Language of document : ECLI:EU:C:2017:982

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1289 – Impożizzjoni ta’ multa fuq Stat Membru fil-kuntest tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja taż-żona tal-euro – Manipulazzjoni tad-data tal-istatistika dwar id-defiċit tal-Istat Membru kkonċernat – Kompetenza ġudizzjarja – Regolament (UE) Nru 1173/2011 – Artikolu 8(1) u (3) – Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678/UE – Artikolu 2(1) u (3), kif ukoll Artikolu 14(2) – Regolament (KE) Nru 479/2009 – Artikolu 3(1), Artikolu 8(1) kif ukoll Artikoli 11 u 11a – Drittijiet tad-difiża – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41(1) – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Artikoli 121, 126 u 136 TFUE – Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv – Eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur – Dikjarazzjonijiet żbaljati – Determinazzjoni tal-multa – Prinċipju ta’ nonretroattività ta’ dispożizzjonijiet kriminali”

Fil-Kawża C‑521/15,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fid-29 ta’ Settembru 2015,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Gavela Llopis, A. Rubio González u A. Sampol Pucurull, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Dumitriu-Segnana, A. F. Jensen u A. de Gregorio Merino, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz, J.‑P. Keppenne, M. Clausen u F. Simonetti, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. L. da Cruz Vilaça u J. Malenovský (Relatur), Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, D. Šváby, A. Prechal, MC. Lycourgos, M. Vilaras u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ April 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja qiegħed jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1289 tat-13 ta’ Lulju 2015 li timponi multa fuq Spanja għall-manipulazzjoni tad-data dwar id-defiċit fil-Komunità Awtonoma ta’ Valencia (ĠU 2015, L 198, p. 19, u rettifika fil-ĠU 2015, L 291, p. 10, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

 L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

2        L-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa fformulat kif ġej:

“B’deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 256(1) [TFUE], ġurisdizzjoni għandha tkun riservata għall-Qorti tal-Ġustizzja fl-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 263 u 265 [TFUE] meta jitressqu minn Stat Membru kontra:

a)      xi azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni mill-Parlament Ewropew jew il-Kunsill, jew minn dawk iż-żewġ istituzzjonijiet f’azzjoni konġunta, ħlief għal:

–        deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 108(2) [TFUE];

–        azzjonijiet tal-Kunsill adottati skond xi regolament tal-Kunsill dwar miżuri sabiex iħarsu l-kummerċ fis-sens ta’ l-Artikolu 207 [TFUE];

–        azzjonijiet tal-Kunsill li permezz tagħhom il-Kunsill jeżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni skond l-Artikolu 291(2) [TFUE];

[…]”

 Id-dispożizzjonijiet dwar il-politika ekonomika u monetarja

 Id-dritt primarju

3        Skont l-Artikolu 119(1) TFUE, l-attivitajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri għandhom jinkludu l-adozzjoni ta’ politika ekonomika bbażata, fost elementi oħra, fuq il-koordinazzjoni mill-qrib tal-politiki ekonomiċi ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll fuq id-definizzjoni ta’ għanijiet komuni.

4        F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea ngħatat, b’mod partikolari, permezz tal-Artikolu 121(3) u tal-Artikolu 126(2) TFUE, rwol li jikkonsisti fl-eżami tas-sitwazzjoni ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri, fuq il-bażi ta’ informazzjoni mgħoddija minn dawn tal-aħħar, kif ukoll f’li tassisti lill-Kunsill fil-missjoni ta’ sorveljanza mogħtija lilu f’dan il-qasam.

5        Min-naħa tiegħu, il-Kunsill għandu, skont l-Artikolu 121(3) u (4) TFUE, is-setgħa li jissorvelja u li jevalwa l-iżviluppi ekonomiċi tal-Istati Membri u l-osservanza tal-linji gwida ġenerali tal-politika ekonomika ffissati fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom, kif ukoll li jindirizza lill-Istati Membri r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 126(6), (7), (9) u (11) TFUE, il-Kunsill huwa awtorizzat iqis li Stat Membru jinsab jew hemm ir-riskju li jkun jinsab f’sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv u huwa awtorizzat jindirizza lil dan l-Istat Membru diversi rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet, fosthom deċiżjonijiet li jintimawh jieħu miżuri sabiex inaqqas id-defiċit tiegħu u deċiżjonijiet li jimponu multa fuqu. Fl-aħħar nett, il-Kunsill huwa awtorizzat jadotta, fuq il-bażi tal-Artikolu 136(1) TFUE, miżuri speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, bil-għan li jissaħħu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom kif ukoll bil-għan li jiġu stabbiliti, fir-rigward ta’ dawn l-Istati Membri, il-linji gwida ġenerali tal-politika ekonomika u li tiġi żgurata s-sorveljanza tagħhom.

6        Dawn id-dispożizzjonijiet huma kkompletati permezz tal-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, anness mat-Trattati UE u FUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 12”).

 Id-dritt sekondarju

7        Fis-7 ta’ Lulju 1997, il-Kunsill adotta numru ta’ atti miġbura taħt l-isem ta’ “patt ta’ stabbiltà u ta’ tkabbir” li kienu jinkludu b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1466/97, dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 84), u r-Regolament (KE) Nru 1467/97, dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 89).

8        Fis-16 ta’ Novembru 2011, il-Parlament u l-Kunsill adottaw ħames regolamenti u direttiva maħsuba sabiex il-patt ta’ stabbiltà u ta’ tkabbir jiġi rriformat b’mod kunsiderevoli. Tnejn minn dawn ir-regolamenti emendaw, rispettivament, ir-Regolamenti Nri 1466/97 u 1467/97. It-tlieta l-oħra huma intiżi li jsaħħu s-sorveljanza ekonomika u baġitarja eżerċitata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikoli 121 u 126 TFUE.

–       Ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011

9        Wieħed mir-regolamenti msemmija fil-punt preċedenti huwa r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (ĠU 2011, L 306, p. 1), li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata u li min-naħa tiegħu huwa bbażat fuq l-Artikoli 121 u 136 TFUE.

10      Il-premessi 7, 8, 16, 17 u 25 ta’ dan ir-regolament jiddikjaraw:

“(7)      Il-Kummissjoni għandu jkollha rwol aktar b’saħħtu fil-proċedura msaħħa ta’ sorveljanza fir-rigward tal-evalwazzjonijiet [li] huma speċifiċi għal kull Stat Membru, il-monitoraġġ, il-missjonijiet ta’ fuq il-post, ir-rakkomandazzjonijiet u t-twissijiet. […]

(8)      Bil-għan li jiġi żgurat djalogu permanenti mal-Istati Membri li qed jimmiraw li jilħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha twettaq missjonijiet ta’ sorveljanza.

[…]

(16)      Bħala deterrent kontra r-rappreżentanza ħażina, kemm intenzjonalment kif ukoll minħabba negliġenza serja, tad-data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern, liema data hija element essenzjali għall-koordinament tal-politika ekonomika fl-Unjoni, għandhom jiġu imposti multi fuq l-Istati Membri responsabbli.

(17)      Sabiex jiġu ssupplimentati r-regoli dwar il-kalkolu tal-multi fir-rigward tal-manipulazzjoni tal-istatistiċi kif ukoll ir-regoli dwar il-proċedura li għandha ssegwi l-Kummissjoni għall-investigazzjoni ta’ tali azzjonijiet, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 [TFUE] għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ kriterji dettaljati għall-istabiliment tal-ammont tal-multa u għat-twettiq tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni. […]

[…]

(25)      Is-setgħa biex jiġu adottati deċiżjonijiet individwali għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament għandha tingħata lill-Kunsill. Bħala parti mill-koordinament tal-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri li saru fi ħdan il-Kunsill kif previst mill-Artikolu 121(1) [TFUE], dawn id-deċiżjonijiet individwali huma segwitu integrali għall-miżuri adottati mill-Kunsill skont l-Artikoli 121 u 126 [TFUE] u r-Regolamenti [Nri 1466/97 u 1467/97].”

11      L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Sanzjonijiet li jikkonċernaw il-manipulazzjoni tal-istatistika”, jipprevedi:

“1.      Il-Kunsill, billi jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista’ jiddeċiedi li jimponi multa fuq Stat Membru li intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, jirrappreżenta ħażin id-data dwar id-defiċit u d-dejn rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 121 jew 126 [TFUE], jew għall-applikazzjoni tal-Protokoll [Nru 12] dwar il-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv anness mat-TUE u mat-TFUE.

2.      Il-multi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu effikaċi, dissważivi u proporzjonati għan-natura, is-serjetà u t-tul tar-rappreżentanza ħażina. L-ammont tal-multa m’għandux jaqbeż iz-0,2 % tal-[prodott gross domestiku (PGD)] tal-Istat Membru kkonċernat.

3.      Il-Kummissjoni tista’ tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji kollha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tar-rappreżentanza ħażina msemmija fil-paragrafu 1. Hija tista’ tiddeċiedi li tibda investigazzjoni meta tikkonstata li hemm indikazzjonijiet serji dwar l-eżistenza ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu tali rappreżentanza ħażina. Il-Kummissjoni għandha tinvestiga r-rappreżentanza ħażina putattiva filwaqt li tqis kwalunkwe kumment sottomess mill-Istat Membru kkonċernat. […]

Meta tlesti l-investigazzjoni tagħha u qabel ma tippreżenta kwalunkwe proposta lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li jinstema’ dwar il-kwistjonijiet taħt investigazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tibbaża kull proposta tagħha lill-Kunsill fuq il-fatti biss li l-Istat Membru kkonċernat kellu l-opportunità li jikkummenta dwarhom.

Il-Kummissjoni għandha tirrispetta kompletament id-drittijiet għad-difiża tal-Istat Membru kkonċernat matul l-investigazzjonijiet.

4.      Il-Kummissjoni b’dan għandha s-setgħa li tadotta atti delegati b’konformità mal-Artikolu 11 dwar:

(a)      kriterji dettaljati li jistabbilixxu l-ammont tal-multa [msemmija fil-paragrafu 1];

[…]

(c)      regoli dettaljati dwar il-proċedura mmirati biex jiggarantixxu d-drittijiet għad-difiża, l-aċċess għall-fajl, ir-rappreżentanza legali, il-kunfidenzjalità u dispożizzjonijiet dwar l-iskeda u l-ġbir ta’ multi msemmi fil-paragrafu 1.

[…]”

12      Skont l-Artikolu 9 tal-istess regolament, intitolat “In-natura amministrattiva tas-sanzjonijiet”, is-sanzjonijiet imposti skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 8 tiegħu għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva.

13      Konformement mal-Artikolu 14 tiegħu, ir-Regolament Nru 1173/2011 daħal fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu, fit-23 ta’ Novembru 2011, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fit-13 ta’ Diċembru 2011.

–       Id-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678/UE

14      Il-Kummissjoni adottat, fuq il-bażi tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 1173/2011, id-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678/UE tad-29 ta’ Ġunju 2012 dwar l-investigazzjonijiet u l-multi marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika kif imsemmi fir-Regolament Nru 1173/2011 (ĠU 2012, L 306, p. 21), li, skont l-Artikolu 16 tagħha, daħlet fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha, fis-6 ta’ Novembru 2012, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fis-26 ta’ Novembru 2012.

