Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Diċembru 2023 – ID Parti vs L-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

(Kawża T-1189/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Identité et Démocratie Parti (ID Parti) (rappreżentant: F.-P. Vos, avukat)

Konvenut: L-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata l-illegalità tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 u,

konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2021 tal-għażla tad-Direttur tal-Awtorità;

tannulla d-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2023, innotifikata fis-26 ta’ Ottubru 2023, tal-Awtorità għall-partijiet politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, li timponi sanzjoni finanzjarja fuq Identité et Démocratie Parti, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(2)(a)(vi) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 55 000, bħala kumpens għad-dannu kkawżat;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 3 000, abbażi tal-Artikolu 87 et seq tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħdax-il motiv.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Id-deċiżjoni hija vvizzjata b’kontradizzjoni tal-motivi, sa fejn l-Awtorità tgħid li kellha tintbagħtilha informazzjoni filwaqt li tenfasizza li din l-istess informazzjoni ġiet effettivament ipprovduta lilha, li jekwivali għal nuqqas ta’ motivazzjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smiegħ. Il-proċedura ma għandhiex natura kontradittorja, peress li r-rikorrent ma setax jippreżenta osservazzjonijiet orali, waqt is-seduta formali.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej sa fejn jikkonċerna l-proċedura ta’ ħatra tad-Direttur tal-Awtorità, u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regoli tal-Proċedura ta’ investigazzjoni. Il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni, li wassal għad-deċiżjoni kkontestata, sar mingħajr motiv oġġettiv u validu u ma josservax id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq, peress li l-Awtorità kellha informazzjoni li hija qieset li kienet nieqsa.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-konfużjoni tas-setgħat. L-awtorità tal-prosekuzzjoni (il-konvenuta) kienet ukoll l-awtorità li tagħti d-deċiżjoni, filwaqt li s-separazzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet hija garanzija offruta mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u n-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-Awtorità vvizzjat id-deċiżjoni tagħha bi żball ta’ evalwazzjoni, peress li l-informazzjoni mistennija mill-Awtorità ġiet effettivament mibgħuta lilha u anki fl-ipoteżi li din l-informazzjoni mibgħuta ma kinitx biżżejjed, la l-Awtorità u lanqas xi terzi persuni ma sofrew xi dannu li jiġġustifika sanzjoni.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata, minħabba s-severità tagħha, hija diskriminatorja peress li l-partiti politiċi Ewropej l-oħrajn, li jwettqu, min-naħa tagħhom, nuqqasijiet ipprovati għall-preskrizzjonijiet previsti mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 huma s-suġġett ta’ stħarriġ ħafna iżjed ħafif mill-Awtorità.

It-tmien motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter. L-Awtorità, billi ħadet id-deċiżjoni kkontestata, segwiet għan differenti minn dak li fid-dawl tiegħu ngħatawlha s-setgħat mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, f’dan il-każ, billi segwit għan diskriminatorju.

Id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Id-deċiżjoni kisret neċessarjament il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li s-sanzjoni mogħtija bl-ebda mod ma hija relatata mal-ksur allegat tar-regoli tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

L-għaxar motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-libertà ta’ espressjoni u tal-libertà ta’ assoċjazzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata tikser il-libertà ta’ espressjoni kif protetta mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-libertà ta’ assoċjazzjoni kif protetta mill-Artikolu 12 ta’ dan l-istess test, sa fejn takkuża lir-rikorrenti li pprovdiet lill-pubbliku informazzjoni li hija kienet tqis li hija falza, li jaqa’ esklużivament taħt l-organizzazzjoni interna tagħha.

Il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nulla poena, nullum crimen sine lege. L-Artikolu 27(2) tar-Regolment (UE, Euratom) Nru 1141/2014 ma jipprevedi ebda sanzjoni għal eventwali att li kellu bħala konsegwenza li jqarraq bil-pubbliku, b’mod li l-Awtorità kisret il-prinċipju ta’ nulla poena, nullum crimen sine lege billi imponiet tali sanzjoni fuq ir-rikorrenti.

____________