Language of document : ECLI:EU:C:2017:982

Kawża C-521/15

Ir-Renju ta’ Spanja

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1289 – Impożizzjoni ta’ multa fuq Stat Membru fil-kuntest tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja taż-żona tal-euro – Manipulazzjoni tad-data tal-istatistika dwar id-defiċit tal-Istat Membru kkonċernat – Kompetenza ġudizzjarja – Regolament (UE) Nru 1173/2011 – Artikolu 8(1) u (3) – Deċiżjoni ta’ Delega 2012/678/UE – Artikolu 2(1) u (3), kif ukoll Artikolu 14(2) – Regolament (KE) Nru 479/2009 – Artikolu 3(1), Artikolu 8(1) kif ukoll Artikoli 11 u 11a – Drittijiet tad-difiża – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41(1) – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Artikoli 121, 126 u 136 TFUE – Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv – Eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur – Dikjarazzjonijiet żbaljati – Determinazzjoni tal-multa – Prinċipju ta’ nonretroattività ta’ dispożizzjonijiet kriminali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ Diċembru 2017

1.        Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill – Natura tal-att adottat – Neċessità tan-natura vinkolanti tal-att u tal-kapaċità tiegħu li jiġi implimentat mill-Istati Membri – Portata

(Artikolu 291(1) u (2) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1173/2011, Artikolu 8(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1289)

2.        Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Sorveljanza ekonomika u baġitarja taż-żona tal-euro – Impożizzjoni ta’ sanzjonijiet minħabba manipulazzjoni tal-istatistika – Adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ sanzjoni fuq il-bażi ta’ informazzjoni miġbura qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tispeċifika r-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet u għas-sanzjonijiet – Ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru kkonċernat – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1173/2011, Artikolu 8(1); Regolament tal-Kunsill Nru 479/2009, Artikoli 11 u 11a; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/678)

3.        Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Portata – Invokazzjoni minn Stat Membru – Ammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1))

4.        Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Rekwiżit ta’ imparzjalità – Kunċett

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1))

5.        Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Sorveljanza ekonomika u baġitarja taż-żona tal-euro – Impożizzjoni ta’ sanzjonijiet minħabba manipulazzjoni tal-istatistika – Adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ deċiżjoni mat-tmiem ta’ investigazzjoni mwettqa mill-aġenti tal-Eurostat li preċedentement kienu pparteċipaw fi żjarat ta’ kontroll fl-Istat Membru kkonċernat – Ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1173/2011, Artikolu 8(1) u (3); Regolament tal-Kunsill Nru 479/2009)

6.        Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Sorveljanza ekonomika u baġitarja taż-żona tal-euro – Impożizzjoni ta’ sanzjonijiet minħabba manipulazzjoni tal-istatistika – Kundizzjonijiet – Dikjarazzjonijiet żbaljati magħmula minn Stat Membru dwar id-defiċit tiegħu – Natura previżjonali tad-data inkluża fid-dikjarazzjonijiet – Assenza ta’ effett

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1173/2011, Artikolu 8(1); Regolament tal-Kunsill Nru 479/2009, Artikoli 3 u 6)

7.        Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Sorveljanza ekonomika u baġitarja taż-żona tal-euro – Impożizzjoni ta’ sanzjonijiet minħabba manipulazzjoni tal-istatistika – Kundizzjonijiet – Dikjarazzjonijiet żbaljati magħmula minn Stat Membru dwar id-defiċit tiegħu – Neċessità li d-dikjarazzjonijiet jikkompromettu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza ekonomiċi u baġitarji – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1173/2011, Artikolu 8(1))

8.        Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Sorveljanza ekonomika u baġitarja taż-żona tal-euro – Impożizzjoni ta’ sanzjonijiet minħabba manipulazzjoni tal-istatistika – Kundizzjonijiet – Eżistenza ta’ intenzjoni jew ta’ negliġenza serja min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1173/2011, Artikolu 8(1) u (3); Regolament tal-Kunsill Nru 479/2009, Artikolu 3)

9.        Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Żvilupp ta’ motiv imressaq preċedentement – Ammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 127(1))

