Language of document : ECLI:EU:T:2023:372

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

5 ta’ Lulju 2023 (*)

“Rikors għal annullament – Dritt istituzzjonali – Membru tal-Parlament – Rifjut tal-President tal-Parlament li jilqa’ talba intiża għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑115/20,

Carles Puigdemont i Casamajó, residenti f’Waterloo (il-Belġju),

Antoni Comín i Oliveres, residenti f’Waterloo,

irrappreżentati minn P. Bekaert, G. Boye, S. Bekaert, avukati, u B. Emmerson, KC,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Görlitz u J.-C. Puffer, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnut minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Gavela Llopis u J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,

parti intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn A. Marcoulli (Relatriċi), Presidenta, S. Frimodt Nielsen, H. Kanninen, J. Schwarcz u R. Norkus, Imħallfin,

Reġistratur: M. Zwozdziak-Carbonne, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari d-digriet tas-17 ta’ Ġunju 2021 li permezz tiegħu l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Parlament ngħaqdet mal-mertu,

wara s-seduta tal-24 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Carles Puigdemont i Casamajó u Antoni Comín i Oliveres, jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-Parlament Ewropew allegatament inkluża fl-ittra tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2019, indirizzata b’risposta għat-talba intiża biex il-Parlament jiddefendi, abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, l-immunità parlamentari tagħhom.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-fatti sussegwenti għall-preżentata tar-rikors

2        L-ewwel rikorrent kien il-President tal-Generalitat de Cataluña (il-Ġeneralità ta’ Cataluña, Spanja) u t-tieni rikorrent kien membru tal-Gobierno autonómico de Cataluña (il-Gvern Awtonomu ta’ Cataluña, Spanja) meta ġiet adottata l-Ley 19/2017 del Parlamento de Cataluña, reguladora del referéndum de autodeterminación (il-Liġi Nru 19/2017 tal-Parlament ta’ Cataluña li tirregola r-referendum dwar l-awtodeterminazzjoni), tas-6 ta’ Settembru 2017 (DOGC 7449A tas-6 ta’ Settembru 2017, p. 1), u l-Ley 20/2017 del Parlamento de Cataluña, de transitoriedad jurídica y fundacional de la República (il-Liġi Nru 20/2017 tal-Parlament ta’ Cataluña dwar it-tranżizzjoni ġuridika u funzjonali tar-Repubblika) tat-8 ta’ Settembru 2017 (DOGC 7451A, tat-8 ta’ Settembru 2017, p. 1), kif ukoll meta, fl-1 ta’ Ottubru 2017, inżamm ir-referendum dwar l-awtodeterminazzjoni previst mill-ewwel minn dawn iż-żewġ liġijiet, li d-dispożizzjonijiet tagħha kienu, sadanittant, ġew sospiżi permezz ta’ deċiżjoni tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja).

3        Wara l-adozzjoni tal-imsemmija liġijiet u wara ż-żamma tal-imsemmi referendum, il-Ministerio fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja), l-Abogado del Estado (l-Avukat tal-Istat, Spanja) u l-partit politiku VOX bdew proċeduri kriminali kontra numru ta’ persuni, fosthom ir-rikorrenti, billi qiesu li dawn kienu wettqu atti li jaqgħu, b’mod partikolari, taħt ir-reati ta’ ribelljoni, ta’ sedizzjoni u ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

4        Permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Lulju 2018, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddikjarat li r-rikorrenti kienu rrifjutaw li jidhru, wara li huma kienu ħarbu minn Spanja, u ssospendiet il-proċeduri kriminali miftuħa kontrihom sakemm huma jinstabu.

5        Sussegwentement, ir-rikorrenti ppreżentaw il-kandidatura tagħhom għall-elezzjonijiet tal-Membri tal-Parlament li saru fi Spanja fis-26 ta’ Mejju 2019 (iktar ’il quddiem l-“elezzjonijiet tas-26 ta’ Mejju 2019”). Wara dawn l-elezzjonijiet, huma ġew eletti fil-Parlament, hekk kif jirriżulta mill-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali magħmula mill-Junta Electoral Central (il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, Spanja) f’deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2019 dwar il-“[p]roklamazzjoni tad-deputati eletti fil-Parlament Ewropew fl-elezzjonijiet li saru fis-26 ta’ Mejju 2019” (BOE Nru 142 tal-14 ta’ Ġunju 2019, p. 62477).

6        Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti b’mod partikolari talbu lill-President tal-Parlament fil-kariga dak iż-żmien sabiex jieħu nota tar-riżultati tal-elezzjonijiet tas-26 ta’ Mejju 2019 li jinsabu fid-dikjarazzjoni tat-13 ta’ Ġunju 2019.

7        Fil-15 ta’ Ġunju 2019, l-imħallef inkwirenti tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ċaħad talba tar-rikorrenti intiża għall-irtirar tal-mandati ta’ arrest nazzjonali maħruġa kontrihom mill-qrati kriminali Spanjoli sabiex huma jkunu jistgħu jiġu ġġudikati fil-kuntest tal-proċeduri kriminali msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

8        Fis-17 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali nnotifikat lill-Parlament il-lista tal-kandidati eletti fi Spanja, li ma kinitx tinkludi isem ir-rikorrenti.

9        Fl-20 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali nnotifikat lill-Parlament deċiżjoni li fiha hija kkonstatat li r-rikorrenti ma kinux ħadu l-ġurament li josservaw il-Kostituzzjoni Spanjola meħtieġ mill-Artikolu 224(2) tal-Ley orgánica 5/1985 de régimen electoral general (il-Liġi Organika 5/1985, li tistabbilixxi sistema elettorali ġenerali), tad-19 ta’ Ġunju 1985 (BOE Nru 147, tal-20 ta’ Ġunju 1985, p. 19110), u, skont dan l-Artikolu, iddikjarat vakanti s-siġġijiet allokati lir-rikorrenti fil-Parlament kif ukoll iddikjarat is-sospensjoni tal-prerogattivi kollha li huma jista’ jkollhom dritt għalihom minħabba l-funzjonijiet tagħhom sakemm huma jkunu ħadu dan il-ġurament.

10      Permezz ta’ ittra tal-istess jum, ir-rikorrenti talbu b’mod partikolari lill-President tal-Parlament fil-kariga dak iż-żmien biex jadotta b’urġenza, abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew applikabbli dak iż-żmien, kull miżura neċessarja sabiex jiġu kkonfermati l-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom. It-talba tagħhom ġiet ripetuta fl-24 ta’ Ġunju 2019.

11      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 2019, il-President tal-Parlament fil-kariga dak iż-żmien wieġeb għall-ittri tar-rikorrenti tal-14, tal-20 u tal-24 ta’ Ġunju 2019, billi indikalhom, essenzjalment, li huwa ma setax jittrattahom bħala Membri futuri tal-Parlament, peress li isimhom ma kienx inkluż fil-lista tal-kandidati eletti kkomunikata uffiċjalment mill-awtoritajiet Spanjoli.

12      Fit-2 ta’ Lulju 2019 infetħet l-ewwel sessjoni tal-Parlament li kien għadu kif ġie elett wara l-elezzjonijiet tas-26 ta’ Mejju 2019.