15      L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni ta’ delega, intitolat “Bidu tal-investigazzjonijiet”, jipprovdi b’mod partikolari, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat bid-deċiżjoni tagħha li tibda investigazzjoni, inkluża informazzjoni dwar l-indikazzjonijiet serji li nstabu tal-eżistenza ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu rappreżentazzjoni ħażina tad-dejta dwar id-dejn u d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika li tirriżulta mill-manipulazzjoni ta’ tali dejta bħala riżultat ta’ intenzjoni jew negliġenza serja.

[…]

3.      Il-Kummissjoni tista’ tagħżel li ma twettaqx tali investigazzjoni sakemm tkun saret żjara metodoloġika skont deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni (Eurostat) skont ir-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 145, p. 1)].”

16      L-Artikolu 14 tal-imsemmija deċiżjoni ta’ delega, intitolat “Kriterji fir-rigward tal-ammont tal-multa”, jipprovdi:

“1.      Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-multa li trid tiġi rrakkomandata tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva. Il-multa għandha tkun stabbilita abbażi tal-ammont ta’ referenza li jista’ jiġi adattat ’il fuq jew ’l isfel meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi msemmija fil-paragrafu 3.

2.      L-ammont ta’ referenza għandu jkun ugwali għal 5 % tal-akbar impatt tar-rappreżentazzjoni żbaljata fuq il-livell tad-dejn jew tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tal-Istat Membru għas-snin rilevanti koperti bin-notifika fil-kuntest tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv.

3.      Filwaqt li tqis l-ammont massimu stabbilit fl-Artikolu 13, il-Kummissjoni għandha f’kull każ tqis, fejn rilevanti, iċ-ċirkustanzi li ġejjin:

[…]

(c)      il-fatt li r-rappreżentazzjoni żbaljata kienet ix-xogħol ta’ entità waħda li taġixxi waħedha jew, alternattivament, ir-rappreżentazzjoni żbaljata kienet ir-riżultat ta’ azzjoni miftiehma minn żewġ entitajiet jew aktar;

[…]

(e)      il-grad ta’ diliġenza u kooperazzjoni murija, alternattivament il-grad ta’ ostruzzjoni, mill-Istat Membru kkonċernat fl-iskoperta tar-rappreżentazzjoni żbaljata u matul l-investigazzjonijiet.”

–       Ir-Regolament Nru 479/2009

17      Ir-Regolament Nru 479/2009, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 679/2010 tas-26 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 198, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 479/2009”), ġie adottat, kif tiddikjara l-premessa 1 tiegħu, bil-għan li jiġi kkodifikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta’ Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ l-iżbilanċ eċċessiv mehmuża [anness] mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 33), li kien daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994 u li mbagħad kien is-suġġett ta’ emendi suċċessivi. Ir-Regolament Nru 479/2009 daħal fis-seħħ, skont l-Artikolu 19 tiegħu, fl-għoxrin jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu, fl-10 ta’ Ġunju 2009, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fit-30 ta’ Ġunju 2009.

18      Il-premessi 9 u 10 tar-Regolament Nru 479/2009 jiddikjaraw:

“(9)      Ir-rwol tal-Kummissjoni, bħala awtorità statistika, f’dak il-kuntest huwa speċifikament eżerċitat mill-Eurostat, f’isem il-Kummissjoni. Bħala d-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq tal-kompiti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-produzzjoni ta’ statistika Komunitarja, l-Eurostat huwa meħtieġ jesegwixxi l-kompiti tiegħu skont il-prinċipji ta’ imparzjalità, affidabbiltà, rilevanza, attwalità fin-nefqa, kunfidenzjalità statistika u trasparenza […]. L-implementazzjoni mill-awtoritajiet statistiċi nazzjonali u Komunitarji tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 2005 dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji għandha ssaħħaħ il-prinċipju tal-indipendenza professjonali, l-adegwatezza tar-riżorsi u l-kwalità ta’ data statistika.

(10)      L-Eurostat huwa responsabbli, f’isem il-Kummissjoni, għall-valutazzjoni tal-kwalità tad-data u għall-fornitura tad-data li tintuża fil-kuntest tal-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv, […]”

19      Il-Kapitolu II, intitolat “Regoli u pubblikazzjoni ta’ rapporti”, ta’ dan ir-regolament jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 3 u 6 tiegħu.

20      L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprevedi, b’mod partikolari, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni (l-Eurostat) l-iżbilanċi ppjanati u attwali tal-gvern u l-livelli [ippjanati u attwali] ta’ dejn tal-gvern tagħhom darbtejn fis-sena, l-ewwel darba qabel l-1 ta’ April tas-sena kurrenti (sena n) u t-tieni darba qabel l-1 ta’ Ottubru tas-sena n.

[…]

2.      Qabel l-1 ta’ April tas-sena n, l-Istati Membri għandhom:

(a)      jirrappurtaw lill-Kummissjoni (Eurostat) l-iżbilanċ ippjanat tal-gvern tagħhom għas-sena n, stima aġġornata tal-iżbilanċ attwali tal-gvern tagħhom għas-sena n–1 u l-iżbilanċi attwali tal-gvern tagħhom għas-snin n–2, n–3 u n–4;

[…]”

21      L-Artikolu 6(1) tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni (l-Eurostat), hekk kif issir disponibbli, b’kull reviżjoni ewlenija fiċ-ċifri, li jkunu diġà rappurtati, tal-iżbilanċ u tad-dejn attwali u ppjanati tal-gvern.”

22      Il-Kapitolu III, intitolat “Kwalità tad-data”, tar-Regolament Nru 479/2009 jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 8, 11 u 11a tiegħu.

23      L-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha regolarment tivvaluta l-kwalità kemm tad-data attwali rappurtata mill-Istati Membri kif ukoll tal-kontijiet tas-settur tal-gvern li fuqhom tkun ibbażata, miġbura skont l-ESA 95 […]. Il-kwalità tad-data attwali tfisser konformità mar-regoli tal-kontabilità, kompletezza, affidabbiltà, puntwalità, u konsistenza tad-data statistika. […]”

24      L-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.      Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tiżgura djalogu permanenti mal-awtoritajiet tal-istatistika tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha twettaq fl-Istati Membri kollha żjarat regolari ta’ djalogu, kif ukoll żjarat metodoloġiċi possibbli.

2.      Meta torganizza żjarat ta’ djalogu u dawk metodoloġiċi, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tittrasmetti l-konklużjonijiet proviżorji tagħha lill-Istati Membri konċernati għall-kummenti tagħhom.”

25      Skont l-Artikolu 11a tal-istess regolament:

“Iż-żjarat ta’ djalogu huma intiżi biex jirrevedu d-data attwali rappurtata […], biex jiġu eżaminati kwistjonijiet metodoloġiċi, biex jiġu diskussi proċessi ta’ statistika u sorsi deskritti fl-inventarji, u biex tiġi valutata l-konformità mar-regoli tal-kontabbiltà. Iż-żjarat ta’ djalogu għandhom jintużaw sabiex jiġu identifikati riskji jew problemi potenzjali fir-rigward tal-kwalità tad-data rappurtata.”

 Il-fatti li wasslu għat-tilwima u d-deċiżjoni kkontestata

26      Fit-30 ta’ Marzu 2012, ir-Renju ta’ Spanja nnotifika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) l-ammont tad-defiċits pubbliċi previsti u attwali tiegħu għas-snin 2008 sa 2012, flimkien mad-data korrispondenti (iktar ’il quddiem in-“notifika tat-30 ta’ Marzu 2012”).

27      Fis-17 ta’ Mejju 2012, ir-Renju ta’ Spanja informa lill-Eurostat li kien meħtieġ li jiġi rrevedut l-ammont ta’ dawn id-defiċits sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti komunitajiet awtonomi kienu għamlu, matul is-snin 2008 sa 2011, spejjeż ikbar minn dawk meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-ammonti kkomunikati fil-kuntest tan-notifika tat-30 ta’ Marzu 2012. Dawn l-ispejjeż li ma kinux iddikjarati kienu jammontaw għal EUR 4.5 biljuni (jiġifieri iktar minn 0.4 % tal-PGD), li kienu jinkludu EUR 1.9 biljuni (jiġifieri kważi 0.2 % tal-PGD) għall-Comunitat Valenciana (il-Komunità Awtonoma ta’ Valencia, Spanja) waħedha.

28      Din l-informazzjoni wasslet lill-Eurostat sabiex iwettaq sensiela ta’ żjarat fi Spanja matul Mejju, Ġunju u Settembru 2012 kif ukoll matul Settembru 2013.

29      Fuq il-bażi tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1173/2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2014) 4856 tal-11 ta’ Lulju 2014 dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistiċi fi Spanja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li fetħet l-investigazzjoni”).

30      Fis-7 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni adottat rapport fejn ikkonkludiet li r-Renju ta’ Spanja kien għamel dikjarazzjonijiet żbaljati fir-rigward tad-data dwar id-defiċit tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011. B’mod iktar preċiż, hija qieset li dan l-Istat Membru kien aġixxa b’negliġenza serja meta bagħat, fin-notifika tiegħu tat-30 ta’ Marzu 2012, data żbaljata dwar il-kontijiet tal-Komunità Awtonoma ta’ Valencia, meta s-Sindicatura de Comptes de la Comunitat Valenciana (il-Qorti tal-Awdituri tal-Komunità Awtonoma ta’ Valencia, Spanja) kienet tindika kull sena li l-Intervención General de la Generalitat Valenciana (l-Uffiċċju tal-Verifika tal-Komunità Awtonoma ta’ Valencia, Spanja) kien jivvalida kontijiet ivvizzjati b’irregolaritajiet marbuta ma’ nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ ċerti spejjeż fil-qasam tas-saħħa u man-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kontabbiltà għal perijodu speċifiku. Għalhekk, il-Kummissjoni rrakkomandat lill-Kunsill jadotta deċiżjoni li timponi multa fuq ir-Renju ta’ Spanja.

31      Fit-13 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata fejn ikkonkluda li r-Renju ta’ Spanja kien ipprovda, b’negliġenza serja, dikjarazzjonijiet żbaljati lill-Eurostat matul Marzu 2012 (premessa 5) u ffissa l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq dan l-Istat Membru (premessi 6 sa 13). Għal dan il-għan, il-Kunsill l-ewwel nett qies li, fid-dawl tal-impatt tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, l-ammont ta’ referenza tal-multa kellu jiġi ffissat, konformement mal-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678, bħala EUR 94.65 miljuni. It-tieni nett, huwa qies li kien hemm lok li dan l-ammont jitnaqqas sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi attenwanti, marbuta b’mod partikolari mal-fatt li awtorità reġjonali waħda kienet is-sors ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u mal-fatt li l-awtoritajiet responsabbli għall-istatistika nazzjonali kienu, min-naħa tagħhom, ikkooperaw mal-investigazzjoni.