10.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Nuqqas ta’ retroattività tad-dispożizzjonijiet kriminali – Kamp ta’ applikazzjoni – Multi imposti fuq Stat Membru fil-kuntest tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja taż-żona tal-euro – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1173/2011, Artikoli 8(1) u 9)

11.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Nuqqas ta’ retroattività tad-dispożizzjonijiet kriminali – Invokazzjoni minn Stat Membru – Ammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49)

12.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Sorveljanza ekonomika u baġitarja taż-żona tal-euro – Impożizzjoni ta’ sanzjonijiet minħabba manipulazzjoni tal-istatistika – Multi – Ammont – Kriterji – Iffissar tal-ammont ta’ referenza bħala 5 % tal-ikbar impatt tad-dikjarazzjonijiet żbaljati fuq il-livell tad-defiċit jew tad-dejn – Kunċett ta’“l-ikbar impatt”

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1173/2011, Artikolu 8(1); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/678, Artikolu 14(2))

1.      Id-Deċiżjoni 2015/1289, li timponi multa fuq Spanja għall-manipulazzjoni tad-data dwar id-defiċit fil-Komunità Awtonoma ta’ Valencia, ma tistax titqies li kienet ġiet adottata fl-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ implimentazzjoni, mogħtija lill-Kunsill konformement mal-Artikolu 291(2) TFUE. Fil-fatt, għalkemm din id-deċiżjoni għandha titqies li hija att meħud fl-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ implimentazzjoni, peress li ġiet adottata b’applikazzjoni tas-setgħat mogħtija lill-Kunsill permezz tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, l-Artikolu 291(2) TFUE huwa biss bażi legali waħda possibbli minn fost oħrajn għall-eżerċizzju ta’ tali kompetenza mill-Kunsill.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 291(2) TFUE jikkonċerna biss l-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni li bħala prinċipju huma tali li jistgħu jiġu implementati mill-Istati Membri, bħalma huma dawk li għalihom jirreferi l-Artikolu 291(1) TFUE, iżda li, għall-kuntrarju ta’ dawn, għandhom, minħabba raġuni partikolari, jiġu implimentati permezz ta’ miżuri li ma jkunux adottati minn kull Stat Membru kkonċernat iżda mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill, sabiex b’hekk tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fi ħdan l-Unjoni. Issa, dan b’mod ċar ma jkunx il-każ meta jkun hemm att li jistabbilixxi setgħa li tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ multa fuq Stat Membru. Fil-fatt, tali att bl-ebda mod ma huwa ta’ natura tali li jista’ jiġi implimentat mill-Istati Membri stess sa fejn tali implimentazzjoni timplika l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva fil-konfront ta’ wieħed minnhom.

(ara l-punti 44, 48, 49 51)

2.      Il-Kunsill ma jiksirx id-drittijiet tad-difiża ta’ Stat Membru li kien is-suġġett ta’ multa skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, meta jibbaża ruħu, fid-deċiżjoni ta’ sanzjoni, fuq l-informazzjoni miġbura minn dipartiment tal-Kummissjoni, jiġifieri l-Eurostat, fl-okkażjoni ta’ żjarat imwettqa fl-imsemmi Stat Membru qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li fetħet l-investigazzjoni u qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2012/678, dwar l-investigazzjonijiet u l-multi marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika kif imsemmi fir-Regolament Nru 1173/2011.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, peress li d-diversi żjarat imwettqa fl-Istat Membru kkonċernat kienu ġew organizzati wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1173/2011, il-fatt li l-Eurostat ġabar, fil-kuntest ta’ dawn iż-żjarat, l-informazzjoni msemmija ma jivvizzjax id-deċiżjoni inkwistjoni bi ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fit-tieni lok, ir-Regolament Nru 479/2009, dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod iktar preċiż l-Artikolu 11a tiegħu, jikkostitwixxi bażi legali li tawtorizza lill-Eurostat jiġbor, fil-kuntest ta’ tali żjarat, informazzjoni dwar dikjarazzjonijiet possibbilment żbaljati min-naħa ta’ Stat Membru fir-rigward tad-data dwar id-defiċit tiegħu. Barra minn hekk, id-djalogu permanenti miżmum mill-Eurostat mal-awtoritajiet tal-istatistika tal-Istati Membri skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2009 jimplika neċessarjament li l-Eurostat għandu jkun jista’ jwettaq id-diversi żjarat u missjonijiet meħtieġa mill-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tiegħu, minbarra ż-żjarat imsemmija speċifikament fl-imsemmi artikolu.