13      Permezz ta’ posta elettronika tal-10 ta’ Ottubru 2019, il-Membru tal-Parlament Ewropew A, f’isem tliet kandidati pproklamati eletti fl-elezzjonijiet tas-26 ta’ Mejju 2019, fosthom ir-rikorrenti, bagħtet lill-President tal-Parlament elett fit-3 ta’ Lulju 2019 (iktar ’il quddiem il-“President tal-Parlament”) u lill-President u lill-Viċi President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament, talba mingħand 38 deputat Ewropew li kienu ġejjin minn diversi nazzjonalitajiet u partiti politiċi, fosthom minnha stess, intiża b’mod partikolari biex il-Parlament jiddefendi, abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament applikabbli għad-disa’ leġiżlatura (2019–2024), fil-verżjoni tagħhom qabel l-emenda tagħha permezz tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-17 ta’ Jannar 2023 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”), l-immunità parlamentari tal-persuni kkonċernati msemmija fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”). Id-dokumenti ċċitati insostenn ta’ din it-talba ġew ikkomunikati lill-Parlament permezz ta’ posta elettronika tas-26 ta’ Novembru 2019.

14      Fl-14 ta’ Ottubru 2019, l-imħallef inkwirenti tal-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali, mandat ta’ arrest Ewropew u mandat ta’ arrest internazzjonali kontra l-ewwel rikorrent, sabiex dan ikun jista’ jiġi ġġudikat fil-kuntest tal-proċeduri kriminali msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq. Fl-4 ta’ Novembru 2019, inħarġu mandati ta’ arrest simili mill-istess imħallef kontra t-tieni rikorrent. Sussegwentement, l-ewwel u t-tieni rikorrent tqiegħdu taħt detenzjoni fil-Belġju, rispettivament, fis-17 ta’ Ottubru u fis-7 ta’ Novembru 2019 u nħelsu, fl-istess jum, taħt kundizzjonijiet.

15      Permezz ta’ żewġ ittri tal-10 ta’ Diċembru 2019 miktuba f’termini simili, waħda indirizzata lil A u l-oħra lit-38 Membru tal-Parlament kollha, il-President tal-Parlament irrisponda għat-talba msemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq. Fl-ittra indirizzata lil A (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”), il-President tal-Parlament ġibed l-attenzjoni tal-persuna kkonċernata għad-digriet tal-1 ta’ Lulju 2019, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il-Parlament (T‑388/19 R, mhux ippubblikat, EU:T:2019:467), u għall-fatt, essenzjalment, li l-Parlament ma setax iqis lit-tliet kandidati ddikjarati eletti fl-elezzjonijiet tas-26 ta’ Mejju 2019 inkwistjoni bħala membri tal-Parlament, fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni uffiċjali tal-elezzjoni tagħhom mill-awtoritajiet Spanjoli, fis-sens tal-att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament b’vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/CECA, KEE, Euratom tal-20 ta’ Settembru 1976 (ĠU 1976, L 278, p. 1), kif emendata bid-Deċiżjoni 2002/772/KE, Euratom tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 u tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 137). Il-President tal-Parlament irrefera għall-ittri preċedenti f’dan is-sens, jiġifieri, minn naħa, l-ittra tal-predeċessur tiegħu tas-27 ta’ Ġunju 2019 indirizzata lir-rikorrenti (ara l-punt 11 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, l-ittra tat-22 ta’ Awwissu 2019 li huwa kien bagħat lil A fir-rigward tal-impossibbiltà għall-Parlament li jieħu kwalunkwe azzjoni dwar l-allegata immunità tal-kandidat elett l-ieħor. Il-President tal-Parlament irrefera wkoll għas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tal-14 ta’ Ottubru 2019 dwar dan il-kandidat elett l-ieħor. Sussegwentement huwa indika li ħa nota tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:958) u stenna d-deċiżjoni finali tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-aħħar nett, huwa fakkar li l-Artikolu 9(2) tar-Regoli ta’ Proċedura kien jawtorizza li membru jew ex Membru tal-Parlament ikun irrappreżentat minn membru ieħor biss, u mhux minn 38 membru. Konsegwentement, il-President tal-Parlament stieden lil A sabiex tislet il-konklużjonijiet tagħha stess minn dawn l-ispjegazzjonijiet.

16      Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, iddeċidiet li persuna li kienet ġiet uffiċjalment iddikjarata eletta fil-Parlament, iżda li ma kinitx ġiet awtorizzata tikkonforma ruħha ma’ ċerti rekwiżiti previsti mid-dritt nazzjonali wara tali dikjarazzjoni, kif ukoll tmur il-Parlament sabiex tipparteċipa fl-ewwel sessjoni tiegħu, kellha titqies bħala li tibbenefika minn immunità skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7.

17      Waqt is-sessjoni plenarja tat-13 ta’ Jannar 2020, il-Parlament ħa nota, wara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), tal-elezzjoni tar-rikorrenti fil-Parlament b’effett mit-2 ta’ Lulju 2019.

18      Fl-istess jum, il-President tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ikkomunika lill-Parlament it-talba tal-10 ta’ Jannar 2020, trażmessa taħt il-kopertura tal-President tal-Awla Kriminali ta’ din il-Qorti, li tirriżulta minn digriet tal-istess jum tal-imħallef inkwirenti ta’ din l-awla, li kellu bħala għan it-tneħħija tal-immunità tal-appellanti abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7.

19      Permezz ta’ deċiżjonijiet tad-9 ta’ Marzu 2021, il-Parlament laqa’ t-talba msemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq.

 It-talbiet tal-partijiet

20      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-att ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

21      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors għal dak li jirrigwarda l-immunità mogħtija mill-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 u tiċħad il-kumplament tar-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, iktar sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

22      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

23      Il-Kapitolu III tal-Protokoll Nru 7 dwar il-“[m]embri tal-Parlament Ewropew”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu, li jipprovdi:

“Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.”

24      L-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jipprovdi:

“Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

a)      fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b)      fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.”

25      Il-Kapitolu VII tal-Protokoll Nru 7, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali” jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 18, li jipprovdi li:

“L-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom, bl-għan li jiġi applikat dan il-Protokoll, jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet responsabbli ta’ l-Istati Membri involuti.”

26      L-Artikolu 5 tar-Regoli ta’ Proċedura, intitolat “Privileġġi u immunitajiet”, jipprevedi:

“1. Il-Membri jgawdu l-privileġġi u l-immunitajiet stabbiliti fil-Protokoll Nru 7 […]

2. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu rigward il-privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta’ Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu.

[…]”

27      L-Artikolu 7 tar-Regoli ta’ Proċedura, intitolat “Ħarsien tal-privileġġi u l-immunità”, jipprovdi:

“1. Fil-każijiet fejn jiġi allegat li seħħ jew li jkun se jseħħ ksur tal-privileġġi u l-immunitajiet ta’ Membru jew ex Membru mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, tista’ ssir talba għal deċiżjoni tal-Parlament dwar jekk seħħx ksur jew hux probabbli li se jseħħ ksur ta’ dawk il-privileġġi u immunitajiet skont it-termini tal-Artikolu 9(1).