32      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“Ġiet [Hija] imposta multa ta’ EUR 18,93 miljun fuq [ir-Renju ta’ Spanja] għar-rappreżentazzjoni ħażina, minħabba negliġenza serja, tad-data dwar id-defiċit tal-gvern, kif stabbilit fir-rapport tal-[Kummissjoni] dwar l-investigazzjoni marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika fi Spanja kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011.”

33      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-Renju ta’ Spanja fl-20 ta’ Lulju 2015 qabel ma ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-28 ta’ Lulju 2015.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

34      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta permezz tad-deċiżjoni kkontestata billi tillimitah għall-perijodu ta’ wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1173/2011, u

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

35      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li r-rikors jaqa’ fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u tibgħat ir-rikors quddiemha;

–        fl-assenza ta’ dan, tiċħad ir-rikors, u

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

36      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2016, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċetta l-intervent tal-Kummissjoni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

 Fuq il-kompetenza

 L-argumenti tal-partijiet

37      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li r-rikors ġie ppreżentat kontra att li permezz tiegħu l-Kunsill eżerċita setgħa ta’ implementazzjoni, konformement mal-Artikolu 291(2) TFUE, b’tali mod li dan ir-rikors jaqa’ fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, is-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet li jimponu multi fuq l-Istati Membri fil-każ ta’ manipulazzjoni tal-istatistiki, prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, tista’ titqies li tagħmel parti biss mill-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE, peress li din is-setgħa tikkontribwixxi għall-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, u kif tiddikjara l-premessa 25 tal-imsemmi regolament, huwa ġġustifikat li tali setgħa tingħata lill-Kunsill u mhux lill-Kummissjoni.

38      Ir-Renju ta’ Spanja jirribatti, essenzjalment, li huwa dibattibbli li d-deċiżjoni kkontestata tiġi ppreżentata bħala deċiżjoni ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE, sa fejn il-premessa 25 tar-Regolament Nru 1173/2011 ma torbotx id-deċiżjonijiet individwali li permezz tagħhom il-Kunsill jimponi sanzjonijiet fuq l-Istati Membri fil-każ ta’ manipulazzjoni tal-istatistiki mal-ħtieġa li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament, iżda mas-setgħat mogħtija direttament lil din l-istituzzjoni mit-Trattat FUE fil-qasam ekonomiku.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 256(1) TFUE, ir-rikorsi għal annullament u r-rikorsi għal nuqqas li tittieħed azzjoni previsti fl-Artikoli 263 u 265 TFUE meta dawn ikunu ppreżentati minn Stat Membru, minn naħa, u jkunu ppreżentati kontra att tal-Parlament, tal-Kunsill jew ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet li jiddeċiedu fuq bażi konġunta, min-naħa l-oħra, huma rriżervati għall-Qorti tal-Ġustizzja.

40      Skont it-tielet inċiż tal-istess dispożizzjoni tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huma madankollu esklużi minn din ir-riżerva ta’ kompetenza l-atti li permezz tagħhom il-Kunsill jeżerċita setgħat ta’ implementazzjoni konformement mal-Artikolu 291(2) TFUE.

41      F’dan il-każ huwa inkwistjoni rikors għal annullament li ġie ppreżentat minn Stat Membru, minn naħa, kontra att tal-Kunsill, min-naħa l-oħra. Għaldaqstant, dan ir-rikors jaqa’ fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm id-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att li permezz tiegħu l-Kunsill eżerċita setgħa ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE.

42      Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi li, meta jkunu meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni ta’ atti legalment vinkolanti tal-Unjoni, dawn l-atti għandhom jagħtu setgħat ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni jew, f’każijiet speċifiċi debitament iġġustifikati kif ukoll fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), lill-Kunsill.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 291(2) TFUE ma huwiex l-unika dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħti lill-Kunsill setgħa ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju jistgħu jagħtuh direttament tali setgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2014, Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:2400, punt 50, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2016, Il-Ġermanja vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑113/14, EU:C:2016:635, punti 55 u 56). Barra minn hekk, atti tad-dritt sekondarju jistgħu jistabbilixxu setgħat ta’ implementazzjoni li ma jaqgħux taħt is-sistema prevista fl-Artikolu 291 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punti 78 sa 86 u 98).

44      It-tieni nett, peress li d-deċiżjoni kkontestata għandha, minħabba li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur u timponi multa fuq l-awtur ta’ dan il-ksur b’applikazzjoni tas-setgħat mogħtija lill-Kunsill permezz tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, titqies li hija att meħud fl-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ implementazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1992, Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑240/90, EU:C:1992:408, punti 38 u 39, kif ukoll tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 36), u peress li l-Artikolu 291(2) TFUE huwa biss bażi legali possibbli waħda fost oħrajn għall-eżerċizzju ta’ tali setgħa mill-Kunsill, għandu jiġi ddeterminat, fil-każ ineżami, jekk din is-setgħa taqax effettivament taħt din id-dispożizzjoni.

45      Għal dan il-għan, l-Artikolu 291 TFUE għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-intier tiegħu, u l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma jistax jinqara mingħajr ma jitqies il-paragrafu 1 tiegħu, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha tad-dritt nazzjonali li jkunu meħtieġa għall-implementazzjoni tal-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni.

46      Huwa minnu li l-Artikolu 291 TFUE jinsab fit-Taqsima 1, intitolata “L-atti legali ta’ l-Unjoni”, tal-Kapitolu 2 tat-Titolu I tas-Sitt Parti tat-Trattat FUE, dwar id-dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji. Madankollu, kif jirriżulta mill-kliem tal-paragrafi 1 u 2 tiegħu, dan l-artikolu ma jikkonċernax l-atti legali kollha tal-Unjoni iżda jikkonċerna biss kategorija speċifika tagħhom, jiġifieri l-“atti legalment vinkolanti”. Din ir-referenza, li tinsab fiż-żewġ paragrafi msemmija, għall-kunċett ta’ “atti legalment vinkolanti” teżiġi li t-tifsira ta’ dan il-kunċett tiġi ddeterminata fir-rigward tal-Artikolu 291 TFUE kollu.

47      F’dan ir-rigward, filwaqt li l-paragrafu 1 tal-Artikolu 291 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju li huma d-diversi Stati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri kollha tad-dritt nazzjonali meħtieġa sabiex jiġu implementati l-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li dawn l-istess atti għandhom jagħtu setgħat ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill fil-każijiet kollha fejn l-implementazzjoni uniformi tagħhom tkun teħtieġ dan. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, l-għan ta’ implementazzjoni uniformi tal-imsemmija atti jeskludi li dawn l-atti jkunu jistgħu jiġu implementati mid-diversi Stati Membri permezz ta’ miżuri meħuda bis-saħħa tad-dritt nazzjonali rispettiv tagħhom, bir-riżultat evidenti li jkun hemm riskju ta’ disparità inerenti għall-koeżistenza, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ta’ miżuri ta’ implementazzjoni nazzjonali potenzjalment differenti għalkollox.

48      Minn dan jirriżulta li għandu jitqies li l-Artikolu 291(2) TFUE jikkonċerna biss l-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni li bħala prinċipju huma tali li jistgħu jiġu implementati mill-Istati Membri, bħalma huma dawk li għalihom jirreferi l-Artikolu 291(1) TFUE, iżda li, għall-kuntrarju ta’ dawn, għandhom, minħabba raġuni partikolari, jiġu implementati permezz ta’ miżuri li ma jkunux adottati minn kull Stat Membru kkonċernat iżda mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill, sabiex b’hekk tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fi ħdan l-Unjoni.

49      Issa, dan b’mod ċar ma jkunx il-każ meta jkun hemm att li jistabbilixxi setgħa li tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ multa fuq Stat Membru. Fil-fatt, tali att bl-ebda mod ma huwa ta’ natura tali li jista’ jiġi implementat mill-Istati Membri stess sa fejn tali implementazzjoni timplika l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva fil-konfront ta’ wieħed minnhom.

50      Barra minn hekk, l-analiżi preċedenti hija kkorroborata minn qari flimkien tal-eċċezzjonijiet għar-riżerva ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja previsti fit-tieni u fit-tielet inċiżi tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, interpretazzjoni tat-tielet inċiż ta’ din id-dispożizzjoni li timplika li l-eċċezzjoni prevista f’dan l-inċiż tkopri l-atti ta’ implementazzjoni kollha adottati mill-Kunsill iċċaħħad minn kull effett utli l-eċċezzjoni li tinsab fit-tieni inċiż tal-istess dispożizzjoni. Fil-fatt, din l-eċċezzjoni tal-aħħar tkopri l-atti tal-Kunsill adottati bis-saħħa ta’ regolament dwar il-miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 207 TFUE, u b’hekk tikkonċerna preċiżament sitwazzjoni fejn din l-istituzzjoni timplementa att tal-Unjoni.

51      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, deċiżjoni bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies li kienet ġiet adottata fl-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ implementazzjoni, mogħtija lill-Kunsill konformement mal-Artikolu 291(2) TFUE.

52      Mill-bqija, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1173/2011, li bis-saħħa tiegħu ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ma jagħmel ebda riferiment għall-Artikolu 291(2) TFUE.

53      Barra minn hekk, dan ir-regolament huwa bbażat fuq l-Artikoli 121 u 136 TFUE, kif indikat fil-punt 9 ta’ din is-sentenza. Issa, l-għoti lill-Kunsill, fuq il-bażi ta’ dawn l-artikoli, tas-setgħa li tagħha din id-deċiżjoni tirrappreżenta l-implementazzjoni ma huwiex iġġustifikat mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-implementazzjoni uniformi tal-imsemmi regolament iżda, kif jindikaw il-premessi 16 u 25 tiegħu, mit-tfittxija ta’ għan li jikkonsisti f’li l-Istati Membri jiġu dissważi milli jagħmlu dikjarazzjonijiet żbaljati fir-rigward ta’ data essenzjali għall-implementazzjoni tar-responsabbiltajiet li l-Artikoli 121 u 126 TFUE jagħtu lill-Kunsill fil-qasam tal-koordinazzjoni u tas-sorveljanza tal-politiki ekonomiċi u baġitarji tal-Istati Membri.

54      Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

55      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka erba’ motivi bbażati, rispettivament, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, fuq l-assenza ta’ ksur u fuq in-natura sproporzjonata tal-multa li kienet imposta fuqu mill-Kunsill.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

56      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-drittijiet tad-difiża, kif iggarantiti mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1173/2011 kif ukoll mid-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678, sa fejn din id-deċiżjoni tattribwilu ksur billi tibbaża ruħha fuq informazzjoni li nġabret fl-okkażjoni ta’ sensiela ta’ żjarat imwettqa fi Spanja matul Mejju, Ġunju u Settembru 2012 kif ukoll matul Settembru 2013.