(ara l-punti 62, 66, 73, 75, 83)

3.      Id-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li, min-naħa tiegħu, jista’ jiġi invokat mill-Istati Membri.

(ara l-punt 89)

4.      L-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma meħtieġa jirrispettaw id-dritt għal amministrazzjoni tajba fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi miftuħa kontra l-Istati Membri li jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet li jikkawżawlhom preġudizzju. B’mod partikolari, dawn l-istituzzjonijiet huma meħtieġa jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit ta’ imparzjalità, fiż-żewġ komponenti tiegħu li huma, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata ma għandu jimmanifesta pożizzjoni diġà meħuda jew preġudizzju personali, u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li din l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar eventwali preġudizzju.

F’dan ir-rigward, meta diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom responsabbiltajiet partikolari u distinti fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa kontra Stat Membru li tista’ twassal għal deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju, kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet hija meħtieġa, sa fejn hija kkonċernata, tikkonforma ruħha mar-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva. Għaldaqstant, anki fil-każ li tkun biss waħda minnhom li tkun naqset milli tosserva dan ir-rekwiżit, tali nuqqas jista’ jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni adottata mill-istituzzjoni l-oħra fi tmiem il-proċedura kkonċernata.

(ara l-punti 90, 91, 94)

5.      Il-fatt li l-istruttorja ta’ proċedura ta’ investigazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, tħalliet f’idejn grupp ta’ nies kompost, fil-parti l-kbira tiegħu, minn aġenti tal-Eurostat li kienu diġà pparteċipaw fi żjarat organizzati minn dan id-dipartiment fl-Istat Membru kkonċernat fuq il-bażi tar-Regolament Nru 479/2009, dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura, ma jippermettix, bħala tali, li jiġi konkluż li d-deċiżjoni adottata fi tmiem l-imsemmija proċedura hija vvizzjata b’illegalità minħabba nuqqas li jiġi osservat ir-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva li huwa impost fuq il-Kummissjoni.

Barra minn hekk, ma huwiex lill-Eurostat, li r-responsabbiltajiet tiegħu huma ddefiniti b’mod ċar fir-Regolament Nru 479/2009, iżda lill-Kummissjoni, u għalhekk lill-Kummissarji li jaġixxu b’mod kolleġjali, li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1173/2011 jirriżerva, l-ewwel nett, is-setgħa li tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni, it-tieni nett, ir-responsabbiltà li tmexxi l-investigazzjoni u, it-tielet nett, il-possibbiltà li tibgħat lill-Kunsill ir-rakkomandazzjonijiet u l-proposti meħtieġa fi tmiem din l-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1173/2011 ma jagħti ebda responsabbiltà proprja lill-aġenti tal-Eurostat fit-tmexxija tal-proċedura ta’ investigazzjoni.

(ara l-punti 101-103)

6.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, jinkludi d-dikjarazzjonijiet żbaljati kollha magħmula mill-Istati Membri dwar id-data li tikkonċerna d-defiċit tagħhom u d-dejn tagħhom u li għandha tiġi nnotifikata lill-Eurostat skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 479/2009, dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, inklużi d-dikjarazzjonijiet żbaljati dwar data ta’ natura previżjonali. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument li l-inklużjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati magħmula dwar data ta’ natura previżjonali ċċaħħad l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 479/2009 mill-portata tiegħu, sa fejn dan jippermetti lill-Istati Membri jirrevedu d-data ta’ natura previżjonali li jkunu nnotifikaw preċedentement lill-Eurostat. Fil-fatt, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 479/2009 jobbliga lill-Istati Membri jindikaw kemm il-każijiet ta’ reviżjoni ta’ data ta’ natura previżjonali u kemm dawk ta’ reviżjoni ta’ data attwali, irrispettivament mill-possibbiltà mogħtija lill-Kunsill li jimponi fuqhom sanzjoni fil-każ li d-data inkwistjoni tkun is-suġġett ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati.

