Language of document : ECLI:EU:T:2011:506

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

21 ta’ Settembru 2011

Kawża T‑325/09 P

Vahan Adjemian et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Membri tal-persunal — Kuntratt ta’ reklutaġġ għal żmien determinat — Rifjut ta’ konklużjoni ta’ kuntratt ta’ reklutaġġ jew li kuntratt ta’ reklutaġġ jiġġedded għal żmien indeterminat — Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70/KE — Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar iż-żmien massimu li matulu jista’ jintuża persunal mhux permanenti fid-dipartimenti tagħha”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2009, Adjemian et vs Il-Kummissjoni (F-134/07 u F-8/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑149 u II‑A‑1‑841), u li huwa maħsub għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2009, Adjemian et vs Il-Kummissjoni (F‑134/07 u F-08/08) hija annullata sa fejn iddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet diretti mir-rikorrenti fil-Kawża F‑134/07 li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-Anness fil-konfront tad-deċiżjonijiet dwar iċ-ċaħda tal-ilmenti tagħhom. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud. Ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-Kawża F-134/07 li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-Anness huwa miċħud, sa fejn dan ir-rikors jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti tagħhom. Vahan Adjemian u l-175 membru tal-persunal u ex membru tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-Anness għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u dawk sostnuti mill-Kummissjoni u mill-Kunsill fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment — Ammissibbiltà — Obbligu li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment — Talbiet nieqsa minn kontenut indipendenti jew deċiżjoni purament konfermatorja — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 117)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Direttivi — Direttiva 1999/70 li timplementa l-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Impożizzjoni diretta ta’ obbligi fuq l-istituzzjonijiet tal-Komunità fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom — Esklużjoni — Invokabbiltà — Portata

(Artikolu 249 KE)

3.      Politika soċjali — Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70 — Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi — Portata — Relazzjonijiet bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-membri tal-persunal tagħhom

(Direttiva tal‑Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 5(1))

4.      Uffiċjali — Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra — Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi — Projbizzjoni tal-użu ta’ serje ta’ kuntratti ta’ reklutaġġ għal żmien determinat li jkollhom bħala għan it-twettiq fit-tul ta’ kompiti permanenti — Klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt ta’ reklutaġġ bħala kuntratt ta’ reklutaġġ għal żmien indeterminat — Ammissibbiltà

(Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra)

1.      Mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li r-rikors ta’ persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra jew kontra n-nuqqas ta’ din l-awtorità li tieħu miżura imposta mir-Regolamenti tal-Persunal ikun ammissibbli biss jekk il-persuna kkonċernata tkun ressqet minn qabel ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra u jekk dan l-ilment ikun ġie, għall-inqas b’mod parzjali, miċħud b’mod espliċitu jew impliċitu. Skont l-Artikolu 117 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, dan huwa applikabbli wkoll, b’analoġija, għal rikors ta’ membru tal-persunal ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Awtorità awtorizzata li tiffirma kuntratti ta’ reklutaġġ jew kontra n-nuqqas ta’ din l-awtorità li tadotta miżura imposta mill-imsemmija kondizzjonijiet tal-impjieg. L-ilment amministrattiv u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, huma għalhekk parti integranti minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss prerekwiżit sabiex it-tilwima tkun tista’ titressaq quddiem il-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors, anki jekk formalment ippreżentat kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jressaq quddiem il-qorti l-att li jikkawża preġudizzju li kontra tiegħu ġie ppreżentat l-ilment, ħlief fl-ipoteżi fejn iċ-ċaħda tal-ilment ikollha portata differenti minn dik tal-att li kontra tiegħu kien tressaq l-ilment. Fil-fatt, deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermatorja tal-att ikkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ikun fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn il-każijiet, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li teħodha inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew ukoll tikkunsidraha bħala att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi lil dan tal-aħħar.

