Language of document : ECLI:EU:T:2015:361

Kawża T‑376/13

Versorgungswerk der Zahnärztekammer Schleswig-Holstein

vs

Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Aċċess għal dokumenti — Deċiżjoni 2004/258/KE — Ftehim ta’ skambju tal-15 ta’ Frar 2012 bejn il-Greċja u l-BĊE u banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema — Annessi A u B — Rifjut parzjali ta’ aċċess — Interess pubbliku — Politika monetarja tal-Unjoni u ta’ Stat Membru — Sitwazzjoni finanzjarja tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema — Stabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2015

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti — Talba ta’ aċċess tar-rikorrent ġiet miċħuda bħala inammissibbli — Assenza ta’ effett fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

(Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/342)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(c))

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Deċiżjoni 2004/258 tal-Bank Ċentrali Ewropew — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/342, it-tieni, it-tielet u s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a))

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Deċiżjoni 2004/258 tal-Bank Ċentrali Ewropew — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-interess pubbliku rigward il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, jew is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Bank jew tal-banek ċentrali nazzjonali — Protezzjoni tal-interess pubbliku rigward l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni jew fi Stat Membru — Setgħa diskrezzjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Motivazzjoni ta’ natura ġenerali sabiex tiġi protetta informazzjoni sensittiva — Ammissibbiltà

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/342, it-tieni, it-tielet u s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a))

6.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Deċiżjoni 2004/258 tal-Bank Ċentrali Ewropew — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti –Protezzjoni tal-interess pubbliku rigward il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Bank jew tal-banek ċentrali nazzjonali — Portata — Applikazzjoni għal ftehim ta’ skambju ta’ obbligi ta’ Stat bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Bank u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema — Inklużjoni

(Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/342, it-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a))

7.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Deċiżjoni 2004/258 tal-Bank Ċentrali Ewropew — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Interpretazzjoni u applikazzjoni stretti — Obbligu għall-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Portata

(Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/342, Artikoli 2(1) u 4(1))

8.      Rikors għal annullament — Stħarriġ tal-legalità — Kriterji — Teħid inkunsiderazzjoni biss ta’ elementi ta’ fatt u ta’ dritt li kienu jeżistu fid-data li fiha kien ġie adottat l-att kontenzjuż

(Artikolu 263 TFUE)

1.      Inkwantu destinatarja ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti abbażi tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/342, il-persuna kkonċernata għandha d-dritt li tippreżenta rikors kontriha. F’dan ir-rigward, id-dritt għal rikors tar-rikorrent kontra l-imsemmija deċiżjoni ma jistax jiġi affettwat minn eventwali inammissibbiltà tat-talba tiegħu quddiem il-Bank Ċentrali Ewropew.

(ara l-punt 20)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 23)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 32, 33)

4.      Tissodisfa r-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li tirrifjuta aċċess għal dokumenti abbażi tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-imsemmi bank, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/342, li tippermetti lill-applikant ikun jaf il-bażi legali li fuqha l-Bank ibbaża ċ-ċaħda tat-talba tiegħu ta’ aċċess u r-raġunijiet għalfejn huwa kien qies li żvelar tal-kontenut tal-imsemmija dokumenti kien jippreġudika l-politika monetarja tal-Unjoni u tal-Istati Membri, is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu u dik tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258.

