial Química del Nalón, SA, timmanifattura ż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja (iktar ’il quddiem iż-“ŻQFTGĦ”). L-attività tagħha tiffoka fuq is-settur tal-karbokimika u tibbaża ruħha fuq id-distillazzjoni tal-faħam tal-qatran f’temperatura għolja, prodott derivat mill-manifattura ta’ kokk, użat fil-funderiji għall-produzzjoni ta’ ħadid fondut grezz. Ir-rikorrenti teżerċita l-attività tagħha ta’ karbokimika fis-sit tagħha li jinsab fi Trubia (Spanja), fi ħdan grupp ta’ fabbriki awtonomi li jaħdmu bħala unità kompletament integrata.

16      Iż-ŻQFTGĦ huwa, skont id-deskrizzjoni tiegħu fit-tabelli 3.1 u 3.2 li jinsabu fl-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008, ir-residwu mid-distillazzjoni tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja, solidu iswed b’punt ta’ trattib approssimattiv minn 30 °C sa 180 °C (86 °F sa 356 °F), magħmul primarjament minn taħlita komplessa ta’ idrokarburi aromatiċi bi ċrieki kkondensati bi tliet membri jew iktar. Din is-sustanza hija fost dawk is-sustanzi li għandha kompożizzjoni li ma hijiex magħrufa jew varjabbli, prodotti kumplessi li jirreaġixxu jew materjal bijoloġiku peress li ma tistax tkun identifikata b’mod sħiħ mill-kompożizzjoni kimika tagħha. Iż-ŻQFTGĦ huwa prinċipalment użat għall-produzzjoni ta’ aġenti li jgħaqqdu għall-elettrodi intiżi għall-industrija tal-aluminju u għall-industrija tal-azzar.

17      F’Settembru 2010, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta lill-ECHA fajl, skont l-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 1272/2008, li jipproponi li ż-ŻQFTGĦ jiġi kklassifikat bħala kanċeroġenu tal-kategorija 1 (H350), mutaġeniku tal-kategorija 1B (H340), tossiku għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1B (H360FD), u sustanza ta’ tossiċità akkwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akkwatika kronika tal-kategorija 1 (H410).

18      Wara li rċeviet osservazzjonijiet dwar il-fajl inkwistjoni waqt konsultazzjoni pubblika, l-ECHA bagħtet dan il-fajl lill-KVR.

19      Fil-21 ta’ Novembru 2011, il-KVR adotta opinjoni dwar iż-ŻQFTGĦ li kkonfermat b’kunsens il-proposta ppreżentata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Din l-opinjoni kienet akkumpanjata minn dokument ta’ informazzjoni li kien fih l-analiżi ddettaljata tal-KVR (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ informazzjoni”) u minn dokument li jinkludi r-risposti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-osservazzjonijiet ippreżentati fuq il-fajl stabbilit minn dan l-Istat Membru.

20      Fir-rigward tal-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ fost is-sustanzi ta’ tossiċità akkwatika, il-KVR indika fl-opinjoni tiegħu, kif kien ġie propost mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-fajl tiegħu ippreżentat lill-ECHA, li din ma setgħetx tkun ibbażata fuq id-data li tirriżulta mill-istudji li jsegwu l-approċċ “Water‑Accommodated Fraction” (approċċ ta’ frazzjoni adattata għall-ilma). Il-KVR immotiva din il-kunsiderazzjoni billi indika, minn naħa, li din id-data kienet inkisbet fl-assenza ta’ irradjazzjoni għar-raġġi ultravjola (UV), filwaqt li ċerti komponenti idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (iktar ’il quddiem “IAP”) taż-ŻQFTGĦ huma fototossiċi, u, min-naħa l-oħra, li l-istudji inkwistjoni twettqu biss b’karika waħda. Hekk kif kien ġie propost mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-fajl tiegħu ppreżentat lill-ECHA, huwa għalhekk qies li l-klassifikazzjoni ta’ din is-sustanza kellha tkun ibbażata fuq approċċ differenti, li kien jikkonsisti fil-kunsiderazzjoni taż-ŻQFTGĦ bħala taħlita. Skont dan l-approċċ, is-sittax‑il kostitwent taż-ŻQFTGĦ, li ġew iddefiniti bħala sustanzi ta’ prijorità mill-Environmental Protection Agency (EPA, aġenzija għall-protezzjoni tal-ambjent tal-Istati Uniti tal-Amerika), u li għaliha kienet disponibbli kwantità suffiċjenti ta’ dejta dwar l-effetti u dwar l-espożizzjoni, ġew analizzati separatament skont l-effetti akkwatiċi tossiċi tagħhom. Bl-applikazzjoni tal-metodu msemmi fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, li kien jikkonsisti fid-determinazzjoni tas-somma tar-riżultati miksuba bl-attribuzzjoni ta’ fatturi multiplikaturi (iktar ’il quddiem il-“fatturi M”) għall-IAP differenti sabiex jingħata iktar piż lill-komponenti ferm tossiċi taż-ŻQFTGĦ (iktar ’il quddiem il-“metodu tal-addizzjoni”), din l-analiżi kienet uriet, skont l-opinjoni tal-KVR, li ż-ŻQFTGĦ kellha tiġi kklassifikata fost is-sustanzi ta’ tossiċità akkwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akkwatika kronika tal-kategorija 1 (H410).

21      Fit-2 ta’ Ottubru 2013, abbażi tal-opinjoni tal-KVR, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament (UE) Nru 944/2013 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament Nru 1272/2008 (ĠU 2013, L 261, p. 5). Abbażi tal-Artikolu 1(2)(a)(i) u (b)(i) tar-Regolament Nru 944/2013, moqri flimkien mal-Annessi II u IV tiegħu, iż-ŻQFTGĦ ġie kklassifikat fost is-sustanzi kanċeroġeni tal-kategorija 1A (H350), mutaġeniċi tal-kategorija 1B (H340), tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1B (H360FD), ta’ tossiċità akkwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akkwatika kronika tal-kategorija 1 (H410). Abbażi tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 944/2013, din il-klassifikazzjoni kienet applikabbli mill-1 ta’ April 2016. Skont il-premessa 5 tar-Regolament Nru 944/2013, fir-rigward taż-ŻQFTGĦ kien previst perijodu ta’ tranżizzjoni itwal, qabel ma l-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni armonizzata ssir obbligatorja, sabiex jippermetti lill-operaturi jikkonformaw ruħhom mal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-klassifikazzjonijiet armonizzati ġodda tat-sustanzi tossiċi ħafna għall-organiżmi akkwatiċi u li jistgħu jikkawżaw effetti negattivi fit-tul għall-ambjent akkwatiku, b’mod partikolari l-obbligi msemmija fl-Artikolu 3 u fl-Anness III tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).

22      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Diċembru 2013 u rreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑689/13, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-annullament parzjali tar-Regolament Nru 944/2013 sa fejn kien jikklassifika ż-ŻQFTGĦ fost is-sustanzi ta’ tossiċità akkwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akkwatika kronika tal-kategorija 1 (H410).

23      Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767), il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament Nru 944/2013 sa fejn kien jikklassifika ż-ŻQFTGĦ fost is-sustanzi ta’ tossiċità akkwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akkwatika kronika tal-kategorija 1 (H410).

24      B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 30 sa 34 tas-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767), iddeċidiet b’mod partikolari dan li ġej:

“30      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, meta kklassifikat iż-ŻQFTGĦ fost is-sustanzi ta’ tossiċità akkwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akkwatika kronika tal-kategorija 1 (H410) abbażi tal-kostitwenti tiegħu, din naqset mill-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi u l-fatti kollha rilevanti sabiex tieħu debitament inkunsiderazzjoni r-rata ta’ preżenza tas-sittax‑il kostitwent IAP fiż-ŻQFTGĦ u l-effetti kimiċi tagħhom.

31      Fil-fatt, skont il-punt 7.6 tad-dokument ta’ informazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ abbażi tal-kostitwenti tiegħu, ġie preżunt li l-IAP kollha preżenti fiż-ŻQFTGĦ kienu jinħallu fil-fażi tal-ilma u li, għalhekk, kienu disponibbli għal organiżmi akkwatiċi. Jissemma wkoll li probabbilment dan iwassal għal sopravalutazzjoni tat-tossiċità taż-ŻQFTGĦ u li, sa fejn il-kompożizzjoni tal-WAF kienet inċerta, din l-istima ta’ tossiċità setgħet titqies bħala x-xenarju l-iktar sfavorevoli.

32      Madankollu, la l-Kummissjoni u lanqas l-ECHA ma kienu kapaċi jistabbilixxu quddiem il-Qorti Ġenerali li, meta bbażat il-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ bħala sustanza ta’ tossiċità akkwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akkwatika kronika tal-kategorija 1 (H410) fuq il‑preżunzjoni li IAP kollha preżenti f’dik is-sustanza kienu jinħallu fil-fażi tal‑ilma u kienu disponibbli għal organiżmi akkwatiċi, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont il-punt 1.3 tad-dokument ta’ informazzjoni, intitolat ‘Elementi fiżjokimiċi’, il-kostitwenti taż-ŻQFTGĦ setgħu jiġu rrilaxxati miż-ŻQFTGĦ sa ċertu punt biss u li dik is-sustanza kienet stabbli ħafna.

