Language of document : ECLI:EU:C:2021:202

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Marzu 2021 (*)

“Appell – Artikolu 107(1) TFUE – Għajnuna mill-Istat – Taxxa Ungeriża fuq ir-reklamar ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ – Elementi għad-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza – Progressjoni tar-rati – Dispożittiv tranżitorju ta’ tnaqqis parzjali ta’ telf ittrasferit – Eżistenza ta’ vantaġġ ta’ natura selettiva – Oneru tal-prova”

Fil-Kawża C‑596/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑6 ta’ Awwissu 2019

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka, P.‑J. Loewenthal u K. Herrmann, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IrRepubblika talPolonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev, E. Regan, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, P. G. Xuereb u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Settembru 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑27 ta’ Ġunju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni (T‑20/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:448), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/329 tal‑4 ta’ Novembru 2016 dwar il-miżura SA.39235 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Ungerija dwar it-taxxa tad-dħul mir-reklamar (ĠU 2017, L 49, p. 36, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 32 tas-sentenza appellata. Huma jistgħu jitqassru kif ġej.

3        Fil‑11 ta’ Ġunju 2014, l-Ungerija adottat il-Liġi Nru XXII tal‑2014 dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar”). Din il-liġi daħlet fis-seħħ fil‑15 ta’ Awwissu 2014 u stabbilixxiet taxxa speċjali ġdida, b’rati ta’ taxxa mqassma progressivament, fuq id-dħul marbut mal-pubblikazzjoni ta’ reklamar fl-Ungerija (iktar ’il quddiem il-“miżura fiskali inkwistjoni”). Matul l-eżami tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, l-awtoritajiet Ungeriżi ddikjaraw li din it-taxxa kienet intiża sabiex jiġi sostnut il-prinċipju ta’ proporzjonalità fiskali.

4        Skont din il-liġi, kull min jippubblika r-reklamar huwa suġġett għall-miżura fiskali inkwistjoni. Huma għalhekk suġġetti għal din tal-aħħar l-operaturi ekonomiċi li jippubblikaw reklami, bħall-istampa bil-miktub, il-media awdjoviżiva jew il-billboards, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jirreklamaw, jiġifieri l-isponsors tar-reklami, u aġenziji tar-reklamar, li huma intermedjarji bejn min jirreklama u min jippubblika. Il-valur taxxabbli tal-miżura fiskali inkwistjoni huwa d-dħul mill-bejgħ nett ta’ sena finanzjarja ġġenerata mill-pubblikazzjoni tar-reklami. Din tinġabar b’żieda mat-tassazzjoni eżistenti fuq l-impriżi, b’mod partikolari t-taxxa fuq il-kumpanniji. Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħha jkopri l-Ungerija.

5        L-iskala tar-rati tal-miżura fiskali inkwistjoni ġiet iddefinita kif ġej:

–        0 % għall-parti tal-valur taxxabbli li ma taqbiżx il-0.5 biljun forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 1 400 000);

–        1 % għall-parti tal-valur taxxabbli minn HUF 0.5 biljun sa HUF 5 biljuni (madwar EUR 14‑il miljun);

–        10 % għall-parti tal-valur taxxabbli minn HUF 5 biljuni sa HUF 10 biljuni (madwar EUR 28 miljun);

–        20 % għall-parti tal-valur taxxabbli minn HUF 10 biljuni sa HUF 15‑il biljun (madwar EUR 42 miljun);

–        30 % għall-parti tal-valur taxxabbli minn HUF 15‑il biljun sa HUF 20 biljun (madwar EUR 56 miljun); u

–        40 % għall-parti tal-valur taxxabbli li taqbeż dan l-aħħar ammont, fejn din ir-rata żdiedet għal 50 % mill‑1 ta’ Jannar 2015.

6        Il-Liġi dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar kienet tipprevedi wkoll li l-persuni taxxabbli li l-profitt tagħhom qabel it-taxxa tas-sena finanzjarja 2013 kien żero jew negattiv setgħu jnaqqsu mill-valur taxxabbli tagħhom tas-sena 2014 50 % mit-telf ittrasferit mis-snin finanzjarji preċedenti (iktar ’il quddiem il-“mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit”).

