Language of document : ECLI:EU:T:2014:1000

Kawża T‑521/09

Alstom Grid SAS

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tat-transformers tal-elettriku — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Ftehim ta’ tqassim tas-suq — Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 — Immunità minn multi — Aspettattivi leġittimi — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tas-27 ta’ Novembru 2014

1.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Immunità minn multi — Kundizzjonijiet — Produzzjoni ta’ provi li jistgħu jippermettu lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tordna verifiki — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 20(4), u 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 8(a), u 9)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Immunità minn multi — Kundizzjonijiet — Produzzjoni ta’ provi li jistgħu jippermettu lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tordna verifiki — Użu ta’ informazzjoni miġbura matul verifika preċedenti dwar ksur ieħor — Ammissibbiltà

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 20(4), u 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 8(a), u 9)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Immunità minn multi — Kundizzjonijiet — Produzzjoni ta’ provi li jistgħu jippermettu lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tordna verifiki — Nuqqas ta’ elementi suffiċjenti f’idejn il-Kummissjoni fil-mument tal-produzzjoni tal-provi — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 8(a), 9 u 11)

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Immunità minn multi — Kundizzjonijiet — Natura kumulattiva

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 8(a), 9 u 11)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Immunità minn multi — Kundizzjonijiet — Adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur wara talba għall-immunità — Assenza ta’ effett

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 8 sa 11)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis tal-multi inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriżi implikati — Natura imperattiva għall-Kummissjoni — Ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Distinzjoni bejn sitwazzjoni li tagħti lok għal immunità minn multa u oħra li tagħti lok għal tnaqqis tal-ammont tagħha — Immunità parzjali — Kundizzjonijiet — Adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur wara talba għall-immunità — Assenza ta’ effett

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, it-tielet subparagrafu tal-punt 23(b))

8.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni — Obbligu li jiġu eżaminati l-punti ta’ fatt u ta’ liġi mqajjma mill-persuni kkonċernati — Assenza

(Artikoli 81 KE u 253 KE)

1.      Fil-kuntest ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-punti 8(a) u 9 tal-Komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell jeżiġu, minn naħa, li impriża tkun l-ewwel waħda li tipproduċi provi quddiem il-Kummissjoni li jistgħu jippermettulha tadotta deċiżjoni li tordna verifiki fir-rigward ta’ allegat akkordju li jaffettwa l-Komunità Ewropea u, min-naħa l-oħra, li fil-mument tal-produzzjoni tal-imsemmija provi l-Kummissjoni ma kellhiex provi biżżejjed sabiex tadotta deċiżjoni li tordna verifiki fir-rigward tal-allegat akkordju.

F’dan ir-rigward, sabiex tkun tista’ tadotta deċiżjoni li tordna verifiki skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha ssemmi ċirkustanzi fattwali li jistgħu jiġġustifikawhom. Sabiex tali verifiki jkunu ġġustifikati, ma huwiex neċessarju li d-dokumenti ssekwestrati mill-Kummissjoni kienu ta’ natura li jistabbilixxu mingħajr ebda dubju raġonevoli l-eżistenza ta’ ksur. Fil-fatt, sabiex tadotta deċiżjoni ta’ verifika fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, huwa biżżejjed li hija jkollha elementi u indizji materjali serji li jwassluha sabiex tissuspetta l-eżistenza ta’ ksur. F’dan il-kuntest, id-diversi indizji għandhom jiġu evalwati fit-totalità tagħhom u mhux b’mod iżolat u dawn jistgħu jsaħħu lil xulxin.

(ara l-punti 46, 52-54)

2.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-punt 9 tal-Komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell, il-kwistjoni ma hijiex li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex diġà provi biżżejjed sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ akkordju illegali f’deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur u li timputa multa, iżda biss li jiġi eżaminat jekk hija kellhiex biżżejjed elementi sabiex tadotta deċiżjoni ta’ spezzjoni fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

F’dan ir-rigward, għalkemm l-informazzjoni miġbura matul verifiki ma għandhiex tintuża għal skopijiet oħra għajr dawk indikati fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha fuq l-għarfien tad-dokumenti ssekwestrati matul verifika preċedenti fir-rigward ta’ ksur allegat ieħor biex tadotta deċiżjoni ġdida li tordna verifiki. Fil-fatt, il-fatt li, fil-kuntest ta’ spezzjoni, il-Kummissjoni ssir taf, għall-ewwel darba, b’dokumenti li jindikaw l-eżistenza ta’ ksur mhux kopert mis-suġġett tad-deċiżjoni li tordna l-verifika, ma jagħtihomx protezzjoni assoluta sal-punt li dawn id-dokumenti ma jkunux jistgħu legalment jintalbu u jintużaw bħala prova. Altrimenti, l-impriżi jkunu mħeġġa, waqt verifika fil-kuntest tal-ewwel każ, li jagħtu d-dokumenti kollha li jippermettu li jiġi stabbilit ksur ieħor u li b’hekk jipproteġu ruħhom minn kull proċedura f’dan ir-rigward. Tali soluzzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali u tad-drittijiet tad-difiża, u għalhekk jikkostitwixxu ostakolu mhux ġustifikat għat-twettiq, mill-Kummissjoni, tal-kompitu li tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