(ara l-punti 119-121)

7.      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, jiddefinixxi d-dikjarazzjonijiet żbaljati magħmula mill-Istati Membri b’riferiment għas-suġġett tad-data kkonċernata, jiġifieri d-defiċit u d-dejn tal-Istat Membru inkwistjoni, irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk dawn id-dikjarazzjonijiet żbaljati kellhomx l-effett li jikkompromettu l-koordinazzjoni kif ukoll is-sorveljanza ekonomiċi u baġitarji mwettqa mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 124, 125)

8.      L-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ negliġenza serja min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-ksur previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, ma tiddependix min-natura ftit jew wisq limitata tal-irregolaritajiet li wasslu għad-dikjarazzjonijiet żbaljati magħmula minn dan l-Istat Membru, iżda mill-portata tan-nuqqas tal-imsemmi Stat Membru fir-rigward tal-obbligu ta’ diliġenza li huwa għandu fir-rigward tat-tfassil u tal-verifika tad-data li għandha tiġi nnotifikata lill-Eurostat skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 479/2009, dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Peress li l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni prevista fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1173/2011 għandu jkun iġġustifikat permezz tal-eżistenza ta’ indizji serji ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu dikjarazzjonijiet żbaljati magħmula intenzjonalment jew b’negliġenza serja, l-eżistenza ta’ din in-negliġenza serja għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fatti li jikkostitwixxu dikjarazzjonijiet żbaljati, filwaqt li jiġi injorat l-aġir adottat mill-imsemmi Stat Membru wara tali dikjarazzjonijiet. Minn dan isegwi li la l-fatt li d-dikjarazzjonijiet żbaljati jikkonċernaw biss id-defiċit ta’ komunità awtonoma waħda biss, fi ħdan id-defiċit pubbliku kollu, u lanqas il-fatt li l-Istat Membru kkoopera mal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, wara li indika spontanjament l-irregolaritajiet inkwistjoni lil din l-istituzzjoni, ma huma ta’ natura li jdaħħlu inkwistjoni l-klassifikazzjoni ta’ negliġenza serja magħmula mill-Kunsill.

(ara l-punti 128-131)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 141)

10.    Il-prinċipju ta’ nonretroattività ta’ dispożizzjonijiet kriminali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt jeżiġi li l-ksur imputat lil persuna u s-sanzjoni imposta f’dan ir-rigward jikkorrispondu għal dawk li kienu previsti fil-mument li fiha twettqet l-azzjoni jew l-ommissjoni li tikkostitwixxi dan il-ksur. B’mod iktar partikolari, l-imsemmi prinċipju ġenerali tad-dritt għandu japplika wkoll għal multi li jkollhom natura amministrattiva. Għaldaqstant, l-impożizzjoni ta’ multa, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, ma tistax tiġi eskluża mill-applikazzjoni tal-istess prinċipju ġenerali tad-dritt, minkejja l-fatt li l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jispeċifika li tali sanzjoni hija ta’ natura amministrattiva.

(ara l-punti 145, 146)

11.    L-Istati Membri għandhom id-dritt li jinvokaw il-prinċipju ġenerali ta’ nonretroattività ta’ dispożizzjonijiet kriminali sabiex jikkontestaw il-legalità tal-multi li jkunu imposti fuqhom fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punt 147)

12.    Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Stat Membru b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, il-kunċett ta’ “l-ikbar impatt”, fis-sens tal-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni 2012/678, dwar l-investigazzjonijiet u l-multi marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika kif imsemmi fir-Regolament Nru 1173/2011, għandu jinftiehem, fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjoni inkwistjoni, fis-sens li jirreferi għall-impatt sħiħ li d-dikjarazzjonijiet żbaljati kellhom fuq id-defiċit jew fuq id-dejn tal-Istat Membru li huwa l-awtur tagħhom, matul is-snin kollha koperti min-notifika tiegħu u li huma kkonċernati minn tali dikjarazzjonijiet.

(ara l-punt 162)