7        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, billi qieset li n-natura progressiva tal-miżura fiskali inkwistjoni u l-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-progressjoni tar-rati kienet tintroduċi distinzjoni bejn l-impriżi li jibbenefikaw minn dħul mir-reklamar għoli, jiġifieri l-impriżi ta’ daqs kbir, u dawk li d-dħul mir-reklamar tagħhom huwa iżgħar, jiġifieri l-impriżi żgħar. Skont din l-istituzzjoni, il-miżura fiskali inkwistjoni kienet twassal għal vantaġġ selettiv għall-benefiċċju ta’ dawn tal-aħħar. Il-Kummissjoni qieset ukoll li l-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit kien jinvolvi vantaġġ selettiv li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

8        Permezz tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni ordnat lill-awtoritajiet Ungeriżi jissospendu l-miżura fiskali inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

9        Sussegwentement, l-Ungerija emendat din il-miżura permezz tal-Liġi Nru LXII tal‑2015, adottata fl‑4 ta’ Ġunju 2015 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2015”). L-iskala progressiva tal-miżura fiskali inkwistjoni, komposta minn sitt partijiet ta’ rati minn 0 % sa 50 %, ġiet issostitwita bl-iskala li ġejja, komposta minn żewġ rati ta’ taxxa:

–        0 % għall-parti tal-valur taxxabbli inqas minn HUF 100 miljun (madwar EUR 280 000); u

–        5.3 % għall-parti tal-valur taxxabbli ogħla minn dan l-aħħar ammont.

10      Fl‑4 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

11      Fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li n-natura progressiva tal-miżura fiskali inkwistjoni, inkluż fil-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi tal‑2015, kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Skont il-Kummissjoni, din l-għajnuna kienet ġiet stabbilita b’mod illegali, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u barra minn hekk kienet inkompatibbli mas-suq intern fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE. Skont l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ordnat lill-Ungerija tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern.

12      F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Ungeriżi kellhom jirkupraw mingħand l-impriżi li rreġistraw dħul mir-reklamar matul il-perijodu inkluż bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar u, jew dik tat-tneħħija tal-miżura fiskali inkwistjoni, jew dik tas-sostituzzjoni tagħha b’sistema kompletament kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, is-somom li jikkorrispondu għad-differenza bejn, minn naħa, l-ammont tat-taxxa li dawn l-impriżi kellhom iħallsu skont is-sistema ta’ referenza li kienet tikkonsisti f’sistema ta’ tassazzjoni b’rata waħda, iffissata għal 5.3 %, bla ħsara għal għażla ta’ rata differenti mill-awtoritajiet Ungeriżi, u, min-naħa l-oħra, l-ammont tat-taxxa li dawn l-impriżi diġà kienu ħallsu jew kien ikollhom iħallsu. Fil-każ li d-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti kellha valur pożittiv, is-somma korrispondenti kellha tiġi rkuprata, flimkien mal-interessi kkalkolati mid-data tal-iskadenza tat-taxxa.

13      Madankollu, il-Kummissjoni indikat li l-irkupru ma huwiex neċessarju jekk l-Ungerija tħassar il-miżura fiskali inkwistjoni b’effett retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Għall-futur, pereżempju mill‑2017, l-Ungerija setgħet imbagħad tintroduċi sistema ta’ taxxa mingħajr rati progressivi, li fih ma ssir l-ebda distinzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi taxxabbli.

14      Essenzjalment, il-Kummissjoni qieset li l-miżura fiskali inkwistjoni kellha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għar-raġunijiet li ġejjin.

15      Fir-rigward tal-imputabbiltà tal-miżura fiskali inkwistjoni lill-Istat u l-finanzjament tagħha permezz ta’ riżorsi tal-Istat, il-Kummissjoni rrilevat li, minħabba l-adozzjoni tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar, l-Ungerija kienet irrinunzjat għal riżorsi li hija kellha tiġbor mingħand l-impriżi li d-dħul mill-bejgħ tagħhom marbut mal-ġbir mid-dħul mir-reklamar huwa ftit li xejn ogħli, jiġifieri l-impriżi iżgħar, li kieku kienu suġġetti għall-istess obbligu fiskali bħall-impriżi li d-dħul mill-bejgħ tagħhom marbut mal-ġbir mid-dħul mir-reklamar huwa iktar ogħli, jiġifieri impriżi ikbar.

16      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Kummissjoni fakkret li miżuri li jnaqqsu l-piżijiet li normalment jaqgħu fuq l-impriżi jikkostitwixxu, bħal kull benefiċċju pożittiv, vantaġġ. F’dan il-każ, it-tassazzjoni b’rata kunsiderevolment iktar baxxa kienet tnaqqas il-piżijiet li għandhom l-impriżi li għandhom dħul mill-bejgħ ftit għoli meta mqabbla mal-piżijiet li jaqgħu fuq l-impriżi li d-dħul mill-bejgħ tagħhom huwa ogħla, u għalhekk tat vantaġġ lill-impriżi ż-żgħar meta mqabbla mal-impriżi l-kbar.