57      Fil-fatt, minn naħa, l-ewwel tliet żjarat li matulhom inġabret din l-informazzjoni seħħew f’mument meta r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma kienx għadu ggarantit lill-Istati Membri li jkunu s-suġġett ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni bbażati fuq l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1173/2011 minħabba li d-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678 kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ. Barra minn hekk, din l-informazzjoni kollha nġabret saħansitra qabel ma nfetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni, f’Lulju 2014, u għalhekk ma nġabritx fil-kuntest tal-proċedura prevista minn din id-deċiżjoni ta’ delega u b’nuqqas ta’ rispett tad-dritt għal informazzjoni li l-imsemmija deċiżjoni ta’ delega tiggarantixxi lill-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, din l-istess deċiżjoni ta’ delega tobbliga lill-Kummissjoni twettaq żjara metodoloġika qabel tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni, iżda tali żjara ma saritx f’dan il-każ.

58      Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li fihom inġabret l-imsemmija informazzjoni ma humiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni bil-għan li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li r-Regolament Nru 479/2009 ma jikkostitwixxix bażi legali li tawtorizza lill-Eurostat jiġbor informazzjoni dwar dikjarazzjonijiet possibbilment żbaljati, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, u li huwa ma kienx ġie informat minn qabel dwar is-suġġett reali taż-żjarat imwettqa f’dan il-każ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet Spanjoli kkooperaw mal-Kummissjoni mingħajr ma ħadu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-informazzjoni miġbura minn din l-istituzzjoni setgħet sussegwentement tintuża sabiex jiġi ġġustifikat il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni.

59      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jirribatti, fl-ewwel lok, li ż-żjarat li ppreċedew id-deċiżjoni li fetħet l-investigazzjoni kienu ġew organizzati fuq il-bażi tar-Regolament Nru 479/2009 bil-għan li tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni fir-rigward tad-data rreveduta, innotifikata mir-Renju ta’ Spanja f’Mejju 2012, wara trażmissjoni provviżorja f’April 2012.

60      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kienet irrispettat id-drittijiet tad-difiża tar-Renju ta’ Spanja b’effett mid-deċiżjoni li fetħet l-investigazzjoni. B’mod partikolari, hija kienet ikkomunikat lil dan l-Istat Membru, fl-okkażjoni tan-notifika tal-imsemmija deċiżjoni, l-informazzjoni li hija kellha fil-pussess tagħha dwar l-eżistenza ta’ indizji serji ta’ fatti li setgħu jikkostitwixxu dikjarazzjonijiet żbaljati, konformement mad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678. Sussegwentement, il-Kummissjoni rrispettat id-diversi drittijiet iggarantiti lir-Renju ta’ Spanja permezz tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1173/2011. Fi kwalunkwe każ, anki jekk kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża, ir-Renju ta’ Spanja ma weriex li dan il-ksur kellu impatt fuq l-eżitu tal-proċedura u li għalhekk jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, f’kull proċedura miftuħa fil-konfront ta’ persuna li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi żgurat anki jekk ma jkunx hemm dispożizzjonijiet speċifiċi dwar dan, minn naħa, u li jeżiġi li l-persuna li kontriha tali proċedura tkun infetħet tingħata l-opportunità tesprimi b’mod effettiv il-pożizzjoni tagħha dwar il-fatti u l-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jkunu invokati fil-konfront tagħha qabel ma tittieħed deċiżjoni li taffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi tagħha, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 40/85, EU:C:1986:305, punt 28; tat-12 ta’ Frar 1992, Il-Pajjiżi l-Baxxi et vs Il-Kummissjoni, C‑48/90 u C‑66/90, EU:C:1992:63, punti 44 u 45, kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il‑Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 51).

62      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq informazzjoni li kienet inġabret minn dipartiment tal-Kummissjoni, jiġifieri l-Eurostat, fl-okkażjoni ta’ żjarat imwettqa fi Spanja matul Mejju, Ġunju u Settembru 2012 kif ukoll matul Settembru 2013, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li fetħet l-investigazzjoni, fil-11 ta’ Lulju 2014, u, fir-rigward ta’ tliet żjarat minnhom, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678, fis-26 ta’ Novembru 2012.

63      Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-fatt li din l-informazzjoni nġabret qabel dawn iż-żewġ avvenimenti jivvizzjax id-deċiżjoni kkontestata bi ksur tad-drittijiet tad-difiża.

64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni bħal dik li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament u l-Kunsill adottaw dispożizzjonijiet speċifiċi bil-għan li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża. Dawn jinsabu fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1173/2011 u japplikaw sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, fit-13 ta’ Diċembru 2011. Dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi jipprevedu li l-Kummissjoni għandha s-setgħa tiddeċiedi li tiftaħ investigazzjoni meta tqis li jkun hemm indizji serji tal-eżistenza ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu dikjarazzjonijiet żbaljati. Barra minn hekk, l-istess dispożizzjonijiet jobbligaw lil din l-istituzzjoni, fil-każ li tuża din is-setgħa, tirrispetta kompletament id-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru kkonċernat u b’mod iktar speċifiku tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ippreżentati minn dan l-Istat Membru matul l-investigazzjoni kif ukoll tisma’ lil dan l-Istat Membru qabel ma tippreżenta proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, b’tali mod li din il-proposta għandha tkun ibbażata biss fuq il-fatti li dwarhom l-imsemmi Stat Membru kellu l-opportunità jippreżenta osservazzjonijiet.

65      B’hekk, il-Kummissjoni mhux biss għandha s-setgħa, sa mit-13 ta’ Diċembru 2011, tiġbor informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ indizji serji ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu dikjarazzjonijiet żbaljati, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, iżda għandha wkoll l-obbligu tiġbor tali informazzjoni qabel kwalunkwe ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni taħt l-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, li fil-kuntest tagħha mbagħad għandu jiġi żgurat rispett sħiħ tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti lill-Istat Membru kkonċernat.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, peress li d-diversi żjarat imwettqa f’dan il-każ fi Spanja kienu ġew organizzati b’effett minn Mejju 2012, u għalhekk wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1173/2011, fit-13 ta’ Diċembru 2011, il-fatt li l-Eurostat ġabar, fil-kuntest ta’ dawn iż-żjarat, l-informazzjoni msemmija fil-punt 62 ta’ din is-sentenza ma jivvizzjax id-deċiżjoni kkontestata bi ksur tad-drittijiet tad-difiża.

67      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argumenti tar-Renju ta’ Spanja fis-sens li l-kundizzjonijiet li fihom inġabret l-imsemmija informazzjoni ma humiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni bil-għan li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu jitqies li, bħala prinċipju, kif jirriżulta mill-punt 64 ta’ din is-sentenza, huwa wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni prevista fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1173/2011 li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jinvoka kompletament l-imsemmija drittijiet, u dan sa fejn hija biss din il-proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni li timponi sanzjoni fuq l-imsemmi Stat Membru minħabba li jkun għamel dikjarazzjonijiet żbaljati fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

68      B’dan premess, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li għandu jiġi żgurat li l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża, fil-kuntest ta’ proċedura li tista’ twassal għal att li jikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, ma jkunx kompromess fil-każ li jkunu organizzati, qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura, operazzjonijiet li jippermettu l-ġbir ta’ informazzjoni li jista’ jkollha natura determinanti fir-rigward tal-istabbiliment ta’ tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 63 sa 65, kif ukoll tas-27 ta’ April 2017, FSL et vs Il-Kummissjoni, C‑469/15 P, EU:C:2017:308, punt 43).

69      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li kien fuq il-bażi tar-Regolament Nru 479/2009 li l-Eurostat wettaq l-erba’ żjarat li permezz tagħhom inġabret l-informazzjoni li bbaża ruħu fuqha l-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ittri u mir-rapporti prodotti bħala annessi mar-rikors, l-ewwel nett, iż-żewġ żjarat li seħħew f’Ġunju u f’Settembru 2012 kienu ġew organizzati bħala “żjarat ta’ djalogu”, fis-sens tal-Artikolu 11a ta’ dan ir-regolament, it-tieni nett, iż-żjara li seħħet matul Mejju 2012 kienet “żjara teknika preparatorja” għall-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ żjarat ta’ djalogu u, fl-aħħar nett, dik organizzata matul Settembru 2013 kienet “żjara ad hoc”.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat jekk il-fatt li tinġabar informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet possibbilment żbaljati, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, huwiex awtorizzat mir-Regolament Nru 479/2009 u, fl-affermattiv, jekk il-kundizzjonijiet tal-organizzazzjoni taż-żjarat li matulhom din l-informazzjoni nġabret f’dan il-każ osservawx ir-rekwiżiti proċedurali previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u ħarsux il-possibbiltà, għar-Renju ta’ Spanja, li jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni sussegwenti.

71      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kwistjoni ta’ jekk il-fatt li tinġabar informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet possibbilment żbaljati huwiex awtorizzat mir-Regolament Nru 479/2009, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jobbliga lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni, darbtejn fis-sena, id-data dwar id-defiċit pubbliku tagħhom kif ukoll dwar il-livell tad-dejn pubbliku previsti u attwali tagħhom, sabiex din l-istituzzjoni u l-Kunsill ikunu jistgħu jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom taħt l-Artikoli 121 u 126 TFUE kif ukoll taħt il-Protokoll Nru 12. Issa, huwa preċiżament meta din id-data tkun is-suġġett ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati min-naħa ta’ Stat Membru li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 jippermetti lill-Kunsill jattribwilu ksur u jimponi multa fuqu, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tagħha.

72      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 479/2009, moqri fid-dawl tal-premessi 9 u 10 ta’ dan ir-regolament, jagħti speċifikament lill-Eurostat ir-responsabbiltà li jwettaq, f’isem il-Kummissjoni, evalwazzjoni imparzjali u indipendenti tal-kwalità ta’ din id-data, billi jikkontrolla l-konformità tagħha mar-regoli tal-kontabbiltà, in-natura eżawrjenti tagħha, l-affidabbiltà tagħha, l-attwalità tagħha u l-koerenza tagħha. Għal dan il-għan, il-Eurostat għandu b’mod partikolari s-setgħa li jwettaq, skont l-Artikolu 11a tal-istess regolament, żjarat imsejħa “ta’ djalogu” fl-Istati Membri sabiex tiġi rreveduta d-data nnotifikata, sabiex issir evalwazzjoni metodoloġika u kontabbli tagħha kif ukoll sabiex jiġu identifikati r-riskji jew il-problemi potenzjali fir-rigward tal-kwalità tagħha. Għaldaqstant, dan id-dipartiment tal-Kummissjoni huwa awtorizzat jidentifika, f’dan il-kuntest u b’mod ġenerali, ir-riskji u l-problemi potenzjali li jikkonċernaw l-affidabbiltà tad-data inkwistjoni.

73      B’hekk, ir-Regolament Nru 479/2009, u b’mod iktar preċiż l-Artikolu 11a tiegħu, kien jikkostitwixxi bażi legali li tawtorizza lill-Eurostat jiġbor, fil-kuntest ta’ żjarat bħaż-żewġ żjarat ta’ djalogu u ż-żjara teknika preparatorja msemmija fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, informazzjoni dwar dikjarazzjonijiet possibbilment żbaljati.

74      Fir-rigward tar-raba’ żjara msemmija fl-istess punt, imwettqa bil-għan li jiġi investigat speċifikament is-suġġett tal-kontijiet tal-Komunità Awtonoma ta’ Valencia, huwa minnu li għandu jiġi kkonstatat li tali żjara ma hijiex prevista espliċitament fir-Regolament Nru 479/2009.

