Language of document : ECLI:EU:F:2013:61

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

14 ta’ Mejju 2013

Kawża F‑4/12

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Artikolu 34(1) u (6) tar-Regoli tal-Proċedura — Att ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors — Firma bl-idejn tal-avukat differenti minn dik li tinsab fuq l-oriġinal tal-att mibgħut bil-posta — Tardività tar-rikors — Inammissibbiltà manifesta — Ineżistenza”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA li permezz tal-Artikolu 106a tiegħu, L. Marcuccio jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea rrifjutatlu l-aċċess għall-intranet. Il-preżentata tal-oriġinal tar-rikors kienet ippreċeduta minn faks li ntbagħat fl-4 ta’ Jannar 2012, lir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li rċevih fl-istess ġurnata, ta’ dokument ippreżentat bħala l-kopja tal-oriġinali tar-rikors mibgħut bil-posta.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Firma bl-idejn ta’ avukat — Regola sostanzjali ta’ applikazzjoni stretta — Assenza — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, u l-Artikolu 7(1) tal-Anness I; Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors — Firma bl-idejn tal-avukat differenti minn dik li tinsab fuq l-oriġinali tar-rikors mibgħut bil-posta — Konsegwenza — Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data meta ġie riċevut il-faks sabiex tiġi evalwata l-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

1.      Mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull rikorrent għandu jkun irrappreżentat minn avukat u li, konsegwentement, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jiġu aditi biss permezz ta’ rikors iffirmat minn dan tal-aħħar. Skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I ta’ dan l-istess Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ebda deroga jew eċċezzjoni ma hija prevista mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mir-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Fil-fatt, l-eżiġenza ta’ firma bl-idejn tar-rappreżentant tar-rikorrent tiggarantixxi, fl-interess taċ-ċertezza legali, l-awtentiċità tar-rikors u teskludi r-riskju li dan ma jkunx xogħol l-avukat awtorizzat jagħmel dan. Għaldaqstant, dan tal-aħħar, bħala awżiljarju tal-ġustizzja għandu rwol essenzjali, li jagħtuh l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, billi jippermetti, fl-eżerċizzju tal-ministeru tiegħu, l-aċċess tar-rikorrent għall-imsemmi Tribunal. Din l-eżiġenza għandha, għalhekk, titqies li hija regola sostanzjali tal-proċedura u għandha tiġi applikata b’mod strett, fejn in-nuqqas ta’ osservanza tagħha jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors.

(ara l-punti 24 u 25)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑174/96 P, punt 8, u l-ġurisprudenza ċċitata

Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Mejju 2007, Il-Parlament vs Eistrup, T‑223/06 P, punti 50 sa 52

2.      Fil-kuntest tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għall-finijiet tal-preżentata tal-oriġinal ta’ kull att ta’ proċedura fit-terminu impost, l-Artikolu 34 tar-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jippermettix lill-avukat tar-rikorrent kkonċernat li juża żewġ firem bl-idejn differenti, anki jekk awtentiċi, waħda fuq id-dokument mibgħut b’faks lir-Reġistru tal-imsemmi Tribunal u l-oħra fuq l-oriġinal mibgħut bil-posta jew ippreżentat bl-idejn fir-Reġistru.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk ikun jidher li l-att oriġinali li huwa materjalment ippreżentat fir-Reġistru fl-għaxart ijiem wara li tintbagħat kopja tiegħu permezz ta’ faks lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jkollux l-istess firma bħal dik li tinsab fuq id-dokument mibgħut b’faks, għandu jiġi kkonstatat li fir-Reġistru tal-imsemmi Tribunal ikunu waslu żewġ atti ta’ proċedura differenti, kull wieħed minnhom b’firma distinta anki jekk kull waħda tkun saret mill-istess persuna. Peress li t-test mibgħut permezz ta’ faks ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ċertezza legali imposti mill-Artikolu 34 tar-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-data ta’ meta d-dokument intbagħat b’faks ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors.

Fil-fatt, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa stabbilit mill-Artikolu 91(3) tal-Istatut, li r-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jidderoga minnu. Konsegwentement, huwa importanti li l-oriġinal tar-rikors jsir sa mhux iktar tard mill-aħħar ġurnata ta’ dan it-terminu. Minn din il-perspettiva, il-kopja mibgħuta b’faks ma hijiex biss mod kif jintbagħat, iżda tippermetti wkoll li jiġi pprovat li l-oriġinal tar-rikors li jkun wasal fir-reġistru ta’ dan it-Tribunal barra mit-terminu jkun diġà ġie ppreżentat fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

(ara l-punti 27 sa 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross BV vs UASI, C‑426/10 P, punti 37 sa 43

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 21 ta’ Frar 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑113/11, punt 22