2. B’mod partikolari, tali talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet tista’ ssir jekk jitqies li ċ-ċirkostanzi jkunu jikkostitwixxu restrizzjoni amministrattiva jew ta’ xorta oħra fuq il-moviment liberu ta’ Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-post tal-laqgħa tal-Parlament jew restrizzjoni amministrattiva jew ta’ xorta oħra fuq l-opinjoni espressa jew vot mixħut fit-twettiq ta’ dmirijiethom, jew jekk iċ-ċirkostanzi jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 […]

[…]

5. F’każijiet fejn tkun ittieħdet deċiżjoni li l-privileġġi u l-immunitajiet ta’ Membru ma jitħarsux, il-Membru eċċezzjonalment jista’ jagħmel talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni, billi jippreżenta evidenza ġdida skont l-Artikolu 9(1). It-talba għal eżami mill-ġdid m’għandhiex ammissibbli jekk ikunu nbdew proċedimenti kontra d-deċiżjoni skont l-Artikolu 263 [TFUE], jew jekk il-President [tal-Parlament] iqis li l-evidenza l-ġdida preżentata ma tkunx suffiċjentement sostanzjali li titlob għal eżami mill-ġdid.”

28      L-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, intitolat “Proċeduri dwar l-immunità”, jipprovdi:

“1. Kwalunkwe talba indirizzata lill-President [tal-Parlament] minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta’ xi Membru, jew minn Membru jew xi ex Membru għal ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet, għandha titħabbar fil-Parlament u tiġi riferuta lill-kumitat responsabbli.

2. Bil-qbil tal-Membru jew tal-ex Membru kkonċernat, it-talba tista’ ssir minn Membru ieħor, li għandu jitħalla jirrappreżenta lill-Membru jew lill-ex Membru kkonċernat fl-istadji kollha tal-proċedura.

[…]

3. Il-kumitat għandu jeżamina mingħajr dewmien, imma billi titqies il-komplessità relattiva tagħhom, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet.

[…]

5. Il-kumitat jista’ jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista’ jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità ttneħħa jew titħares.

[…]”

 Id-dritt Spanjol

29      L-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni Spanjola jipprovdi:

“1. Id-deputati u s-senaturi jgawdu mill-invjolabbiltà għall-opinjonijiet espressi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

2. Matul il-mandat tagħhom, id-deputati u s-senaturi jgawdu wkoll mill-immunità u ma jistgħux jiġu arrestati ħlief f’każ li jinqabdu jwettqu reat. Huma ma jistgħux jiġu suġġetti għal investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-assemblea rispettiva tagħhom.

3. Fil-proċeduri kriminali kontra deputati jew senaturi, l-awla kompetenti hija l-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo [(il-Qorti Suprema)].

[…]”

30      L-Artikoli 750 sa 754 tal-Ley de Enjuiciamiento Criminal (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 750

Il-qorti jew it-tribunal li għandu motiv għall-prosekuzzjoni ta’ senatur jew deputat sedenti fil-Cortes [is-Senat u l-Kamra tad-Deputati (Spanja)] minħabba reat kriminali ma għandux jiftaħ proċedura fil-konfront tiegħu matul is-sessjoni [tas-Senat u tal-Kamra tad-Deputati] sa fejn ma jkunx kiseb l-awtorizzazzjoni korrispondenti tal-assemblea li l-persuna kkonċernata tifforma parti minnha.

Artikolu 751

Jekk is-senatur jew id-deputat ikun inqabad iwettaq reat, huwa jista’ jiġi arrestat u jitressaq għal prosekuzzjoni kriminali mingħajr l-awtorizzazzjoni msemmija fl-artikolu preċedenti; madankollu, f’erbgħa u għoxrin siegħa mill-arrest jew mill-prosekuzzjoni kriminali, l-assemblea li jifforma parti minnha għandha tiġi informata b’dan.

L-assemblea rispettiva għandha tiġi informata wkoll b’kull proċedura kriminali miftuħa kontra dak li, waqt li ġie mressaq għal prosekuzzjoni kriminali, jiġi elett senatur jew deputat.

Artikolu 752

Jekk senatur jew deputat jitressaq għal prosekuzzjoni kriminali matul waqfa parlamentari, il-qorti jew it-tribunal li quddiemu titressaq il-kawża għandu jinforma immedjatament l-assemblea rispettiva dwar dan.

L-istess japplika meta senatur jew deputat elett jitressaq għal prosekuzzjoni kriminali qabel ma jiltaqa’ [s-Senat jew il-Kamra tad-Deputati].

Artikolu 753

Fi kwalunkwe każ, ir-reġistratur għandu jissospendi l-proċedura kriminali mill-ġurnata li fiha [s-Senat u l-Kamra tad-Deputati] jiġu informati, kemm jekk ikun waqt perijodu ta’ sessjonijiet kif ukoll jekk le, u l-affarijiet għandhom jibqgħu f’dak l-istat sakemm l-assemblea rispettiva tiddeċiedi kif jidhirlha xieraq.

Artikolu 754

Jekk [is-Senat jew il-Kamra tad-Deputati] jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni mitluba, għandu jkun hemm dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward tas-senatur jew tad-deputat; iżda l-proċeduri jitkomplew fil-konfront tal-persuni l-oħra li fir-rigward tagħhom ikunu tressqu proċeduri kriminali.”

31      Ir-Reglamento del Congreso de los Diputados (ir-Regolament tal-Kamra tad-Deputati) tal-10 ta’ Frar 1982 (BOE Nru 55 tal-5 ta’ Marzu 1982, p. 5765), jipprovdi, fl-Artikolu 11 tiegħu:

“Matul il-mandat tagħhom, id-deputati u s-senaturi jgawdu wkoll mill-immunità u ma jistgħux jiġu arrestati ħlief f’każ li jinqabdu jwettqu reat. Huma ma jistgħux jiġu akkużati jew imħarrka mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kamra.”

32      L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kamra tad-Deputati jipprovdi:

“Il-President tal-Kamra, wara li jkun sar jaf bl-arrest ta’ deputat jew b’kull miżura ġudizzjarja jew amministrattiva oħra li tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-mandat tiegħu, għandu minnufih jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jissalvagwardja d-drittijiet u l-prerogattivi tal-Kamra u tal-Membri tagħha.”

33      Ir-Reglamento del Senado (ir-Regolament tas-Senat) tat-3 ta’ Mejju 1994 (BOE Nru 114, tat-13 ta’ Mejju 1994, p. 14687), jipprovdi, fl-Artikolu 22(1) tiegħu:

“Matul il-mandat tagħhom, is-senaturi jgawdu wkoll mill-immunità u ma jistgħux jiġu arrestati ħlief f’każ li jinqabdu jwettqu reat. Id-detenzjoni jew l-arrest għandhom jiġu kkomunikati minnufih lill-Presidenza tas-Senat.

Is-Senaturi ma jistgħux jiġu akkużati jew imħarrka mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tas-Senat, mitluba permezz tat-talba għat-tneħħija tal-immunità rilevanti. Tali awtorizzazzjoni hija wkoll neċessarja jekk persuna ssir senatur waqt li hija tkun imħarrka jew akkużata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.”