75      Madankollu, l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-Eurostat għandu jżomm djalogu permanenti mal-awtoritajiet tal-istatistika tal-Istati Membri. Issa, tali djalogu permanenti jimplika neċessarjament li l-Eurostat għandu jkun jista’ jwettaq id-diversi żjarat u missjonijiet meħtieġa mill-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tiegħu, minbarra ż-żjarat imsemmija speċifikament fl-imsemmi artikolu. Barra minn hekk, il-premessi 7 u 8 tar-Regolament Nru 1173/2011 jistiednu speċifikament lill-Kummissjoni twettaq, fil-kuntest tal-imsemmi djalogu permanenti, missjonijiet fuq il-post u missjonijiet ta’ sorveljanza fl-Istati Membri.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2009 kien jikkostitwixxi bażi legali li tawtorizza lill-Eurostat jiġbor informazzjoni dwar dikjarazzjonijiet possibbilment żbaljati fil-kuntest ta’ din ir-raba’ żjara.

77      Fir-rigward, barra minn hekk, tal-argument tar-Renju ta’ Spanja fis-sens li żjara metodoloġika għandha titwettaq qabel tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678 tipprevedi, fl-Artikolu 2(3) tagħha, li l-Kummissjoni tista’ tagħżel li ma tiftaħx investigazzjoni sakemm ma tkunx għadha twettqet tali żjara, mingħajr għalhekk ma timponi fuqha obbligu f’dan ir-rigward.

78      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-kwistjoni ta’ jekk l-erba’ żjarat inkwistjoni tmexxewx b’osservanza tar-rekwiżiti proċedurali previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u b’mod adegwat sabiex ma jiġix kompromess l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti lir-Renju ta’ Spanja fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni sussegwenti, għandu jingħad, minn naħa, li l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 479/2009 jipprevedi li l-konstatazzjonijiet provviżorji magħmula fil-kuntest taż-żjarat ta’ djalogu organizzati fl-Istati Membri għandhom jintbagħtu lil dawn tal-aħħar sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom.

79      F’dan il-każ, il-konstatazzjonijiet provviżorji magħmula fil-kuntest taż-żjara teknika preparatorja u taż-żewġ żjarat ta’ djalogu msemmija fil-punt 69 ta’ din is-sentenza ġew ippreżentati lir-Renju ta’ Spanja sabiex jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu, kif jixhed ir-rapport tal-Eurostat prodott bħala anness mar-rikors, li jinkludi l-osservazzjonijiet magħmula minn dan l-Istat Membru wara l-komunikazzjoni ta’ verżjoni provviżorja ta’ dan id-dokument. Barra minn hekk, l-imsemmi Stat Membru kien ġie informat minn qabel b’mod iddettaljat dwar is-suġġett preċiż ta’ dawn iż-żjarat, u b’mod partikolari dwar il-fatt li dawn kienu ser ikunu dwar, fost kwistjonijiet oħra, id-data dwar il-Komunità Awtonoma ta’ Valencia, kif jirriżulta mid-dokumenti msemmija fil-punt 69.

80      Min-naħa l-oħra, ir-Renju ta’ Spanja kien ġie informat, b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, qabel iż-żjara organizzata f’Settembru 2013, li din kienet ser tikkonċerna b’mod partikolari dikjarazzjonijiet possibbilment żbaljati magħmula fir-rigward ta’ data dwar il-Komunità Awtonoma ta’ Valencia, kif joħroġ mill-istess dokumenti.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-kundizzjonijiet tal-organizzazzjoni taż-żjarat li twettqu fi Spanja mill-Eurostat f’Mejju, f’Ġunju u f’Settembru 2012 kif ukoll f’Settembru 2013, u li matulhom inġabret l-informazzjoni li serviet ta’ bażi għad-deċiżjoni kkontestata, osservaw ir-rekwiżiti proċedurali previsti mid-dritt tal-Unjoni.

82      Għalhekk, għandu jitqies li l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża mir-Renju ta’ Spanja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni li ppreċediet id-deċiżjoni kkontestata, ma kienx ġie kompromess mid-diversi żjarat li ppermettew lill-Eurostat jiġbor l-imsemmija informazzjoni qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura.

83      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kunsill ma kisirx id-drittijiet tad-difiża tar-Renju ta’ Spanja meta bbaża ruħu, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ dawn iż-żjarat.

84      Għaldaqstant, l-ewwel motiv ma huwiex fondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba

 L-argumenti tal-partijiet

85      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

86      Fil-fatt, skont ir-Renju ta’ Spanja, ma huwiex konformi mar-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva inerenti għal dan id-dritt li l-Kummissjoni tħalli l-istruttorja ta’ proċedura ta’ investigazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1173/2011 f’idejn persuni li preċedentement kienu pparteċipaw fiż-żjarat li wasslu lil din l-istituzzjoni tqis li kien hemm indizji serji ta’ fatti li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ tali proċedura. Issa, f’dan il-każ, tlieta mill-erbatax-il aġent li pparteċipaw fiż-żjarat imwettqa mill-Eurostat fi Spanja, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li fetħet l-investigazzjoni, kienu jagħmlu parti wkoll mill-grupp ta’ erba’ persuni li sussegwentement ġew allokati mill-Kummissjoni għall-imsemmija proċedura. Barra minn hekk, id-dipartiment li jaqgħu taħtu dawn it-tliet persuni, jiġifieri l-Eurostat, għandu riskju ta’ parzjalità sa fejn huwa responsabbli għall-evalwazzjoni tad-data dwar id-dejn u dwar id-defiċit mibgħuta mill-Istati Membri u sa fejn għalhekk huwa għandu interess li l-proċedura ta’ investigazzjoni titmexxa fil-konfront tal-Istat Membru li jkun akkużat li mmanipula din id-data. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikollu jiġi konkluż li l-proċedura ta’ investigazzjoni tmexxiet f’kundizzjonijiet li ma jiżgurawx l-imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni u li dan il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata, adottata mill-Kunsill fi tmiem l-imsemmija proċedura.

87      Filwaqt li jsostni li r-Renju ta’ Spanja ma jistax jinvoka l-Artikolu 41(1) tal-Karta sa fejn huwa Stat Membru u mhux persuna fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jaqbel li dan l-Istat Membru jista’ jinvoka favur tiegħu l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. B’dan premess, il-fatt li l-Kummissjoni tħalli l-istruttorja ta’ proċedura ta’ investigazzjoni miftuħa bis-saħħa tar-Regolament Nru 1173/2011 f’idejn aġenti li kienu preċedentement ipparteċipaw fi żjarat organizzati fuq il-bażi tar-Regolament Nru 479/2009 ma jmurx kontra dan il-prinċipju sa fejn iż-żewġ kuntesti proċedurali inkwistjoni huma legalment differenti. Dan japplika iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, fi tmiem tali proċedura ta’ investigazzjoni, hija istituzzjoni differenti mill-Kummissjoni, jiġifieri l-Kunsill, li hija meħtieġa tadotta deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ manipulazzjoni tal-istatistika u timponi multa fuq l-Istat Membru kkonċernat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

88      L-Artikolu 41(1) tal-Karta, li huwa intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba” u li jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tal-Karta, intitolat “Ċittadinanza”, jipprovdi b’mod partikolari li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

89      F’dan il-każ, huwa Stat Membru li qiegħed jinvoka din id-dispożizzjoni. Mingħajr ma tittieħed pożizzjoni dwar jekk dan jistax jitqies li huwa, jew li jista’ jiġi assimilat ma’, “persuna”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, u jekk għalhekk jistax jinvoka d-dritt invokat minnu, pożizzjoni kkontestata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li dan id-dritt jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N., C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 49), li jista’, min-naħa tiegħu, jiġi invokat mill-Istati Membri u li fid-dawl tiegħu, għalhekk, għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

90      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma meħtieġa josservaw l-imsemmi prinċipju ġenerali tad-dritt fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi miftuħa kontra l-Istati Membri li jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet li jikkawżawlhom preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑501/00, EU:C:2004:438, punt 52, kif ukoll tal-24 ta’ Ġunju 2015, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑549/12 P u C‑54/13 P, EU:C:2015:412, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      B’mod partikolari, dawn l-istituzzjonijiet huma meħtieġa jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit ta’ imparzjalità, fiż-żewġ komponenti tiegħu li huma, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata ma għandu jimmanifesta pożizzjoni diġà meħuda jew preġudizzju personali, u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li din l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar eventwali preġudizzju (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punti 154 u 155 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

92      F’dan il-każ, filwaqt li l-imparzjalità suġġettiva tal-Kummissjoni ma hijiex ikkontestata mir-Renju ta’ Spanja, dan qiegħed isostni, għall-kuntrarju, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalità għaliex din l-istituzzjoni naqset fir-rigward tar-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva minħabba li ħalliet l-istruttorja tal-proċedura ta’ investigazzjoni f’idejn grupp ta’ nies kompost, fil-parti l-kbira tiegħu, minn aġenti tal-Eurostat li kienu diġà pparteċipaw fiż-żjarat organizzati minn dan id-dipartiment fi Spanja, qabel infetħet l-imsemmija proċedura.

93      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, kif sostna ġustament ir-Renju ta’ Spanja, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma għandhomx raġun meta jsostnu li tali argument għandu jiġi miċħud minħabba li kien il-Kunsill, u mhux il-Kummissjoni, li adotta d-deċiżjoni kkontestata fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni.

94      Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li, meta diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom responsabbiltajiet partikolari u distinti fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa kontra Stat Membru li tista’ twassal għal deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju, kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet hija meħtieġa, sa fejn hija kkonċernata, tikkonforma ruħha mar-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva. Għaldaqstant, anki fil-każ li tkun biss waħda minnhom li tkun naqset milli tosserva dan ir-rekwiżit, tali nuqqas jista’ jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni adottata mill-istituzzjoni l-oħra fi tmiem il-proċedura kkonċernata.

95      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk il-Kummissjoni toffrix garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu fir-rigward ta’ eventwali preġudizzju min-naħa tagħha, fil-każ li hija tħalli l-istruttorja ta’ proċedura ta’ investigazzjoni bħal dik li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata f’idejn grupp ta’ persuni kompost, fil-parti l-kbira tiegħu, minn aġenti tal-Eurostat li kienu diġà pparteċipaw fi żjarat organizzati minn dan id-dipartiment fl-Istat Membru kkonċernat qabel il-ftuħ tal-imsemmija proċedura.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dawn iż-żjarat, minn naħa, u din il-proċedura ta’ investigazzjoni, min-naħa l-oħra, jaqgħu f’kuntesti legali distinti u għandhom għan differenti.

