Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Awwissu 2009 - Il-Kummissjoni vs Irish Electricity Generating

(Kawża T-323/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: A.-M. Rouchaud-Joët, F. Mirza, aġenti)

Konvenuta: Irish Electricity Generating (Waterford, l-Irlanda)

Talbiet tar-rikorrenti

tordna lill-konvenuta tħallas lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej l-ammont dovut ta' EUR 237,384.31 magħmul mill-ammont ewlieni ta' EUR 180,664.70 flimkien mal-interessi moratorji ta' EUR 56,719.61 ikkalkulati bir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' +3.50 % (5.56 %) għall-perijodu bejn il-25 ta' Awwissu 2003 u l-15 ta' April 2009;

tordna lill-konvenuta tħallas EUR 27.52 għal kull ġurnata bħala interessi mis-16 ta' April 2009 sad-data tal-preżentata ta' dan ir-rikors; u

tordna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż ta' dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Taħt ir-Raba' Programm Qafas ta' Riċerka tal-Komunità Ewropea, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Nru 94/806/KE, tat-23 ta' Novembru 1994 1 sabiex iwaqqaf programm speċifiku għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, inkluża d-dimostrazzjoni, fil-qasam tal-enerġija mhux nukleari. L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni jinkariga lill-Kummissjoni bir-responsabbiltà għat-tħejjija ta' programm ta' ħidma li jkopri l-għanijiet u l-kontenut speċifikat fl-Anness 1 tad-Deċiżjoni, u sabiex tagħmel sejħiet għal offerti u proposti għal proġetti fuq il-bażi tal-programm ta' ħidma.

Fit-2 ta' Marzu 1998, wara proċedura ta' sejħa għal offerti, il-kuntratt Nru WE/178/97/IEGB (iktar 'il quddiem "il-kuntratt") għall-kostruzzjoni ta' żewġ turbini tar-riħ kien ingħata lill-konvenuta. Hekk kif stabbilit fit-termini tal-kuntratt, il-Kummissjoni qabblet li mit-total tal-ispejjeż eleġibbli stmati tal-proġett li jammontaw għal ECU 1,531.697, tagħti għajnuna finanzjarja ta' 40 % tal-ispejjeż eleġibbli approvati tal-proġett sa massimu ta' ECU 612,679.

Madankollu, ir-rikorrenti targumenta li, minkejja l-fatt li bejn is-6 ta' April 1998 u t-30 ta' April 2001 hija ħallset bil-quddiem lill-konvenuta s-somma ta' EUR 225,083.79, il-konvenuta ma implementatx il-kuntratt. Barra minn dan, ir-rikorrenti tisħaq li minkejja l-fatt li ħija ħadet il-passi proċedurali meħtieġa taħt il-kuntratt u taħt ir-Regoli Komunitarji dwar il-Baġit 2 sabiex tistabbilixxi l-ammont tad-dejn u sabiex tinnotifikah lill-konvenuta, din tal-aħħar ma rreaġixxietx. Għalhekk, permezz ta' ittra tat-13 ta' Diċembru 2002, il-Kummissjoni tterminat il-kuntratt skont l-Artikolu 5.3(a)(i) tal-Anness II tal-kuntratt.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors skont l-Artikolu 238 KE sabiex jitħallas lura l-ammont żejjed li allegatament tħallas lill-konvenuta, li jammonta għal EUR 180,664.70, flimkien mal-interessi kkalkulati bir-rata ta' 5.56 % mid-data li fiha dan id-dejn sar eżiġibbli, jiġifieri l-24 ta' Awwissu 2003.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kunsill 94/806/KE, tat-23 ta' Novembru 1994, li tadotta programm speċifiku għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, inkluża d-dimostrazzjoni, fil-qasam tal-enerġija mhux nukleari (1994-1998) (ĠU L 334, 22.12.1994, p. 87).

2 - Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1605/25, tal-25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2002 L 248, p. 1) u l-Artikolu 78 tar-regolament li jimplementah, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta' Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2002 L 357, p. 1)