 Dwar l-ammissibbiltà tar-rikors

34      Il-Parlament qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l‑Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Huwa jinvoka eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, li hija bbażata, prinċipalment, fuq in-natura informattiva jew intermedjarja tal-att ikkontestat u, sussidjarjament, fuq il-fatt li deċiżjoni li tiġi mħarsa l-immunità tar-rikorrenti prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, skont l-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju.

35      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumentazzjoni tal-Parlament.

36      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, irrispettivament min-natura jew mill-forma tagħhom, li jkunu intiżi li jkollhom effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar, jitqiesu bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 51).

37      Għall-kuntrarju, kull att tal-Unjoni li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti ma jaqax taħt l-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, FBF, C‑911/19, EU:C:2021:599, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix effetti legali vinkolanti, għandha tiġi studjata s-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati l-imsemmija effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dan l-istess att, filwaqt li jittieħed kont, jekk ikun il-każ, tal-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni li tkun adottatu (ara s-sentenza tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 47).

 Fuq l-allegata natura informattiva jew intermedjarja tal-att ikkontestat

39      Il-Parlament isostni, prinċipalment, li l-att ikkontestat huwa purament informattiv u li għandu jiġi analizzat bħala att intermedjarju. Il-kontenut tagħha ma jiżvela ebda deċiżjoni li tiċħad it-talba għall-ħarsien tal-immunità tar-rikorrenti jew li tikkonstata l-inammissibbiltà tagħha, u lanqas ma jbiddel is-sitwazzjoni ġuridika ta’ dawn tal-aħħar. Skont il-Parlament, l-att ikkontestat sempliċement jipprovdi lid-destinatarju tiegħu informazzjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura u dwar ċerti rekwiżiti proċedurali, sinteżi deskrittiva tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ġenerali kif ukoll ċerti elementi tal-kuntest. Il-Parlament isostni wkoll li, fid-dawl tal-imminenza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Junqueras Vies (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115), il-President tal-Parlament ma kellux l-intenzjoni li jadotta pożizzjoni finali. Il-konklużjoni tal-att ikkontestat tiċċara l-fatt li l-uniku għan tiegħu kien li jipprovdi lil A l-informazzjoni rilevanti kollha tal-perspettivi fattwali, legali u proċedurali, b’mod partikolari fir-rigward tad-dubji dwar il-konformità tat-talba għal difiża mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, sabiex tkun tista’ tadattaha jew ittemmha.

40      Hija ġurisprudenza stabbilita li att purament informattiv la jista’ jaffettwa l-interessi tad-destinatarju u lanqas ibiddel is-sitwazzjoni legali tiegħu meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti qabel ma jkun irċieva dan l-att (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Sina Bank vs Il-Kunsill, T‑15/11, EU:T:2012:661, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess japplika għal att intermedjarju li jesprimi opinjoni provviżorja tal-istituzzjoni kkonċernata, bl-eċċezzjoni ta’ kull att intermedjarju li jipproduċi effetti legali awtonomi jekk l-illegalità marbuta ma’ dan l-att ma tkunx tista’ tiġi rrimedjata fil-każ ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali li tagħha jikkostitwixxi stadju ta’ elaborazzjoni (ara s-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2021, L-Ungerija vs Il-Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punti 44 u 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, permezz tal-att ikkontestat, il-President tal-Parlament jenfasizza li, skont ir-Regoli ta’ Proċedura, talba għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet ibbażata fuq l-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tista’ tkun intiża biss għad-difiża tal-imsemmija privileġġi u immunitajiet ta’ membru tal-Parlament jew ta’ ex Membru tal-Parlament. Sussegwentement, huwa jispjega, essenzjalment, billi jirreferi kemm għad-digriet tal-1 ta’ Lulju 2019, Puigdemont i Casamajó u Comín i Oliveres vs Il-Parlament (T‑388/19 R, mhux ippubblikat, EU:T:2019:467), kif ukoll għal ittri maħruġa mill-predeċessur tiegħu u minnu stess, li, fl-assenza ta’ komunikazzjoni uffiċjali tal-elezzjoni tar-rikorrenti mill-awtoritajiet Spanjoli, dawn tal-aħħar ma jistgħux jitqiesu li kisbu l-kwalità ta’ membru tal-Parlament. Fl-aħħar nett, huwa fakkar li l-Artikolu 9(2) tar-Regoli ta’ Proċedura jawtorizza li membru jew ex Membru tal-Parlament ikun irrappreżentat minn membru ieħor biss, u mhux minn 38 membru. Konsegwentement, il-President tal-Parlament stieden lil A sabiex tislet il-konklużjonijiet tagħha stess minn dawn l-ispjegazzjonijiet (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).

42      Tali formula konklużiva, li tafda lid-destinatarju tal-att bir-responsabbiltà li jiddetermina l-portata tiegħu, ma tistax, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, titqies li “tikkjarifika b’mod ċar” il-fatt li l-att ikkontestat kien intiż biss sabiex jipprovdi informazzjoni fattwali, legali u proċedurali lil A.

43      Fil-fatt, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, meta l-President tal-Parlament jiġi adit minn Membru jew minn ex Membru b’talba intiża għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet, huwa għandu jikkomunika din it-talba fis-seduta plenarja u jibgħatha lura lill-kumitat responsabbli. Issa, huwa stabbilit li l-att ikkontestat huwa l-uniku segwitu li ngħata għat-talba għad-difiża tal-immunità tar-rikorrenti, li ma ġietx ikkomunikata fis-seduta plenarja u lanqas ma ntbagħtet lura lill-kumitat responsabbli.

44      Barra minn hekk, il-formula konklużiva msemmija iktar ’il fuq saret wara d-dikjarazzjoni ta’ għaxar punti, intiżi, essenzjalment, sabiex jispjegaw li r-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu li kisbu l-kwalità ta’ deputat, u, għaldaqstant, bħala li jibbenefikaw mill-immunitajiet marbuta ma’ din il-kwalità. Wieħed mill-punti jqajjem ukoll dubju dwar il-konformità tat-talba għal difiża mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2) tar-Regoli ta’ Proċedura.

45      F’dan il-kuntest, ir-riferiment, fil-punt preċedenti għal dak ta’ qabel tal-aħħar tal-att ikkontestat, għas-sentenza li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Junqueras Vies (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115), ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti lill-att ikkontestat in-natura ta’ att intermedju allegata mill-Parlament, filwaqt li b’mod partikolari tali riferiment jista’ jinqara bħala risposta għall-invokazzjoni, mill-awturi tat-talba, tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’din il-kawża.

46      Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tal-att ikkontestat, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, il-President tal-Parlament, essenzjalment, impliċitament irrifjuta li jikkomunika f’seduta plenarja t-talba għad-difiża tal-immunità tar-rikorrenti u li jibgħatha lura lill-kumitat kompetenti għall-eżami.

47      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament għandha tiġi miċħuda sa fejn hija bbażata fuq in-natura informattiva jew intermedjarja tal-att ikkontestat.