17      Il-Kummissjoni żiedet li l-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit jikkostitwixxi wkoll vantaġġ, peress li kellu jitnaqqas il-piż fiskali tal-impriżi li għandhom telf ittrasferit li ma ġġenerax profitti fl‑2013 meta mqabbel ma’ dak fuq l-impriżi l-oħra, li ma setgħux jibbenefikaw minn dan il-mekkaniżmu.

18      Fil-kuntest tal-eżami tan-natura selettiva tal-miżura fiskali inkwistjoni, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, esponiet li s-sistema ta’ referenza li minnha kellu jsir raġunament kienet tikkorrispondi għal dik ta’ taxxa speċjali fuq id-dħul mill-bejgħ provenjenti mill-pubblikazzjoni tar-reklamar. Madankollu, skont il-Kummissjoni, l-istruttura progressiva tar-rati tat-taxxa fuq id-dħul mir-reklamar ma setgħetx tifforma parti minn din is-sistema ta’ referenza. Fil-fatt, sabiex din tal-aħħar ma tkunx tista’ hija stess titqies li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, hija indikat li kellha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, tkun ibbażata fuq rata unika għad-dħul mir-reklamar kollu u, min-naħa l-oħra, ma jkollhiex elementi li jistgħu jagħtu vantaġġ selettiv lil ċerti impriżi.

19      Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li, f’dan il-każ, il-progressjoni tat-taxxa, sa fejn din twassal mhux biss għal rati marġinali, iżda wkoll għal rati medji ta’ tassazzjoni differenti bejn impriżi, kienet tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza kkostitwita minn taxxa fuq ir-reklamar b’rata unika li għaliha huma suġġetti l-operaturi ekonomiċi kollha li jippubblikaw reklamar fl-Ungerija.

20      Barra minn hekk, din l-istituzzjoni kkunsidrat li l-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit, irriżervat għall-impriżi li ma għamlux profitt matul is-sena 2013, kien jikkostitwixxi, huwa wkoll, deroga mis-sistema ta’ referenza, ikkaratterizzat minn tassazzjoni bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ. F’dan il-kuntest, skont il-Kummissjoni, l-ispejjeż li jaqgħu fuq l-impriżi ma jistgħux jitnaqqsu mill-valur taxxabbli, kuntrarjament għal dak li jiġri fil-qasam tat-tassazzjoni fuq il-profitti. Dan il-mekkaniżmu jintroduċi, għaldaqstant, distinzjoni arbitrarja bejn żewġ gruppi ta’ impriżi li jinsabu madankollu f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli, jiġifieri, minn naħa, l-impriżi li jippreżentaw telf ittrasferit mis-snin finanzjarji preċedenti u ma għamlux profitt għas-sena finanzjarja 2013, u, min-naħa l-oħra, l-impriżi li għamlu profitt għal din is-sena finanzjarja. Il-possibbiltà ta’ tnaqqis parzjali tat-telf eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar hija neċessarjament selettiva, sa fejn tiffavorixxi lill-impriżi li għandhom telf ittrasferit sinjifikattiv, b’mod partikolari minħabba l-akkumulazzjoni tagħhom matul is-snin preċedenti.

21      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Liġi dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar, kif emendata bil-Liġi tal‑2015, kienet tistabbilixxi taxxa bbażata fuq l-istess prinċipji u kellha l-istess karatteristiċi bħall-verżjoni inizjali tagħha. Minn dan hija kkonkludiet li t-tassazzjoni li tirriżulta minn din il-liġi hekk emendata kellha karatteristiċi identiċi għal dawk li inizjalment wasslu għall-identifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat.

22      Fis‑16 ta’ Mejju 2017, l-Ungerija adottat il-Liġi Nru XLVII tal‑2017, li temenda l-Liġi dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar. Essenzjalment, din il-liġi neħħiet, b’mod retroattiv, il-miżura fiskali inkwistjoni.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

23      Fis‑16 ta’ Jannar 2017, l-Ungerija ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz ta’ att separat, ippreżentat fl-istess jum, hija ressqet talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, li ġiet miċħuda permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Marzu 2017, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni (T‑20/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:203).

