Language of document : ECLI:EU:C:2017:335

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Mejju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi– Provvista ta’ kura tal-ħalq u tas-snien – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut ir-reklamar fil-qasam tas-servizzi tal-kura tal-ħalq u tas-snien – Eżistenza ta’ element transkonfinali – Ħarsien tas-saħħa pubblika – Proporzjonalità – Direttiva 2000/31/KE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Reklamar permezz ta’ sit tal-Internet – Membru ta’ professjoni rregolata – Regoli professjonali – Direttiva 2005/29/KE – Prattika kummerċjali żleali – Dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-saħħa – Dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-professjonijiet irregolati”

Fil-Kawża C-339/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel, strafzaken (qorti tal-prim’istanza bil-lingwa Olandiża ta’ Brussell, sezzjoni korrettiva, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura kriminali kontra

Luc Vanderborght

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Lulju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Luc Vanderborght, minn S. Callens, M. Verhaege u L. Boddez, avukati,

–        għall-Verbond der Vlaamse Tandartsen VZW, minn N. Van Ranst u V. Vanpeteghem, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, J. Van Holm u J.-C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn A. Fromont u L. Van den Hole, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Roussanov u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis‑suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU 2005, L 149, p. 22) u tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mressqa kontra Luc Vanderborght, dentist stabbilit fil-Belġju, akkużat bil-ksur ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi kull reklamar għal provvisti ta’ kura tal-ħalq u tas-snien.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 92/51/KEE

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplimenta d-Direttiva 89/48/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 47) jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

f)      attività professjonali regolata: attività professjonali li l-bidu jew it-twettiq tagħha, jew waħda mill-modi ta’ twettiq tagħha fi Stat Membru, hija soġġetta, direttament jew indirettament, permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, għall-pussess ta’ prova ta’ edukazzjoni u taħriġ jew ċertifikat ta’ kompetenza. […]

[…]”

 Id-Direttiva 98/34/KE

4        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8, iktar ’il quddiem id-‘Direttiva 98/34’), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “servizz” b’dan il-mod:

“[K]ull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

–        ‘mill-bogħod’; tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

–        ‘b’mezzi elettroniċi’; tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’wajers, bir-radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi,

–        ‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’; tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali.

[…]”

 Id-Direttiva 2000/31

5        Il-premessa 18 tad-Direttiva 2000/31 tiddikjara:

“Servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jifirxu fuq medda aktar kbira ta’ attivitajiet ekonomiċi li jseħħu on-line; […] servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni ma humiex biss ristretti għal servizzi li jagħtu bidu għal kuntatti online imma wkoll, sakemm dawn jirrappreżentaw attività ekonomika, jestendu għal servizzi li mhumiex imħallsa minn dawk li jirċevuhom, bħal ma huma l-offerta ta’ informazzjoni online jew komunikazzjonijiet kummerċjali […]. attivitajiet li min-natura propja tagħhom ma jistgħux jiġu mwettqa mill-bogħod b’mezzi elettroniċi, bħal ma huwa l-awditjar statutorju tal-kontijiet ta’ kumpanija jew parir mediku li jinħtieġ eżami fiżiku ta’ pazjent mhumiex servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.”

6        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

a)      ‘servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni’: servizzi fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [98/34];

[…]

f)      ‘komunikazzjoni kummerċjali’: kull għamla ta’ komunikazzjoni li għandha l-iskop li tippromwovi, direttament jew indirettament, merkanzija, servizzi jew l-immaġini ta’ kumpanija, organizzazzjoni jew persuna li ssegwi attività kummerċjali, industrijali jew ta’ l-artiġjanat jew li teżerċita professjoni regolata. […]

[…]

g)      ‘professjoni regolata’: kull professjoni fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 1(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni għolja mogħtija mat-temma ta’ edukazzjoni professjonali u taħriġ ta’ mill-anqas tliet snin tul […] jew ta’ l-Artikolu 1(f) tad-Direttiva [92/51] […];