F’dan ir-rigward, il-Bank ma huwiex obbligat jagħti spjegazzjoni rigward l-użu fil-kuntest tal-motivazzjoni ta’ espressjonijiet bħal “funzjonament mhux adegwat ta’ partijiet rilevanti tas-suq” u “mekkaniżmu ta’ trażmissjoni”. Fil-fatt, huwa magħruf pubblikament li, sa mill-bidu tas-sena 2010, l-Unjoni kienet sostniet il-kriżi tad-dejn sovran u li tensjonijiet kienu dehru f’ċerti swieq tad-dejn sovran taż-żona tal-euro, b’mod partikolari minħabba tħassib dejjem jikber tas-suq rigward il-vijabbiltà tal-finanzi pubbliċi fid-dawl tad-defiċit baġitarju għoli ħafna, b’mod partikolari fil-Greċja. Huwa ukoll magħruf li dawn it-tensjonijiet kienu nfirxu għal partijiet oħra tas-swieq finanzjarji u li l-Bank kien ħabbar il-programm għas-swieq tat-titoli sabiex itejjeb l-effikaċja tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ deċiżjoni indirizzata lil applikant li jkun kiseb titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi fil-funzjoni tiegħu ta’ investitur istituzzjonali, dan għandu jitqies li jaf it-tifsira tat-terminu “mekkaniżmu ta’ trażmissjoni” jew li huwa kapaċi jsibha faċilment, pereżempju billi jikkonsulta s-sit Internet tal-Bank.

(ara l-punti 39, 40, 50)

5.      Fil-qasam ta’ aċċess tal-pubbliku għal dokumenti, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-interess pubbliku rigward il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Bank jew tal-banek ċentrali nazzjonali u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni jew fi Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-imsemmi bank, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/342, jistax jintlaħaq bl-iżvelar ta’ informazzjoni inkluża f’dokumenti li ntalab l-aċċess għalihom u, għaldaqstant, l-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-Qorti tal-Unjoni f’dan ir-rigward għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter.

F’dan ir-rigward, minħabba l-istħarriġ limitat tal-qorti tal-Unjoni, l-osservanza tal-obbligu tal-Bank li jimmotiva suffiċjentement id-deċiżjonijiet tiegħu hija ta’ importanza jerġa’ iktar fundamentali. Fil-fatt, huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx issodisfatti. Madankollu, fir-rigward ta’ talba ta’ aċċess għal annessi ta’ ftehim ta’ skambju bejn ir-Repubblika Ellenika u l-Bank u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema skont liema titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi, li dawn tal-aħħar kienu detenturi tagħhom, ġew skambjati ma’ titoli ta’ dejn tal-Istat Griegi ġodda, l-obbligu ta’ motivazzjoni bl-ebda mod ma jipprekludi lill-Bank milli jibbaża ruħu fuq kunsiderazzjonijiet li jieħdu inkunsiderazzjoni l-aġir ipotetiku li atturi fis-suq jistgħu jadottaw wara l-iżvelar tal-informazzjoni li tinsab fl-imsemmija annessi u fuq l-effetti li tali aġir jista’ jkollu għal interventi futuri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-użu mill-Bank ta’ motivazzjoni ta’ natura ġenerali hija ġġustifikata bil-ħsieb li ma tiġix żvelata informazzjoni li l-protezzjoni tagħha hija koperta mill-eċċezzjonijiet previsti fid-Deċiżjoni 2004/258.

(ara l-punti 53-55)

6.      Id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, it-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/342, jipprevedu eċċezzjonijiet mill-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku, f’dak li jirrigwarda l-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru jew is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Bank jew tal-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) tal-Eurosistema.

Huwa ġġustifikat, skont l-imsemmija tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, ir-rifjut ta’ aċċess tal-Bank għall-annessi ta’ ftehim ta’ skambju ta’ obbligi ta’ Stat bejn Stat Membru u l-Bank u l-BĊN tal-Eurosistema, konkluż fil-kuntest ta’ programm ta’ intervent fis-suq diġà skadut u bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li tgħid li l-iżvelar tad-data li tinsab fl-imsemmija annessi seta’ jinkoraġġixxi lil atturi fis-suq jobsru l-istrateġija, it-tattika u l-metodu li jistgħu jiġu adottati minnu u mill-BĊN tal-Eurosistema fil-kuntest ta’ interventi futuri. Fil-fatt, meta intervent jimplika l-akkwist ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat mill-Bank u mill-BĊN tal-Eurosistema, jeżisti r-riskju li l-atturi fis-suq jibbażaw ruħhom fuq l-informazzjoni dwar tali akkwisti fil-passat sabiex jidentifikaw, ġustament jew b’mod żbaljat, preferenzi tal-Bank u tal-BĊE tal-Eurosistema għal ċerti tipi ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat li huma jqisu li japplikaw indipendentement mill-għan segwit permezz tal-akkwist ta’ titoli ta’ dejn tal-Istat.

