Language of document : ECLI:EU:C:2015:829

Kawża C‑388/14

Timac Agro Deutschland GmbH

vs

Finanzamt Sankt Augustin

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Finanzgericht Köln)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Libertà ta’ stabbiliment – Stabbiliment permanenti mhux residenti – Prevenzjoni tat-taxxa doppja bl-eżenzjoni tad-dħul tal-istabbiliment permanenti mhux residenti – Teħid inkunsiderazzjoni tat-telf sostnut minn tali stabbiliment permanenti – Tintegra mill-ġdid it-telf imnaqqas preċedentement f’każ ta’ trasferiment tal-istabbiliment mhux residenti – Telf definittiv”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2015

1.        Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja li jeżenta d-dħul ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tal-kumpannija li għandha l-imsemmi stabbiliment permanenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-imsemmija kumpannija residenti tieħu inkunsiderazzjoni telf imwettaq mill-istabbiliment permanenti – Integrazzjoni mill-ġdid tat-telf preċedentement imnaqqas f’każ ta’ trasferiment tal-istabbiliment permanenti lil kumpannija mhux residenti tal-istess grupp – Ammissibbiltà – Limiti – Tnaqqis tat-telf definittiv

(Artikolu 49 TFUE)

2.        Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Teħid inkunsiderazzjoni minn kumpannija residenti tat-telf ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru differenti minn dak tal-imsemmija kumpannija – Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ intaxxar tar-riżultati tal-istabbiliment permanenti lil dan l-Istat Membru l-ieħor – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi tali teħid inkunsiderazzjoni f’każ ta’ trasferiment tal-imsemmi stabbiliment fi Stat Membru li għandu l-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ intaxxar – Sitwazzjoni li ma hijiex paragunabbli għal dik ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fl-Istat ta’ resdienza tal-kumpannija residenti

(Artikolu 49 TFUE)

1.        L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix sistema fiskali ta’ Stat Membru skont liema, f’każ ta’ trasferiment minn kumpannija residenti ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor ta’ kumpannija mhux residenti li tagħmel parti mill-istess grupp tal-ewwel kumpannija, it-telf preċedentement imnaqqas fir-rigward tal-istabbiliment ittrasferit huwa integrat mill-ġdid fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija ċedenti meta, skont ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, id-dħul ta’ tali stabbiliment permanenti huwa eżenti minn taxxa fl-Istat Membru fejn il-kumpannija li fuqha kien jiddependi dan l-istabbiliment għandha s-sede tagħha.

Madankollu, peress li l-kumpannija residenti ċedenti turi li t-telf integrat mill-ġdid huwa telf definittiv fis-sens tas-sentenza Marks & Spencer, C‑446/03, l-esklużjoni tal-possibbiltà għal din il-kumpannija li tnaqqas mill-profitt tagħha taxxabbli fl-Istat Membru tar-residenza tagħha t-telf imġarrab minn stabbiliment mhux residenti tmur kontra l-Artikolu 49 TFUE.

(ara l-punti 53, 58, dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix sistema fiskali ta’ Stat Membru li, f’każ ta’ trasferiment mill-kumpannija residenti ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor għal kumpannija mhux residenti li taqa’ fl-istess grupp bħall-ewwel kumpannija, teskludi l-possibbiltà għal kumpannija residenti li tieħu inkunsiderazzjoni t-telf tal-istabbiliment ittrasferit fil-bażi taxxabbli tagħha meta, skont ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, il-ġurisdizzjoni esklużiva li jiġu ntaxxati r-riżultati ta’ dan l-istabbiliment hija tal-Istat Membru fejn huwa jinsab.

Fil-fatt, peress li l-Istat Membru ta’ residenza tal-imsemmija kumpannija ma għandu l-ebda ġurisdizzjoni fiskali fuq ir-riżultati ta’ tali stabbiliment permanenti, is-sitwazzjoni ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor ma hijiex paragunabbli għal dik ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fl-ewwel Stat Membru fir-rigward tal-miżuri previsti minn dan l-Istat sabiex jipprevjenu jew inaqqsu l-intaxxar doppju tal-profitti ta’ kumpannija residenti.

(ara l-punti 65, 66 u d-dispożittiv 2)