Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Awwissu 2009 - Al-Faqih u MIRA vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża T-322/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Saad Al-Faqih u Movement for Islamic Reform in Arabia (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: J. Jones, Barrister u A. Raja, Solicitor)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja u l-Kummisssjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, fl-intier tiegħu jew parzjalment, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 1, kif emendat bir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 14/2005 2, Nru 492/2007 3, u Nru 1190/2005 4, u/jew tannulla r-Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 14/2005, Nru 492/2007, u Nru 1190/2005, sa fejn jikkonċernaw direttament u individwalment lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu, skont l-Artikolu 230 KE, l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-network ta' Al-Qaida u t-Taliban, kif emendat bir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 14/2005, tal-5 ta' Jannar 2005, Nru 492/2007 tat-3 ta' Mejju 2007, u 1190/2005 tal-20 ta' Lulju 2005 u/jew l-annullament tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 14/2005, Nru 492/2007, u 1190/2005, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrenti.

Ir-rikorrenti kienu inklużi fil-lista konsolidata, tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, ta' individwi u entitajiet allegatament assoċjati ma' Usama bin Laden, Al-Qaida u n-netwerk Taliban, li l-fondi u riżorsi finanzjarji oħra tagħhom għandhom jiġu ffriżati. Konsegwentement, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolamenti (KE) Nru 14/2005 u 1190/2005 li żiedu l-ismijiet tar-rikorrenti mal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jelenka persuni, gruppi u entitajiet koperti mill-iffriżar tal-fondi u riżorsi ekonomiċi ġewwa l-UE. L-elenkar tal-ewwel rikorrent, S. Al-Faqih, ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 492/2007.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi li ġejjin:

Ir-rikorrenti jargumentaw li l-iffriżar tal-fondi tagħhom ipprovdut mir-regolamenti kkontestati, jikser id-drittijiet fundamentali tagħhom, b'mod partikolari, id-dritt għal smigħ u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, inkwantu huma qatt ma ġew informati mill-Kunsill u/jew mill-Kummissjoni bir-raġunijiet għaliex ġew inklużi fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 u qatt ma rċivew provi li jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta' miżuri ristrettivi. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma kellhom ebda opportunità li jiddefendu ruħhom jew li jikkontestaw d-deċiżjonijiet tal-inklużjoni tagħhom quddiem il-Qrati Ewropej.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li nkiser id-dritt għar-rispett tal-proprjetà tagħhom inkwantu r-restrizzjonijiet indefiniti ta' tali dritt, ikkawżati mill-iffriżar tal-fondi tagħhom, jikkostitwixxu ndħil sproporzjonat u intollerabbli ta' dan id-dritt fundamentiali tal-bniedem.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta' Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-network ta' Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta' ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta' titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban ta' l-Afganistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294)

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 14/2005, tal-5 ta' Jannar 2005 li jemenda għat-42 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk tal-Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 (ĠU L 348M, p. 46)

3 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 492/2007, tat-3 ta' Mejju 2007, li jemenda għas-75 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-Netwerk Al-Qaida u t-Taliban, u jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 (ĠU L 116, p. 5)

4 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1190/2008, tal-20 ta' Lulju 2005, li jemenda għad-99 [għat-48] darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta' Al-Qaida u t-Taliban u li jħassar r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 (ĠU L 193, p. 27)