33      Fil-fatt, l-ewwel nett, la l-opinjoni tal-KVR dwar iż-ŻQFTGĦ u lanqas id-dokument ta’ informazzjoni ma jinkludu xi rraġunar li juri li, bil-preżunzjoni li l-IAP kollha preżenti f’dik is-sustanza jinħallu fil-fażi tal-ilma u li huma disponibbli għal organiżmi akkwatiċi, ittieħdet inkunsiderazzjoni s-solubbiltà baxxa taż-ŻQFTGĦ fl-ilma. […]

34      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-punt 1.3 tad-dokument ta’ informazzjoni, l-ogħla rata ta’ solubbiltà fl-ilma taż-ŻQFTGĦ fir-rigward ta’ karika kienet ta’ massimu ta’ 0.0014 %. Fid-dawl ta’ din is-solubbiltà fl-ilma baxxa taż-ŻQFTGĦ, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma weriet li hija tista’ tibbaża l-klassifikazzjoni inkwistjoni ta’ dik is-sustanza fuq preżunzjoni li l-IAP kollha preżenti fiż-ŻQFTGĦ jinħallu fil-fażi tal-ilma u li kienu disponibbli għal organiżmi akkwatiċi. Fil-fatt, mit-Tabella 7.6.2 tad-dokument ta’ informazzjoni jirriżulta li s-sittax‑il kostitwent IAP taż-ŻQFTGĦ jikkostitwixxu 9.2 % ta’ dik is-sustanza. Meta telqet mill-ipoteżi li IAP kollha jinħallu fl-ilma, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat il-klassifikazzjoni inkwistjoni fuq il-preżunzjoni li 9.2 % taż-ŻQFTGĦ seta’ jinħall fl-ilma. Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 1.3 tad-dokument ta’ informazzjoni, tali valur ma huwiex realistiku, peress li r-rata massima hija ta’ 0.0014 %.”

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ppreżentat appell mis-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767). Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġew ammessi mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

26      Fl-24 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti ressqet talba skont l-Artikoli 278 u 279 TFUE intiża sabiex tiġi ordnata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u s-sospensjoni tal-effetti tar-Regolament Nru 944/2013 sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet fuq l-appell tal-Kummissjoni.

27      Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Lulju 2016, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P‑R, mhux ippubblikat, EU:C:2016:597), it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda minħabba n-natura mhux suffiċjentement urġenti tal-miżuri mitluba.

28      Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:882), u billi segwiet f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:646), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell tal-Kummissjoni.

29      B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 39, 41 sa 47 u 51 sa 55, b’mod partikolari ddeċidiet dan li ġej:

“39      Huwa minnu li l-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 ma jipprevedix l-użu ta’ kriterji oħrajn minbarra dawk espressament imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni ma tipprekludi espressament it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra li jistgħu jkunu rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza [li tifforma parti mis-sustanzi ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti minn reazzjonijiet kumplessi jew minn materjal bijoloġiku].

[…]

41      […] l-użu tal-espressjonijiet ‘fejn adatt’ (“where appropriate” fil-verżjoni bl-Ingliż ta’ dan il-punt) u ‘d-dejta kollha disponibbli’, għandu tendenza li jinvalida l-interpretazzjoni li tgħid li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni differenti minn dik espressament użata fil-kuntest tal-metodu tal-addizzjoni għandu, f’kull ċirkustanza, jiġi eskluż.

42      Barra minn hekk, mill-premessi 4 sa 8 tar-Regolament Nru 1272/2008 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried ‘jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni globali tal-kriterji tal-klassifikazzjoni u tal-ittikkettar, mhux biss fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti, iżda anki permezz tal-inkorporazzjoni tal-kriterji [tal-GHS] fid-dritt Komunitarju’. Għal dan il-għan, l-Anness I ta’ dan ir-Regolament jirriproduċi b’mod identiku kważi d-dispożizzjonijiet kollha tal-[GHS].

43      […] mit-test stess tal-[GHS], b’mod partikolari mill-Anness 9 tiegħu, intitolat ‘Dokument gwida dwar il-perikli fil-qasam akkwatiku’, jirriżulta li l-approċċ metodoloġiku indikat għad-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-perikoli fil-qasam akkwatiku ta’ sustanzi huwa delikat, b’mod partikolari, minħabba l-fatt li ‘t-terminu sustanza jkopri firxa wiesgħa ta’ prodotti kimiċi, li numru kbir minnhom huwa diffiċli ħafna li jiġu kklassifikati skont sistema bbażata fuq kriterji riġidi’. B’hekk dan id-dokument jenfasizza ‘l-problemi ta’ interpretazzjoni kumplessi, anki għal esperti’, li tqajjem il-klassifikazzjoni, b’mod partikolari tas-sustanzi msejħa ‘kumplessi jew multi komponenti’ li tagħhom ‘il-karatteristiċi ta’ bijodegradazzjoni, ta’ bijoakkumulazzjoni, ta’ koeffiċjent ta’ tqassim u ta’ solubbiltà fl-ilma lkoll iqajmu problemi ta’ interpretazzjoni, sa fejn kull komponent tat-taħlita jista’ jaġixxi b’mod differenti’.

44      B’hekk, l-awturi ta’ dan id-dokument riedu jattiraw l-attenzjoni fuq il-limiti inerenti għall-kriterji metodoloġiċi, previsti mill-[GHS], ta’ klassifikazzjoni tal-perikoli fil-qasam akkwatiku, fir-rigward ta’ ċerti sustanzi kkaratterizzati, b’mod partikolari, mill-kumplessità, mill-istabbiltà jew mill-idrosolubbiltà dgħajfa tagħhom.

45      Il-leġiżlatur tal-Unjoni integra d-dispożizzjonijiet tal-[GHS] fl-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, mingħajr ma esprima l-intenzjoni tiegħu li jinjora dan l-approċċ. B’hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta integra [l-GHS] fir-Regolament Nru 1272/2008, ħalla barra dawn il-limitazzjonijiet metodoloġiċi.

46      L-applikazzjoni stretta u awtomatika tal-metodu tal-addizzjoni fiċ-ċirkustanzi kollha tista’ twassal biex tiġi sottovalutata t-tossiċità fil-qasam akkwatiku ta’ sustanza [li tifforma parti mis-sustanzi ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti minn reazzjonijiet kumplessi jew minn materjal bijoloġiku] li ftit mill-kostitwenti tagħha jkunu magħrufa. Tali riżultat ma jistax jitqies bħala kompatibbli mal-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem imfittex mir-Regolament Nru 1272/2008.

47      […] meta hija tapplika l-metodu tal-addizzjoni sabiex tiddetermina jekk sustanza [li tifforma parti mis-sustanzi ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti minn reazzjonijiet kumplessi jew minn materjal bijoloġiku] taqax taħt il-kategoriji ta’ tossiċità akuta u ta’ tossiċità kronika għall-ambjent akkwatiku, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tillimita l-evalwazzjoni tagħha biss għall-elementi espressament imsemmija fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, bl-esklużjoni ta’ kull element ieħor. Konformement mal-obbligu ta’ diliġenza tagħha, il-Kummissjoni hija marbuta li teżamina b’kura u b’imparzjalità elementi oħra li, għalkemm mhux espressament ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet imsemmija, huma madankollu rilevanti.

[…]

51      Il-metodu ta’ klassifikazzjoni msemmi fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 huwa bbażat fuq l-ipoteżi li tgħid li l-kostitwenti meħuda inkunsiderazzjoni huma 100 % solubbli. Abbażi ta’ din l-ipoteżi, dan il-metodu tal-addizzjoni jimplika li jeżisti livell ta’ konċentrazzjoni tal-kostitwenti taħt liema l-limitu minimu ta’ 25 % ma jistax jintlaħaq u b’hekk jikkonsisti fil-kalkolu tas-somma tal-konċentrazzjonijiet tal-kostitwenti li jifformaw parti mill-kategoriji ta’ tossiċità akuta jew kronika, meqjusa, kull waħda, mal-fattur M li jikkorrispondi għall-profil ta’ tossiċità tagħhom.

52      Huwa madankollu inerenti għal dan il-metodu li dan jitlef l-affidabbiltà f’sitwazzjonijiet fejn is-somma meqjusa tal-kostitwenti teċċedi l-livell ta’ konċentrazzjoni li jikkorrispondi għal-limitu minimu ta’ 25 % fi proporzjon inferjuri għar-rapport bejn ir-rata ta’ solubbiltà osservata fil-livell tas-sustanza kkunsidrata fl-intier tagħha u r-rata ta’ solubbiltà ipotetika ta’ 100 %. Fil-fatt, f’tali sitwazzjonijiet, isir b’hekk possibbli li l-metodu tal-addizzjoni jwassal, f’każijiet partikolari, għal riżultat superjuri jew inferjuri għal-livell li jikkorrispondi għal-limitu minimu legali ta’ 25 %, skont jekk titteħidx inkunsiderazzjoni r-rata ta’ solubbiltà ipotetika tal-kostitwenti jew dik tas-sustanza kkunsidrata b’mod sħiħ.

53      Huwa stabbilit li mit-Tabella 7.6.2 tal-Anness I tar-rapport anness mal-opinjoni tal-KVR jirriżulta li, minn naħa, il-metodu tal-addizzjoni jwassal għar-riżultat ta’ 14 521 % u li, min-naħa l-oħra, dan ir-riżultat huwa 581 darba ogħla mil-livell minimu meħtieġ sabiex jintlaħaq il-limitu ta’ 25 %, wara li jiġu ppeżati mill-fatturi M. Lanqas ma huwa kkontestat li barra minn hekk mill-punt 1.3 ta’ dan id-dokument, intitolat “Proprjetajiet fiżikokimiċi”, jirriżulta li r-rata massima ta’ solubbiltà fl-ilma taż-ŻQFTGĦ kienet ta’ 0.0014 %, jiġifieri rata ta’ madwar 71 000 darba inqas mir-rata ta’ solubbiltà ipotetika ta’ 100 % użata għall-kostitwenti meħuda inkunsiderazzjoni.

54      Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żnaturament jew żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 34 [tas-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767)], li, ‘billi telqet mill-ipoteżi li dawn il-[kostitwenti] kollha jinħallu fl-ilma, il-Kummissjoni għalhekk, essenzjalment, ibbażat il-klassifikazzjoni inkwistjoni fuq l-ipoteżi li 9.2 % taż-ŻQFTGĦ seta’ jinħall fl-ilma. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 1.3 tad-dokument ta’ informazzjoni [anness mal-opinjoni tal-KVR], tali valur ma huwiex realistiku, peress li r-rata massima hija ta’ 0.0014 %.’