 Fuq in-nuqqas ta’ effetti legali ta’ deċiżjoni eventwali tal-Parlament li jiddefendi l-immunità tar-rikorrenti

48      Il-Parlament isostni li l-att ikkontestat ma jipproduċix effetti legali peress li deċiżjoni li tiġi mħarsa l-immunità tar-rikorrenti prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 ma tipproduċix hija stess effetti vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali. Għalkemm, skont il-Parlament, ma jistax jiġi eskluż mill-ewwel li deċiżjoni ta’ ħarsien tal-immunità ta’ membru prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 tipproduċi effetti legali, l-eżistenza tagħhom tiddependi mill-kompetenzi mogħtija lill-assemblei parlamentari mid-dritt nazzjonali li jirreferi għalih l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9(a) tal-Protokoll Nru 7. Issa, ebda dispożizzjoni tad-dritt Spanjol ma tagħti lill-assemblei parlamentari Spanjoli l-fakultà li jitolbu s-sospensjoni tal-proċeduri ġudizzjarji kontra wieħed mill-membri tagħhom.

49      Il-Parlament iżid li l-atti nazzjonali li, skont ir-rikorrenti, jirriżultaw mill-att ikkontestat ġew adottati b’mod awtonomu mill-awtoritajiet Spanjoli bis-saħħa tad-dritt nazzjonali biss. Huwa jsostni wkoll li ma huwiex possibbli li mill-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jiġi dedott li deċiżjoni ta’ ħarsien tal-immunità ta’ membru parlamentari tipproduċi effetti legali. Fl-aħħar nett, il-Parlament ifakkar li r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu ma jistgħux iservu ta’ bażi għal obbligi ġuridiċi fir-rigward tal-Istati Membri.

50      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li deċiżjoni tal-Parlament li jħares l-immunità ta’ Membru prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 tipproduċi effetti legali.

51      F’dan ir-rigward, huma jsostnu li ma hemm ebda analoġija bejn is-setgħat tal-Parlament fir-rigward tal-immunità prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 u dawk li huwa għandu fir-rigward tal-immunità prevista fl-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll. Għalhekk, fir-rigward ta’ din tal-aħħar, il-kompetenza tal-Parlament sabiex jadotta deċiżjoni ta’ difiża li tipproduċi effetti legali hija bbażata fuq il-kompetenza tiegħu sabiex ineħħi l-immunità, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll, li minnu jirriżulta li huwa għandu kompetenza esklużiva sabiex jiddeċiedi jekk din l-immunità tipproteġix jew le lil wieħed mill-membri tiegħu f’każ partikolari.

52      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, anki jekk jitqies li l-kompetenza tal-Parlament sabiex jiddefendi l-immunità ta’ membru għandha titfittex fid-dritt nazzjonali, id-dritt Spanjol jagħti lill-assemblei parlamentari s-setgħa li jadottaw miżuri vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.

53      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, kieku l-President tal-Parlament kien beda proċedura għad-difiża tal-immunità tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kienu jkunu obbligati, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li jissospendu l-proċedura mibdija fil-konfront tagħhom minn tal-inqas sat-tmiem tal-proċedura quddiem il-Parlament, li kien jostakola l-ħruġ tal-mandati ta’ arrest tal-14 ta’ Ottubru u tal-4 ta’ Novembru 2019. Barra minn hekk, l-att ikkontestat kellu l-effett li jċaħħadhom minn ċerti drittijiet iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fosthom id-dritt li jeżerċitaw il-mandat tagħhom.

–       Osservazzjonijiet preliminari

54      Skont il-ġurisprudenza, ir-risposta ta’ istituzzjoni tal-Unjoni għal talba indirizzata lilha ma tikkostitwixxix neċessarjament deċiżjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li b’hekk tagħti lid-destinatarju ta’ din ir-risposta r-rimedju għal annullament (digriet tas-27 ta’ Jannar 1993, Miethke vs Il-Parlament, C‑25/92, EU:C:1993:32, punt 10; sentenza tal-15 ta’ Settembru 2022, PNB Banka vs BĊE, C‑326/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:693, punt 92, u d-digriet tal-5 ta’ Settembru 2012, Farage vs Il-Parlament u Buzek, T‑564/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:403, punt 27).

55      Barra minn hekk, meta deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni tkun ta’ natura negattiva, din id-deċiżjoni għandha tiġi evalwata skont in-natura tat-talba li għaliha hija tikkostitwixxi tweġiba (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 1972, Nordgetreide vs Il-Kummissjoni, 42/71, EU:C:1972:16, punt 5; tal-24 ta’ Novembru 1992, Buckl et vs Il-Kummissjoni, C‑15/91 u C‑108/91, EU:C:1992:454, punt 22, u tad-9 ta’ Ottubru 2018, Multiconnect vs Il-Kummissjoni, T‑884/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:665, punt 45). B’mod partikolari, rifjut huwa att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, peress li l-att li l-istituzzjoni tal-Unjoni tirrifjuta li tieħu seta’ ġie kkontestat skont din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1996, Salt Union vs Il-Kummissjoni, T‑330/94, EU:T:1996:154, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li ċ-ċaħda, minn istituzzjoni, ta’ talba indirizzata lilha ma tikkostitwixxix att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament meta din it-talba ma tkunx intiża għall-adozzjoni, minn din l-istituzzjoni, ta’ miżura li tipproduċi effetti legali vinkolanti (digrieti tal-5 ta’ Settembru 2012, Farage vs Il-Parlament u Buzek, T‑564/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:403, punt 27, u tal-1 ta’ Frar 2018, Collins vs Il-Parlament, T‑919/16, mhux ippubblikat, EU:T:2018:58, punt 19).

56      Għaldaqstant, f’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rifjut tal-President tal-Parlament wara t-talba għad-difiża tal-immunità tar-rikorrenti huwiex att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni ta’ difiża mitluba setgħetx tipproduċi effetti legali, filwaqt li jitfakkar li l-imsemmija talba kienet intiża għad-difiża tal-immunità parlamentari tar-rikorrenti prevista fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7.

57      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(1) TUE u l-Artikolu 13(2) TUE, il-Parlament jaġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilu mit-trattati. Issa, għalkemm it-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament Ewropew hija espressament prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, id-difiża tal-immunità tiegħu hija prevista biss mill-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura.