97      Fil-fatt, iż-żjarat li l-Eurostat jista’ jwettaq fl-Istati Membri, fuq il-bażi tal-Artikoli 11 u 11a tar-Regolament Nru 479/2009, huma intiżi li jippermettu lil dan id-dipartiment tal-Kummissjoni jwettaq, konformement mal-Artikolu 8(1) tal-istess regolament, evalwazzjoni tal-kwalità tad-data nnotifikata darbtejn fis-sena mill-Istati Membri dwar id-dejn pubbliku tagħhom u dwar id-defiċit pubbliku tagħhom, kif jirriżulta mill-punti 72 u 75 ta’ din is-sentenza.

98      Min-naħa tagħha, il-proċedura ta’ investigazzjoni hija rregolata fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1173/2011 u hija intiża, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati fir-rigward tal-imsemmija data, li jkunu saru intenzjonalment jew b’negliġenza serja, meta tqis li jkun hemm indizji serji ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu tali dikjarazzjonijiet.

99      Fid-dawl ta’ dawn il-kuntesti legali distinti u ta’ dawn l-għanijiet differenti, għandu jitqies li, minkejja li d-data li tkun is-suġġett ta’ dawn iż-żjarat, minn naħa, u ta’ din il-proċedura ta’ investigazzjoni, min-naħa l-oħra, tista’ tkun parzjalment l-istess, l-evalwazzjonijiet li l-Eurostat u l-Kummissjoni huma meħtieġa jwettqu, rispettivament, fir-rigward ta’ din id-data huma, għall-kuntrarju, neċessarjament differenti.

100    Għaldaqstant, l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Eurostat dwar il-kwalità ta’ ċerti elementi ta’ din id-data, wara ż-żjarat imwettqa fi Stat Membru, ma jippreġudikawx, fihom infushom, il-pożizzjoni li tista’ tittieħed mill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati fir-rigward ta’ din l-istess data fil-każ li din l-istituzzjoni tiddeċiedi sussegwentement li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni dwar dan.

101    Minn dan isegwi li l-fatt li l-istruttorja ta’ proċedura ta’ investigazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 tħalliet f’idejn grupp ta’ nies kompost, fil-parti l-kbira tiegħu, minn aġenti tal-Eurostat li kienu diġà pparteċipaw fi żjarat organizzati minn dan id-dipartiment fl-Istat Membru kkonċernat fuq il-bażi tar-Regolament Nru 479/2009, qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura, ma jippermettix, bħala tali, lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li d-deċiżjoni adottata fi tmiem l-imsemmija proċedura hija vvizzjata b’illegalità minħabba nuqqas li jiġi osservat ir-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva li huwa impost fuq il-Kummissjoni.

102    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, minn naħa, li ma huwiex lill-Eurostat, li r-responsabbiltajiet tiegħu huma ddefiniti b’mod ċar fir-Regolament Nru 479/2009, kif ġie espost fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, iżda lill-Kummissjoni, u għalhekk lill-Kummissarji li jaġixxu b’mod kolleġjali, li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1173/2011 jirriżerva, l-ewwel nett, is-setgħa li tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni, it-tieni nett, ir-responsabbiltà li tmexxi l-investigazzjoni u, it-tielet nett, il-possibbiltà li tibgħat lill-Kunsill ir-rakkomandazzjonijiet u l-proposti meħtieġa fi tmiem din l-investigazzjoni.

103    Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1173/2011 ma jagħti ebda responsabbiltà proprja lill-aġenti tal-Eurostat fit-tmexxija tal-proċedura ta’ investigazzjoni.

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-rwol mogħti lill-aġenti tal-Eurostat fl-imsemmija proċedura ta’ investigazzjoni la huwa deċiżiv fir-rigward tal-iżvolġiment tagħha u lanqas fir-rigward tal-eżitu ta’ din il-proċedura.

105    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma jistax jitqies li l-fatt li l-istruttorja tal-proċedura ta’ investigazzjoni tħalliet f’idejn grupp ta’ persuni kompost, fil-parti l-kbira tiegħu, minn aġenti tal-Eurostat li kienu diġà pparteċipaw fi żjarat organizzati minn dan id-dipartiment fi Spanja, qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura, jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’allegat nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li tosserva r-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva.

106    Għaldaqstant, it-tieni motiv ma huwiex fondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ ksur

 L-argumenti tal-partijiet

107    Ir-Renju ta’ Spanja jallega li d-diversi kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 sabiex il-Kunsill ikun jista’ jikkonstata l-eżistenza ta’ ksur ma ġewx issodisfatti f’dan il-każ.

108    F’dan ir-rigward, l-imsemmi Stat Membru jsostni, l-ewwel nett, li l-fatti li kienu ġew attribwiti lilu ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “dikjarazzjoni żbaljata”. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn il-fatti li jikkostitwixxu dikjarazzjoni żbaljata, li tikkostitwixxi ksur ipprojbit mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, u l-fatt li hija sempliċi reviżjoni ta’ data nnotifikata preċedentement lill-Eurostat, li hija operazzjoni permessa taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 479/2009. B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 għandu jinftiehem fis-sens li jippermetti biss lill-Kunsill jissanzjona d-dikjarazzjonijiet żbaljati magħmula mill-Istati Membri dwar data attwali. Għall-kuntrarju, għandu jitqies li d-dikjarazzjonijiet żbaljati dwar data ta’ natura previżjonali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, interpretazzjoni kuntrarja ċċaħħad l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 479/2009 mill-portata tiegħu sa fejn dan jippermetti lill-Istati Membri jirrevedu d-data ta’ natura previżjonali li jkunu nnotifikaw preċedentement lill-Eurostat. Issa, f’dan il-każ, il-fatti li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata kellhom jitqiesu li jikkostitwixxu reviżjoni tad-data ta’ natura previżjonali kkomunikata lill-Kummissjoni fin-notifika tat-30 ta’ Marzu 2012, notifika li l-Eurostat ikkonferma meta ppubblika d-data rreveduta inkwistjoni.

109    It-tieni nett, skont ir-Renju ta’ Spanja, għandu jitqies li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 ma jippermettix lill-Kunsill jissanzjona d-dikjarazzjonijiet żbaljati kollha, iżda dawk biss li kellhom l-effett li jikkompromettu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza ekonomiċi u baġitarji mwettqa mill-Kunsill kif ukoll mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikoli 121 u 126 TFUE u tal-Protokoll Nru 12. Issa, f’dan il-każ, id-dikjarazzjonijiet żbaljati invokati fil-konfront tar-Renju ta’ Spanja ma kinux fixklu b’mod sinjifikattiv lill-Kunsill u lill-Kummissjoni milli jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom f’dan ir-rigward, minħabba l-ħeffa li biha d-data inkwistjoni kienet ġiet sussegwentement irreveduta u minħabba l-ammont tal-ispejjeż ikkonċernati.

110    It-tielet nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li huwa ma jistax jiġi akkużat b’negliġenza serja. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tiffoka fuq l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati li jikkonċernaw biss id-defiċit ta’ entità awtonoma waħda biss, fi ħdan id-defiċit pubbliku kollu, filwaqt li l-Istat Membru kkonċernat kien, fuq livell ġenerali, aġixxa b’diliġenza. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni bl-ebda mod ma tieħu inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni li wera l-imsemmi Stat Membru matul l-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni, u dan wara li kien indika spontanjament l-irregolaritajiet inkwistjoni lil din l-istituzzjoni.

111    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jirribatti, l-ewwel nett, li l-fatt li l-Eurostat jippubblika data rreveduta skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 479/2009 ma jipprekludix li l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jiġi ssanzjonat taħt l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 meta l-pubblikazzjoni ta’ din id-data tkun ir-riżultat ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati.

112    It-tieni nett, il-Kunsill u l-Kummissjoni josservaw li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 jippermetti li tiġi ssanzjonata kull dikjarazzjoni żbaljata ta’ data dwar id-defiċit u dwar id-dejn li tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 121 u 126 TFUE kif ukoll tal-Protokoll Nru 12. Fil-fatt, din id-data kollha hija essenzjali għall-missjonijiet tagħhom ta’ koordinazzjoni u ta’ sorveljanza ekonomiċi u baġitarji, kif jirriżulta mill-premessa 16 tar-Regolament Nru 1173/2011. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-effett ta’ dikjarazzjoni żbaljata ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ ksur iżda biss sabiex tiġi kkalkolata l-multa korrispondenti, kif tippermetti d-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678 u kif sar f’dan il-każ.

113    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-eżistenza ta’ negliġenza serja imputabbli lir-Renju ta’ Spanja, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu, minn naħa, li dan l-Istat Membru għandu jinżamm responsabbli għall-aġir tal-entitajiet territorjali tiegħu, kif jinżamm responsabbli fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, u li ma huwiex konformi mal-fatti li jiġi allegat li l-imsemmi Stat Membru kien indika spontanjament l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati lill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, il-kooperazzjoni murija minn tali Stat Membru matul l-investigazzjoni ma għandha l-ebda rilevanza fir-rigward tal-karatterizzazzjoni tal-ksur previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 iżda tista’ madankollu tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa, kif tippermetti d-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678 u kif sar f’dan il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

114    Għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li r-Renju ta’ Spanja ma huwiex qiegħed jikkontesta l-fatti invokati mill-Kunsill fil-konfront tiegħu. Għaldaqstant, huwa paċifiku, l-ewwel nett, li d-data li kienet ġiet innotifikata minn dan l-Istat Membru lill-Eurostat fit-30 ta’ Marzu 2012 kienet naqqset id-defiċits pubbliċi attwali u ppjanati tiegħu għas-snin 2008 sa 2011 b’EUR 4.5 biljuni, li minnhom EUR 1.9 biljuni kienu jikkonċernaw lill-Komunità Awtonoma ta’ Valencia biss, it-tieni nett, li t-tnaqqis fir-rigward ta’ din l-entità huwa dovut għall-fatt li l-Uffiċċju tal-Verifika ta’ din il-komunità awtonoma kien ivvalida, għal diversi snin, kontijiet li kienu vvizzjati b’irregolaritajiet marbuta man-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ ċerti spejjeż fil-qasam tas-saħħa u man-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kontabbiltà għal perijodu speċifiku, u, fl-aħħar nett, li din is-sitwazzjoni kienet ippersistiet minkejja t-twissijiet repetuti magħmula mill-Qorti tal-Awdituri tal-imsemmija komunità awtonoma.

115    Għall-kuntrarju, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-klassifikazzjoni legali tal-fatti invokati f’dan is-sens mill-Kunsill permezz ta’ tliet sensiliet ta’ argumenti ppreżentati, essenzjalment, fil-punti 108 sa 110 ta’ din is-sentenza, argumenti li sabiex jiġu evalwati hija meħtieġa qabel kollox interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011.

116    Skont din id-dispożizzjoni, huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet sabiex il-Kunsill ikun jista’ jikkonstata l-eżistenza ta’ ksur. L-ewwel nett, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun għamel dikjarazzjonijiet żbaljati, it-tieni nett, dawn id-dikjarazzjonijiet żbaljati għandhom jikkonċernaw data dwar id-defiċit u dwar id-dejn li tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 121 u 126 TFUE jew tal-Protokoll Nru 12, u, it-tielet nett, dan l-Istat Membru għandu jkun aġixxa intenzjonalment jew b’negliġenza serja.