[…]”

7        L-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva msemmija, intitolat “Professjonijiet regolati”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-użu ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali li huma parti minn, jew li jikkostitwixxu, servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni provdut minn membru ta’ professjoni regolata ikun permissibbli suġġett għall-konformità mar-regoli professjonali li jirrigwardaw, partikolarment, l-independenza, id-dinjità u l-unur tal-professjoni, segretezza professjonali u ġustizzja lejn klijenti u membri oħra tal-professjoni.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija ta’ korpi u assoċjazzjonijiet professjonali, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu assoċjazzjonijiet u korpi professjonali li jistabbilixxu kodiċi ta’ kondotta f’livell tal-Komunità sabiex jiddeterminaw it-tipi ta’ informazzjoni li tista’ tingħata għall-iskopijiet ta’ komunikazzjoni kummerċjali b’konformità mar-regoli li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1.”

 Id-Direttiva 2005/29

8        Il-premessa 9 tad-Direttiva 2005/29 tipprovdi:

“Din id-Direttiva hi mingħajr preġudizzju għal azzjonijiet individwali miġjuba minn dawk li sofrew ħsara minn prattika kummerċjali żleali. Hija wkoll mingħajr preġudizzju għal regoli Komunitarji u nazzjonali dwar […] l-aspetti ta’ saħħa u sigurtà ta’ prodotti […]. B’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew idaħħlu restrizzjonijiet u projbizzjonijiet ta’ prattiċi kummerċjali għal raġunijiet tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi fit-territorju, ikun fejn ikun ibbażat il-kummerċjant, per eżempju, fir-rigward ta’ l-alkoħol, tat-tabakk jew tal-farmaċewtiċi. […]”

9        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-Definizzjonijiet”, jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

ċ)      ‘prodott’ tfisser kwalunkwe merkanzija jew servizz inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi;

d)      ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

[…]”

10      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.

[…]

3.      Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji jew nazzjonali konnessi ma’ aspetti ta’ saħħa u sigurtà ta’ prodotti.

[…]

8.      Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kondizzjonijiet ta’ stabbiliment jew reġimi ta’ awtorizzazzjoni, jew għall-kodiċijiet deontoloġiċi ta’ kondotta jew regoli speċifiċi oħra li jiggvernaw professjonijiet regolati sabiex jinżammu livelli għolja ta’ integrità min-naħa tal-professjonisti, li l-Istati Membri jistgħu, konformement mal-liġi Komunitarja, jimponu fuq il-professjonisti.

[…]”

 Id-dritt Belġjan

11      L-Artikolu 8d tal-Koninklijk Besluit houdende reglement op de beoefening van de tandheelkunde (digriet irjali li jirregola l-eżerċizzju tad-dentistrija), tal-1 ta’ Ġunju 1934 (Belgisch Staatsblad tas-7 ta’ Ġunju 1934, p. 3220), jipprovdi s-segwenti:

“Bħala indikazzjoni lill-pubbliku, huwa permess li fil-bini fejn persuna kkwalifikata […] teżerċita l-professjoni dentali, titwaħħal kitba jew plakka ta’ daqs u aspetti diskreti, li jkun fiha l-isem tal-prattikant u eventwalment il-kwalifikazzjoni legali tiegħu, il-ġranet u l-ħinijiet ta’ konsultazzjoni, l-isem tal-impriża jew tal-organu tal-kura li fi ħdanu l-prattikant jeżerċita l-attività professjonali tiegħu; hija tista’ ssemmi wkoll l-ispeċjalizzazzjoni dentali eżerċitata mill-prattikant: dentistrija operatorja, proteżi dentali, ortodontrija, kirurġija dentali.