58      Sussegwentement, diġà ġie deċiż li d-deċiżjoni tal-Parlament li jiddefendi l-immunità prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 kienet tikkostitwixxi avviż li ma jipproduċix effetti vinkolanti fir-rigward tal-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra, C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579, punt 39, u tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 39). Biex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq l-elementi segwenti: l-ewwel, il-Protokoll Nru 7 ma jagħtix lill-Parlament il-kompetenza li jivverifika jekk, fil-każ ta’ proċeduri legali kontra Membru Parlamentari Ewropew minħabba opinjonijiet espressi jew voti mitfugħin minnu, il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 humiex issodisfatti. It-tieni nett, tali kompetenza ma tistax tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura, li huwa att ta’ organizzazzjoni interna li ma jistax jattribwixxi kompetenzi lill-Parlament li ma humiex espressament irrikonoxxuti minn att leġiżlattiv, f’dan il-każ mill-Protokoll Nru 7. It-tielet nett, il-fatt li l-liġi ta’ Stat Membru tipprovdi għal proċedura ta’ difiża tal-immunità tal-membri tal-Parlament nazzjonali, li tippermetti lil dan il-Parlament jintervjeni meta l-qorti nazzjonali ma tirrikonoxxix din l-immunità, ma jimplikax li l-istess kompetenzi jingħataw lill-Parlament Ewropew fir-rigward tal-membri Parlamentari Ewropej li jkunu ġejjin minn dan l-Istat peress li l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 ma jipprovdix espressament għal tali kompetenza u lanqas ma jirreferi għar-regoli tad-dritt nazzjonali (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra, C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579, punti 32, 38 u 40). Għall-kuntrarju, ġie deċiż li deċiżjoni tal-Parlament li ma jiddefendix l-immunità prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 lanqas ma tikkostitwixxi att li jipproduċi effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-5 ta’ Settembru 2012, Farage vs Il-Parlament u Buzek, T‑564/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:403, punt 28, u tal-1 ta’ Frar 2018, Collins vs Il-Parlament, T‑919/16, mhux ippubblikat, EU:T:2018:58, punt 21).

59      Ir-rikorrenti jsostnu li din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għad-deċiżjonijiet ta’ difiża tal-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7. Fil-fehma tagħhom, il-kompetenza tal-Parlament sabiex jadotta deċiżjonijiet ta’ difiża ta’ din l-immunità li jipproduċu effetti vinkolanti fir-rigward tal-qrati nazzjonali hija bbażata fuq il-ġurisdizzjoni esklużiva tiegħu sabiex ineħħi din l-immunità skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jew, jekk ikun il-każ, fid-dritt nazzjonali li jirreferi għalih il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll.

60      Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati suċċessivament iż-żewġ bażijiet hekk invokati mir-rikorrenti.

–       Kompetenza tal-Parlament skont id-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità

61      Ir-rikorrenti jsostnu li d-dritt li titneħħa l-immunità prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jinkludi d-dritt li ma titneħħiex, jiġifieri, fil-fehma tagħhom, id-dritt li tiġi difiża. Huma jsostnu li d-deċiżjoni li ma titneħħiex l-immunità wara talba mill-awtoritajiet nazzjonali u d-deċiżjoni li tiġi difiża l-immunità fuq talba ta’ membru tal-Parlament għandu jkollhom l-istess effetti vinkolanti. Fil-fatt, skont l-appellanti, il-Parlament huwa l-uniku kompetenti sabiex jiddeċiedi b’mod vinkolanti jekk l-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 tipproteġix lil membru tal-Parlament f’każ partikolari jew le. Għalhekk, il-Protokoll Nru 7, moqri flimkien mal-Artikolu 343 TFUE, mal-Artikolu 4(3) TUE u mal-Artikolu 18 tal-Protokoll Nru 7, jippermetti lill-Parlament li jirrifjuta li jneħħi l-immunità ta’ membru tal-Parlament, u għalhekk, skont ir-rikorrenti, li jiddefendiha, fuq talba ta’ dan tal-aħħar u mhux ta’ Stat Membru. Din hija l-unika interpretazzjoni li tippermetti li tiġi ggarantita l-effettività tal-immunitajiet u li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività.

62      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jagħti lill-Parlament id-dritt esklużiv li jneħħi l-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll, jiġifieri d-dritt li jċaħħad lil membru tal-Parlament mill-protezzjoni li jibbenefika minnha bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni. Tali deċiżjoni tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T‑345/05, EU:T:2008:440, punt 31). L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jimplika li l-Parlament ġie adit b’talba għat-tneħħija tal-immunità minn awtorità kompetenti. Hija għalhekk diġà kkonstatat li l-membru tal-Parlament kien jibbenefika mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 fil-kuntest ta’ proċedura partikolari u talab li din titneħħa mingħand il-Parlament sabiex ikompli din il-proċedura. Il-Parlament għandu għalhekk jiddeċiedi jekk ineħħix jew le din l-immunità, mingħajr ma l-Protokoll Nru 7 jispeċifika l-kriterji li huwa għandu jibbaża ruħu fuqhom. Għalhekk, f’dan ir-rigward, huwa jgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna fid-dawl tan-natura politika li għandha tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T‑346/11 u T‑347/11, EU:T:2013:23, punt 59, u tat-12 ta’ Frar 2020, Bilde vs Il-Parlament, T‑248/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:46, punt 19).

63      Għall-kuntrarju, il-Parlament jista’ jissejjaħ sabiex jiddefendi l-immunità ta’ membru prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, abbażi tal-Artikoli 7 u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, biss fl-assenza ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-ħarsien ta’ din l-immunità jseħħ biss fil-każ fejn, fl-assenza ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità, din tkun kompromessa mill-azzjoni tal-awtoritajiet kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T‑346/11 u T‑347/11, EU:T:2013:23, punt 52). Sabiex jiddeċiedi dwar tali talba għal difiża, il-Parlament għandu jeżamina, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, jekk kienx hemm jew jistax ikun hemm ksur tal-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7.

64      Minn dan isegwi li l-eżami ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità u l-eżami ta’ talba għad-difiża tal-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jaqgħu taħt żewġ eżerċizzji distinti.

65      It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, id-dritt esklużiv li titneħħa l-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, mogħti mit-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu, ma jistax jiġi interpretat bħala li jagħti lill-Parlament il-kompetenza esklużiva sabiex jiddeċiedi, b’effett vinkolanti, jekk membru jibbenefikax jew le mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 fir-rigward tal-fatti li huwa akkużat bihom.

66      Fil-fatt, din il-kompetenza taqa’ primarjament taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet, b’mod partikolari tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, li jmexxu l-proċeduri ġudizzjarji u huma obbligati, f’dan il-kuntest, li japplikaw id-dispożizzjonijiet previsti mill-Protokoll Nru 7. Għalhekk, jekk dawn l-awtoritajiet jikkonstataw li l-fatti li huwa akkużat bihom il-membru tal-Parlament huma koperti mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, moqri flimkien, jekk ikun il-każ, mad-dritt nazzjonali, huma għandhom, jekk jixtiequ jkomplu l-imsemmija proċeduri, jitolbu t-tneħħija tagħhom mingħand il-Parlament. Minn naħa, għandu jitfakkar li din il-ġurisdizzjoni hija eżerċitata mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà, jew saħansitra għall-obbligu, tal-qrati nazzjonali mitluba japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, li jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmi protokoll. Min-naħa l-oħra, din il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali ma teskludix dik li l-Parlament għandu jeżerċita meta, f’ċirkustanza fejn ikollu quddiemu talba għat-tneħħija tal-immunità, jeżamina jekk il-membru tal-Parlament effettivament jibbenefikax mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 qabel ma jiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li jneħħiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T‑346/11 u T‑347/11, EU:T:2013:23, punt 47). Tali eżami jaqa’ għalhekk taħt il-kompetenza rrikonoxxuta lill-Parlament mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll meta jitwettaq fil-kuntest ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità.

