Language of document : ECLI:EU:C:2014:1317

Kawża C‑557/12

Kone AG et

vs

ÖBB-Infrastruktur AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof)

“Artikolu 101 TFUE — Kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju pprojbit minn dan l-artikolu — Danni li jirriżultaw mill-prezz ogħla applikat minn impriża minħabba akkordju pprojbit, li hija ma tipparteċipax fih (‘Umbrella pricing’) — Rabta kawżali”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-5 ta’ Ġunju 2014

1.        Akkordji — Projbizzjoni — Effett dirett — Dritt tal-individwi li jitolbu kumpens għad-dannu mġarrab — Modalitajiet ta’ eżerċizzju — Rabta kawżali — Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali — Kundizzjonijiet — Osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni u ta’ dawk ta’ dritt mogħti mill-ordinament ġuridiku nazzjonali — Osservanza tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni

(Artikolu 101(1) TFUE)

2.        Akkordji — Projbizzjoni — Dritt tal-individwi li jitolbu kumpens għad-dannu mġarrab — Danni li jirriżultaw mill-prezz għoli ffissat, fid-dawl tal-aġir ta’ akkordju, minn impriża li ma tipparteċipax f’dan l-akkordju — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi b’mod kategoriku l-kumpens għall-imsemmija danni fuq livell ċivili mill-impriżi li jipparteċipaw fl-akkordju — Inammissibbiltà

(Artikolu 101(1) TFUE)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 20‑26, 32)

2.        L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dritt intern ta’ Stat Membru li tikkonsisti fl-esklużjoni b’mod kategoriku, għal raġunijiet ġuridiċi, tar-responsabbiltà ċivili ta’ impriżi li jipparteċipaw f’akkordju, għal danni li jirriżultaw minn prezzijiet li ffissat impriża li ma tipparteċipax f’dan l-akkordju, fid-dawl tal-aġir tal-imsemmi akkordju, f’livell ogħla minn dak li kien jiġi applikat fl-assenza tal-akkordju.

Fil-fatt, l-effettività sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE titqiegħed fid-dubju jekk id-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għad-dannu mġarrab jiġi ssuġġettat mid-dritt nazzjonali, b’mod kategoriku u indipendentement miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, għall-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta filwaqt li dan id-dritt jiġi eskluż minħabba l-fatt li l-persuna kkonċernata kellha rabtiet kuntrattwali mhux ma’ membru tal-akkordju, iżda ma’ impriża li ma pparteċipatx f’dan tal-aħħar, li l-politika tal-prezzijiet tagħha hija madankollu konsegwenza tal-akkordju li kkontribwixxa sabiex tinħoloq distorsjoni tal-mekkaniżmi ta’ formazzjoni tal-prezzijiet li jirregolaw is-swieq kompetittivi.

Għaldaqstant, il-vittma ta’ prezz protettiv (umbrella pricing) tista’ tikseb kumpens għad-dannu mġarrab mingħand il-membri ta’ akkordju, minkejja li ma kellhiex rabtiet kuntrattwali magħhom, meta jiġi pprovat li dan l-akkordju seta’ jkollu l-konsegwenza, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, l-elementi speċifiċi tas-suq ikkonċernat, li jiġi applikat prezz protettiv minn terzi li jaġixxu b’mod awtonomu, u meta dawn iċ-ċirkustanzi u elementi speċifiċi ma setgħux jiġu injorati mill-membri tal-imsemmi akkordju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

(ara l-punti 33, 34, 37 u d-dispożittiv)