Language of document : ECLI:EU:T:2007:221

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

tat-12 ta’ Lulju 2007

Kawża T-45/01

Stephen G. Sanders et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Persunal impjegat ma’ l-impriża konġunta JET – Applikazzjoni ta’ status ġuridiku differenti minn dak ta’ membru tal-persunal temporanju – Kumpens għad-danni materjali subiti ”

Suġġett : Rikors li għandu bħala suġġett l-iffissar, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni (T-45/01, Ġabra p. II-3315), ta’ l-ammont tal-kumpens dovut għad-dannu finanzjarju subit minn kull wieħed mir-rikorrenti minħabba l-fatt li ma ġiex irreklutat bħala membru tal-persunal temporanju tal-Komunitajiet Ewropej matul iż-żmien li ħadem ma’ l-impriża konġunta JET.

Deċiżjoni : Il-Kummissjoni għandha tħallas lil kull wieħed mir-rikorrenti kumpens li jikkorrispondi għall-ammont indikat għal kull wieħed minnhom fil-kolonna (6) ta’ l-Anness 3 ta’ din is-sentenza. Fuq dan l-ammont għandhom jitħallsu mgħaxijiet bir-rata ta’ 5,25 % mill-31 ta’ Diċembru 1999 sad-data tal-ħlas effettiv. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż tar-rikorrenti relattivi għall-proċedura kollha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Kunsill, li intervjena in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Proċedura – Preżentazzjoni ta’ motivi ġodda waqt il-kawża

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44)

2.      Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni sħiħa

3.      Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni sħiħa

4.      Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni sħiħa

1.      Talbiet dwar il-kwantifikazzjoni tad-danni ppreżentati, fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens tad-danni, wara li ngħatat is-sentenza interlokutorja li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza ordnat lill-Komunità tikkumpensa d-danni subiti mill-membri tal-persunal ta’ impriża konġunta KEEA minħabba li ġie applikat status ġuridiku differenti minn dak tal-membri tal-persunal temporanju, emendati sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni metodi tal-kalkolu tad-dannu ddefiniti fis-sentenza interlokutorja, ma jistgħux jiġu kkunsidrati inammissibbli, peress li dawn it-talbiet kienu żvilupp ammissibbli tat-talbiet kontenuti fir-rikors, fuq kollox billi, minn naħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet stabbilixxiet l-elementi neċessarji għall-kalkolu tad-dannu għall-ewwel darba fis-sentenza interlokutorja u billi, min-naħa l-oħra, il-kompożizzjoni eżatta tad-dannu u l-metodu preċiż tal-kalkolu tal-kumpens dovut ma kinux għadhom ġew diskussi.

Fil-fatt, billi s-sentenza interlokutorja ffissat il-perijodu li għalih kumpens huwa dovut, l-elementi li jikkomponuh u l-metodu li għandu jiġi segwit sabiex jiġi ddeterminat l-ammont eżatt tal-kumpens dovut lil kull wieħed mir-rikorrenti, għandu neċessarjament ikun possibbli li tiġi korretta l-kwantifikazzjoni tat-talbiet individwali ta’ kull rikorrent in segwitu għal din is-sentenza.

(ara l-punti 21 u 22)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja, 27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C 104/89 u C 37/90, Ġabra p. I-203, punti 38 sa 40

2.      Fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens tad-danni, wara li ngħatat is-sentenza interlokutorja li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza ordnat lill-Komunità tikkumpensa d-danni subiti mill-membri tal-persunal ta’ l-impriża konġunta, Joint European Torus (JET), minħabba li ġie applikat status ġuridiku differenti minn dak tal-membri tal-persunal temporanju, il-klassifikazzjoni fi grad u fi skala ta’ kull rikorrent fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens għandha tiġi ddeterminata billi jittieħed in kunsiderazzjoni r-reklutaġġ effettiv tiegħu, u dan il-perijodu hu ta’ ħames snin mid-data effettiva ta’ l-aktar kuntratt antik konkluż jew imġedded, liema data ma tistax tkun aktar minn ħames snin qabel.

Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat id-drittijiet għal kumpens għal perijodu massimu ta’ ħames snin, hija madankollu ddeċidiet li, sa mill-bidu, jiġifieri sa mill-ewwel kuntratt tagħhom, il-persuni kkonċernati kellhom jiġu rreklutati taħt kuntratti ta’ membri tal-persunal temporanju, u l-illegalità damet tul il-perijodu ta’ żmien kollu ta’ l-impriża konġunta. Konsegwentement, is-sitwazzjoni ta’ kull rikorrent fil-bidu tal-perijodu tal-kumpens m’għandhiex tiġi ekwiparata ma’ dik li kienet tirriżulta mill-ewwel reklutaġġ iżda għandha tiġi ttrattata billi jiġi kkunsidrat li, mill-ewwel kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, il-persuna kkonċernata kellha tiġi rreklutata bħala membru tal-persunal temporanju, ħaġa li twassal sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni, skond il-każ, il-“karriera” magħmula qabel il-bidu ta’ l-imsemmi perijodu. Dan il-metodu ta’ “rikostruzzjoni tal-karriera” bilfors jinkludi l-promozzjonijiet li minnhom seta’ jibbenefika kull rikorrent.