24      B’deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2017, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent tar-Repubblika tal-Polonja insostenn tat-talbiet magħmula mill-Ungerija.

25      Insostenn tar-rikors tagħha, l-Ungerija invokat tliet motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq il-fatt li l-miżura fiskali inkwistjoni ġiet ikklassifikata b’mod żbaljat bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, it-tieni, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u, it-tielet, fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter.

26      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel wieħed minn dawn il-motivi, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet qieset b’mod żbaljat li l-miżura fiskali inkwistjoni u l-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit kienu jikkostitwixxu vantaġġi selettivi. Għal din ir-raġuni, hija annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma ddeċidiet fuq il-motivi l-oħra tar-rikors.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

27      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi definittivament il-kawża, billi tiċħad it-tieni u t-tielet motiv invokati mill-Ungerija kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, u tikkundannaha għall-ispejjeż, u

–        sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-motivi li dwarhom għadha ma tatx deċiżjoni.

28      L-Ungerija, sostnuta fit-talbiet tagħha mir-Repubblika tal-Polonja, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell bħala infondat; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

29      Il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li n-natura progressiva tal-miżura fiskali inkwistjoni ma kinitx twassal għal vantaġġ selettiv

30      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi ddeċidiet li n-natura progressiva tal-miżura fiskali inkwistjoni ma kinitx tagħti vantaġġ selettiv favur l-impriżi li għandhom dħul mill-bejgħ baxx marbut mal-pubblikazzjoni tar-reklami, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE. Skont din l-istituzzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni ta’ kull wieħed mit-tliet stadji tal-analiżi tas-selettività ta’ din il-miżura. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-progressjoni tat-taxxa kienet tagħmel parti mis-sistema ta’ referenza li fir-rigward tagħha kellha tiġi evalwata s-selettività tal-miżura fiskali inkwistjoni. Sussegwentement, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx teżamina l-komparabbiltà tal-impriżi suġġetti għall-imsemmija miżura fid-dawl ta’ għan differenti mill-għan fiskali ta’ din tal-aħħar. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-kuntest tal-analiżi tal-ġustifikazzjoni tal-istess miżura, adottat għan, jiġifieri l-għan ta’ ridistribuzzjoni, li ma huwiex intrinsikament marbut mal-imsemmija miżura.

31      L-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja jikkontestaw dan l-argument.

32      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interventi tal-Istati Membri fl-oqsma li ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fid-dritt tal-Unjoni ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 81). L-Istati Membri għandhom għalhekk jastjenu milli jadottaw kull miżura fiskali li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

33      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, dan irid jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’, huwa għandu jikkostitwixxi distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar is-selettività tal-vantaġġ, inerenti għall-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li hija l-unika waħda li hija suġġetta għall-kontestazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-appell, minn ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-kundizzjoni timponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li huma, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u li għalhekk huma suġġetti għal trattament iddifferenzjat li jista’ essenzjalment jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A‑Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Barra minn hekk, meta l-miżura inkwistjoni tkun maħsuba bħala sistema ta’ għajnuna u mhux bħala għajnuna individwali, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi jekk din il-miżura, minkejja li hija tipprevedi vantaġġ ta’ portata ġenerali, tagħtix il-benefiċċju esklużiv lil ċerti impriżi jew lil ċerti setturi ta’ attività (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑270/15 P, EU:C:2016:489, punt 49).

36      Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ miżuri nazzjonali li jagħtu vantaġġ fiskali, għandu jitfakkar li miżura ta’ din in-natura li, minkejja li ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni iktar favorevoli mill-persuni taxxabbli l-oħra tista’ tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji u tikkostitwixxi, għaldaqstant, “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk, huwa kkunsidrat b’mod partikolari bħala għajnuna mill-Istat intervent li jtaffi l-piżijiet li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża u li, minħabba f’dan, mingħajr ma jkun sussidju fis-sens strett tal-kelma, huwa tal-istess natura u għandu effetti identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, EU:C:1994:100, punti 13 u 14, kif ukoll tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 71 u 72). Għall-kuntrarju, ma jikkostitwixxix tali għajnuna, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, vantaġġ fiskali li jirriżulta minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A‑Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-kuntest, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala “selettiva”, il-Kummissjoni għandha tidentifika, qabelxejn, is-sistema ta’ referenza, jiġifieri s-sistema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u turi, sussegwentement, li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga minn din is-sistema ta’ referenza, sa fejn hija tintroduċi bejn operaturi li, fir-rigward tal-għan imfittex minn din is-sistema ta’ referenza, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A‑Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” madankollu ma jirrigwardax il-miżuri li jintroduċu differenzazzjoni bejn impriżi li, fir-rigward tal-għan imfittex mis-sistema legali inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jasal juri li din id-differenzazzjoni hija ġġustifikata, fis-sens li din tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑159/01, EU:C:2004:246, punti 42 u 43; tad‑29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia, C‑417/10, EU:C:2012:184, punt 40; kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A‑Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 44).