[…]”

12      Skont l-Artikolu 1 tal-Wet betreffende de publiciteit inzake tandverzorging (liġi dwar ir-reklamar fil-qasam tal-kura dentali), tal-15 ta’ April 1958 (Belgisch Staatsblad tal-5 ta’ Mejju 1958, p. 3542):

“Ħadd ma jista’, direttament jew indirettament, jinvolvi ruħu f’reklamar li jkun għal xi trattament jew biex jiġu ttrattati minn persuna kkwalifikata jew le, fil-Belġju jew barra mill-pajjiż, mard, leżjonijiet jew abnormalitajiet tal-ħalq u tas-snien, b’mod partikolari permezz ta’ tabelli jew sinjali, kitbiet jew plakek li jistgħu jingannaw fuq in-natura legali tal-attività rreklamata, volantini, ċirkolari, karti jew fuljetti, permezz tal-istampa, ir-radju jew iċ-ċinema […]”

 Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13      L. Vanderborght kien jeżerċita, fiż-żmien meta seħħew il-fatti li wasslu għall-proċeduri kriminali li huwa suġġett għalihom, bħala prattikant dentali kkwalifikat f’Opwijk (il-Belġju). Dawn il-proċeduri tressqu kontrih għaliex, mill-inqas bejn Marzu 2003 u Jannar 2014, dan irreklama l-provvista ta’ kura tas-snien bi ksur tal-liġi Belġjana.

14      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li L. Vanderborght waħħal tabella li kien fiha tliet uċuħ stampati, li tindika ismu, il-kwalità tiegħu ta’ dentist, l-indirizz tas-sit tal-Internet tiegħu kif ukoll in-numru tat-telefon tal-klinika tiegħu.

15      Barra minn hekk, L. Vanderborght ħoloq sit tal-Internet, intiż biex jinforma lill-pazjenti bit-tipi differenti ta’ trattament li huwa jwettaq fil-klinika tiegħu. Finalment, dan għamel riklami fil-ġurnali lokali.

16      Il-proċeduri kriminali huma dovuti għal ilment tal-verbond der vlaamse tandartsen VZW, assoċjazzjoni professjonali.

17      Fis-6 ta’ Frar 2014, l-uffiċċju tal-prosekutur talab li L. Vanderborght jintbagħat quddiem il-qorti kriminali. B’digriet tal-25 ta’ Marzu 2014, l-awla ta’ smigħ preliminari ddeċidiet li tibagħtu quddiem in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel, strafzaken (il-qorti tal-prim’istanza bil-lingwa Olandiża ta’ Brussell, sezzjoni kriminali, il-Belġju).

18      Quddiem il-qorti tar-rinviju, L. Vanderborght isostni li l-Artikolu 1 tal-liġi tal-15 ta’ April 1958 dwar ir-reklamar fil-qasam tal-kura dentali, li b’mod assolut jipprojbixxi kull reklamar relattiv għal servizzi ta’ kura tal-ħalq u tas-snien, kif ukoll l-Artikolu 8d tad-digriet irjali tal-1 ta’ Ġunju 1934, li jirregola l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ dentist, li jistabbilixxi ċerti rekwiżiti ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna t-tabelli ta’ kliniki dentali, imorru kontra l-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttivi 2005/29 u 2000/31 kif ukoll l-Artikoli 49 u 56 TFUE.

19      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li t-tilwima fil-kawża prinċipali għandha dimensjoni transkonfinali billi tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq l-informazzjoni li tgħid li L. Vanderborght jagħmel reklamar fuq l-internet li jista’ jilħaq lil pazjenti fi Stati Membri oħra u jikkura klijentela parzjalment provenjenti minn Stati Membri oħra.

20      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel, strafzaken (il-qorti tal-prim’istanza bil-lingwa Olandiża ta’ Brussell, sezzjoni kriminali, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-Direttiva 2005/29/KE […] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi liġi nazzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut kull reklamar, ikun min ikun l-awtur, għall-kura orali jew dentali, bħall-Artikolu 1 – Liġi Belġjana tal-15 ta’ April 1958 dwar ir-reklamar fil-qasam tal-kura dentali?

