Language of document : ECLI:EU:C:2021:202

Kawża C-596/19 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Ungerija

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Marzu 2021

“Appell – Artikolu 107(1) TFUE – Għajnuna mill-Istat – Taxxa Ungeriża fuq ir-reklamar ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ – Elementi għad-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza – Progressjoni tar-rati – Dispożittiv tranżitorju ta’ tnaqqis parzjali ta’ telf ittrasferit – Eżistenza ta’ vantaġġ ta’ natura selettiva – Oneru tal-prova”

1.        Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ trattament fiskali vantaġġuż lil ċerti impriżi – Inklużjoni – Vantaġġi li jirriżultaw minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi oħra – Esklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 33-36, 56)

2.        Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Deroga għas-sistema fiskali ġenerali – Elementi li jikkostitwixxu s-sistema ta’ referenza jew sistema fiskali normali – Karatteristiċi li jikkostitwixxu t-taxxa inkwistjoni – Sistema ta’ tassazzjoni progressiva – Inklużjoni – Limiti – Element manifestament diskriminatorju

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 37, 38, 43-46, 48)

3.        Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Stabbiliment ta’ tassazzjoni progressiva bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ – Għażla li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Indikatur newtrali u rilevanti tal-kapaċità kontributtiva tal-persuni taxxabbli – Assenza ta’ parametri manifestament diskriminatorji – Assenza ta’ selettività

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 46-50)

4.        Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Taxxa settorjali fuq id-dħul mill-bejgħ tal-pubblikaturi ta’ reklami – Mekkaniżmu tranżitorju ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit – Element li ma jagħmilx parti mis-sistema ta’ referenza jew sistema fiskali normali – Evalwazzjoni tad-differenzazzjoni introdotta mill-mekkaniżmu fid-dawl tal-għan imfittex – Kompatibbiltà mal-għan ta’ distribuzzjoni mill-ġdid imfittex – Assenza ta’ differenza fit-trattament bejn operaturi li jinsabu, fir-rigward ta’ dan l-għan, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli – Assenza ta’ selettività

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 59-68)

Sunt

It-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u t-taxxa Ungeriża fuq ir-reklamar ma jiksrux id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli tal-Kummissjoni u tikkonferma s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali

Permezz ta’ liġi li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2016, il-Polonja stabbilixxiet taxxa fis-settur tal-kummerċ bl-imnut. Din it-taxxa kienet tikkonċerna d-dħul mill-bejgħ fix-xahar imwettaq minn kull bejjiegħ bl-imnut tal-merkanzija lill-konsumaturi, li jkun qabeż is-17-il miljun zloty Pollakka (PLN) (madwar erba’ miljun euro). Din it-taxxa tinkludi żewġ partijiet: rata ta’ 0.8 % kienet tapplika għad-dħul mill-bejgħ ta’ bejn PLN 17 u 170 miljun u rata ta’ 1.4 % kienet imposta fuq il-parti tad-dħul mill-bejgħ li taqbeż dan l-aħħar ammont.

Fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ din il-miżura miftuħa permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2016 (1), il-Kummissjoni Ewropea kkunsidrat, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017 (2), li din it-taxxa progressiva kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern u ordnat lill-Polonja tannulla l-pagamenti sospiżi kollha abbażi ta’ din it-taxxa, b’effett mid-data tal-adozzjoni tagħha.

Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Mejju 2019 (3), il-Qorti Ġenerali, adita mill-Polonja, annullat, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni negattiva meħuda mill-Kummissjoni dwar il-miżura fiskali adottata mill-Polonja. Hija ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li l-introduzzjoni ta’ taxxa progressiva fuq id-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ bl-imnut tal-merkanzija kienet toħloq vantaġġ selettiv favur l-impriżi li jagħmlu dħul mill-bejgħ baxx marbut ma’ din l-attività, u li, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija ma setgħetx, fl-istat tal-fajl fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, tikklassifika provviżorjament il-miżura fiskali inkwistjoni bħala għajnuna ġdida mingħajr ma tibbaża ruħha fuq dan il-punt bħala dubji leġittimi.

Min-naħa tagħha, l-Ungerija kienet stabbilixxiet, permezz ta’ liġi li daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Awwissu 2014, taxxa progressiva fuq id-dħul marbut mal-pubblikazzjoni ta’ reklamar f’dan l-Istat Membru. Ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ nett tal-pubblikaturi li jirrendu r-reklami pubbliċi (stampa bil-miktub, mezzi awdjoviżivi, billboards) li joperaw fl-Ungerija, din it-taxxa kienet tinkludi skala ta’ sitt rati progressivi skont id-dħul mill-bejgħ, adattata sussegwentement sabiex tkun tinkludi biss tnejn, flimkien mal-possibbiltà, għall-persuni taxxabbli li l-profitt qabel it-taxxa tagħhom għas-sena finanzjarja 2013 kien żero jew negattiv, li jnaqqsu mill-valur taxxabbli tagħhom 50 % tat-telf ittrasferit mis-snin finanzjarji preċedenti.

Fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ din il-miżura, miftuħa permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2015 (4), il-Kummissjoni qieset, permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2016 (5), li l-miżura fiskali adottata mill-Ungerija, kemm minħabba l-istruttura progressiva tagħha kif ukoll minħabba l-possibbiltà li jitnaqqas it-telf ittrasferit minnha, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern u ordnat l-irkupru immedjat u effettiv tal-għajnuna mħallsa mingħand il-benefiċjarji tagħha.

Permezz tas-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2019 (6), il-Qorti Ġenerali, adita mill-Ungerija, annullat din id-deċiżjoni, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet qieset b’mod żbaljat li l-miżura fiskali inkwistjoni u l-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-telf ittrasferit kienu jikkostitwixxu vantaġġi selettivi.

F’żewġ sentenzi mogħtija fis-16 ta’ Marzu 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tiċħad l-appelli ppreżentati mill-Kummissjoni kontra s-sentenzi appellati. Insostenn tal-appelli tagħha, il-Kummissjoni sostniet b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali kienet kisret l-Artikolu 107(1) TFUE, meta ddeċidiet li n-natura progressiva tat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ inkwistjoni rispettivament ma kinitx tagħti vantaġġ selettiv.

Billi tiċħad, fis-sentenzi tagħha, l-ilmenti tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja terġa’ tafferma, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-prinċipju stabbilit fil-qasam tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern li jipprovdi li, fl-istat attwali tal-armonizzazzjoni tad-dritt fiskali tal-Unjoni, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu s-sistema ta’ tassazzjoni li huma jqisu l-iktar xierqa, b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ tassazzjoni progressiva bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali ta’ kull Stat Membru (7), sakemm il-karatteristiċi li jikkostitwixxu l-miżura inkwistjoni manifestament ma juru l-ebda element diskriminatorju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ portata ġenerali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-kundizzjoni dwar is-selettività tal-vantaġġ prevista mill-miżura inkwistjoni timponi li jiġi ddeterminat jekk din hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u li għalhekk ġarrbu trattament differenzjat li jista’, essenzjalment, jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju. B’mod partikolari, meta tkun miżura fiskali nazzjonali, il-Kummissjoni għandha, wara li tkun identifikat is-sistema ta’ referenza, jiġifieri s-sistema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, turi li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga minn din is-sistema ta’ referenza, sa fejn hija tintroduċi differenzi bejn operaturi li jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex minn dan tal-aħħar, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, mingħajr madankollu ma ssib ġustifikazzjoni fir-rigward tan-natura jew tal-istruttura tas-sistema inkwistjoni.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kellhiex raġun meta ddeċidiet, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kinitx wriet li n-natura progressiva tal-miżura fiskali inkwistjoni kellha l-konsegwenza li kienet tagħti vantaġġ selettiv lil “ċerti impriżi jew [lil] ċerti produtturi”. Dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li l-progressività tar-rati prevista mill-miżuri fiskali inkwistjoni rispettivament kienet tagħmel parti integrali mis-sistema ta’ referenza li fir-rigward tagħha kellu jiġi evalwat jekk setgħetx tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv.

Fil-fatt, fid-dawl tal-awtonomija fiskali rikonoxxuta lill-Istati Membri barra mill-oqsma li kienu s-suġġett ta’ armonizzazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, dawn huma liberi li jistabbilixxu s-sistema ta’ tassazzjoni li huma jqisu l-iktar xierqa, billi jadottaw, jekk ikun il-każ, tassazzjoni progressiva. B’mod partikolari, id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma jipprekludix, bħala prinċipju, li l-Istati Membri jiddeċiedu li jagħżlu rati ta’ tassazzjoni progressivi, intiżi sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-kapaċità kontributtiva tal-persuni taxxabbli, u lanqas ma jobbliga lill-Istati Membri jirriżervaw l-applikazzjoni ta’ rati progressivi biss għat-taxxi bbażati fuq il-profitti, bl-esklużjoni ta’ dawk ibbażati fuq id-dħul mill-bejgħ.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-karatteristiċi li jikkostitwixxu t-taxxa, li minnha jagħmlu parti r-rati ta’ tassazzjoni progressivi, jifformaw, bħala prinċipju, is-sistema ta’ referenza jew is-sistema fiskali “normali” għall-finijiet tal-analiżi tal-kundizzjoni ta’ selettività. Hija l-Kummissjoni li għandha, jekk ikun il-każ, turi li l-karatteristiċi ta’ miżura fiskali nazzjonali ġew maħsuba b’mod manifestament diskriminatorju, b’tali mod li dawn għandhom jiġu esklużi mis-sistema ta’ referenza, ħaġa li tista’ b’mod partikolari turi għażla ta’ kriterji ta’ tassazzjoni inkoerenti fir-rigward tal-għan imfittex minn din il-miżura. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata madankollu, f’dan il-każ, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li l-karatteristiċi tal-miżuri adottati rispettivament mil-leġiżlaturi Pollakk u Ungeriż kienu ġew maħsuba b’mod manifestament diskriminatorju, bil-għan li jiġu evitati r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tiddeċiedi, fis-sentenzi appellati, li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha b’mod żbaljat fuq sistema ta’ referenza inkompleta u fittizja meta qieset li l-iskala progressiva tal-miżuri fiskali inkwistjoni rispettivament ma kinitx tagħmel parti mis-sistema ta’ referenza li fid-dawl tagħha kellha tiġi evalwata n-natura selettiva ta’ dawn tal-aħħar.