55      Wara li kkonstatat, fil-punt 32 [tas-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767)], li ‘la l-Kummissjoni u lanqas l-ECHA ma [kienu] f’pożizzjoni li jistabbilixxu li l-Kummissjoni [kienet] ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont il-punt 1.3., intitolat ‘Proprjetajiet fiżikokimiċi’, tad-dokument ta’ informazzjoni [anness mal-opinjoni tal-KVR], il-kostitwenti taż-ŻQFTGĦ setgħu biss jiġu estratti miż-ŻQFTGĦ b’mod limitat u li din is-sustanza kienet tippreżenta stabbilità kbira’, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, iddeċidiet fil-punt 30 tas-sentenza msemmija li ‘il-Kummissjoni [kienet] wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, meta kklassifikat iż-ŻQFTGĦ fost is-sustanzi ta’ tossiċità akkwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akkwatika kronika tal-kategorija 1 (H410) abbażi tal-kostitwenti tiegħu, din [kienet] naqset mill-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti sabiex tieħu debitament inkunsiderazzjoni r-rata ta’ preżenza tas-sittax-il kostitwent fiż-ŻQFTGĦ u l-effetti kimiċi tagħhom’.”

30      Fid-9 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2018, C 239, p. 3) fejn ikkonstatat li l-annullament parzjali tar-Regolament Nru 944/2013 deċiż mill-Qorti Ġenerali kien inżamm wara ċ-ċaħda tal-appell u li ż-ŻQFTGĦ ma kienx “iktar ikklassifikat bħala sustanza ta’ tossiċità akkwatika akuta tal-kategorija 1 u ta’ tossiċità akkwatika kronika tal-kategorija 1”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża għad-danni bbażata fuq l-Artikolu 268 KE.

32      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-11 ta’ Frar u fis-7 ta’ Marzu 2019, ir-Renju ta’ Spanja u l-ECHA ippreżentaw talba ta’ intervent insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

33      Permezz ta’ atti separati, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Marzu, fil-5 ta’ April, fid-29 ta’ Mejju, fil-31 ta’ Mejju u fil-21 ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrenti talbet, skont l-Artikolu 144(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, it-trattament kunfidenzjali fir-rigward tar-Renju ta’ Spanja u tal-ECHA ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fl-annessi tar-rikors, fir-risposta, fir-replika u fl-annessi tagħha, kif ukoll fil-kontroreplika.

34      Ir-risposta ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Marzu 2019.

35      Ir-replika ġiet ippreżentata fis-17 ta’ Mejju 2019.

36      Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ġunju 2019, ir-Renju ta’ Spanja u l-ECHA ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

37      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Lulju u fit-30 ta’ Awwissu 2019, ir-Renju ta’ Spanja oppona t-talbiet għal trattament kunfidenzjali. Permezz ta’ atti ppreżentati fid-9 ta’ Lulju u fil-5 ta’ Settembru 2019, l-ECHA kkonfermat li ma kellhiex oġġezzjonijiet dwar it-talbiet għal trattament kunfidenzjali.

38      Il-kontroreplika ġiet ippreżentata fl-24 ta’ Lulju 2019.

39      Fis-6 ta’ Settembru 2019, ir-Renju ta’ Spanja u l-ECHA ppreżentaw in-noti ta’ intervent rispettivi tagħhom.

40      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli nbidlet, il-kawża ġiet attribwita lil Imħallef Relatur ġdid sedenti fit-Tmien Awla.

41      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali, tal-25 ta’ Novembru 2019, it-talbiet għal trattament kunfidenzjali ġew miċħuda fir-rigward tar-Renju ta’ Spanja.

42      Fit-8 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti talbet, skont l-Artikolu 69(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, sospensjoni tal-proċedura sakemm seduta, li kienet tirrigwarda b’mod prijoritarju l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea, tinżamm fil-Kawża T‑638/18, u li tingħata sentenza mill-Qorti Ġenerali dwar din il-kwistjoni. Il-Kummissjoni qablet ma’ sospensjoni ta’ din il-kawża permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Jannar 2020.

43      Fit-2 ta’ April 2020, it-Tmien Awla ddeċidiet li l-proċedura ma tiġix sospiża.

44      Fl-20 ta’ April 2020, fuq proposta tat-Tmien Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tirrinvija l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

45      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-22 ta’ April 2020, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet lill-partijiet għal tweġiba bil-miktub, li dawn wieġbu għalihom fit-terminu stabbilit.

46      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-15 ta’ Ġunju 2020, il-Qorti Ġenerali stiednet lil kull waħda mill-partijiet sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ April 2020. Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom fit-terminu mogħti.

47      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. Madankollu, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ġunju 2020, il-partijiet prinċipali indikaw, essenzjalment, li l-konsulenti legali tagħhom ma setgħux jipparteċipaw fiżikament fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali li ż-żamma tagħha kienet prevista fis-sede tal-Qorti Ġenerali fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu) u li, fl-eventwalità li l-parteċipazzjoni tagħhom f’din is-seduta permezz ta’ viżjokonferenza ma tkunx materjalment possibbli, huma jirrinunzjaw li jinstemgħu fit-trattazzjoni tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li qieset li l-atti tal-proċess kellhom biżżejjed informazzjoni u, b’mod partikolari, permezz tar-risposti tal-partijiet għad-domandi tagħha kif ukoll tal-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom dwar l-imsemmija tweġibiet, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) iddeċidiet, skont l-Artikolu 108(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li tagħlaq il-fażi orali tal-proċedura.

48      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        taqta’ u tiddeċiedi li dan ir-rikors huwa ammissibbli u fondat;

–        tiddeċiedi li hija għandha tiġi kkumpensata għad-dannu kkawżat lilha mill-Kummissjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha d-danni bħala kumpens għad-dannu subit bħala konsegwenza diretta tal-klassifikazzjoni illegali, għas-somma totali ta’ EUR 652 733, jew għal kull ammont ieħor li hija tiġġustifika l-fondatezza tiegħu matul il-proċedura jew li tevalwa l-Qorti Ġenerali;

–        sussidjarjament, tiddeċiedi b’mod provviżorju li l-Kummissjoni hija obbligata tikkumpensa d-dannu subit u tordna lill-partijiet jippreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali, f’terminu raġonevoli mid-data tas-sentenza, iċ-ċifri relatati mal-ammont tal-kumpens miftiehem bejniethom jew, fin-nuqqas ta’ ftehim, tordna lill-partijiet jipproduċu quddiem il-Qorti Ġenerali, fl-istess terminu, it-talbiet tagħhom flimkien mal-provi ta’ sostenn f’ċifri ddettaljati;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha interessi kumpensatorji bir-rata normali mid-data tat-telf subit (jiġifieri jew mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-klassifikazzjoni illegali, jew mid-data tal-materjalizzazzjoni tad-dannu);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-interessi moratorji bir-rata ta’ 8 %, jew bi kwalunkwe rata oħra li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa, ikkalkolati fuq l-ammont pagabbli mid-data tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li għandha tingħata u sal-ħlas effettiv;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura.

49      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għad-danni;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-istanza.

–        sussidjarjament, jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi favur ir-rikorrenti f’dak li jikkonċerna r-responsabbiltà, tagħti lill-partijiet terminu ta’ sitt xhur sabiex jilħqu ftehim dwar l-ammont tad-danni.

50      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għad-danni;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

51      L-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għad-danni;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż ta’ din proċedura.

 Id-dritt

52      Insostenn tat-talba għad-danni tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-klassifikazzjoni illegali taż-ŻQFTGĦ fost is-sustanzi ta’ tossiċità akkwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akkwatika kronika tal-kategorija 1 (H410) kif imwettqa bir-Regolament Nru 944/2013 ikkawżatilha dannu materjali li hija tevalwa għal EUR 652 733. Minn naħa, dan id-dannu jikkorrispondi għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-adattament tal-imballaġġ kif ukoll mill-modalitajiet ta’ trasport kif jirriżultaw mir-regolamenti standard tan-Nazzjonijiet Uniti għat-trasport tal-merkanzija perikoluża, jiġifieri b’mod partikolari l-Ftehim Ewropew dwar it-trasport internazzjonali tal-merkanzija perikoluża bit-triq, ir-regolament li jikkonċerna t-trasport internazzjonali ferrovjarju tal-merkanzija perikoluża u l-kodiċi marittimu internazzjonali tal-merkanzija perikoluża. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tinvoka wkoll dannu kkawżat mill-ispejjeż addizzjonali, ikkawżati mill-klassifikazzjoni prevista mir-Regolament Nru 944/2013 sabiex jiġu aġġornati skedi ta’ data ta’ sigurtà konformement mar-Regolament Nru 1907/2006.

53      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u mill-ECHA, tirribatti, l-ewwel nett, li hija ma wettqet ebda ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, it-tieni nett, li r-rikorrenti ma pprovatx l-eżistenza ta’ dannu reali u ċert u, it-tielet nett, li r-rikorrenti ma stabbilixxietx rabta kawżali bejn l-illegalità u d-dannu allegatament imġarrab.

54      Għandu jiġi kkonstatat li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Skont ġurisprudenza ugwalment stabbilita, meta waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija responsabbiltà (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑146/91, EU:C:1994:329, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-klassifikazzjoni illegali taż-ŻQFTGĦ fost is-sustanzi ta’ tossiċità akkwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akkwatika kronika tal-kategorija 1 (H410), kif ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:882), tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

57      Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ illegalità mwettqa mill-Kummissjoni li tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, għandu jiġi vverifikat minn qabel jekk ir-rikorrenti stabbilixxietx l-eżistenza f’dan il-każ ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi fis-sens tal-ġurisprudenza, li ġiet ippreġudikata, imbagħad jekk il-ksur ta’ din ir-regola kienx suffiċjentement serju fis-sens tal-ġurisprudenza.