2)      Il-projbizzjoni tar-reklamar ta’ kura orali jew dentali għandha tiġi mqabbla ma’ “regoli […] konnessi ma’ aspetti ta’ saħħa u sigurtà ta’ prodotti” skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/29 […]?

3)      Id-Direttiva 2005/29 […] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li dispożizzjoni nazzjonali li tispeċifika fid-dettal ir-rekwiżiti ta’ diskrezzjoni li għandhom jiġu sodisfatti mis-sinjal tal-klinika tad-dentist intiż għall-pubbliku, bħall-Artikolu 8d tad-Digriet Reali tal-1 ta’ Ġunju 1934 li jirregola l-eżerċizzju tal-professjoni tad-dentistrija?

4)      Id-Direttiva 2000/31[għandha tiġi interpretata] fis-sens li tipprekludi liġi nazzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut kull reklamar, ikun min ikun l-awtur tiegħu, għal kura orali jew dentali, inkluż reklamar kummerċjali b’mezzi elettroniċi (website), bħala ma hu l-Artikolu 1 tal-Liġi Belġjana tal-15 ta’ April 1958 dwar ir-reklamar fil-qasam tal-kura dentali?

5)      [Kif għandu jiġi interpretat i]l-kunċett ta’ ‘servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni’ kif iddefinit mill-Artikolu 2(a) tad-Direttiva [2000/31] li jirreferi għall-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34 […]?

6)      L-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex tipproteġi s-saħħa pubblika, timponi projbizzjoni [kompleta] ta’ reklamar għall-kura dentali?”

 Fuq id‑domandi preliminari

 Fuq l-ewwel sat-tielet domandi

21      Bl-ewwel u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu evalwati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2005/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipproteġi s-saħħa pubblika u d-dinjità tal-professjoni ta’ dentist, minn naħa, billi tipprekludi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal servizzi ta’ kura tal-ħalq u tas-snien u, min-naħa l-oħra, billi tistabbilixxi ċerti rekwiżiti ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna t-tabelli tal-kliniki dentali.

22      Sabiex tingħata r-risposta għal dawn id-domandi, jaqbel, preliminarjament, li jiġi ddeterminat jekk ir-reklamar li huwa suġġett għall-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxix prattika kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad‑Direttiva 2005/29 u huwiex, għalhekk, suġġett għar-regoli stabbiliti minn din tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, C-540/08, EU:C:2010:660, punt 16).

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi, billi juża formulazzjoni partikolarment wiesgħa, il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali” bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġiba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inklużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi” (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, C-540/08, EU:C:2010:660, punt 17).

24      Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 2(c) tad-direttiva msemmija, il-kunċett ta’ “prodott” jikkonċerna, min-naħa tiegħu, il-prodotti jew is-servizzi kollha.

25      Minn dan jirriżulta li r-reklamar għal servizzi ta’ kura tal-ħalq u tas-snien, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm jekk ikun permezz ta’ pubblikazzjonijiet f’rivisti pubbliċitarji, fuq l-internet jew permezz ta’ tabelli, jikkostitwixxi “prattika kummerċjali”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29.

26      Għalhekk, konformement mal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, din tapplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali konnessi ma’ aspetti ta’ saħħa u sigurtà ta’ prodotti.

27      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva msemmija, din tapplika mingħajr preġudizzju għall-kodiċijiet deontoloġiċi jew regoli speċifiċi oħra li jiggvernaw professjonijiet regolati sabiex jinżammu livelli għolja ta’ integrità min-naħa tal-professjonisti, li l-Istati Membri jistgħu, konformement mal-liġi tal-Unjoni, jimponu fuq il-professjonisti.

28      B’hekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-Direttiva 2005/29 ma għandhiex l-effett li tpoġġi indiskussjoni r-regoli nazzjonali dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-prodotti jew id-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw il-professjonijiet irregolati.