Fil-kawża (C‑562/19 P) dwar it-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut stabbilita fil-Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement teżamina l-motivi li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha sabiex tannulla wkoll id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżura fiskali adottata minn dan l-Istat Membru. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, iddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ibbażat il-klassifikazzjoni provviżorja bħala għajnuna ġdida tal-miżura fiskali inkwistjoni fuq analiżi manifestament żbaljata ta’ din tal-aħħar, li ma kinitx, konsegwentement, xierqa sabiex issostni b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta’ dubji leġittimi dwar il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna ġdida ta’ din il-miżura. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-qorti tal-Unjoni, meta tistħarreġ il-validità ta’ tali deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija mitluba teżerċita biss stħarriġ limitat fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, meta ddeċidiet kif għamlet, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li teżerċita fuq il-klassifikazzjoni provviżorja ta’ għajnuna mill-Istat adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali stħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u tirrileva f’dan ir-rigward li, fi kwalunkwe każ, hija ma annullatx din id-deċiżjoni wara sempliċi tkomplija tal-motivi li wassluha tannulla d-deċiżjoni negattiva meħuda mill-Kummissjoni dwar il-miżura fiskali adottata mill-Polonja. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-motivi kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn din annullat id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-ordni ta’ sospensjoni marbuta magħha.

Fl-aħħar nett, fil-Kawża C-596/19 P dwar it-taxxa fuq ir-reklamar stabbilita fl-Ungerija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-mekkaniżmu tranżitorju ta’ tnaqqis parzjali ta’ telf ittrasferit ma kienx iwassal għal vantaġġ selettiv. Fil-fatt, l-istabbiliment ta’ miżura tranżitorja li tieħu inkunsiderazzjoni l-profitti ma kinitx inkoerenti fir-rigward tal-għan ta’ ridistribuzzjoni mfittex mil-leġiżlatur Ungeriż billi stabbilixxa t-taxxa fuq ir-reklamar. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat f’dan ir-rigward li, f’dan il-każ, il-kriterju marbut mal-assenza ta’ profitti rreġistrati għas-sena finanzjarja preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ din it-taxxa kien ta’ natura oġġettiva, peress li l-impriżi li jibbenefikaw mill-mekkaniżmu tranżitorju ta’ tnaqqis parzjali tat-telf għandhom, minn din il-perspettiva, kapaċità kontributtiva inferjuri għall-oħrajn.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad fl-intier tagħhom l-appelli ppreżentati mill-Kummissjoni kontra s-sentenzi appellati.


1      Deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2016, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44351 (2016/C) (ex 2016/NN) – Taxxa Pollakka fis-settur tal-imnut – Stedina għat-tressiq tal-osservazzjonijiet b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(2) [TFUE] (ĠU 2016, C 406, p. 76, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ” jew id-“deċiżjoni ta’ ftuħ li tikkonċerna l-Polonja”).


2      Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/160 tat-30 ta' Ġunju 2017 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.44351 (2016/C) (ex 2016/NN) implimentata mill-Polonja għat-taxxa fuq is-settur tal-bejgħ bl-imnut (notifikata bid-dokument C(2017) 4449) (ĠU 2018, L 29, p. 38, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni negattiva li tikkonċerna l-Polonja”).


3      Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2019, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (T‑836/16 u T‑624/17, EU:T:2019:338).


4      Deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39235 (2015/C) (ex 2015/NN) - Ungerija – Taxxa fuq ir-reklamar - stedina għat-tressiq tal-osservazzjonijiet b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(2) [TFUE] (ĠU 2015, C 136, p. 7).


5      Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/329 tal 4 ta’ Novembru 2016 dwar il-miżura SA.39235 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Ungerija dwar it-taxxa tad-dħul mir-reklamar (ĠU 2017, L 49, p. 36, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni negattiva li tikkonċerna l-Ungerija” jew, flimkien mad-deċiżjoni negattiva li tikkonċerna l-Polonja, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).


6      Setneza tas-27 ta’ Ġunju 2019, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni (T‑20/17, EU:T:2019:448) (iktar ’il quddiem flimkien mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, is-“sentenzi appellati”).


7      Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2020, Vodafone Magyarország, (C‑75/18, EU:C:2020:139, punt 49), u tat-3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak (C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 69), kif ukoll, fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, is-sentenza tas-26 ta’ April 2018, ANGED (C‑233/16, EU:C:2018:280, punt 50).