67      Ir-rikorrenti jsostnu li tali interpretazzjoni li tikkonċerna t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Parlament u l-Istati Membri fir-rigward tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 tikkomprometti l-effett utli tal-immunitajiet irrikonoxxuti lill-Membri tal-Parlament, u għaldaqstant, l-għan ta’ protezzjoni tal-funzjonament u tal-indipendenza tal-Parlament li huma jfittxu li jilħqu.

68      Madankollu, l-ewwel nett, l-interpretazzjoni wiesgħa ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tinżamm l-effettività tagħha ma tistax twassal għal ksur tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mwettaq mit-Trattati. Issa, dan ikun il-każ li kieku mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jiġi dedott li l-Parlament għandu l-kompetenza esklużiva sabiex jiddetermina jekk il-proċedura ġudizzjarja mibdija fir-rigward ta’ membru tal-Parlament timminax l-immunità tiegħu jew le. It-tieni nett, il-protezzjoni li l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jagħti lill-membri tal-Parlament, l-istess bħall-obbligu tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li josservawh, tirriżulta direttament mill-Protokoll Nru 7 u mhux minn dispożizzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament jew minn deċiżjoni tal-Parlament adottata abbażi ta’ dawn ir-regoli. Għaldaqstant, din il-protezzjoni hija imposta fuq l-awtoritajiet li jmexxu proċeduri ġudizzjarji. Dawn l-awtoritajiet nazzjonali huma għalhekk obbligati jissospendu dawn il-proċeduri meta jikkonstataw li hija inkwistjoni l-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 u jressqu quddiem il-Parlament talba għat-tneħħija ta’ din l-immunità. In-nuqqas ta’ osservanza, mill-awtoritajiet nazzjonali, tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jista’ jagħti lok għall-ftuħ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Kummissjoni Ewropea li għandha, skont l-Artikolu 258 TFUE, tiżgura l-osservanza, mill-Istati Membri, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

69      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni li ma tintlaqax talba għat-tneħħija tal-immunità mressqa minn awtoritajiet nazzjonali u d-deċiżjoni li difiża l-immunità fuq talba ta’ membru tal-Parlament ma humiex adottati fl-istess kuntest ġuridiku. Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-effetti ġuridiċi tagħhom b’hekk ma għandhomx neċessarjament ikunu l-istess.

70      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-Parlament jista’, abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, jadotta deċiżjonijiet ta’ difiża tal-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll li jipproduċu effetti legali vinkolanti fil-konfront tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.

–       Kompetenza tal-Parlament fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali

71      Il-Parlament isostni li, sabiex jiġu stabbiliti l-effetti legali ta’ deċiżjoni ta’ difiża tal-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni r-riferiment għad-dritt nazzjonali li jinsab f’dan l-artikolu. Għalhekk, meta d-dritt ta’ Stat Membru jagħti kompetenza lill-parlament nazzjonali sabiex jitlob is-sospensjoni tal-proċeduri kontra wieħed mill-membri tiegħu, il-Parlament ikollu l-istess kompetenza fir-rigward tal-membru tal-Parlament Ewropew elett skont dan l-Istat. Il-Parlament iqis li, f’każ bħal dan, deċiżjoni għall-ħarsien tal-immunità ta’ membru tipproduċi effetti legali vinkolanti u deċiżjoni li ma titħarisx l-immunità tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

72      Ir-rikorrenti jsostnu li r-rabta tal-effetti legali mad-dritt nazzjonali li jirreferi għaliha l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 ma hijiex raġonevoli peress li tintroduċi differenza fit-trattament bejn l-immunitajiet, li tħalli mingħajr protezzjoni, fl-assenza ta’ talba għat-tneħħija, l-immunitajiet previsti fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, minkejja li huma esklużivament irregolati mid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, din ir-rabta mad-dritt nazzjonali tippreġudika l-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-membri tal-Parlament u l-moviment liberu tal-persuni peress li, fil-każ ta’ ksur tal-immunitajiet mill-istess Stat Membru, il-Parlament jista’ jiddefendi lill-membru tal-Parlament elett f’dan l-Istat u mhux lill-membru tal-Parlament elett fi Stati oħra.

73      Sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk jitqies li l-kompetenza tal-Parlament li jiddefendi l-immunità ta’ membru tal-Parlament għandha tinstab fid-dritt nazzjonali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kamra tad-Deputati u d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 751(2) u tal-Artikolu 753 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jippermettu lill-Parlament li jadotta miżuri vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Ir-rikorrenti jżidu li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu interpretati b’mod li jiggarantixxu li l-Parlament ikun kompletament f’pożizzjoni li jwettaq il-missjoni tiegħu.

74      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, fit-territorju nazzjonali tagħhom, il-membri tal-Parlament għandhom igawdu mill-immunitajiet irrikonoxxuti, mid-dritt nazzjonali, lill-membri tal-parlament tagħhom (ara l-punt 24 iktar ’il fuq). Din id-dispożizzjoni timplika li l-firxa u l-portata tal-immunità li jgawdu minnha l-membri tal-Parlament Ewropej fit-territorju nazzjonali tagħhom, fi kliem ieħor, il-kontenut sostantiv ta’ din l-immunità, huma ddeterminati mid-drittijiet nazzjonali differenti li hija tirreferi għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T‑42/06, EU:T:2010:102, punt 106).

75      Huwa stabbilit li l-liġijiet nazzjonali jvarjaw f’dak li jirrigwarda l-kontenut sostantiv tal-immunità parlamentari. Għalhekk, din tista’ tikkonsisti fl-impossibbiltà, għall-awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-pulizija, li jadottaw ċerti miżuri fil-konfront tal-membri tal-parlament nazzjonali, mingħajr ma jkunu kisbu awtorizzazzjoni minn qabel, ġeneralment mill-assemblea tagħhom. Din tista’ tikkonsisti wkoll fil-fakultà mogħtija lill-parlament nazzjonali li jitlob, ex officio jew fuq talba tal-membru tal-Parlament ikkonċernat, is-sospensjoni ta’ ċerti miżuri diġà adottati fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, bħall-miżuri li jċaħħdu l-libertà jew l-atti ta’ prosekuzzjoni, b’mod partikolari meta dawn l-awtoritajiet ma jirrikonoxxux l-immunità tal-imsemmi membru. Din is-setgħa mogħtija lill-parlament nazzjonali neċessarjament tifforma parti mill-kontenut sostantiv tal-immunità tal-membri ta’ dan il-parlament.

76      Minn dan isegwi li r-riferiment għad-dritt nazzjonali magħmul fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jimplika li, fil-każ fejn id-dritt ta’ Stat Membru jipprevedi proċedura għad-difiża tal-immunità tal-membri tal-parlament nazzjonali, li tippermettilu jintervjeni quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-pulizija, b’mod partikolari billi jitlob is-sospensjoni tal-proċeduri li wieħed mill-membri tiegħu huwa s-suġġett tagħhom, l-istess setgħat jingħataw lill-Parlament fir-rigward tal-Membri tal-Parlament Ewropew eletti f’isem dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T‑42/06, EU:T:2010:102, punti 105 u 115).