29      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 1 tal-liġi tal-15 ta’ April 1958 dwar ir-reklamar fil-qasam tal-kura dentali u l-Artikolu 8d tad-digriet irjali tal-1 ta’ Ġunju 1934, li jirregola l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ dentist, jipproteġu rispettivament is-saħħa pubblika u d-dinjità tal-professjoni ta’ dentist, b’tali mod li din tidħol taħt l-Artikolu 3(3) u (8) tad-Direttiva 2005/29.

30      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domandi għandha tkun li d-Direttiva 2005/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipproteġi s-saħħa pubblika u d-dinjità tal-professjoni ta’ dentist, minn naħa, billi tipprekludi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal servizzi ta’ kura tal-ħalq u tas-snien u, min-naħa l-oħra, billi tistabbilixxi ċerti rekwiżiti ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna t-tabelli tal-kliniki dentali.

 Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi

31      Bir-raba’ u l-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu evalwati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2000/31 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal servizzi ta’ kura tal-ħalq u tas-snien, sa fejn din tipprekludi kull forma ta’ komunikazzjoni kummerċjali b’mezz elettroniku, inkluż permezz ta’ website maħluqa minn dentist.

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(1) ta’ din id-Direttiva jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-użu ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali li jiffurmaw parti minn servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni pprovdut minn membru ta’ professjoni rregolata, jew li jikkostitwixxi tali servizz, ikun awtorizzat.

33      Mill-Artikolu 2(g) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-Artikolu 1(f) tad-Direttiva 92/51 li tirreferi għalih din l-ewwel dispożizzjoni, jirriżulta li b’mod partikolari għandha titqies bħala “professjoni rregolata” attività professjonali li l-aċċess għaliha jew l-eżerċizzju tagħha huwa suġġet għal liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, għall-pussess ta’ ċertifikat ta’ taħriġ jew għal ċertifikat ta’ kompetenza.

34      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-professjoni ta’ dentist tikkostitwixxi, fil-Belġju, professjoni rregolata fis-sens tal-Artikolu 2(g) tad-Direttiva 2000/31.

35      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-Artikolu 1, punt 2 tad-Direttiva 98/34, il-kunċett ta’ “servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika” jinkludi fih “kull servizz normalment ipprovdut għal remunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi”.

36      Il-premessa 18 tad-Direttiva 2000/31 tippreċiża li l-kunċett ta’ “servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” jinfirex fuq medda wiesgħa ta’ attivitajiet ekonomiċi li jseħħu online u li dawn ma humiex biss ristretti għal servizzi li jagħtu lok għall-konklużjoni ta’ kuntratti online, iżda wkoll, sa fejn tali servizzi jirrappreżentaw attività ekonomika, jestendu għal servizzi li ma humiex imħallsa minn dawk li jirċevuhom, bħas-servizzi li jipprovdu informazzjoni online jew komunikazzjonijiet kummerċjali.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-reklamar online jista’ jikkostitwixxi servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/31 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden, C-484/14, EU:C:2016:689, punti 41 u 42).

38      Barra minn hekk, l-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva jippreċiża li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali” ikopri b’mod partikolari kull forma ta’ komunikazzjoni intiża biex tippromwovi, direttament jew indirettament, servizzi ta’ persuna li teżerċita professjoni rregolata.

39      Isegwi li r-reklamar relattiv għal provvista ta’ kura tal-ħalq u tas-snien, magħmul permezz ta’ website maħluqa minn membru ta’ professjoni rregolata, jikkostitwixxi komunikazzjoni kummerċjali li tagħmel parti minn servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jew li tikkostitwixxi tali servizz, fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/31.

