Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2023 – Data Protection Commission vs Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

(Kawża T-84/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Data Protection Commission (rappreżentanti: D. Young, A. Bateman u R. Minch, Solicitors, B. Kennelly, SC, D. Fennelly u E. Synnott, Barristers)

Konvenut: Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla t-tieni linja tal-punti 203 u 454 tad-Deċiżjoni Vinkolanti 4/2022 tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem il-“BEPD”) dwar tilwima mibdija mill-Irish SA abbażi tal-Artikolu 65 tal-GDPR rigward Meta Platforms Ireland Limited u s-servizz Instagram tagħha;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-BEPD mar lil hinn mill-kompetenza tiegħu taħt l-Artikolu 65(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 meta deher li ta istruzzjonijiet lill-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem il-KPD”) sabiex din tal-aħħar i) twettaq investigazzjoni ġdida, u ii) tadotta deċiżjoni ġdida skont l-Artikolu 60(3) tal-GDPR.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur mill-BEPD tal-punt 24 tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 65(1)(a) tal-GDPR minħabba interpretazzjoni żbaljata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fis-sens li tagħti lill-BEPD il-kompetenza sabiex jagħti istruzzjonijiet lill-KPD sabiex din tal-aħħar i) twettaq investigazzjoni ġdida u ii) tadotta deċiżjoni ġdida skont l-Artikolu 60(3) tal-GDPR.

____________

1 Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016 L 119, p. 1).