 Fuq in-natura tad-dispożizzjoni legali miksura mill-Kummissjoni fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 944/2013

58      Skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni legali jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi meta l-ksur ikun jikkonċerna dispożizzjoni li toħloq drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu, b’mod li jkollha effett dirett, li toħloq vantaġġ li jista’ jiġi kkwalifikat bħala dritt kweżit, li għandu l-funzjoni li jipproteġi l-interessi tal-individwi jew li jagħti drittijiet favur l-individwi li l-kontenut tagħhom jista’ jiġi identifikat b’mod suffiċjenti (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑297/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:888, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Ir-rikorrenti tqis li r-regoli li l-Kummissjoni kisret jinsabu fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, jiġifieri l-metodu tal-addizzjoni, kif ukoll fl-obbligu ta’ diliġenza tagħha li huwa inerenti għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Il-kombinazzjoni ta’ dawn ir-regoli tagħti lill-individwi dritt li jippermettilhom jipproteġu l-interessi tal-impriża individwali tagħhom sa fejn il-Kummissjoni tkun obbligata li turi diliġenza fil-klassifikazzjoni ta’ sustanza.

60      Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreċiżat li, fil-fehma tagħha, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1272/2008 setgħu jipproteġu l-interessi tal-individwi sa fejn dawn jimponu jew jaggravaw obbligi li l-operaturi bħar-rikorrenti għandhom jikkonformaw magħhom sabiex ikunu jistgħu jgawdu mid-dritt tagħhom li jqiegħdu fis-suq is-sustanzi u t-taħlitiet kimiċi skedati. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 4(10) tal-imsemmi regolament li jipprovdi li “[i]s-sustanzi u t-taħlitiet m’għandhomx jitqiegħdu fis-suq ħlief jekk ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament”. Issa, klassifikazzjoni żbaljata tippreġudika d-dritt tar-rikorrenti li tqiegħed fis-suq sustanzi u taħlitiet li huma, fl-aħħar mill-aħħar, konformi mal-imsemmi regolament.

61      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u mill-ECHA, issostni, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet tal-Anness I tar-Regolament 1272/2008 u b’mod partikolari l-metodu tal-addizzjoni previst fil-punt 4.1.3.5.5 tal-imsemmi anness ma jagħtux drittijiet lill-individwi. Dawn id-dispożizzjonijiet, skont il-Kummissjoni purament metodoloġiċi, provenjenti mill-GHA, jiġbru flimkien kriterji tekniċi u xjentifiċi għall-klassifikazzjoni ta’ sustanzi u ta’ taħlitiet abbażi tal-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi. Ir-regoli dwar il-metodu tal-addizzjoni li jinsabu fl-Anness I tal-imsemmi regolament huma sempliċement maħsuba sabiex tiġi ddeterminata l-perikolożità marbuta mat-tossiċità akkwatika tas-sustanzi u ta’ taħlitiet abbażi ta’ data xjentifika, u ma jeħtiġux ibbilanċjar tal-interessi tal-individwi. Barra minn hekk, dawn ma jipprevedux regoli proċedurali intiżi sabiex jipproteġu l-interessi tal-individwi. Għalhekk, la l-entità li tissottometti l-proposta inizjali ta’ klassifikazzjoni, la l-KVR u lanqas il-Kummissjoni ma huma obbligati jibbilanċjaw l-interessi tal-individwi.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:882), u tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767), il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta applikat il-metodu tal-addizzjoni msemmi fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008. B’hekk, jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 47 tas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:882, li, “meta tapplika l-metodu tal-addizzjoni biex tiddetermina jekk sustanza [li tifforma parti mis-sustanzi ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti minn reazzjonijiet kumplessi jew minn materjal bijoloġiku] tifformax parti mill-kategoriji ta’ tossiċità akuta u ta’ tossiċità kronika fil-qasam akkwatiku, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tillimita l-evalwazzjoni tagħha biss għall-elementi espressament imsemmija fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, bl-esklużjoni ta’ kull element ieħor”. Issa, skont il-punt 32 tas-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767), la l-Kummissjoni u lanqas l-ECHA ma kienu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni s-solubbiltà dgħajfa fl-ilma taż-ŻQFTGĦ. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-regola miksura, kif ikkonstataw il-Qorti Ġenerali u sussegwentement il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi rispettivi tagħhom, tinsab fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tal-imsemmi regolament, u li dan huwa l-metodu tal-addizzjoni.

63      Għandu jiġi kkonstatat li l-metodu tal-addizzjoni msemmi fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 jikkostitwixxi metodu ta’ klassifikazzjoni tat-taħlitiet perikolużi għall-ambjent akkwatiku. Bħala tali, dan il-metodu ma jagħti ebda dritt fis-sens strett lill-individwi. Min-naħa l-oħra, kif issostni essenzjalment ir-rikorrenti, il-klassifikazzjoni ta’ taħlita fost is-sustanzi ta’ tossiċità akkwatika skont dawn id-dispożizzjonijiet tista’ toħloq jew iżżid l-obbligi li l-operaturi bħar-rikorrenti, jekk ikun il-każ, għandhom jikkonformaw ruħhom magħhom sabiex ikunu jistgħu jqiegħdu tali taħlita fis-suq.

64      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1272/2008, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, għandu l-għan li jiżgura mhux biss livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, iżda wkoll il-moviment liberu tas-sustanzi.

65      Għalhekk, sa fejn il-klassifikazzjoni armonizzata tas-sustanzi u tat-taħlitiet tiskatta ċerti obbligi għall-manifatturi u għall-fornituri ta’ sustanzi kimiċi li jikkundizzjonaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-moviment liberu tas-sustanzi u tat-taħlitiet kimiċi, hija neċessarjament taffettwa l-interessi ekonomiċi ta’ dawn l-operaturi. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 4 u 5 tar-Regolament Nru 944/2013 li fihom huwa indikat li huwa neċessarju ċertu terminu sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jadattaw l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u tat-taħlitiet għall-klassifikazzjonijiet ġodda u li jgħaddu l-istokkijiet.

66      Madankollu, fir-rigward b’mod iktar partikolari tar-regola speċifika miksura f’dan il-każ, jiġifieri l-metodu tal-addizzjoni kif imsemmi fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, għandu jiġi kkonstatat li din hija intiża biss sabiex tippermetti, abbażi ta’ kriterji tekniċi u xjentifiċi, li tiġi ddeterminata l-perikolożità marbuta mat-tossiċità akkwatika ta’ taħlita billi tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari t-tossiċità akkwatika tal-komponenti tagħha għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ tali taħlita. Din l-evalwazzjoni tal-perikolożità marbuta mat-tossiċità teskludi kull kunsiderazzjoni li ma hijiex marbuta mal-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanza. Ebda bbilanċjar tal-interessi tal-individwi ma huwa previst b’mod partikolari fl-applikazzjoni tagħha.

67      Għalhekk, il-metodu tal-addizzjoni huwa regola metodoloġika, paragunabbli ma’ regola proċedurali, li għandha bħala għan uniku li tiggwida l-evalwazzjoni tal-perikolożità tat-taħlitiet kimiċi abbażi tal-proprjetajiet intrinsiċi tagħhom, u mhux li tiżgura l-protezzjoni tal-interessi tal-individwi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni, C‑443/05 P, EU:C:2007:511, punti 143 sa 145, u tad-29 ta’ April 2020, Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni, T‑437/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:159, punt 52).

68      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li la l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-Qorti Ġenerali, fis-sentenzi tagħhom tat-22 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:882), u tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767), ma kkunsidraw li l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni kien jikkostitwixxi ksur mill-Kummissjoni tal-interessi tal-produtturi u tal-fornituri taż-ŻQFTGĦ. Għall-kuntrarju, dawn is-sentenzi kkonstataw l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni, fl-applikazzjoni tal-metodu tal-addizzjoni, ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-solubbiltà dgħajfa tat-taħlita fiha nnifisha, jiġifieri element li jista’ jaffettwa l-perikolożità akkwatika tat-taħlita. Fi kliem ieħor, il-ksur tar-regola inkwistjoni kkonstatat fl-imsemmija sentenzi huwa limitat għal nuqqas ta’ osservanza tal-portata teknika u xjentifika tagħha.

69      Peress li r-regola tal-metodu tal-addizzjoni ma hijiex intiża, min-natura tagħha, sabiex tipproteġi l-interessi tal-individwi, ir-rikorrenti ma tistax għalhekk tibbaża ruħha, stricto sensu, fuq nuqqas ta’ osservanza tagħha insostenn tat-talba tagħha għad-danni.

70      Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq ma teskludix neċessarjament li l-ksur ta’ dispożizzjoni legali li ma għandhiex l-għan li tagħti stricto sensu drittijiet lill-individwi, iżda li pjuttost tista’ twassal għall-impożizzjoni jew għall-aggravament tal-obbligi imposti fuq l-individwi skont regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni, jista’ jitqies li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ invokabbiltà tar-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 107), jista’ jitqies li l-aġir illegali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li jaffettwa s-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika li hija komposta mid-drittijiet tagħha u, b’mod simetriku, mill-obbligi tagħha, jista’, f’ċerti każijiet, jiġġustifika li tiskatta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, kemm jekk ikun hemm ksur ta’ drittijiet jew żieda jew aggravament tal-obbligi illegali. F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-preġudizzju kkawżat lil din is-sitwazzjoni legali, jista’ jkun irrilevanti, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, li l-aġir tal-amministrazzjoni, allegatament illegali, ikkonsista fil-ksur ta’ drittijiet jew wassal għaż-żieda jew għall-aggravament ta’ obbligi taħt id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, f’dan il-każ, għalkemm ir-regola tal-metodu tal-addizzjoni ma tagħtix, fiha nnifisha, drittijiet lill-individwi, tqum dejjem il-kwistjoni dwar jekk l-obbligi li jirriżultaw minn applikazzjoni żbaljata tal-metodu tal-addizzjoni humiex ta’ natura li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti b’tali mod li din tal-aħħar tista’ titqies li għandha, fl-aħħar mill-aħħar, dritt suġġettiv għall-applikazzjoni korretta tal-metodu tal-addizzjoni, jew jekk, għall-kuntrarju, dawn l-obbligi jikkostitwixxux biss konsegwenza purament indiretta tal-applikazzjoni ta’ din ir-regola li taffettwa biss is-sitwazzjoni ekonomika tar-rikorrenti.