40      Għaldaqstant, għandu jitqies li din id-dispożizzjoni timplika, hekk kif qal l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom li tali komunikazzjonijiet kummerċjali jkunu, bħala prinċipju, awtorizzati.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni kuntrarja proposta mill-Kummissjoni Ewropea, li tgħid li d-dispożizzjoni msemmija tkopri biss ir-reklamar ipprovdut minn membru ta’ professjoni rregolata meta dan jaġixxi bħala fornitur ta’ reklamar online, ma tistax tiġi aċċettata, sa fejn din l-interpretazzjoni għandha bħala riżultat li tnaqqas b’mod eċċessiv il-portata tad-dispożizzjoni msemmija.

42      Għandu fil-fatt jitfakkar li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/31 għandu bħala għan li jippermetti lill-membri ta’ professjoni rregolata li jużaw servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni sabiex jippromwovu l-attivitajiet tagħhom.

43      B’hekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li komunikazzjonijiet kummerċjali bħal dawk imsemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza għandhom jiġu awtorizzati biss mingħajr preġudizzju għall-osservanza tar-regoli professjonali fir-rigward, b’mod partikolari, tal-indipendenza, tad-dinjità u tal-unur tal-professjoni rregolata kkonċernata kif ukoll tas-sigriet professjonali u l-lealtà kemm lejn il-klijenti kif ukoll lejn il-membri l-oħra ta’ din il-professjoni.

44      Għaldaqstant, ir-regoli professjonali msemmija fid-dispożizzjoni msemmija ma jistgħux, mingħajr ma jċaħħdu lil din mill-effett utli tagħha u jostakolaw it-twettiq tal-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jipprekludu b’mod ġenerali u assolut kull forma ta’ reklamar online intiż biex jippromwovi l-attività ta’ persuna li teżerċita professjoni rregolata.

45      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2000/31 jipprovdi li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iħeġġu l-elaborazzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta li għandhom l-għan, mhux li jipprekludu dan it-tip ta’ reklamar, iżda pjuttost li jippreċiżaw l-informazzjoni li tista’ tingħata għall-finijiet ta’ komunikazzjoni kummerċjali fl-osservanza ta’ dawn ir-regoli professjonali.

46      Isegwi li, għalkemm il-kontenut u l-forma tal-komunikazzjonijiet kummerċjali msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/31 jistgħu validament jiġu inkwadrati minn regoli professjonali, tali regoli ma jistgħux jinvolvu projbizzjoni ġenerali u assoluta ta’ dan it-tip ta’ komunikazzjonijiet.

47      Din il-kunsiderazzjoni tapplika wkoll f’dak li jikkonċerna leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tapplika biss għad-dentisti.

48      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma eskludiex lil professjonijiet irregolati mill-prinċipju ta’ awtorizzazzjoni tal-komunikazzjonijiet kummerċjali online stabbilit fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/31.

49      Għalhekk, għalkemm din id-dispożizzjoni tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-professjonijiet tas-saħħa fl-elaborazzjoni tar-regoli professjonali relatati magħhom, billi jiġu inkwadrati, jekk ikun il-każ b’mod strett, il-forom u l-metodi tal-komunikazzjonijiet kummerċjali online imsemmija fid-dispożizzjoni msemmija b’mod partikolari bil-għan li jiġi żgurat li ma tinkisirx il-fiduċja tal-pazjenti lejn dawn il-professjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ir-regoli professjonali ma jistgħux validament jipprekludu b’mod ġenerali u assolut kull forma ta’ reklamar online intiż biex jippromwovi l-attività ta’ persuna li teżerċita tali professjoni.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ u għall-ħames domandi għandha tkun li d-Direttiva 2000/31 għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprekludi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal servizzi ta’ kura tal-ħalq u tas-snien, sa fejn din tipprekludi kull forma ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali b’mezz elettroniku, inkluż permezz ta’ website maħluqa minn dentist.

 Fuq is-sitt domanda

51      Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprekludi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal provvista ta’ kura tal-ħalq u tas-snien.

52      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tar-risposta mogħtija għar-raba’ u għall-ħames domandi, għandu jitqies li s-sitt domanda tirrigwarda, finalment, il-kompatibbiltà mal-Artikoli 49 u 56 TFUE ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali sa fejn din tipprekludi r-reklamar li ma jkunx sar permezz ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.

