Language of document : ECLI:EU:T:2011:171

Kawża T-262/09

Safariland LLC

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR — Raġuni relattiva għal rifjut — Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Eżekuzzjoni mill-UASI ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni tal-Bordijiet tal-Appell tiegħu — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni — Artikolu 63(2), Artikolu 65(6), Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell — Deċiżjoni ġdida

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65(6))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Nuqqas ta’ kunsens tal-proprjetarju ta’ trade mark għar-reġistrazzjoni mitluba minn aġent jew minn rappreżentant f’ismu stess — Aġent jew rappreżentant — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(3))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Nuqqas ta’ kunsens tal-proprjetarju ta’ trade mark għar-reġistrazzjoni mitluba minn aġent jew minn rappreżentant f’ismu stess — Tmiem tar-relazzjoni kuntrattwali fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark — Applikabbiltà tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(3))

4.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell — Eżami mill-ġdid tal-kawża — Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 63(2) u 75)

5.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet — L-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 — Portata identika għal dik tal-Artikolu 253 KE — Użu ta’ motivazzjoni impliċita mill-Bord tal-Appell — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 75(1))

1.      Sabiex jikkonforma mal-obbligu tiegħu, li jirriżulta mill-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, li jadotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali li tannulla d-deċiżjoni ta’ wieħed mill-Bordijiet tal-Appell tagħha, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandu jara li l-appell iwassal għal deċiżjoni ġdida ta’ Bord tal-Appell. F’dan ir-rigward, huwa jista’ jirrinvija l-kawża quddiem il-Bord tal-Appell li kien adotta d-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punt 42)

2.      F’konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, trade mark tiġi rrifjutata għar-reġistrazzjoni meta tintalab mill-aġent jew mir-rappreżentant tal-proprjetarju tat-trade mark f’ismu stess mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, sakemm dan l-agent jew dan ir-rappreżentant ma jiġġustifikax l-azzjoni tiegħu.

Fir-rigward tal-kliem “aġent” u “rappreżentant” imsemmija fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jitqies li, bħal dak li huwa previst fil-linji gwida dwar il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), fir-rigward ta’ preżentazzjoni mhux awtorizzata min-naħa tal-aġenti tal-proprjetarju tat-trade mark, li tali kliem għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’ sabiex jinkludi kull tip ta’ relazzjoni bbażata fuq ftehim kuntrattwali li skontu parti minnhom tirrappreżenta l-interessi tal-oħra, indipendentement mill-kwalifika tar-relazzjoni kuntrattwali stabbilita bejn il-proprjetarju jew il-mandant u l-applikant tat-trade mark Komunitarja. Skont dawn il-linji gwida, huwa biżżejjed, għall-finijiet tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, li jkun hemm ftehim ta’ kollaborazzjoni kummerċjali bejn il-partijiet ta’ natura li joħloq relazzjoni ta’ bona fide li timponi fuq l-applikant, b’mod espress jew impliċitu, obbligu ġenerali li jaġixxi in bona fide u b’lealtà fir-rigward tal-interessi tal-proprjetarju tat-trade mark. Madankollu, għandu jkun hemm ftehim bejn il-partijiet. Jekk l-applikant jaġixxi b’mod kompletament awtonomu, mingħajr ma qatt tkun ġiet stabbilità relazzjoni mal-proprjetarju, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala aġent skont l-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament. Għalhekk, sempliċi xerrej jew klijent tal-proprjetarju ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “aġent” jew bħala “rappreżentant” skont l-Artikolu 8(3) tal-istess regolament peress li tali persuni ma huma marbuta b’ebda obbligu partikolari ta’ bona fide fil-konfront tal-proprjetarju tat-trade mark.

(ara l-punti 60, 64)

3.      F’konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, trade mark tiġi rrifjutata għar-reġistrazzjoni meta tintalab mill-aġent jew mir-rappreżentant tal-proprjetarju tat-trade mark f’ismu stess mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, sakemm dan l-aġent jew dan ir-rappreżentant ma jiġġustifikax l-azzjoni tiegħu.

Fir-rigward tat-tmiem tar-relazzjoni kuntrattwali fil-mument tal-preżentazzjoni tat-trade mark, għandu jiġi kkunsidrat li ma huwiex neċessarju li l-ftehim konkluż bejn il-partijiet ikun għadu fis-seħħ waqt il-preżentazzjoni tat-trade mark u li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament 207/2009 japplika bl-istess mod għall-ftehim li jkunu skadew qabel id-data tal-preżentazzjoni tat-trade mark Komunitarja, bil-kundizzjoni li t-terminu li jkun iddekorra jkun tali li jkun jista’ jiġi preżunt leġittimament li l-obbligu ta’ bona fide u ta’ kunfidenzjalità kien għadu jeżisti waqt il-preżentazzjoni tal-appplikazzjoni għat-trade mark Komunitarja. Tali interpretazzjoni estensiva tal-imsemmi Artikolu 8(3) għandha l-għan li tipproteġi lill-proprjetarju tat-trade marks, anki wara li r-relazzjoni kuntrattwali, li minnha kien jirriżulta l-obbligu ta’ bona fide, tkun intemmet.

(ara l-punti 60, 65)

4.      L-ebda proċedura partikolari ma hija prevista quddiem il-Bordijiet tal-Appell, la mir-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u lanqas mir-Regolament Nru 2868/95, dwar regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94, fil-każ fejn deċiżjoni hija annullata mill-Qorti Ġenerali u rrinvjata quddiem il-Bordijiet tal-Appell, u li għalhekk ma jkunx hemm obbligu li l-partijiet inkwistjoni jinstemgħu mill-ġdid. Tali obbligu jista’ jirriżulta biss mill-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, stabbilit fl-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

Issa, it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 bl-ebda mod ma teżiġi li, wara l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), wara li tkun ġiet annullata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell min-naħa tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti tkun mistiedna mill-ġdid tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom hija diġà kellha ċans tesprimi ruħha fil-kuntest tal-proċedimenti bil-miktub li jkunu saru preċedentement, peress li l-fajl f’dan ir-rigward ikun ittieħed lura fl-istat li kien mill-Bord tal-Appell.

(ara l-punti 83, 84)

5.      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandhom ikunu motivati. Dan l-obbligu għandu l-istess portata bħal dik stabbilita mill-Artikolu 253 KE u l-għan tiegħu huwa li, minn naħa, jippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjoni tal-miżura li ttieħdet sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni.

Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem użat, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll ir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-Bordijiet tal-Appell jipprovdu spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet quddiemhom. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u li l-qorti kompetenti jkollha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

(ara l-punti 90-92)