Peress li, fis-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, il-persuna kkonċernata għandha tippreżenta lment kontra d-deċiżjoni li hija tikkontesta u għandha tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni li tiċħad dan l-ilment, ir-rikors huwa ammissibbli, kemm jekk ikun dirett biss kontra d-deċiżjoni li kontriha jkun sar l-ilment, kif ukoll jekk ikun dirett kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jew kontra dawk iż-żewġ deċiżjonijiet flimkien, sa fejn l-ilment u r-rikors jitressqu fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament dwar it-talbiet kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jekk tikkonstata li dawn huma nieqsa minn kontenut indipendenti u jingħaqdu, fil-fatt, ma’ dawk it-talbiet diretti kontra d-deċiżjoni li kontriha jkun sar l-ilment. Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ jekk jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, jekk ikun il-każ minħabba li hija impliċita, tkun purament konfermatorja tad-deċiżjoni li kontra tagħha sar l-ilment u jekk, għalhekk, l-annullament tagħha ma jkollux effett distint fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata minn dak li jirriżulta mill-annullament tagħha.

(ara l-punti 31 sa 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il-Kummissjoni, 33/79 u 75/79, Ġabra p. 1677, punt 9; 17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punti 7 u 8; 26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni, 224/87, Ġabra p. 99, punt 7

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il-Kummissjoni, T‑338/00 u T‑376/00, ĠabraSP p. I‑A‑301 u II‑1457, punt 35; 10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il-Kummissjoni, T‑258/01, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑747, punt 31; 14 ta’ Ottubru 2004, Sandini vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑389/02, ĠabraSP p. I‑A‑295 u II‑1339, punt 49; 7 ta’ Ġunju 2005, Cavallaro vs Il-Kummissjoni, T‑375/02, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑673, punti 63 sa 66; 25 ta’ Ottubru 2006, Staboli vs Il-Kummissjoni, T‑281/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑251 u II‑A‑2‑1303, punt 26; 9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑133 u II‑B‑1‑807, punti 50 sa 59 u 64

2.      Id-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, hija indirizzata lill-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistgħux jitqiesu bħala li jimponu, bħala tali, obbligi fuq l-istituzzjonijiet, fl-eżerċizzju tal-poteri leġiżlattivi jew deċiżjonali tagħhom. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70, li jimplementaw il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, ma jistgħux ikunu, bħala tali, sors ta’ obbligi għall-Kunsill jew għall-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-poteri leġiżlattivi jew deċiżjonali tagħhom sabiex jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej mal-membri tal-persunal tagħhom. Huma lanqas ma jistgħu, bħala tali, iservu ta’ bażi għal eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jew tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2004 dwar iż-żmien massimu li matulu jista’ jintuża persunal mhux permanenti fid-dipartimenti tagħha.

Għalkemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70, li jimplementaw il-Ftehim qafas, ma jistgħux, bħala tali, ikunu sors ta’ obbligi għall-Kunsill jew għall-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-poteri leġiżlattivi jew deċiżjonali tagħhom sabiex jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej mal-membri tal-persunal tagħhom, u għalkemm huma lanqas ma jistgħu jservu ta’ bażi għal eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jew tad deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2004, xorta waħda jibqa’ l-fatt li r-regoli jew il-prinċipji stabbiliti jew żviluppati f’din id-direttiva jistgħu jiġu invokati kontra dawn l-istituzzjonijiet meta ma jidhrux, fihom infushom, bħala l-espressjoni speċifika ta’ regoli fundamentali tat-Trattati u ta’ prinċipji ġenerali li japplikaw direttament għall-imsemmija istituzzjonijiet. Fil-fatt, f’komunità ta’ dritt, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt hija rekwiżit fundamentali u kull suġġett tad-dritt huwa suġġett għall-prinċipju ta’ osservanza tal-legalità. Għalhekk, l-istituzzjonijiet għandhom josservaw ir-regoli tat-Trattat u l-prinċipji ġenerali tad-dritt applikabbli għalihom bl-istess mod bħal kull suġġett ieħor tad-dritt. Konsegwentement, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2004 għandhom jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, fis-sens tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt u tal-konformità tagħhom mal-għanijiet u mar-rekwiżiti tal-Ftehim qafas, implementat permezz tad-Direttiva 1999/70, biss sakemm l-imsemmija għanijiet u rekwiżiti jidhru, fihom infushom, bħala l-espressjoni speċifika ta’ regoli fundamentali tat-Trattat u ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt li japplikaw direttament għall-istituzzjonijiet.