 Fuq l‑ammissibbiltà

53      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jiżguraw il-libertajiet ta’ moviment ma japplikawx f’sitwazzjoni fejn l-elementi kollha huma limitati għall-fruntieri ta’ Stat Membru wieħed biss (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 1999, Jägerskiöld, C-97/98, EU:C:1999:515, punt 42, u tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter, C-60/00, EU:C:2002:434, punt 28).

54      Ċertament, il-kawża prinċipali tikkonċerna proċeduri kriminali mressqa kontra dentist, ċittadin Belġjan, stabbilit fil-Belġju, u li jeżerċita f’dan l-Istat Membru.

55      Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li parti mill-klijentela ta’ L. Vanderborght kienet tiġi minn Stati Membri oħra.

56      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li parti mill-klijentela tkun komposta minn ċittadini tal-Unjoni provenjenti minn Stati Membri oħra seta’ jikkostitwixxi element transkonfinali li jimplika l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jiżguraw il-libertajiet ta’ moviment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C-98/14, EU:C:2015:386, punti 25 u 26).

57      Għalhekk, għandu jitqies li s-sitt domanda hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

58      Għandu jitfakkar li, meta miżura nazzjonali tkun tirrigwarda kemm il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha teżamina l-miżura inkwistjoni, bħala prinċipju, biss fid‑dawl ta’ waħda minn dawn iż‑żewġ libertajiet jekk jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, waħda minn dawn hija kompletament sekondarja meta mqabbla mal‑oħra u li tista’ tiġi assoċjata magħha (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International, C-48/15, EU:C:2016:356, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Din hija s-sitwazzjoni f’din il-kawża.

60      Fil-fatt, peress li l-element transkonfinali li jirrendi applikabbli d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jiżgura l-libertajiet ta’ moviment huwa kkostitwit miċ-ċaqliq ta’ destinatarji ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C-98/14, EU:C:2015:386, punt 26), ir-risposta għas-sitt domanda għandha tingħata fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE.

61      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandhom jitqiesu bħala restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi l-miżuri kollha li jipprekludu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética, C-500/06, EU:C:2008:421, punt 32; tat-22 ta’ Jannar 2015, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C-463/13, EU:C:2015:25, punt 45, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2016, Laezza, C-375/14, EU:C:2016:60, punt 21).

62      Għandu jitfakkar ukoll li, b’mod partikolari, il-kunċett ta’ “restrizzjoni” ikopri l-miżuri meħuda minn Stat Membru li, minkejja li huma applikabbli mingħajr distinzjoni, jaffettwaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Istati Membri l-oħra (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Konstantinides, C-475/11, EU:C:2013:542, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi, b’mod ġenerali u assolut, kull reklamar għal ċerta attività hija tali li tirrestrinġi l-possibbiltà, għall-persuni li jeżerċitaw din l-attività, li jsiru magħrufa mill-klijentela potenzjali tagħhom, u li jippromwovu s-servizzi li dawn jipproponu li joffru lil din tal-aħħar.

64      Konsegwentement, tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandha titqies li tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

65      Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għal tali restrizzjoni, miżuri nazzjonali li jistgħu jirrestrinġu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu jkunu ammessi biss bil-kundizzjoni li jkollhom għan ta’ interess ġenerali, li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu l-għan tagħhom, u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Konstantinides, C-475/11, EU:C:2013:542, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju indikat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża biex tipproteġi s-saħħa pubblika kif ukoll id-dinjità tal-professjoni ta’ dentist.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-protezzjoni tas-saħħa hija wieħed mill-għanijiet li jinsabu fost dawk li jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C-169/07, EU:C:2009:141, punt 46, u tat-12 ta’ Settembru 2013, Konstantinides, C-475/11, EU:C:2013:542, punt 51).