117    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ewwel waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, kif jirriżulta mill-punt 108 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 għandu jinftiehem fis-sens li d-dikjarazzjonijiet żbaljati magħmula dwar data ta’ natura previżjonali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

118    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi osservat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 tirreferi għad-dikjarazzjonijiet żbaljati kollha magħmula mill-Istati Membri, mingħajr ma tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal ċerti tipi ta’ dikjarazzjonijiet jew żbalji. Barra minn hekk, il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1173/2011, li tesponi l-għan imfittex mill-imsemmija dispożizzjoni, tiddikjara li din id-dispożizzjoni hija intiża li tiddisswadi lill-Istati Membri milli jagħmlu dikjarazzjonijiet żbaljati, mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn diversi tipi ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati.

119    B’hekk, għandu jitqies li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, moqri fid-dawl tal-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, jinkludi d-dikjarazzjonijiet żbaljati kollha magħmula mill-Istati Membri dwar id-data li tikkonċerna d-defiċit tagħhom u d-dejn tagħhom u li għandha tiġi nnotifikata lill-Eurostat skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 479/2009, kif ingħad fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, inklużi d-dikjarazzjonijiet żbaljati dwar data ta’ natura previżjonali.

120    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-Renju ta’ Spanja fis-sens li l-inklużjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati magħmula dwar data ta’ natura previżjonali ċċaħħad l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 479/2009 mill-portata tiegħu, sa fejn dan jippermetti lill-Istati Membri jirrevedu d-data ta’ natura previżjonali li jkunu nnotifikaw preċedentement lill-Eurostat.

121    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem tiegħu stess, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 479/2009 ma huwiex intiż li jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jinformaw lill-Eurostat fil-każ speċifiku li huma jirrevedu d-data ta’ natura previżjonali wara li tiġi skoperta dikjarazzjoni żbaljata fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, iżda huwa intiż li jobbligahom, b’mod ġenerali, li jinformaw lil dan id-dipartiment bil-każijiet kollha ta’ reviżjoni kunsiderevoli ta’ data li tkun ġiet innotifikata preċedentement. Għaldaqstant, dan l-artikolu jobbliga lill-Istati Membri jindikaw kemm il-każijiet ta’ reviżjoni ta’ data ta’ natura previżjonali u kemm dawk ta’ reviżjoni ta’ data attwali, irrispettivament mill-possibbiltà mogħtija lill-Kunsill li jimponi fuqhom sanzjoni fil-każ li d-data inkwistjoni tkun is-suġġett ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati. Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati dwar data ta’ natura previżjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 ma għandu l-ebda effett fuq il-portata tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 479/2009.

122    Għaldaqstant, l-argument tar-Renju ta’ Spanja fis-sens li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 għandu jinftiehem fis-sens li d-dikjarazzjonijiet żbaljati magħmula dwar data ta’ natura previżjonali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex fondat.

123    Fir-rigward, it-tieni nett, tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 jippermetti biss lill-Kunsill jissanzjona d-dikjarazzjonijiet żbaljati li jkollhom bħala effett li jikkompromettu l-koordinazzjoni kif ukoll is-sorveljanza ekonomiċi u baġitarji mwettqa mill-Kunsill u mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 121 u 126 TFUE kif ukoll skont il-Protokoll Nru 12.

124    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, il-Kunsill huwa awtorizzat jissanzjona d-dikjarazzjonijiet żbaljati magħmula mill-Istati Membri dwar data li tikkonċerna d-defiċit u d-dejn li tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 121 u 126 TFUE kif ukoll tal-Protokoll Nru 12. B’hekk, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi tali dikjarazzjonijiet b’riferiment għas-suġġett tad-data kkonċernata, jiġifieri d-defiċit u d-dejn tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-kuntrarju, l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludi ebda element li jirreferi għal effett speċifiku li l-imsemmija dikjarazzjonijiet ikunu mistennija jkollhom, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 għandu jinftiehem fis-sens li jippermetti lill-Kunsill jissanzjona d-dikjarazzjonijiet żbaljati kollha magħmula dwar data li tikkonċerna d-dejn u d-defiċit tal-Istat Membru kkonċernat, irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk dawn id-dikjarazzjonijiet żbaljati jkollhomx l-effett li jikkompromettu l-koordinazzjoni kif ukoll is-sorveljanza ekonomiċi u baġitarji mwettqa mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

126    Għaldaqstant, l-argument tar-Renju ta’ Spanja msemmija fil-punt 123 ta’ din is-sentenza ma huwiex fondat.

127    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tat-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, li tipprevedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun aġixxa intenzjonalment jew b’negliġenza serja sabiex ikun jista’ jitqies li wettaq ksur, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li din il-kundizzjoni ma tistax titqies li hija ssodisfatta sa fejn id-dikjarazzjonijiet żbaljati inkwistjoni fil-każ ineżami jikkonċernaw biss id-defiċit ta’ komunità awtonoma waħda biss, fi ħdan id-defiċit pubbliku kollu, minn naħa, u sa fejn huwa kkoopera mal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, wara li indika spontanjament l-irregolaritajiet inkwistjoni lil din l-istituzzjoni, min-naħa l-oħra.

128    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument ibbażat fuq il-fatt li d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni f’dan il-każ jikkonċernaw biss id-defiċit ta’ komunità awtonoma waħda biss, fi ħdan id-defiċit pubbliku kollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ negliġenza serja min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-ksur previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, ma tiddependix min-natura ftit jew wisq limitata tal-irregolaritajiet li wasslu għad-dikjarazzjonijiet żbaljati magħmula minn dan l-Istat Membru, iżda mill-portata tan-nuqqas tal-imsemmi Stat Membru fir-rigward tal-obbligu ta’ diliġenza li huwa għandu fir-rigward tat-tfassil u tal-verifika tad-data li għandha tiġi nnotifikata lill-Eurostat skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 479/2009.

129    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fatt li r-Renju ta’ Spanja kkoopera mal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, wara li indika spontanjament l-irregolaritajiet inkwistjoni lil din l-istituzzjoni, għandu jitfakkar li, kif ingħad fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni prevista fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1173/2011 għandu jkun iġġustifikat permezz tal-eżistenza ta’ indizji serji ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu dikjarazzjonijiet żbaljati magħmula intenzjonalment jew b’negliġenza serja.

130    Minn dan jirriżulta li l-eżistenza ta’ din in-negliġenza serja għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fatti li jikkostitwixxu dikjarazzjonijiet żbaljati, filwaqt li jiġi injorat l-aġir adottat mill-imsemmi Stat Membru wara tali dikjarazzjonijiet.

131    Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, la l-fatt li d-dikjarazzjonijiet żbaljati inkwistjoni f’dan il-każ jikkonċernaw biss id-defiċit ta’ komunità awtonoma waħda biss, fi ħdan id-defiċit pubbliku kollu, u lanqas il-fatt li dan l-Istat Membru kkoopera mal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, wara li indika spontanjament l-irregolaritajiet inkwistjoni lil din l-istituzzjoni, ma huma ta’ natura li jdaħħlu inkwistjoni l-klassifikazzjoni ta’ negliġenza serja magħmula mill-Kunsill.

132    B’dan premess, għandu jiġi osservat li, filwaqt li ma għandu l-ebda effett fuq l-eżistenza ta’ ksur, il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat ikkoopera fil-kuntest tal-iskoperta tad-dikjarazzjonijiet żbaljati u matul l-investigazzjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti meta jsir il-kalkolu tal-multa, skont l-Artikolu 14(3)(e) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678.

133    Għar-raġunijiet preċedenti kollha, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud, fl-intier tiegħu, bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

134    Fir-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja sostna li l-multa imposta permezz tad-deċiżjoni kkontestata kienet sproporzjonata minħabba definizzjoni żbaljata tal-kuntest temporali meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tagħha.

135    F’dan ir-rigward, l-imsemmi Stat Membru sostna li l-Kunsill kiser l-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678, li jipprovdi li l-multa għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi ta’ ammont ta’ referenza li jikkorrispondi għal 5 % “tal-akbar impatt tar-rappreżentazzjoni żbaljata fuq il-livell […] tad-defiċit […] għas-snin rilevanti koperti bin-notifika”. Fil-fatt, skont dan l-Istat Membru, din l-espressjoni għandha tinftiehem fis-sens li l-Kunsill għandu, l-ewwel nett, jagħmel stima tal-impatt tad-dikjarazzjonijiet żbaljati fuq il-livell tad-defiċit għal kull waħda mis-snin koperti min-notifika u kkonċernati minn tali dikjarazzjonijiet, it-tieni nett, jiddetermina s-sena li fir-rigward tagħha dan l-impatt huwa l-iktar kunsiderevoli u, fl-aħħar nett, jiffissa l-ammont ta’ referenza fuq il-bażi ta’ dan l-impatt biss. F’dan il-każ, tali interpretazzjoni kien imissha wasslet lill-Kunsill jiffissa l-ammont ta’ referenza fuq il-bażi tal-ispejjeż li ma ġewx iddikjarati mir-Renju ta’ Spanja fir-rigward tas-sena 2011 biss (jiġifieri EUR 862 miljun). Issa, din l-istituzzjoni ffissat l-imsemmi ammont ta’ referenza fuq il-bażi tal-ispejjeż li ma ġewx iddikjarati fir-rigward tas-snin kollha koperti min-notifika tat-30 ta’ Marzu 2012 u li huma kkonċernati mid-dikjarazzjonijiet żbaljati, jiġifieri s-snin 2008 sa 2011 (jiġifieri madwar EUR 1.9 biljuni). Għaldaqstant, huwa ġġustifikat li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkoreġi dan l-iżball billi tnaqqas l-ammont ta’ referenza għal EUR 43.1 miljun (minflok EUR 94.65 miljuni) u, għaldaqstant, tnaqqas il-multa għal EUR 8.62 miljuni (minflok EUR 18.93 miljuni).

136    Fir-replika tiegħu u mbagħad matul is-seduta, ir-Renju ta’ Spanja żied, f’dan il-kuntest, li l-iżball imwettaq mill-Kunsill kien ukoll wassal lil din l-istituzzjoni tikser il-prinċipju ta’ nonretroattività ta’ dispożizzjonijiet kriminali.

137    Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jirribatti li l-multa imposta permezz tad-deċiżjoni kkontestata kienet ikkalkolata konformement mal-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li l-Kunsill għandu, l-ewwel nett, jiddetermina liema huma s-snin koperti min-notifika u kkonċernati minn dikjarazzjonijiet żbaljati, it-tieni nett, jagħmel stima tal-impatt sħiħ ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet żbaljati fuq il-livell tad-defiċit fir-rigward tas-snin inkwistjoni kollha u, fl-aħħar nett, jiffissa, fuq il-bażi ta’ dan l-impatt sħiħ, l-ammont ta’ referenza tal-multa. F’dan il-każ, tali interpretazzjoni ġustament wasslet lill-Kunsill jiffissa l-ammont ta’ referenza fuq il-bażi tal-ispejjeż li ma ġewx iddikjarati mir-Renju ta’ Spanja fir-rigward tas-snin kollha koperti min-notifika tat-30 ta’ Marzu 2012 u kkonċernati minn dikjarazzjonijiet żbaljati, jiġifieri s-snin 2008 sa 2011.