(ara l-punti 51, 52, 56 u 57)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punti 18 sa 21; 9 ta’ Settembru 2003, Rinke, C‑25/02, Ġabra p. I‑8349, punti 24 sa 28; 6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, Ġabra p. I‑10423, punt 104

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il-Kunsill, T‑495/04, Ġabra p. II‑781, punt 43; 10 ta’ Diċembru 2009, Antwerpse Bouwwerken vs Il-Kummissjoni, T‑195/08, Ġabra p. II‑4439, punt 55

3.      Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ abbuż ta’ dritt, li jipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka b’mod abbużiv regoli ta’ dritt, huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-qorti tiżgura l-osservanza tagħhom. Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li l-istabbiliment ta’ qafas legali sabiex jipprevjeni l-abbużi ta’ dritt li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi huwa għan li ġie rrikonoxxut u mħeġġeġ mil-leġiżlatur fid-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP. Il-ġlieda kontra l-abbużi ta’ dritt f’dan il-qasam tissodisfa wkoll, barra minn hekk, l-għanijiet li l-Komunità u l-Istati Membri, konxji mid-drittijiet soċjali fundamentali bħalma huma dawk li jinsabu fil-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata fil-1961, u fil-Karta tal-Komunità tal-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, stabbilixxew fl-Artikolu 136 KE, li jinkludu t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema kif ukoll protezzjoni soċjali adegwata ta’ dawn tal-aħħar. Minn dan isegwi li l-leġiżlatur, fl-eżerċizzju tal-poter leġiżlattiv li jislet mill-Artikolu 283 KE sabiex jistabbilixxi l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, u l-Awtorità awtorizzata li tiffirma kuntratti ta’ reklutaġġ, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha, fil-qafas stabbilit mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija kondizzjonijiet tal-impjieg, huma obbligati, waqt l-adozzjoni jew l-implementazzjoni ta’ regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-membri tal-persunal tagħhom, li jipprevjenu l-abbużi ta’ dritt li jistgħu jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ reklutaġġ għal żmien determinat, inkonformità mal-għanijiet tat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema kif ukoll tal-protezzjoni soċjali adegwata ta’ dawn tal-aħħar, previsti fl-Artikolu 136 KE. Sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’hekk ikkonstata li l-għanijiet u r-rekwiżiti minimi tal-Ftehim qafas, implementat permezz tad-Direttiva 1999/70 u, b’mod iktar speċifiku, tal-klawżola 5(1) tiegħu, kienu espressjonijiet speċifiċi tal-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt, huwa seta’ jistħarreġ, waqt l-eżami fil-mertu tal-eċċezzjonijiet ta’ illegalità tal-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2004 dwar iż-żmien massimu li matulu jista’ jintuża persunal mhux permanenti fid-dipartimenti tagħha, sa fejn dan l-artikolu u din id-deċiżjoni setgħu jiġu interpretati b’mod konsistenti mal-għanijiet u mar-rekwiżiti minimi tal-Ftehim qafas, u finalment mal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ abbuż ta’ dritt.

(ara l-punti 59 sa 62)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Mejju 2008, Ampliscientifica u Amplifin, C‑162/07, Ġabra p. I‑4019, punti 27, 30 u 32, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il-Kummissjoni, T‑271/04, Ġabra p. II‑1375, punt 107, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Id-dispożizzjonijiet tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra li jirregolaw il-konklużjoni u t-tiġdid ta’ kuntratti ta’ reklutaġġ bħala membru tal-persunal temporanju, bħala membru tal-persunal awżiljarju, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt jew bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt jipprojbixxu lill-Awtorità awtorizzata li tiffirma kuntratti ta’ reklutaġġ milli tuża serje ta’ kuntratti ta’ reklutaġġ għal żmien determinat li jkollhom bħala għan it-twettiq fit-tul ta’ kompiti permanenti. Barra minn hekk, sakemm l-imsemmija awtorità tkun użat serje ta’ kuntratti ta’ reklutaġġ għal żmien determinat għat-twettiq fit-tul ta’ kompiti permanenti, dan l-abbuż jista’ jiġi korrett u l-konsegwenzi negattivi subiti mill-persuna kkonċernata jistgħu jiġu mħassra billi ssir kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt ta’ reklutaġġ skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija kondizzjonijiet tal-impjieg, li tista’ twassal b’mod partikolari għat-trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ reklutaġġ għal żmien determinat suċċessivi f’kuntratt għal żmien indeterminat.

(ara l-punt 67)