68      Barra minn hekk, fid-dawl tal-importanza tar-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha tipprevali bejn id-dentist u l-pazjent tiegħu, għandu jitqies li l-protezzjoni tad-dinjità tal-professjoni ta’ dentist hija wkoll ta’ natura li tikkostitwixxi tali raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

69      Issa, l-użu intensiv ta’ reklamar jew l-għażla ta’ messaġġi promozzjonali aggressivi, jew ukoll ta’ natura li jwasslu lill-pazjenti biex iwettqu żball fir-rigward tal-kura proposta, jista’, billi jiddeterjora l-immaġni tal-professjoni ta’ dentist, billi jbiddel ir-relazzjoni bejn id-dentisti u l-pazjenti tagħhom, kif ukoll billi jiffavorixxi t-twettiq ta’ kuri mhux xierqa jew mhux neċessarji, ikun ta’ ħsara għall-protezzjoni tas-saħħa u għad-dinjità tal-professjoni ta’ dentist.

70      F’dan il-kuntest, projbizzjoni ġenerali u assoluta tar-reklamar tista’ tiżgura t-twettiq tal-għanijiet imfittxija billi jiġi evitat kull użu, mid-dentisti, ta’ reklamar u ta’ messaġġi promozzjonali.

71      Fir-rigward tal-ħtieġa ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l‑fatt li s‑saħħa u l‑ħajja tal‑persuni jokkupaw l‑ewwel post fost il-beni u l‑interessi protetti mit‑Trattat u li huma, fil-prinċipju, l‑Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il‑livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jagħtu lis‑saħħa pubblika kif ukoll il‑mod li bih dan il‑livell għandu jintlaħaq. Peress li dan jista’ jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, l-Istati Membri għandhom jingħataw marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika, C-108/09, EU:C:2010:725, punt 58, u tat-12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu, C-198/14, EU:C:2015:751, punt 118).

72      B’hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minkejja din il-marġni ta’ diskrezzjoni, ir-restrizzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprekludi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal provvisti ta’ kura tal-ħalq u tas-snien, teċċedi dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni, imfakkra fil-punt 66 ta’ din is-sentenza.

73      Fil-fatt, il-messaġġi pubbliċitarji kollha pprojbiti minn din il-leġiżlazzjoni ma jistgħux, bħala tali, joħolqu l-effetti kuntrarji għal dawn l-għanijiet imsemmija fil-punt 69 ta’ din is-sentenza.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fil-punt 57 tas-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Konstantinides (C‑475/11, EU:C:2013:542), il-kompatibbiltà mal-Artikolu 56 TFUE ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi r-reklami għas-servizzi mediċi li l-kontenut tagħhom imur kontra l-etika professjonali, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha portata ħafna iktar mifruxa.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi li jinkwadraw, jekk ikun il-każ b’mod strett, il-forom u l-metodi li jistgħu validament ikopru l-mezzi ta’ komunikazzjoni użati mid-dentisti, mingħajr madankollu ma jipprekluduhom b’mod ġenerali u assolut minn kull forma ta’ reklamar.

76      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikoli 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprekludi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal provvista ta’ kura tal-ħalq u tas-snien

 Fuq l-ispejjeż

77      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal‑konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipproteġi s-saħħa pubblika u d-dinjità tal-professjoni ta’ dentist, minn naħa, billi tipprekludi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal servizzi ta’ kura tal-ħalq u tas-snien u, min-naħa l-oħra, billi tistabbilixxi ċerti rekwiżiti ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna t-tabelli tal-kliniki dentali.

2)      Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”), għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprekludi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal servizzi ta’ kura tal-ħalq u tas-snien, sa fejn din tipprekludi kull forma ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali b’mezz elettroniku, inkluż permezz ta’ website maħluqa minn dentist.

3)      L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprekludi b’mod ġenerali u assolut kull reklamar relattiv għal provvista ta’ kura tal-ħalq u tas-snien.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.