138    Fl-istess risposta, il-Kunsill sostna wkoll li, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja qiegħed jikkontesta l-applikazzjoni retroattiva tar-Regolament Nru 1173/2011, id-dikjarazzjonijiet żbaljati meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa kienu saru fit-30 ta’ Marzu 2012, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1173/2011 fit-13 ta’ Diċembru 2011.

139    Madankollu, matul is-seduta, il-Kunsill u l-Kummissjoni sostnew li l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ nonretroattività ta’ dispożizzjonijiet kriminali għandha titqies li hija motiv imqajjem fl-istadju tar-replika, jiġifieri motiv ġdid, fis-sens tal-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u inammissibbli skont din id-dispożizzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ammissibbiltà

140    Skont l-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

141    B’dan premess, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, argument li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv imressaq fir-rikors promotur u li jkun marbut mill-qrib miegħu ma jistax jiġi ddikjarat inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑88/14, EU:C:2015:499, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    F’dan il-każ, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li l-argument tar-Renju ta’ Spanja fis-sens li l-multa imposta permezz tad-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet imposta bi ksur tal-prinċipju ta’ nonretroattività ta’ dispożizzjonijiet kriminali jagħmel parti mill-argumenti tar-replika li jikkostitwixxu l-estensjoni tar-raba’ motiv imqajjem fir-rikors promotur tiegħu. It-tieni nett, minn analiżi ta’ dan l-argument u ta’ dan il-motiv jirriżulta li dawn jikkritikaw, it-tnejn li huma, l-istess aspett waħdieni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-fatt li l-Kunsill ikkalkola l-ammont ta’ referenza tal-multa li kellu l-intenzjoni jimponi fuq ir-Renju ta’ Spanja billi ħa inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet żbaljati kollha magħmula minn dan l-Istat Membru fin-notifika tat-30 ta’ Marzu 2012, dwar l-ispejjeż mhux iddikjarati fir-rigward tas-snin 2008 sa 2011, minflok ma ħa inkunsiderazzjoni biss id-dikjarazzjonijiet żbaljati magħmula minn dan l-Istat Membru fir-rigward tas-sena 2011. B’hekk, l-argument u l-motiv inkwistjoni huma marbutin mill-qrib ma’ xulxin.

143    Għal dawn ir-raġunijiet, l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nonretroattività ta’ dispożizzjonijiet kriminali għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

–       Fuq il-mertu

144    Għandu jiġi eżaminat l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nonretroattività ta’ dispożizzjonijiet kriminali, sa fejn dan idaħħal inkwistjoni l-eżistenza stess tal-multa imposta fuq ir-Renju ta’ Spanja, u mbagħad l-argumenti dwar ksur tal-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678, li jikkonċernaw biss il-modalitajiet tal-kalkolu ta’ din il-multa.

145    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nonretroattività ta’ dispożizzjonijiet kriminali, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ nonretroattività ta’ dispożizzjonijiet kriminali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1984, Kirk, 63/83, EU:C:1984:255, punt 22, u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 87). Dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt jeżiġi li l-ksur imputat lil persuna u s-sanzjoni imposta f’dan ir-rigward jikkorrispondu għal dawk li kienu previsti fil-mument li fiha twettqet l-azzjoni jew l-ommissjoni li tikkostitwixxi dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1984, Kirk, 63/83, EU:C:1984:255, punt 21, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 56).

146    B’mod iktar partikolari, minn naħa, l-imsemmi prinċipju ġenerali tad-dritt għandu japplika wkoll għal multi li jkollhom natura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 202). Għaldaqstant, l-impożizzjoni ta’ multa, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, ma tistax tiġi eskluża mill-applikazzjoni tal-istess prinċipju ġenerali tad-dritt, minkejja l-fatt li l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jispeċifika li tali sanzjoni hija ta’ natura amministrattiva.

147    Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom ukoll id-dritt li jinvokaw il-prinċipju ġenerali ta’ nonretroattività ta’ dispożizzjonijiet kriminali sabiex jikkontestaw il-legalità tal-multi li jkunu imposti fuqhom fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 51).

148    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk hemmx ksur ta’ dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt fil-kawża ineżami, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, konformement mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 479/2009 u mad-dispożizzjoni essenzjalment identika li kien hemm preċedentement fir-Regolament Nru 3605/93, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994, l-Istati Membri huma meħtieġa, sa minn dik id-data, jinnotifikaw lill-Eurostat, qabel l-1 ta’ April ta’ kull sena, id-defiċit pubbliku previst tagħhom għas-sena inkwistjoni, l-istima aġġornata tad-defiċit pubbliku attwali tagħhom għas-sena n-1 kif ukoll id-defiċits pubbliċi attwali tagħhom għas-snin n-2, n-3 u n-4.

149    Kien bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni li r-Renju ta’ Spanja bagħat lill-Eurostat in-notifika tat-30 ta’ Marzu 2012 fejn ippreżenta, b’mod partikolari, id-data dwar id-defiċits pubbliċi tiegħu għas-snin 2008 sa 2011, punt dan li huwa paċifiku.

150    It-tieni nett, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 jipprevedi, sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, fit-13 ta’ Diċembru 2011, li l-fatt li Stat Membru jagħmel, intenzjonalment jew b’negliġenza serja, dikjarazzjonijiet żbaljati dwar id-data li tkun tinsab f’tali notifika jikkostitwixxi ksur li jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ multa.

151    Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li n-notifika tat-30 ta’ Marzu 2012, li saret wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1173/2011, kien fiha dikjarazzjonijiet żbaljati dwar id-data li tikkonċerna d-defiċits pubbliċi ta’ dan l-Istat Membru fir-rigward tas-snin 2008 sa 2011 u, b’mod iktar partikolari, kienet tnaqqas id-defiċits tal-Komunità Awtonoma ta’ Valencia matul dawn is-snin, kif jirriżulta mill-punti 114, 135 u 137 ta’ din is-sentenza.

152    Għaldaqstant, il-ksur imputat lir-Renju ta’ Spanja u s-sanzjoni imposta fuq dan l-Istat Membru fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 jikkorrispondu għal dawk li kienu previsti fil-mument li fih saru dawn id-dikjarazzjonijiet. Għaldaqstant, l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ nonretroattività ta’ dispożizzjonijiet kriminali għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

153    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq ksur tal-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678, minħabba li l-kalkolu tal-multa imposta fuq l-imsemmi Stat Membru huwa żbaljat, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill iddetermina l-ammont ta’ referenza ta’ din il-multa fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, li min-naħa tagħha kienet ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 1173/2011 u bil-għan indikat fil-premessa 17 ta’ dan ir-regolament.

154    Skont l-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678, l-imsemmi ammont kellu jiġi ffissat, fil-każ ineżami, għal 5 % tal-iktar impatt importanti tad-dikjarazzjonijiet żbaljati tar-Renju ta’ Spanja fuq il-livell tad-defiċit tiegħu fir-rigward tas-snin rilevanti koperti min-notifika tiegħu tat-30 ta’ Marzu 2012.

155    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku, l-ewwel nett, li s-“snin rilevanti koperti” minn din in-notifika, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, huma s-snin 2008 sa 2011, it-tieni nett, li l-“impatt” tad-dikjarazzjonijiet żbaljati fuq il-livell tad-defiċit tar-Renju ta’ Spanja, fis-sens tal-istess dispożizzjoni, jikkorrispondi għall-ammont tal-ispejjeż tal-Komunità Awtonoma ta’ Valencia li ma kinux ġew iddikjarati matul dawn is-snin u, it-tielet nett, li l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż huwa ta’ EUR 29 miljun fir-rigward tas-sena 2008, ta’ EUR 378 miljun fir-rigward tas-sena 2009, ta’ EUR 624 miljun fir-rigward tas-sena 2010 u ta’ EUR 862 miljun fir-rigward tas-sena 2011, jiġifieri total ta’ kważi EUR 1.9 biljuni.

156    Għall-kuntrarju, kif indikat fil-punti 135 u 137 ta’ din is-sentenza, il-partijiet ma humiex jaqblu dwar kif għandu jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “l-akbar impatt”, fis-sens tal-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678, fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni f’din id-deċiżjoni tal-aħħar.

157    Issa, id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjoni li fiha jinsab dan il-kunċett ma jippermettux li t-tifsira tagħha tiġi ddeterminata b’mod ċar u inekwivoku, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 163 tal-konklużjonijiet tagħha.

158    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett inkwistjoni għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest u tal-għan tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

159    F’dan ir-rigward, peress li l-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678 huwa intiż li jispeċifika l-kriterji għall-istabbiliment tal-ammont tal-multi imposti skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, il-kliem tiegħu għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

160    Kif intqal fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, l-għan tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011 huwa li jiddisswadi lill-Istati Membri milli jagħmlu dikjarazzjonijiet żbaljati, billi jippermetti lill-Kunsill jissanzjona tali dikjarazzjonijiet. L-Artikolu 8(2) tal-istess regolament jispeċifika li l-multi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandhom ikunu effikaċi, dissważivi u proporzjonati għan-natura, għall-gravità kif ukoll għat-tul tad-dikjarazzjonijiet żbaljati.

161    Issa, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 165 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk il-kunċett ta’ “l-akbar impatt” li jinsab fl-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678 jiġi interpretat fis-sens li multa għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi tal-impatt li kellhom dawn id-dikjarazzjonijiet żbaljati matul sena waħda biss, meta dawn id-dikjarazzjonijiet jikkonċernaw diversi snin, din il-multa la tkun proporzjonata għall-perijodu kopert mill-imsemmija dikjarazzjonijiet u lanqas ma tkun, għal din ir-raġuni, dissważiva.

162    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “l-akbar impatt”, fis-sens tal-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678, għandu jinftiehem, fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjoni inkwistjoni, fis-sens li jirreferi għall-impatt sħiħ li d-dikjarazzjonijiet żbaljati kellhom fuq id-defiċit jew fuq id-dejn tal-Istat Membru li huwa l-awtur tagħhom, matul is-snin kollha koperti min-notifika tiegħu u li huma kkonċernati minn tali dikjarazzjonijiet.

163    F’dan il-każ, il-Kunsill għalhekk seta’ jqis b’mod validu, fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont ta’ referenza tas-sanzjoni li kellha tiġi imposta fuq ir-Renju ta’ Spanja kellu jiġi ffissat għal 5 % tal-ammont totali tal-ispejjeż mhux iddikjarati minn dan l-Istat Membru, fir-rigward tal-Komunità Awtonoma ta’ Valencia, matul is-snin 2008 sa 2011.

164    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

165    Peress li l-motivi kollha mressqa mir-Renju ta’ Spanja insostenn tar-rikors għal annullament tiegħu għandhom jiġu miċħuda, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

166    L-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li r-Renju ta’ Spanja tilef fuq il-motivi tiegħu, huwa għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk tal-Kunsill, konformement mat-talbiet ta’ din l-istituzzjoni.

167    Barra minn hekk, l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jagħmlu intervent fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.