71      Fi kwalunkwe każ, ir-risposta għall-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, il-ksur tar-regola tal-metodu tal-addizzjoni li fuqu hija bbażata l-klassifikazzjoni illegali taż-ŻQFTGĦ tistax jew le tiġi invokata insostenn ta’ din it-talba għad-danni, mill-perspettiva taż-żieda jew tal-aggravament ta’ obbligi li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, tkun deċiżiva għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża biss fil-każ fejn dan il-ksur ikun suffiċjentement serju fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, liema ħaġa għandha tiġi eżaminata iktar ’il quddiem.

72      Fir-rigward tal-ksur tad-dmir ta’ diliġenza inerenti għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif allegat mir-rikorrenti fir-replika tagħha, għandu jiġi kkonstatat li, formalment, fir-rikors, ir-rikorrenti ma kinitx allegat b’mod speċifiku u awtonomu l-ksur tal-imsemmi dmir ta’ diliġenza insostenn tat-talba tagħha għad-danni. Lanqas ma jidher li din l-allegazzjoni tista’ titqies bħala amplifikazzjoni ta’ argument li diġà jinsab fir-rikors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn hija bbażata fuq ksur tad-dmir ta’ diliġenza, it-talba għad-danni għandha, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-risposti għal domanda bil-miktub mibgħuta lir-rikorrenti f’dan ir-rigward, tiġi ddikjarata inammissibbli.

 Fuq il-gravità tal-ksur allegat tar-regola tal-metodu tal-addizzjoni

73      F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni li tgħid li l-ksur tad-dispożizzjoni legali għandu jkun suffiċjentement serju sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, ir-rikorrenti ssostni li t-termini tas-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:882), u tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767), ma jħallu ebda dubju dwar il-fatt li l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri l-ksur tal-portata reali tas-setgħa diskrezzjonali tagħha bl-adozzjoni tal-klassifikazzjoni illegali taż-ŻQFTGĦ, jikkostitwixxi ksur ta’ din in-natura.

74      Ir-rikorrenti tqis li, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, huma l-atti, il-fatti u l-aġir tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata qabel ma jseħħ id-dannu li għandhom ikunu s-suġġett ta’ eżami bir-reqqa. Issa, l-atti, il-fatti u l-aġir jindikaw b’mod ċar li l-Kummissjoni qieset li ma kellha ebda marġni ta’ diskrezzjoni fl-applikazzjoni tal-metodu tal-addizzjoni. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, għandu jitqies li r-regola miksura kienet regola li ma tħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni, b’tali mod li, skont is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (C‑352/98 P, EU:C:2000:361), is-sempliċi ksur tad-dritt huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju.

75      Billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1967, Kampffmeyer et vs Il-Kummissjoni (5/66, 7/66, 13/66 sa 16/66 u 18/66 sa 24/66, mhux ippubblikata, EU:C:1967:31), ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha u ppersistiet f’din id-direzzjoni sakemm l-appell tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġie miċħud, hija “wettqet applikazzjoni abbużiva tar-regoli sostantivi rilevanti”, liema kriterju huwa dak applikabbli fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

76      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma kellhiex nuqqasijiet u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni la tista’ tinvoka nuqqas ta’ ċarezza tat-testi u lanqas ma tista’ “tiskuża ruħha billi tidderieġi r-responsabbiltà għall-iżball imwettaq lejn il-Parlament Ewropew u lejn il-Kunsill”. Barra minn hekk, id-dritt dejjem kien perfettament ċar fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex jew le setgħa diskrezzjonali waqt l-eżami tal-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq id-digriet tat-22 ta’ Mejju 2014, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA (C‑287/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:599), u fuq is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA (T‑93/10, EU:T:2013:106), li jikkonfermaw, għalkemm fil-kuntest tar-Regolament Nru 1907/2006, li l-Kummissjoni tista’ tidderoga mir-regoli stabbiliti billi tuża s-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex tinjora konklużjonijiet indebiti fil-każ ta’ applikazzjoni stretta tal-imsemmija regoli.

77      Ir-rikorrenti tenfasizza b’mod partikolari n-natura mhux reali tar-riżultati tal-kalkolu mwettaq mill-Kummissjoni permezz tal-metodu tal-addizzjoni, fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll fil-punt 53 tas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:882). Ir-rikorrenti fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq lmentaw diversi drabi mal-Kummissjoni dwar l-assurdità ta’ dawn ir-riżultati qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 944/2013 kif ukoll matul il-proċedura bil-miktub fil-kuntest tal-Kawża T‑689/13. L-għażla tal-Kummissjoni kellha l-effett li tikklassifika ż-ŻQFTGĦ bħala sustanza ta’ tossiċità akkwatika, filwaqt li, skont ir-rikorrenti, dan ma jinħallx fl-ilma u, għall-kuntrarju, isir solidu u jegħreq fl-ilma. Skont ir-rikorrenti, tali għażla “tikkontribwixxi […] għall-arbitrarjetà” fis-sens tas-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 1979, Amylum u Tunnel Refineries vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (116/77 u 124/77, EU:C:1979:273), u ma tistax tkun dik ta’ amministrazzjoni normalment prudenti.

78      Finalment, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tippreżenta appell mis-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767), u li tikkontesta t-talba għal sospensjoni provviżorja kellhom l-effett li jaggravaw u jestendu l-iżball imwettaq minnha.

79      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u mill-ECHA, tikkontesta dawn l-argumenti.

80      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, il‑konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att ġuridiku ma hijiex fiha nnifisha biżżejjed, minkejja li tali illegalità hija ta’ dispjaċir, sabiex jitqies li hija ssodisfatta l‑kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni marbuta mal‑illegalità tal-aġir li bih huma akkużati l-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, ir-rikors għad-danni ġie stabbilit bħala rimedju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fis-sistema tar-rimedji u huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju kkonċepiti fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1981, Ludwigshafener Walzmühle Erling et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 197/80 sa 200/80, 243/80, 245/80 u 247/80, EU:C:1981:311, punt 4). Għalhekk, ir-rikors għad-danni ma huwiex intiż sabiex jiżgura kumpens għad-dannu kkawżat minn kull illegalità (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, T‑429/05, EU:T:2010:60, punt 51).

81      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju huwa intiż, tkun liema tkun in-natura tal-att illegali inkwistjoni, sabiex jiġi evitat li r-riskju ta’ ħlas tad-danni allegati mill-impriżi kkonċernati jostakola l-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħha fl-interess ġenerali, kemm fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ natura leġiżlattiva jew li timplika għażliet ta’ politika ekonomika kif ukoll fl-isfera tal-kompetenza amministrattiva tagħha, mingħajr madankollu ma tattribwixxi lil individwi r-responsabbiltà tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u li ma humiex skużabbli (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, T‑429/05, EU:T:2010:60, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      L-annullament possibbli ta’ att tal-Kummissjoni li jkun ta lok għad-danni invokati minn rikorrent, anki meta tali annullament ikun deċiż minn sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija qabel ma jiġi ppreżentat rikors għad-danni, ma jikkostitwixxix il-prova inkonfutabbli ta’ ksur suffiċjentement serju min-naħa ta’ din l-istituzzjoni, li jippermetti li tiġi kkonstatata, ipso jure, ir-responsabbiltà tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Export Development Bank of Iran vs Il-Kunsill, T‑553/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:308, punt 55).

83      Il-kriterju deċiżiv, li jippermetti li jitqies li jkun osservat ir-rekwiżit li ma jitħallewx jiġu imposti fuq dawn l-individwi l-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet li l-istituzzjoni kkonċernata tkun wettqet b’mod flagranti u mhux skużabbli, huwa dak tal-ksur manifest u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 43, u tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30). Dan il-kunċett ta’ ksur manifest u gravi ma għandux jiġi konfuż mal-kunċett ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, iżda għandu jiġi distint minnu. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali distinzjoni, kull żball manifest ta’ evalwazzjoni u, għaldaqstant, kull żball tal-amministrazzjoni tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li jagħtuha marġni ta’ diskrezzjoni jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha. Issa, kif issemma, il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq f’dan il-qasam ma tikkunsidrax li kull illegalità tibbaża, minnha nnifisha, tali responsabbiltà. Għalhekk, dak li huwa determinanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali ksur huwa l-marġni ta’ diskrezzjoni li tiddisponi minnu l-istituzzjoni inkwistjoni. B’hekk, mill-kriterji ġurisprudenzjali jirriżulta li, meta l-istituzzjoni kkonċernata jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistabbilixxi ebda rabta awtomatika bejn, minn naħa, in-nuqqas ta’ setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-kwalifika tal-ksur bħala ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il-Kummissjoni, T‑429/05, EU:T:2010:60, punt 59).

85      Fil-fatt, minkejja li tippreżenta natura determinanti, il-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kkonċernata ma tikkostitwixxix kriterju esklużiv. Għall-kuntrarju, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu solvuti u d-diffikultajiet fl-applikazzjoni jew fl-interpretazzjoni tat-testi (ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata) jew, b’mod iktar ġenerali, tal-qasam, tal-kundizzjonijiet u tal-kuntest li fihom ir-regola miksura hija imposta fuq l-istituzzjoni jew fuq il-korp tal-Unjoni kkonċernat (ara s-sentenza tal-4 ta’ April 2017, L-Ombudsman Ewropew vs Staelen, C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Minn dan isegwi li hija biss il-konstatazzjoni ta’ irregolarità li ma kinitx twettaq, f’ċirkustanzi simili, amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti li tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, T‑429/05, EU:T:2010:60, punt 62).

87      F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza barra minn hekk ippreċiżat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu legali seta’ jitqies li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju għall-finijiet tal-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni biss jekk dan jirriżulta f’att manifestament kuntrarju għar-regola tad-dritt u jippreġudika serjament l-interessi ta’ terzi li la jista’ jiġi ġġustifikat u lanqas spjegat fir-restrizzjonijiet partikolari imposti oġġettivament fuq is-servizz fil-kuntest ta’ funzjonament normali (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il-Kummissjoni, T‑212/03, EU:T:2008:315, punt 43).