39      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kisritx l-Artikolu 107(1) TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, meta ddeċidiet, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kinitx weriet li n-natura progressiva tal-miżura fiskali inkwistjoni kellha l-konsegwenza li kienet tagħti vantaġġ selettiv lil “ċerti impriżi jew [lil] ċerti produtturi”.

40      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi kkritikatha li evalwat l-eżistenza eventwali ta’ vantaġġ selettiv fir-rigward ta’ sistema ta’ referenza żbaljata u billi kkunsidrat li kienu jagħmlu parti integrali minn din is-sistema ta’ referenza r-rati ta’ tassazzjoni progressivi adottati mil-leġiżlatur Ungeriż, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

41      Skont il-Kummissjoni, il-vantaġġ selettiv li jirriżulta mill-miżura fiskali inkwistjoni ma jinsabx fl-eżistenza ta’ eżenzjoni fir-rigward tal-parti tad-dħul mill-bejgħ inqas minn ċertu ammont, peress li l-impriżi kollha kkonċernati jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni għall-parti tad-dħul mill-bejgħ tagħhom li ma taqbiżx il-limitu li jikkorrispondi mal-parti eżentata, iżda fid-differenza tar-rata medja ta’ tassazzjoni li tirriżulta mill-progressjoni tar-rati. Din id-differenza tiffavorixxi lill-impriżi li jagħmlu dħul mill-bejgħ baxx billi jtaffu, b’mod inġustifikat, il-piż fiskali li huwa tagħhom meta mqabbel ma’ dak impost fuq l-impriżi l-oħra fil-kuntest tas-sistema ta’ referenza, fejn din tal-aħħar tikkonsisti, skont il-Kummissjoni, f’taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ b’rata unika ta’ 5.3 %. Għalhekk, it-tassazzjoni b’rata progressiva ma hijiex differenti mis-sitwazzjoni li fiha grupp ta’ persuni taxxabbli huwa intaxxat b’rata speċifika u grupp ieħor ta’ persuni taxxabbli b’rata oħra, li tkun ekwivalenti għal trattament iddifferenzjat ta’ impriżi komparabbli.

42      Għaldaqstant, tqum l-ewwel nett il-kwistjoni dwar jekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-progressjoni tar-rati prevista mill-miżura fiskali inkwistjoni kellhiex tiġi eskluża mis-sistema ta’ referenza li fir-rigward tagħha għandu jiġi evalwat jekk l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv setgħetx tiġi stabbilita, jew jekk, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 78 sa 83 tas-sentenza appellata, hija tagħmilx, għall-kuntrarju, parti integrali minnu.

43      Fil-qasam tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-istat attwali tal-armonizzazzjoni tad-dritt fiskali tal-Unjoni, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu s-sistema ta’ tassazzjoni li huma jqisu l-iktar xierqa, b’mod li l-applikazzjoni ta’ tassazzjoni progressiva taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali ta’ kull Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2020, Vodafone Magyarország, C‑75/18, EU:C:2020:139, punt 49, u Tesco-Global Áruházak, C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Din l-affermazzjoni hija valida wkoll fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED, C‑233/16, EU:C:2018:280, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Minn dan isegwi li, barra mill-oqsma li fihom id-dritt fiskali tal-Unjoni huwa s-suġġett ta’ armonizzazzjoni, id-determinazzjoni tal-karatteristiċi kostituttivi ta’ kull taxxa taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri, fl-osservanza tal-awtonomija fiskali tagħhom, peress li din is-setgħa għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi eżerċitata fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, għall-għażla tar-rata tat-taxxa, li tista’ tkun proporzjonali jew progressiva, iżda wkoll għad-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli tagħha u tal-fatt taxxabbli tagħha.