77      Sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li tali interpretazzjoni twassal għal differenza fit-trattament bejn il-Membri tal-Parlament skont l-Istat li huma ġew eletti f’ismu, għandu jiġi rrilevat li tali differenza tirriżulta mir-riferiment għad-dritt nazzjonali magħmul fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7.

78      Fit-tieni lok, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni Spanjola (ara l-punt 29 iktar ’il fuq) ma jagħti l-ebda kompetenza lill-parlament nazzjonali sabiex jintervjeni meta l-awtoritajiet nazzjonali ma jirrikonoxxux l-immunità ta’ membru tal-parlament nazzjonali, jekk ikun il-każ, billi jitolbu s-sospensjoni tal-proċeduri mibdija kontra dan il-membru jew inkella s-sospensjoni tad-detenzjoni tiegħu.

79      Madankollu, l-appellanti jsostnu li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 751(2) u tal-Artikolu 753 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, minn naħa, u l-Artikolu 12 tar-Regoli tal-Kamra tad-Deputati, min-naħa l-oħra, jagħtu lill-parlament nazzjonali s-setgħa li jadotta atti vinkolanti fil-konfront tal-awtoritajiet ġudizzjarji sabiex jiżgura s-salvagwardja tal-immunità tal-membri tiegħu meta din tkun kompromessa.

80      F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tagħhom jirriżulta li l-Artikolu 751(2) u l-Artikolu 753 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ma jagħtux kompetenza proprja lill-Parlament Spanjol, b’mod partikolari dik li jirrikjedi s-sospensjoni ta’ proċeduri kriminali. Fil-fatt, is-sospensjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 753 tal-imsemmi Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali hija effett awtomatiku marbut mal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-membru tal-Parlament inkwistjoni, mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti fil-parlament nazzjonali. Dan l-effett huwa temporanju, peress li s-sospensjoni tibda tiddekorri sakemm il-parlament nazzjonali jadotta deċiżjoni.

81      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni mir-rikorrenti tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq ġiet miċħuda mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) u mit-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali). B’mod partikolari, permezz tas-sentenza 70/2021, tat-18 ta’ Marzu 2021, li s-soluzzjoni tagħha ġiet riprodotta f’sentenzi ulterjuri, it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet, essenzjalment, li l-parlament nazzjonali kellu biss il-kompetenza li jawtorizza jew le l-proċeduri mibdija kontra wieħed mill-membri tiegħu, bl-eċċezzjoni ta’ kull setgħa oħra, bħal dik li jissospendi d-detenzjoni jew il-proċeduri, kuntrarjament għal dak li kien previst mill-kostituzzjoni ta’ Stati oħra. It-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) fakkret ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u tar-Regoli ta’ Proċedura tas-Senat u tal-Kamra tad-Deputati kellhom jiġu interpretati b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 71 tal-Kostituzzjoni Spanjola.

82      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mfakkra fil-punti 29 sa 33 iktar ’il fuq, kif interpretati mill-qrati nazzjonali, ma jagħtux lill-parlament Spanjol is-setgħa li jiddefendi l-immunità ta’ wieħed mill-membri tiegħu meta l-qorti nazzjonali ma tirrikonoxxix din l-immunità, b’mod partikolari billi titlob is-sospensjoni ta’ proċedura ġudizzjarja mibdija fil-konfront tiegħu. Għaldaqstant, il-Parlament ma għandux, abbażi tad-dritt nazzjonali li jirreferi għalih il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, tali setgħa fir-rigward tal-membri tal-Parlament eletti f’isem ir-Renju ta’ Spanja.

83      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Parlament ma għandux kompetenza li ssib is-sors tagħha f’att leġiżlattiv sabiex jadotta deċiżjoni ta’ difiża tal-immunità tar-rikorrenti li tipproduċi effetti legali vinkolanti fil-konfront tal-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli. Għaldaqstant, il-Parlament ma setax jadotta, b’risposta għat-talba għad-difiża tal-immunità tar-rikorrenti, deċiżjoni li tipproduċi effetti legali vinkolanti.

84      Din il-konklużjoni ma titpoġġix indiskussjoni mill-argumenti l-oħra tar-rikorrent.

85      Minn naħa, sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw l-effetti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, minn dan il-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 18 tal-Protokoll Nru 7, li f’dan ir-rigward jippreċiża l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw għall-finijiet li jevitaw kull kunflitt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE), C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, meta titressaq kawża kontra deputat Ewropew quddiem qorti nazzjonali u din tiġi informata li nbdiet proċedura għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet ta’ dan l-istess membru tal-Parlament, l-imsemmija qorti għandha tissospendi l-proċedura ġudizzjarja (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra, C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579, punt 43).

86      Skont ir-rikorrenti, l-att ikkontestat neċessarjament ipproduċa effetti legali, peress li, kieku l-President tal-Parlament kien beda l-proċedura għad-difiża tal-immunità tagħhom billi kkomunikaha f’seduta plenarja u billi rreferiha lill-kumitat kompetenti, l-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli kien ikollhom jissospendu l-proċeduri kriminali mmexxija fil-konfront tagħhom.

87      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li l-effetti ta’ att li jiċħad talba intiża għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-effetti tad-deċiżjoni hekk mitluba (ara l-punt 55 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li l-effetti tal-att ikkontestat għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dawk tad-deċiżjoni ta’ difiża li kienet mitluba. Issa, l-effetti ta’ tali deċiżjoni kienu ineżistenti f’dan il-każ (ara l-punt 83 iktar ’il fuq). Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-effett sospensiv fuq il-proċedura ġudizzjarja nazzjonali, li jinvokaw ir-rikorrenti, ma jirriżultax mit-tnedija ta’ proċedura għad-difiża tal-immunità ta’ membru tal-Parlament, iżda mill-konsegwenzi li l-qorti nazzjonali għandha tislet mill-informazzjoni miġjuba għall-għarfien tagħha dwar it-tnedija ta’ tali proċedura, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra, C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579, punt 43) li l-istħarriġ tiegħu għandu jsir mill-qorti tal-Unjoni.

88      Min-naħa l-oħra, l-appellanti jsostnu li, permezz tal-att ikkontestat, il-President tal-Parlament ippermetta lill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli jkomplu jiksru l-immunità tagħhom u wħud mid-drittijiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari billi ħareġ il-mandati ta’ arrest imsemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur allegat jirriżulta mill-atti adottati fuq livell nazzjonali u li l-Parlament ma kellu ebda kompetenza sabiex jopponi, permezz ta’ deċiżjoni legalment vinkolanti, l-adozzjoni tagħhom.

89      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-att ikkontestat ma jistax jiġi kkontestat permezz tar-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, għandha tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, mingħajr ma hemm lok li tiġi eżaminata t-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni parzjali mressqa mill-Parlament, la l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju ta’ Spanja bbażata fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti u lanqas, fl-aħħar nett, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament u mir-Renju ta’ Spanja fir-rigward tal-provi ġodda prodotti fil-jum tas-seduta mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

91      Peress li r-rikorrenti tilfu, dawn għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

92      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Carles Puigdemont i Casamajó u Antoni Comín i Oliveres huma kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Marcoulli

Frimodt Nielsen

Kanninen

Schwarcz

 

      Norkus

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Lulju 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.