88      Għalhekk, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha, wara li tiddetermina, qabel kollox, jekk l-istituzzjoni kkonċernata kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni, tieħu sussegwentement inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi solvuta, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola li ġiet miksura u n-natura intenzjonali jew mhux skużabbli tal-iżball imwettaq (ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, għandu jiġi analizzat jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Kummissjoni kif ikkonstatat fis-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:882), u tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767), jikkostitwixxix ksur suffiċjentement serju fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

90      Għal dan il-għan, għandhom jitfakkru l-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali u sussegwentement lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kklassifikat iż-ŻQFTGĦ abbażi tal-metodu tal-addizzjoni.

91      Fir-rigward tas-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767), għandu jiġi rrilevat li mill-punt 24 tagħha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali telqet mill-ipoteżi li tgħid li l-Kummissjoni kellha “setgħa diskrezzjonali wiesgħa” waqt il-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ. Għalhekk, skont il-punt 30 ta’ din l-istess sentenza, “il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, meta kklassifikat iż-ŻQFTGĦ fost is-sustanzi ta’ tossiċità akkwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akkwatika kronika tal-kategorija 1 (H410) abbażi tal-kostitwenti tiegħu, din naqset mill-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi u l-fatti kollha rilevanti sabiex tieħu debitament inkunsiderazzjoni r-rata ta’ preżenza tas-sittax‑il kostitwent IAP fiż-ŻQFTGĦ u l-effetti kimiċi tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti Ġenerali għalhekk qieset li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kostitwenti taż-ŻQFTGĦ setgħu jiġu estratti miż-ŻQFTGĦ biss b’mod limitat u li din is-sustanza kellha stabbiltà kbira u għaldaqstant solubbiltà dgħajfa fl-ilma. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat il-fatt li, billi telqet mill-ipoteżi li l-IAP kollha taż-ŻQFTGĦ jinħallu fl-ilma, il-Kummissjoni bbażat il-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ fuq l-ipoteżi li 9.2 % taż-ŻQFTGĦ seta’ jinħall fl-ilma, filwaqt li mid-dokument ta’ informazzjoni kien jirriżulta li tali valur ma kienx realistiku, peress li l-iktar rata għolja ta’ solubbiltà fl-ilma taż-ŻQFTGĦ kienet ta’ 0.0014 %. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rreferiet għad-definizzjoni tat-tossiċità akkwatika akuta li tinsab fil-punt 4.1.1.1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 li kienet tinkludi, skont il-Qorti Ġenerali, il-proprjetajiet tas-sustanza u mhux biss dawk tal-komponenti tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif iċċitata fil-punt 29 tas-sentenza tagħha tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767), li tgħid li ma jistax jitqies, mis-sempliċi fatt li komponent ta’ sustanza għandu ċertu numru ta’ proprjetajiet, li din is-sustanza għandha wkoll tali proprjetajiet.

92      Fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:882), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestatx il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tipproċedi għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza skont ir-Regolament Nru 1272/2008 kif ukoll fil-kuntest tal-eżami tal-evalwazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi kumplessi li hija kellha twettaq għal dan il-għan. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet b’mod partikolari għall-fatt li l-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 kien integra fid-dritt tal-Unjoni l-kriterji tal-GHA billi rriproduċa kważi t-totalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet b’mod identiku. Issa, dan id-dokument jenfasizza l-problemi ta’ interpretazzjonijiet kumplessi, anki għal esperti, li tqajjem il-klassifikazzjoni, u b’mod partikolari dik tas-sustanzi msejħa “kumplessi jew multi komponenti” fosthom “il-karatteristiċi […] ta’ solubbiltà fl-ilma jqajmu […] problemi ta’ interpretazzjoni, sa fejn kull komponent tat-taħlita jista’ jaġixxi b’mod differenti” (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et, C‑691/15 P, EU:C:2017:882, punt 43).

93      B’hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awturi tas-GHA riedu jattiraw l-attenzjoni fuq il-limiti inerenti għall-kriterji metodoloġiċi ta’ klassifikazzjoni tal-perikoli fil-qasam akkwatiku fir-rigward ta’ ċerti sustanzi kkaratterizzati mill-kumplessità, mill-istabbiltà jew mill-idrosolubbiltà dgħajfa tagħhom. Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma injorax dawn il-limitazzjonijiet metodoloġiċi meta inkluda s-GHA fir-Regolament Nru 1272/2008. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tal-opinjoni li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tillimita l-evalwazzjoni tagħha biss għall-elementi espressament imsemmija fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, bl-esklużjoni ta’ kull element ieħor.

94      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll li, skont il-punt 4.1.3.1, li jintroduċi l-kriterji ta’ klassifikazzjoni tat-taħlitiet, “[s]abiex tintuża d-dejta kollha disponibbli għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-perikli ambjentali akkwatiċi tat-taħlita, dan li ġej hu applikat fejn adatt”, li kien intiż, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ixejjen l-interpretazzjoni li tgħid li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni differenti minn dik espressament użata fil-kuntest tal-metodu tal-addizzjoni għandu, f’kull każ, jiġi eskluż. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li kien inerenti fil-metodu tal-addizzjoni applikat mill-Kummissjoni f’dan il-każ li din titlef l-affidabbiltà f’ċerti sitwazzjonijiet, bħal f’dan il-każ, fejn il-metodu tal-addizzjoni jwassal għar-riżultat ta’ 14 521 % li huwa 581 darba ogħla mil-livell minimu meħtieġ sabiex jintlaħaq il-limitu ta’ 25 %, wara li jiġi ppeżat mill-fatturi M, u li r-rata massima ta’ solubbiltà fl-ilma taż-ŻQFTGĦ kienet ta’ 0.0014 %, jiġifieri rata ta’ madwar 71 000 darba inqas mir-rata ta’ solubbiltà ipotetika ta’ 100 % użata għall-kostitwenti meħuda inkunsiderazzjoni.

95      Fid-dawl tal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, kif ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, kisret regola li tagħtiha marġni ta’ diskrezzjoni, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset li l-metodu tal-addizzjoni kien regola stretta li ma tagħtiha ebda marġni ta’ diskrezzjoni. Fil-fatt, id-dannu li r-rikorrenti tista’ eventwalment tinvoka jirriżulta mill-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ dan il-metodu. Issa, l-istess metodu ma jistax, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-awtorità li applikatu, jitqies fl-istess ħin bħala li jħalli marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-kriterju ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u strett fir-rigward tal-kriterju tal-ksur suffiċjentement serju.

96      Mill-ġurisprudenza stabbilita ċċitata iktar ’il fuq jirriżulta li għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li jgħid li żball manifest ta’ evalwazzjoni jikkostitwixxi f’kull każ ksur suffiċjentement serju ta’ regola diskrezzjonali. Kif ġie rrilevat fil-punti 80 sa 83 iktar ’il fuq, peress li r-rikors għad-danni huwa rimedju proċedurali awtonomu, l-illegalità ta’ att tal-Kummissjoni ma hijiex biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni ta’ żball ta’ evalwazzjoni bħala manifest hija marbuta mal-qbiż tal-marġni ta’ diskrezzjoni u għalhekk hija intiża sabiex tiddistingwi bejn is-sitwazzjonijiet li fihom dan il-qbiż jikkostitwixxi ksur ta’ liġi u sitwazzjonijiet ikkaratterizzati minn sempliċi nuqqas ta’ qbil dwar l-eżerċizzju xieraq ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni. Konsegwentement, f’sitwazzjoni fejn l-istituzzjoni inkwistjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, id-determinazzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju tista’ sseħħ biss wara l-konstatazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u hija intiża biex tidentifika, billi tibbaża ruħha fuq il-kriterji msemmija fil-punt 88 iktar ’il fuq, l-iżbalji l-iktar gravi u mhux skużabbli li jammontaw għal ksur manifest u serju tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kkonċernata.

97      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kriterju dwar il-grad ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura, jiġifieri l-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, għandu jiġi rrilevat li, skont il-formulazzjoni ta’ dan il-punt, il-metodu tal-addizzjoni jippreżenta ruħu bħala kalkolu kważi mekkaniku, li abbażi tiegħu l-Kummissjoni tivverifika jekk is-somma tal-konċentrazzjonijiet (f’perċentwali) tal-kostitwenti tossiċi ħafna tat-taħlita mmultiplikati bil-fatturi M korrispondenti tagħhom hijiex ugwali jew ogħla minn 25 %. Jekk dan huwa l-każ, it-taħlita, f’dan il-każ iż-ŻQFTGĦ, “hija kklassifikata” fil-kategoriji ta’ tossiċità akigerata jew kronika 1 (ara l-punti 4.1.3.5.5.3.1 u 4.1.3.5.5.4.2 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008). Kif ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 39 tas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:882), il-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tal-imsemmi regolament ma jipprevedix b’mod espliċitu l-użu ta’ kriterji oħra minbarra dawk espressament imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

98      F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA (T‑93/10, EU:T:2013:106), tista’ titqies li tikkostitwixxi preċedent li ċċara l-approċċ tal-metodu tal-addizzjoni. Kif ġie rrilevat ġustament il-Kummissjoni, la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlu riferiment għal din is-sentenza. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija sentenza ma kinitx tirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ taħlita skont ir-Regolament Nru 1272/2008, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, iżda kienet tirrigwarda kwistjoni oħra, jiġifieri l-identifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna skont l-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006. Għalhekk, sa fejn fis-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA (T‑93/10, EU:T:2013:106), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ECHA ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li ż-ŻQFTGĦ kellu ċerti proprjetajiet, f’dan il-każ b’mod partikolari il-karatteristiċi “persistenti u bijoakkumulattivi”, minħabba l-fatt li l-komponenti tiegħu kellhom dawn il-karatteristiċi, il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx regola ġenerali li tgħid li, meta leġiżlazzjoni tistabbilixxi kriterji għal teħid ta’ deċiżjoni mingħajr ma tipprekludi b’mod speċifiku u espress it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi oħra, istituzzjoni tista’ jew saħansitra għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni fatturi oħra. Fi kwalunkwe każ, kif irrilevat ukoll il-Kummissjoni, anki jekk jitqies li din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali stabbilixxiet ġurisprudenza ċara dwar il-kwistjoni mqajma, quod non, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija sentenza saret definittiva biss wara ċ-ċaħda tal-appell mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Mejju 2014, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA (C‑287/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:599), jiġifieri wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 944/2013, li jimplika li hija ma setgħetx, minħabba dan il-fatt biss, tikkostitwixxi preċedent li l-Kummissjoni setgħet jew kellha tieħu inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 944/2013.