Fir-rigward tal-promozzjonijiet matul il-perijodu tal-kumpens, huwa fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-membri effettivi tat-tim tal-proġett JET, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li r-rikorrenti kienu nżammu f’sitwazzjoni ġuridika diskriminatorja li tikkostitwixxi illegalità, u li minħabba f’dan, huma ġarrbu dannu. Konsegwentement, is-sitwazzjoni simili tal-membri tal-persunal temporanju tal-KEEA, li għandha sservi bħala punt ta’ paragun sabiex jiġu ddeterminati l-progressjonijiet fil-karriera li r-rikorrenti setgħu jibbenefikaw minnhom, hija dik, li jekk ikun il-każ hija l-iktar favorevoli, tal-membri effettivi tat-tim tal-proġett JET.

(ara l-punti 49 sa 51, 65 u 68)

3.      F’sentenza interlokutorja li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza ordnat lill-Komunità tikkumpensa d-danni subiti mill-membri tal-persunal tal-JET minħabba li ġie applikat status ġuridiku differenti minn dak tal-membri tal-persunal temporanju, hija ddeċidiet li d-dannu subit mir-rikorrenti kien jirriżulta fid-differenza bejn ir-remunerazzjonijiet u benefiċċji relatati li l-persuni kkonċernati kienu jirċievu kieku ħadmu għall-proġett JET bħala membri tal-persunal temporanju u r-remunerazzjonijiet u benefiċċji relatati li fil-fatt irċevew jew akkwistaw bħala persunal bil-kuntratt.

Minn dan jirriżulta, minn naħa, li sabiex jiġi ddeterminat id-dħul nett Komunitarju li kull rikorrent kien jirċievi matul il-perijodu tal-kumpens iffissat mill-Qorti tal-Prim’Istanza li kieku ġie rreklutat bħala membru tal-persunal temporanju, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-benefiċċji kollha li l-parti kkonċernata kienet intitolata għalihom fid-dawl ta’ l-elementi dwar is-sitwazzjoni personali u professjonali tagħha li għalihom tista’ tipprovdi provi dokumentali. Min-naħa l-oħra mhemmx lok li jiġi inkluż kumpens li hija setgħet tirċievi għall-missjonijiet, billi fil-JET, l-ispejjeż kollha kienu jiġu rrimburżati filwaqt li l-allowances ta’ kuljum ġew imnaqqsa, jew saħansitra mneħħija. Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ddeterminat id-dħul nett nazzjonali rċevut minn kull rikorrent bħala membru tal-persunal bil-kuntratt matul l-imsemmi perijodu tal-kumpens, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni r-remunerazzjonijiet kollha li l-persuni kkonċernati effettivament irċevew f'dan ir-rigward, b’mod partikolari, l-allowance ta’ kuljum li eventwalment irċevew uħud mir-rikorrenti minħabba li kienu joqogħdu ’l bogħod mis-sit tal-JET.

(ara l-punti 77 sa 79)

4.      F’sentenza interlokutorja li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza ordnat lill-Komunità tikkumpensa d-danni subiti mill-membri tal-persunal tal-JET minħabba li ġie applikat status ġuridiku differenti minn dak tal-membri tal-persunal temporanju, hija ddeċidiet li sa mill-bidu, ir-rikorrenti kellhom jiġu rreklutati taħt kuntratti ta’ membri tal-persunal temporanju u li, bit-tul ta’ żmien li damet għaddejja l-illegalità mwettqa, hija eċċediet il-perijodu tal-kumpens iffissat mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Din il-konstatazzjoni twassal bilfors sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti setgħu jiksbu xi drittijiet għal pensjoni bis-saħħa tal-perijodu kollu li matulu kull wieħed minnhom effettivament ħadem mal-JET, iżda l-kumpens relattiv għal dawn l-eventwali drittijiet huwa limitat għall-perijodu tal-kumpens.

Konsegwentement, sabiex tiġi ddeterminata l-parti tal-kumpens li tikkorrispondi għad-drittijiet għal pensjoni, għandha tiġi kkunsidrata, għal kull rikorrent, id-data ta’ l-ewwel reklutaġġ effettiv tiegħu mill-JET, li skond il-każ tista’ tkun data preċedenti għall-perijodu tal-kumpens, liema kumpens ikun dovut għat-telf tad-drittijiet għal pensjoni relattivi għall-perijodu massimu ta’ ħames snin li jikkorrispondi għall-perijodu tal-kumpens. Il-perijodu massimu ta’ ħames snin fuq imsemmi għalhekk ma jikkostitwixxix l-uniċi snin li jagħtu lok għad-drittijiet. Huwa fil-fatt il-perijodu ta’ impjieg totali ta’ kull rikorrent mal-JET li jagħti lok għal drittijiet għal pensjoni li huwa jista’ jkollu, bid-drittijiet korrispondenti sussegwentement imnaqqsa pro rata għat-tul tal-perijodu tal-kumpens, fuq il-perijodu totali ta’ l-impjieg.

Barra minn dan, għandu jiġi kkunsidrat li l-kumpens dovut għad-drittijiet għal pensjoni ma jistax ikun inqas mill-valur attwarjali tar-riżervi kkostitwiti f’isem kull rikorrent mill-kontribuzzjonijiet tal-ħaddiem u ta’ min iħaddem fir-rigward tal-perijodu massimu ta’ ħames snin li jikkorrispondi għall-perijodu tal-kumpens.

Fil-każ fejn rikorrent, b’mod partikolari minħabba li jkun ħadem għal inqas minn għaxar snin mal-JET, f’kull każ ma setax, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, ikollu dritt għal pensjoni ta’ l-irtirar iżda biss dritt għal għotja għall-firda, kumpens għat-telf ta’ tali għotja, imnaqqas pro rata għat-tul tal-perijodu tal-kumpens, fuq il-perijodu totali ta’ l-impjieg, jikkostitwixxi l-alternattiva li neċessarjament għandha tingħatalu.

(ara l-punti 90 sa 93)