45      Dawn il-karatteristiċi kostituttivi jiddefinixxu għalhekk, bħala prinċipju, is-sistema ta’ referenza jew is-sistema fiskali “normali”, li minnha għandha tiġi analizzata l-kundizzjoni ta’ selettività konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma jipprekludix, bħala prinċipju, li l-Istati Membri jiddeċiedu li jagħżlu rati ta’ tassazzjoni progressivi, intiżi sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-kapaċità kontributtiva tal-persuni taxxabbli. Il-fatt li l-użu ta’ tassazzjoni progressiva huwa, fil-prattika, iktar komuni fil-qasam tat-tassazzjoni tal-persuni fiżiċi ma jimplikax li huma pprojbiti milli jirrikorru għaliha sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kapaċità kontributtiva tal-persuni ġuridiċi, b’mod partikolari tal-impriżi.

47      Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li taxxa progressiva tkun ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ, inkluż fil-każ fejn din ma tkunx intiża sabiex tikkumpensa l-effetti negattivi li jistgħu jiġu ġġenerati mill-attività taxxabbli. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-ammont tad-dħul mill-bejgħ jikkostitwixxi, b’mod ġenerali, kemm kriterju ta’ distinzjoni newtrali kif ukoll indikatur rilevanti tal-kapaċità kontributtiva tal-persuni taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2020, Vodafone Magyarország, C‑75/18, EU:C:2020:139, punt 50, u Tesco-Global Áruházak, C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 70). Minn ebda regola u minn ebda prinċipju tad-dritt tal-Unjoni, inkluż fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ma jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ rati progressivi hija rriżervata biss għat-taxxi fuq il-profitti. Barra minn hekk, l-istess bħad-dħul mill-bejgħ, il-profitt innifsu huwa biss indikatur relattiv tal-kapaċità kontributtiva. Il-fatt li jikkostitwixxi, kif tqis il-Kummissjoni, indikatur iktar rilevanti jew iktar preċiż mid-dħul mill-bejgħ huwa indifferenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, peress li d-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam jirrigwarda biss it-tneħħija tal-vantaġġi selettivi li minnhom jistgħu jibbenefikaw ċerti impriżi għad-detriment ta’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli. L-istess japplika għall-eżistenza ta’ eventwali sitwazzjoni ta’ taxxa doppja ekonomika, marbuta mal-kumulu ta’ tassazzjoni fuq id-dħul mill-bejgħ u ta’ tassazzjoni fuq il-profitti.

48      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-karatteristiċi li jikkostitwixxu t-taxxa, li minnha jagħmlu parti r-rati ta’ tassazzjoni progressivi, jifformaw, bħala prinċipju, is-sistema ta’ referenza jew is-sistema fiskali “normali” għall-finijiet tal-analiżi tal-kundizzjoni ta’ selettività. Madankollu, ma huwiex eskluż li dawn il-karatteristiċi jistgħu, f’ċerti każijiet, jiżvelaw element manifestament diskriminatorju, fatt li madankollu għandu jintwera mill-Kummissjoni.

49      Is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732) ma tikkontestax il-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Għall-kuntrarju, kif irrilevat, essenzjalment, mill-Avukata Ġenerali fil-punti 47 sa 52 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, is-sistema fiskali kienet ġiet ikkonfigurata skont parametri manifestament diskriminatorji, intiżi sabiex jiġi evitat id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Dan huwa dak li kienet turi, f’din il-kawża, l-għażla ta’ kriterji ta’ tassazzjoni li jiffavorixxu ċerti kumpanniji offshore, li tidher inkoerenti fir-rigward tal-għan li tinħoloq taxxa ġenerali, imposta fuq l-impriżi kollha, murija mil-leġiżlatur ikkonċernat.

50      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 3 sa 6 u 9 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur Ungeriż, permezz tat-taxxa fuq ir-reklamar, stabbilixxa l-miżura fiskali inkwistjoni, li tikkonsisti f’taxxa speċjali, b’rati ta’ taxxa mqassma progressivament, ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ marbut mal-pubblikazzjoni tar-reklami fl-Ungerija, applikabbli għall-impriżi kollha. L-iskala ta’ din it-taxxa, li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, għandha n-natura ta’ taxxa diretta, ġiet emendata bil-Liġi tal‑2015, iżda l-karatteristiċi tagħha baqgħu l-istess. Il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li dawn il-karatteristiċi, adottati mil-leġiżlatur Ungeriż billi għamel użu mis-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu fil-kuntest tal-awtonomija fiskali tiegħu, kienu ġew imfassla b’mod manifestament diskriminatorju, bil-għan li jiġu evitati r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-progressjoni tar-rati tal-miżura fiskali inkwistjoni kellha titqies bħala inerenti għas-sistema ta’ referenza jew għas-sistema fiskali “normali” li fid-dawl tagħha kellha tiġi evalwata l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ vantaġġ selettiv.