99      Għaldaqstant, il-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 ma jistax jitqies li kkostitwixxa, fid-data tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 944/2013, regola ċara ħafna fir-rigward tal-eżistenza tal-marġni ta’ diskrezzjoni li kellha l-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-metodu tal-addizzjoni. Il-formulazzjoni tiegħu ma tissuġġerixxix l-eżistenza ta’ tali setgħa diskrezzjonali u fuq kollox ma ssemmix li s-solubbiltà ta’ taħlita hija fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali u b’mod iktar partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxew l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni li kellu jwassal lill-Kummissjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra minbarra dawk espressament imsemmija fil-punt 4.1.3.5.5, billi tibbaża ruħha fuq kunsiderazzjonijiet li ma jirriżultawx direttament, u lanqas b’mod espliċitu, mill-formulazzjoni tal-imsemmi punt stess. B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja użat kunsiderazzjonijiet marbuta mal-kuntest leġiżlattiv iktar ġenerali, jiġifieri b’mod partikolari l-fatt li l-metodu tal-addizzjoni ma jinjorax il-limitazzjonijiet metodoloġiċi kif identifikati mis-GHA li r-Regolament Nru 1272/2008 huwa intiż li jintegra fid-dritt tal-Unjoni skont il-premessa 6 tiegħu. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 43 tas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:882), dan id-dokument jenfasizza l-problemi ta’ interpretazzjoni marbuta mal-klassifikazzjoni ta’ sustanzi kumplessi jew multikomponenti bħaż-ŻQFTGĦ. Dawn id-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni li jikkomplikaw l-applikazzjoni tal-metodu tal-addizzjoni u li barra minn hekk tiżvela l-imsemmija sentenza jipprekludu li l-aġir tal-Kummissjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala manifestament u serjament kuntrarju għar-regola ta’ dritt miksura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il-Kummissjoni, T‑212/03, EU:T:2008:315, punt 43). Għalkemm huwa minnu li, konformement mas-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:882), u tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767), dan l-aġir ma huwiex legali, dan jista’ tal-inqas jiġi spjegat minħabba l-formulazzjoni tal-imsemmi punt 4.1.3.5.5 u minħabba diffikultajiet ta’ interpretazzjoni fid-dawl tal-klassifikazzjoni ta’ sustanzi kumplessi.

100    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni, kif ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali u sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwiex ta’ natura intenzjonali jew mhux skużabbli, għandu jiġi kkonstatat dan li ġej.

101    Qabel kollox, għandu jiġi nnotat li la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestaw l-użu tal-metodu tal-addizzjoni. Kif ġie rrilevat fil-punt 26 tas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:882), il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni “fl-applikazzjoni tal-metodu tal-addizzjoni”.

102    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni applikat il-metodu tal-addizzjoni billi segwiet rigorożament il-formulazzjoni tal-punt 4.1.3.5.5. Hija wettqet kalkolu tas-somma tal-konċentrazzjonijiet tal-kostitwenti tossiċi ħafna taż-ŻQFTGĦ wara li applikat il-fatturi M korrispondenti. Tali applikazzjoni ta’ dan il-metodu fl-osservanza tal-formulazzjoni tal-punt 4.1.3.5.5, tindika li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi tagħha, li bħala regola ġenerali jista’ jitqies li huwa approċċ prudenti f’sitwazzjoni kkaratterizzata minn kumplessità partikolari fil-livell xjentifiku u tekniku. Kif ġie rrilevat fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:646), il-prinċipju ta’ “[dan l-approċċ] [j]ista’ biss [i]kun imfaħħ[ar]”, minkejja li rriżulta li huwa żbaljat f’dan il-każ.

103    Għalkemm huwa minnu li dan l-approċċ tqies li huwa vvizzjat bi żball manifest mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali, il-klassifikazzjoni bħala mhux skużabbli ta’ tali approċċ li jsegwi formulazzjoni pjuttost preskrittiva ta’ regola tad-dritt f’qasam ikkaratterizzat minn kumplessità xjentifika u teknika għolja u li, barra minn hekk, jifforma parti minn leġiżlazzjoni li, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1272/2008, “[għandu l-]għan […] li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi [u ta’] taħlitiet […] billi […] jarmonizza l-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ sustanzi u taħlitiet, u r-regoli dwar l-ittikkettar u l-imballaġġ għas-sustanzi u t-taħlitiet perikolużi”, tmur lil hinn mill-indikaturi ta’ ksur suffiċjentement ikkaratterizzat stabbiliti mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq. B’mod partikolari, tali approċċ ma jikkostitwixxix att manifestament u serjament kuntrarju għar-regola ta’ dritt li ma ssib la ġustifikazzjoni u lanqas spjegazzjoni fil-limitazzjonijiet partikolari li huma imposti oġġettivament fuq il-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-klassifikazzjoni tas-sustanzi b’kompożizzjoni mhux magħrufa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il-Kummissjoni, T‑212/03, EU:T:2008:315, punt 43).

104    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni segwiet l-opinjoni tal-KVR li, min-naħa tagħha, hija r-riżultat ta’ proċess previst mir-Regolament Nru 1272/2008. Dan il-proċess inbeda permezz tal-proposta ta’ klassifikazzjoni ppreżentata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 37(1) tal-imsemmi regolament. Sussegwentement, din il-proposta kienet is-suġġett ta’ konsultazzjoni pubblika qabel ma l-KVR, li min-naħa tiegħu huwa kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri, jadotta l-opinjoni inkwistjoni b’konsensus konformement mal-Artikolu 37(4) tal-imsemmi regolament.

105    Is-solubbiltà dgħajfa taż-ŻQFTGĦ tqajmet fil-kontribuzzjoni għall-konsultazzjoni pubblika tal-fajl stabbilit skont l-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008 ippreżentat mill-grupp settorjali tas-sustanzi kimiċi derivanti mill-faħam fil-15 ta’ Novembru 2010. Barra minn hekk, dan il-grupp, f’ittra tas-27 ta’ Ġunju 2011, indirizzata lis-segretarjat tal-KVR, ippreċiża, b’riferiment għal pubblikazzjoni xjentifika, li s-solubbiltà massima fl-ilma taż-ŻQFTGĦ kienet ta’ 0.0004 %. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-opinjoni tal-KVR ingħatat b’għarfien sħiħ tas-solubbiltà dgħajfa taż-ŻQFTGĦ. B’hekk, is-solubbiltà dgħajfa taż-ŻQFTGĦ ġiet ittrattata mill-KVR fil-paġna 92 tad-dokument ta’ informazzjoni sa fejn fih ġie ppreċiżat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-metodu tal-addizzjoni, huwa preżunt li l-IAP kollha jinħallu fl-ilma u li din il-preżunzjoni probabbilment tikkontribwixxi għal sopravalutazzjoni tat-tossiċità taż-ŻQFTGĦ. Fl-istess ħin, fl-opinjoni tiegħu, il-KVR madankollu spjega li tali tossiċità setgħet titqies li hija l-agħar każ (worst case) peress li l-kompożizzjoni taż-ŻQFTGĦ kienet inċerta u li ma setax jiġi eskluż li kostitwenti oħra taż-ŻQFTGĦ jikkontribwixxu għat-tossiċità taż-ŻQFTGĦ bħala tali. Għalhekk, l-opinjoni tal-KVR tinkludi spjegazzjoni li tirrigwarda, tal-inqas, it-tensjoni bejn, minn naħa, il-preżunzjoni li l-IAP kollha jinħallu fl-ilma, u, min-naħa l-oħra, is-solubbiltà dgħajfa fl-ilma taż-ŻQFTGĦ.

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ma huwiex stabbilit, f’dan il-każ, li, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku kumpless applikabbli, kull amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti kienet tqis neċessarju li tiddubita mill-plawżibbiltà tal-opinjoni tal-KVR sal-punt li jkollha tiddevja minnha favur it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju mhux espressament previst mir-Regolament Nru 1272/2008. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li l-fatt li ż-ŻQFTGĦ huwa sustanza ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa u kumplessa kien jikkostitwixxi restrizzjoni partikolari li l-Kummissjoni kienet ikkonfrontata biha fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 944/2013. F’tali sitwazzjoni ta’ inċertezza fir-rigward tal-kompożizzjoni eżatta taż-ŻQFTGĦ, ma jistax tal-inqas jitqies bħala żball mhux skużabbli l-fatt li amministrazzjoni ssegwi, għal finijiet ta’ prudenza, l-opinjoni ta’ grupp ta’ esperti bħall-KVR li, barra minn hekk, kienet ġiet adottata b’kunsens u kienet ibbażata fuq l-identifikazzjoni ta’ riskju ta’ sottovalutazzjoni tat-tossiċità taż-ŻQFTGĦ, peress li fil-paġna 92 ta’ din l-opinjoni kien indikat li dan ir-riskju kien jikkostitwixxi l-agħar każ (worst case) f’sitwazzjoni fejn il-kontribuzzjoni tal-kostitwenti l-oħra għat-tossiċità akkwatika taż-ŻQFTGĦ ma kinitx magħrufa.

