Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Frar 2024 – Meta Platforms Ireland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-55/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Meta Platforms Ireland Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: A. Komninos, G. Forwood, I. Sarmas u H. Gafsen, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa’ l-ewwel u t-tieni talba, u tiddikjara t-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1127 1 inapplikabbli fir-rigward tar-rikorrenti u b’hekk tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2023) 8176 final tas-27 ta’ Novembru 2023 li tiddetermina t-tariffa superviżorja applikabbli għal Facebook u għal Instagram skont l-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 ;

tilqa’ t-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt talba, u tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2023) 8176 final tas-27 ta’ Novembru 2023 li tiddetermina t-tariffa superviżorja applikabbli għal Facebook u għal Instagram skont l-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

skont l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, tordna l-miżuri ta’ organizzazzjoni mitluba fit-tielet talba sa fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dan huwa neċessarju; u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata kienet żbaljata meta kkalkolat il-limitu globali massimu tat-tariffa tar-rikorrenti b’riferiment għall-profitti dinjija ta’ Meta Platforms, Inc. abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament dwar it-Tariffa Superviżorja, perss li din id-dispożizzjoni tikser l-Artikolu 43(4) u (5) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“DSA”) u l-Artikolu 290(1) TFUE u għandha tiġi ddikjarata inapplikabbli skont l-Artikolu 277 TFUE.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament dwar it-Tariffa Superviżorja jikser l-Artikolu 43(5)(b) tad-DSA, l-Artikolu 290(1) TFUE, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u għalhekk l-Artikolu 5(4) tar-Regolament dwar it-Tariffa Superviżorja għandu jiġi ddikjarat inapplikabbli skont l-Artikolu 277 TFUE.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti fir-rigward tal-kalkolu tal-hekk imsejħa “ammonti residwi” u tal-metodoloġija tan-numru medju ta’ riċevituri attivi (iktar ’il quddiem in-“NMRA”).

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-metodoloġija tan-NMRA.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-metodoloġija għall-kalkolu tan-NMRA fid-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata u tikser l-Artikoli 290(1) TFUE u 291(2) TFUE, l-Artikoli 33(3), 43(4) u 87 tad-DSA, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar it-Tariffa Superviżorja u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-kalkolu tat-tariffa superviżjorja tar-rikorrenti huwa żbaljat u jikser l-Artikolu 43(5)(b) u (c) tad-DSA.

____________

1     Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1127 tat-2 ta’ Marzu 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bil-metodoloġiji u l-proċeduri dettaljati rigward it-tariffi superviżorji imposti mill-Kummissjoni fuq fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna (ĠU 2023, L 149, p. 16).

1     Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1).