F’tali ipoteżi, l-iżvelar tal-informazzjoni li tinsab fl-annessi tal-ftehim ta’ skambju jista’ jaffettwa l-effikaċja tal-miżuri ta’ intervent tal-Bank u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu jew dik tal-BĊN tal-Eurosistema, peress li, minn naħa, tali żvelar għandu mnejn ikollu, bħala konsegwenza, żieda fil-prezzijiet għat-tipi kollha ta’ titoli ta’ dejn identifikati mill-atturi fis-suq bħala titoli li għandhom mnejn jiġu akkwistati mill-Bank u mill-BĊN tal-Eurosistema. Dawn tal-aħħar jistgħu jkunu mwassla sew biex jixtru dawn it-tipi ta’ titoli ta’ dejn bi prezzijiet ogħla, jew biex jixtru titoli ta’ dejn differenti li jikkorrispondu inqas għall-preferenzi tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-Bank u l-BĊN tal-Eurosistema jistgħu jiġu mwassla jixtru titoli ta’ dejn ta’ diversi tipi fil-kategorija inkwistjoni, sabiex jinkoraġġixxu lill-atturi fis-suq jinvestu fit-titoli ta’ dejn kollha li jinsabu fl-imsemmija kategorija, minflok ma jikkonċentraw ruħhom fuq ċerti tipi ta’ titoli ta’ dejn.

Barra minn hekk, peress li l-Bank għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna rigward l-għażla u d-determinazzjoni tal-miżuri li huwa jadotta fil-kuntest tat-twettiq tal-missjonijiet tiegħu, meta huwa jeżamina jekk l-aċċess għal dokumenti jistax jaffettwa l-politika monetarja tal-Unjoni, is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu jew dik tal-BĊN tal-Eurosistema, huwa jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri kollha li għandu mnejn ikollu jadotta fil-futur u ma huwiex marbut jieħu inkunsiderazzjoni biss miżuri li jistabbilixxu l-kundizzjoni, prevista fl-istqarrijiet għall-istampa tiegħu rigward il-programm tiegħu ta’ intervent fis-suq.

(ara l-punti 72, 78, 80, 87, 96, 97, 102)

7.      Fir-rigward tal-eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew previst fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-imsemmi bank, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/342, fid-dawl tal-fatt li dawn l-eċċezzjonijiet jidderogaw mill-imsemmi dritt, huma għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett. B’dan il-mod, meta l-Bank jiddeċiedi li jirrifjuta l-aċċess għal dokument, li l-komunikazzjoni tiegħu ġiet mitluba minnu, taħt l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija deċiżjoni, huwa għandu, bħala regola ġenerali, jiġġustifika r-raġuni għalfejn l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett permezz ta’ eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni li hija tinvoka.

F’dan ir-rigward, skont ir-regoli previsti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258, il-Bank huwa marbut iqabbel, minn naħa, is-sitwazzjoni eżistenti, li fiha l-aċċess għad-dokumenti (għadu) ma huwiex mogħti, u, min-naħa l-oħra, sitwazzjoni ipotetika, fejn l-aċċess għad-dokumenti jkun mogħti. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li, fid-deċiżjoni tiegħu ta’ rifjut parzjali ta’ aċċess, il-Bank ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ipotetika li fiha huwa jagħti aċċess għal dokumenti li l-iżvelar tagħhom ġie mitlub minnu ma huwiex, minnu nnifsu, tali li jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni tiegħu.

(ara l-punti 73, 75)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 84)