107    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar mill-ġdid li l-klassifikazzjoni tas-sustanzi u tat-taħlitiet bħaż-ŻQFTGĦ, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1272/2008, għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Barra minn hekk, minkejja li l-prinċipju ta’ prekawzjoni ma huwiex espressament imsemmi fir-Regolament Nru 1272/2006, dan il-prinċipju, li fuqu huma bbażati b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006, ma jistax jiġi injorat meta jiġu kklassifikati sustanzi u taħlitiet kimiċi li huwa qasam strettament marbut ma’ dak li huwa previst mir-Regolament Nru 1907/2006. Il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jawtorizza, fil-każ ta’ inċertezza, lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jieħdu miżuri xierqa sabiex jiġu evitati ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, għas-sigurtà u għall-ambjent mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jkunu kompletament ipprovati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Acino vs Il-Kummissjoni, C‑269/13 P, EU:C:2014:255, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Huwa f’dan il-kuntest regolatorju li r-Regolament Nru 1272/2008 jagħti lill-Kummissjoni l-kompetenza li tipproċedi għall-klassifikazzjoni ta’ sustanzi kimiċi. Kif ġie muri f’din il-kawża, l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza jista’ jimplika n-neċessità li jintlaħqu konklużjonijiet dwar it-tossiċità ta’ sustanzi kumplessi. Issa, l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza jirriskja li effettivament jiġi ostakolat għad-detriment tal-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq jekk teħid ta’ deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ sustanzi kumplessi jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni mingħajr ma l-kumplessità xjentifika u l-inċertezza li jirriżultaw minnha jiġu kkunsidrati, bl-istess mod bħall-kumplessità tal-kuntest leġiżlattiv applikabbli, bħala fatturi li jistgħu jirrendu skużabbli żball potenzjali.

109    Fi kwalunkwe każ, l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni ma jikkostitwixxix aġir li jikkonfina mal-arbitrarjetà fis-sens tas-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 1979, Amylum u Tunnel Refineries vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (116/77 u 124/77, EU:C:1979:273). Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, ir-riżultat għoli li wasslet għalih l-applikazzjoni tal-metodu tal-addizzjoni f’dan il-każ ma jippermettix li jiġi konkluż li l-Kummissjoni wriet aġir li jikkonfina mal-arbitrarjetà. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għar-riżultat ta’ 14 521 % bħala li juri sitwazzjoni li fiha l-metodu tal-addizzjoni jitlef l-affidabbiltà. Madankollu, dan ir-riżultat ta’ 14 521 %, li mal-ewwel daqqa ta’ għajn jolqtok, b’mod partikolari meta mqabbel mal-limitu ta’ 25 % neċessarju sabiex tiġi konkluża tossiċità akuta u kronika tal-kategorija 1, huwa r-riżultat matematikament neċessarju tal-applikazzjoni tal-metodu tal-addizzjoni, peress li ċerti komponenti taż-ŻQFTGĦ jippreżentaw fattur M għoli ħafna. Bħala eżempju, għandu jiġi kkonstatat li fattur M ta’ 10 000 ġie applikat għal ċerti kostitwenti taż-ŻQFTGĦ, bħal f’dan il-każ għall-floranten. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi preżunt li r-riżultat għoli ta’ tali kalkolu juri, fih innifsu, in-natura mhux skużabbli tal-iżball imwettaq mill-Kummissjoni. Peress li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment temmen, fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 944/2013, li hija ma kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni fil-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ abbażi tal-metodu tal-addizzjoni u fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv li fih tidħol din il-klassifikazzjoni, li huwa kkaratterizzat mill-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent b’osservanza sħiħa tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-fatt li, fil-preżenza ta’ fatturi M għoljin ħafna bħal f’dan il-każ, ir-riżultat ta’ 14 521 % ma wassalhiex sabiex tpoġġi indiskussjoni l-applikazzjoni minnha tal-metodu tal-addizzjoni, jidher li b’mod kuntrarju huwa skużabbli.

110    Il-Kummissjoni b’hekk uriet aġir li joqrob iktar lejn l-aġir li jista’ jkun mistenni minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti pjuttost milli dak ta’ amministrazzjoni li jikkonfina mal-arbitrarjetà. Fil-fatt, f’sitwazzjoni analoga u fl-assenza ta’ metodu alternattiv espressament previst mir-Regolament Nru 1272/2008, ma kienx totalment sorprendenti li amministrazzjoni tista’ tqis li hija kienet ser tesponi ruħha għal riskju ta’ annullament billi tiddeċiedi li tieħu inkunsiderazzjoni fatturi oħra minbarra dawk espressament previsti fl-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 u b’mod partikolari fil-punt 4.1.3.5.5 tiegħu.

111    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidew dwar il-kwistjoni jekk il-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ fost is-sustanzi ta’ tossiċità akkwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akkwatika kronika tal-kategorija 1 (H410) kinitx materjalment korretta jew żbaljata. Kif ġie rrilevat ukoll mill-Avukat Ġenerali Bobek fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15, EU:C:2017:646), it-tilwima ma kinitx tirrigwarda l-eżattezza tal-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ, iżda biss il-kwistjoni dwar liema fatturi kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-metodu tal-addizzjoni. B’mod partikolari ma huwiex eskluż li, anki jekk il-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni s-solubbiltà dgħajfa taż-ŻQFTGĦ fl-ilma, madankollu hija waslet għall-istess konklużjoni dwar il-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ fost is-sustanzi ta’ tossiċità akkwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akkwatika kronika tal-kategorija 1 (H410).

112    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat ukoll li ebda inizjattiva ġdida ta’ klassifikazzjoni ma nbdiet wara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:882). Kif spjegat il-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, l-assenza ta’ klassifikazzjoni ġdida tista’ tiġi spjegata b’mod partikolari, minn naħa, mill-fatt li ż-ŻQFTGĦ jista’ jitqies bħala inqas prijoritarju peress li, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/999, tat-13 ta’ Ġunju 2017, li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2017, L 150, p. 7), iż-ŻQFTGĦ ġie inkluż fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006 minħabba l-proprjetajiet kanċeroġeniċi tiegħu, il-proprjetajiet persistenti tiegħu, bijoakkumulattivi u tossiċi, u l-proprjetajiet persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna tiegħu, u, għaldaqstant, l-użu tiegħu għandu għalhekk jiġi suġġett għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni mill-4 ta’ Ottubru 2020. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni invokat bħala raġuni possibbli l-fatt li l-kwistjoni tal-applikazzjoni korretta tal-metodu tal-addizzjoni għal sustanza jew għal taħlita ftit solubbli fl-ilma baqgħet miftuħa wara l-imsemmija sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

113    Ċertament, in-natura ipotetika tal-kwistjoni dwar liema huma r-raġunijiet tan-nuqqas ta’ klassifikazzjoni ġdida tipprekludi evalwazzjoni finali tar-rilevanza tagħhom f’dan il-każ. Madankollu, għandu jitqies li l-fatt li l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni, kif ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali u sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma ġiex korrett permezz ta’ klassifikazzjoni ġdida, jista’ juri d-diffikultajiet marbuta mal-applikazzjoni korretta tal-metodu tal-addizzjoni. In-natura diffiċilment korrettibbli tal-iżball imwettaq mill-Kummissjoni, kif potenzjalment muri f’dan il-każ, tipprekludi għalhekk, ukoll, li dan l-iżball jista’ jiġi kklassifikat bħala wieħed mhux skużabbli.

114    Finalment, kuntrarjament għal dak li jidher li tallega r-rikorrenti, il-fatt li l-Kummissjoni eżerċitat id-drittijiet proċedurali tagħha billi opponiet it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni kif ukoll billi ppreżentat appell mis-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767), ma jistax jikkostitwixxi fattur aggravanti għall-iżball imwettaq. F’dan ir-rigward, jista’ raġonevolment ikun mistenni minn kull amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti, f’sitwazzjoni simili, li tippreżenta appell sabiex tikseb kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-obbligi tagħha waqt il-klassifikazzjoni ta’ sustanzi kumplessi. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:882), tinkludi ċertu numru ta’ elementi ta’ interpretazzjoni tal-inqas komplementari għall-analiżi tas-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767).

115    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni huwa għaldaqstant skużabbli. Minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza u d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi oħra minbarra dawk espressament previsti fl-applikazzjoni tal-metodu tal-addizzjoni, l-aġir tal-Kummissjoni ma huwiex imbiegħed minn dak li jista’ raġonevolment jiġi mistenni minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti f’sitwazzjoni analoga, jiġifieri sitwazzjoni kkaratterizzata minn kumplessità xjentifika marbuta mal-klassifikazzjoni ta’ sustanza ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa bħaż-ŻQFTGĦ bl-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Tali aġir ma huwiex ekwivalenti għal ksur manifest u serju tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-iżball imwettaq ma jikkostitwixxix ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali b’tali mod li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fi kwalunkwe każ, ma hijiex stabbilita f’dan il-każ. Din il-konstatazzjoni tapplika kemm għall-ksur tal-metodu tal-addizzjoni kif ukoll, għall-kompletezza u għal raġunijiet esposti iktar ’il fuq, għall-ksur allegat tad-dmir ta’ diliġenza.

116    Peress li r-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, għandha tiġi miċħuda bħala infondata t-talba għad-danni mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi evalwata l-kwistjoni tal-ksur ta’ regola li tagħti drittijiet lill-individwi jew li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ dannu reali u ċert kif ukoll ta’ rabta kawżali.

117    Konsegwentement, l-ewwel kap tat-talbiet għandu jiġi miċħud bħala, fi kwalunkwe każ, infondat u, sussegwentement, it-talbiet l-oħra kollha għandhom jiġu miċħuda u, finalment, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

118    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

119    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Skont l-Artikolu 1(2)(f) tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu “istituzzjonijiet” jindika l-istituzzjonijiet tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 13(1) TUE kif ukoll il-korpi jew l-organi maħluqa mit-Trattati jew minn att adottat b’eżekuzzjoni tagħhom u li jistgħu jidhru quddiem il-Qorti Ġenerali. Skont l-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA hija korp tal-Unjoni. Minn dan isegwi li r-Renju ta’ Spanja u l-ECHA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Industrial Química del Nalón, SA, għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja u l-Aġenzija Ewropea għall-Prodotti Kimiċi (ECHA) għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Svenningsen

Barents

Mac Eochaidh

Pynnä

 

      Laitenberger

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Diċembru 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.