51      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punti 78 sa 83 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li, billi qieset li l-iskala progressiva tal-miżura fiskali inkwistjoni ma kinitx tagħmel parti mis-sistema ta’ referenza li fid-dawl tagħha kellha tiġi evalwata n-natura selettiva ta’ din il-miżura, il-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha b’mod żbaljat fuq sistema ta’ referenza inkompleta u fittizja. Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

52      Minħabba fl-iżball imwettaq fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza li jivvizzja neċessarjament l-analiżi kollha tal-kundizzjoni dwar is-selettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Andres (Falliment ta’ Heitkamp BauHolding) vs Il‑Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 107), ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju.

53      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud, kollu kemm huwa, bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit ma jwassalx għal vantaġġ selettiv

54      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit, li jippermetti lill-impriżi li l-profitt tagħhom qabel it-taxxa tas-sena finanzjarja 2013 kien żero jew negattiv li jnaqqsu 50 % tat-telf ittrasferit mill-valur taxxabbli tal-miżura fiskali inkwistjoni għas-sena 2014, ma kellux in-natura ta’ vantaġġ selettiv. B’dan il-mod, hija injorat il-portata tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 97).

55      L-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja jikkontestaw dan l-argument.

56      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, bħala prinċipju, hekk kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, vantaġġ fiskali li jirriżulta minn miżura ġenerali, li tapplika mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha, ma għandux in-natura ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

57      Kif ġie espost fil-punti 34 sa 38 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi stabbilita n-natura selettiva tal-miżura kkonċernata, għandu jiġi vverifikat, fir-rigward tas-sistema fiskali identifikata bħala li tikkostitwixxi s-sistema ta’ referenza jew is-sistema fiskali “normali”, jekk din il-miżura tintroduċix bejn operaturi li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, differenzazzjoni mhux iġġustifikata min-natura u l-istruttura ta’ din il-leġiżlazzjoni.

58      Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li l-fatt li huma biss il-persuni taxxabbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżura li jistgħu jibbenefikaw minnha, ma jistax, fih innifsu, jikkonferixxi natura selettiva lil din il-miżura (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 59). In-natura selettiva ta’ miżura lanqas ma tista’ tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li hija għandha natura tranżitorja, peress li l-għażla li tiġi limitata l-applikazzjoni tagħha ratione temporis, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni progressiva bejn leġiżlazzjoni fiskali qadima u leġiżlazzjoni fiskali ġdida, taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

59      F’dan il-każ, billi stabbilixxa l-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit, il-leġiżlatur Ungeriż ried jimmodera l-piż fiskali fuq l-impriżi l-iktar fraġli ekonomikament għall-ewwel sena tal-issuġġettar tagħhom għall-miżura fiskali inkwistjoni, peress li din tal-aħħar kienet ġiet introdotta matul is-sena. Peress li, qabel kollox, tfassal bħala tranżitorju, dan il-mekkaniżmu ma jistax jitqies bħala li jagħmel parti mis-sistema ta’ referenza jew mis-sistema fiskali “normali” li fid-dawl tagħha għandha ssir l-analiżi tan-natura selettiva tiegħu, anki jekk ikun jappartjeni għal regola ta’ bażi taxxabbli.

60      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit jintroduċix differenza fit-trattament bejn operaturi li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mil-Liġi dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

61      Fuq dan il-punt, dan il-mekkaniżmu jintroduċi differenzazzjoni bejn, minn naħa, l-impriżi li għandhom telf ittrasferit għas-snin finanzjarji preċedenti, sa fejn huma ma għamlux profitt għas-sena finanzjarja 2013, u, min-naħa l-oħra, dawk li għamlu profitt għal din l-aħħar sena finanzjarja, peress li huma biss dawk tal-ewwel li jistgħu jinvokaw it-tnaqqis ta’ dan it-telf ittrasferit għall-kalkolu tal-bażi taxxabbli tal-miżura fiskali inkwistjoni għas-sena 2014.

62      Fid-dawl tal-għan ta’ ridistribuzzjoni mfittex mil-leġiżlatur Ungeriż bl-adozzjoni tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar, li turi l-progressjoni tal-miżura fiskali inkwistjoni, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ impriżi ma jinsabux f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. Fil-fatt, l-għażla ta’ bażi taxxabbli espressa skont id-dħul mill-bejgħ ma tirrendix inkoerenti, fir-rigward ta’ dan l-għan, l-adozzjoni ta’ miżura tranżitorja li tieħu inkunsiderazzjoni l-benefiċċju, peress li dan tal-aħħar jikkostitwixxi huwa wkoll, kif issostni wkoll il-Kummissjoni f’parti oħra tal-argumenti tagħha, indikatur kemm newtrali kif ukoll rilevanti, għalkemm relattiv, tal-kapaċità kontributtiva tal-impriżi.

63      Kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 109 tal-konklużjonijiet tagħha u kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 122 tas-sentenza appellata, il-kriterju marbut mal-assenza ta’ profitti għas-sena finanzjarja 2013 huwa, f’dan ir-rigward, ta’ natura oġġettiva, peress li l-impriżi kkonċernati għandhom, minn din il-perspettiva, kapaċità kontributtiva inferjuri għall-oħrajn fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar, matul is-sena 2014.

64      Konsegwentement, il-leġiżlatur Ungeriż seta’, mingħajr ma jikser id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jikkombina, għall-ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, il-miżura tal-kapaċità kontributtiva li tirriżulta mill-ammont tad-dħul mill-bejgħ ma’ dispożizzjoni li tippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni t-telf ittrasferit mill-impriżi li ma għamlux profitt għas-sena finanzjarja 2013.

65      Il-fatt li l-impriżi li jistgħu jibbenefikaw mill-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit kienu diġà identifikabbli fid-data li fiha l-miżura fiskali inkwistjoni ġiet stabbilita ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jikkontesta din il-konklużjoni.

66      Mill-bqija, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 119 sa 122 tas-sentenza appellata, interpretat ħażin il-portata tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732), billi ddeċidiet li l-awtoritajiet Ungeriżi, permezz tal-adozzjoni tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit, introduċew differenzazzjoni bbażata fuq kriterju oġġettiv u każwali li ma jwassal għal ebda selettività.

67      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punti 77 sa 83 ta’ din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li miżuri fiskali li jistabbilixxu kundizzjoni marbuta mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-profitti magħmula minn persuna taxxabbli ma setgħux, minħabba dan il-fatt biss, jitqiesu bħala selettivi, peress li tali profitti huma l-konsegwenza tal-fatt fortuwitu li l-operatur inkwistjoni huwa ftit, jew għall-kuntrarju, wisq vijabbli matul il-perijodu ta’ tassazzjoni. Issa, kif essenzjalment iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 120 tas-sentenza appellata, għalkemm dan ir-raġunament sar fil-kuntest ta’ kawża fejn il-valur taxxabbli tal-miżuri fiskali inkwistjoni kien ibbażat fuq kriterji oħra minbarra l-profitti, bħan-numru ta’ impjegati u l-okkupazzjoni tas-sede tan-negozju, dan japplika wkoll meta l-vantaġġ fiskali inkwistjoni jkun, bħal f’dan il-każ, ibbażat fuq tnaqqis tal-valur taxxabbli bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ profitti matul sena finanzjarja partikolari kif ukoll l-eżistenza ta’ telf ittrasferit u, bħala tali, huwa konformi mal-għan stess ta’ ridistribuzzjoni mfittex mil-leġiżlazzjoni fiskali li fiha huwa inkorporat dan il-vantaġġ, strutturat madwar il-kapaċità kontributtiva tal-impriżi suġġetti għaliha.

68      Minn dan isegwi, kif ġustament iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 117 sa 123 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li l-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit kien jistabbilixxi vantaġġ selettiv, li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, favur impriżi li l-benefiċċju tagħhom qabel it-taxxa tas-sena finanzjarja 2013 kien żero jew negattiv u li kellhom telf ittrasferit. Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, ma jistax, f’dan ir-rigward, isir l-ilment lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet ultra petita. Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

69      Peress li ż-żewġ aggravji mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha għandhom jiġu miċħuda, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

70      Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Ungerija.

71      L-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, meta, fil-każ li ma tkunx hija stess ippreżentat l-appell, intervenjenti fl-ewwel istanza tipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’ tiddeċiedi li l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Polonja, li kienet intervenjenti fl-ewwel istanza, mingħajr ma kienet l-awtur tal-appell, ipparteċipat fil-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li r-Repubblika tal-Polonja intervjeniet insostenn tat-talbiet tal-Ungerija u talbet li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li din tal-aħħar tbati l-ispejjeż tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Andres (Falliment ta’ Heitkamp BauHolding) vs Il‑Kummissjoni (C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punti 113 u 114).

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.