(ara l-punti 69-72)

3.      Mill-punt 9 tal-Komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell jirriżulta li immunità skont il-punt 8(a) u l-punt 11 tal-imsemmija komunikazzjoni tista’ tingħata biss meta l-Kummissjoni jkun għad ma għandhiex elementi suffiċjenti sabiex tadotta deċiżjoni li tordna verifiki. Għalhekk, il-punt 9 tal-komunikazzjoni ma jagħmilx riferiment għall-għarfien li eventwali team inkarigat mill-kawża jista’ jkollu iżda għall-għarfien li l-Kummissjoni jista’ jkollha inkwantu istituzzjoni.

F’dan ir-rigward, approċċ fejn il-kriterju determinanti jkun il-livell tal-għarfien li l-eventwali membri ta’ team inkarigat mill-każ jista’ jkollhom fil-mument ta’ meta titressaq it-talba għal immunità ma jkunx konformi mal-ispirtu tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u mal-għanijiet imfittxija minnha. Fil-fatt, il-konsegwenza ta’ tali approċċ tkun li immunità abbażi tal-punt 8(a), kif ukoll tal-punti 9 u 11 tal-imsemmija komunikazzjoni jkollha tingħata, anki jekk jirriżulta li l-elementi u l-indizji materjali li diġà kienu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-mument tat-tressiq tat-talba għal immunità jkunu diġà ppermettewlha li tadotta deċiżjoni li tordna verifika fil-konfront tal-allegat akkordju.

Issa, l-għan tal-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni ma huwiex li jagħti lill-impriżi li jipparteċipaw fl-akkordji sigrieti l-possibbiltà li jevitaw il-konsegwenzi pekunjarji tar-responsabbiltà tagħhom, iżda li jiffaċilita l-iskoperta ta’ tali prattiki u sussegwentement, fil-proċedura amministrattiva, li jgħin fl-isforzi tal-Kummissjoni intiżi sa fejn possibbli għar-rikostituzzjoni tal-fatti rilevanti. Għalhekk, il-benefiċċji li jistgħu jinkisbu mill-impriżi li jipparteċipaw f’tali prattiki ma jistgħux jaqbżu l-livell li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-programm ta’ klemenza u tal-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni.

Għaldaqstant, immunità minn multi hija ġġustifikata biss minħabba l-valur tal-kooperazzjoni tal-impriża li titlob l-immunità. Għalhekk, kif ġustament iddeċidiet il-Kummissjoni fil-punt 6 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-kooperazzjoni ta’ impriża li tinformaha bl-eżistenza ta’ akkordju illegali li hija kienet għadha ma tafx dwaru għandha valur intrinsiku li jista’ jiġġustifika l-immunità minn multi. Min-naħa l-oħra, il-kooperazzjoni ta’ impriża li l-effett tagħha huwa biss li l-Kummissjoni tiġi informata b’akkordju illegali, li tiegħu hija setgħet tissuspetta l-eżistenza abbażi tal-elementi u tal-indizji li hija diġà kellha, ma għandhiex valur intrinsiku paragunabbli. Bil-kontra ta’ dan, kif jirriżulta mill-punt 8(b) tal-imsemmija komunikazzjoni, f’dan l-aħħar każ, immunità minn multi hija ġġustifikata biss meta impriża ma tillimitax ruħha li tinformaha bl-eżistenza tal-akkordju, iżda tipprovdilha wkoll provi li jippermettulha tikkonstata l-eżistenza tiegħu f’deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE.

(ara l-punti 78-82)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 88)

5.      Mill-punti 8 sa 11 tal-Komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell, jirriżulta b’mod ċar li, fil-każ fejn il-Kummissjoni jkollha diġà elementi u indizji materjali serji li setgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni, impriża tista’ tingħata l-immunità minn multi biss meta hija tipproduċi provi li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE.

F’dan ir-rigward, ir-riskju ta’ effett ta’ “ballun tal-borra”, jiġifieri r-riskju li t-talba għal immunità ta’ impriża fir-rigward ta’ akkordju tagħti bidu għal investigazzjoni tal-Kummissjoni, li, min-naħa tagħha, tagħti bidu għat-tressiq ta’ talbiet għal immunità minn impriżi oħra fir-rigward tal-istess settur, iżda li jirrigwardaw akkordji illegali separati minn dak ikkonċernat mit-talba għal immunità inizjali, huwa element inerenti tal-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni. Dan iħeġġeġ lill-impriżi li jixtiequ jikkooperaw magħha sabiex ma jillimitawx ruħhom għal kooperazzjoni selettiva dwar akkordju wieħed, iżda li jikkooperaw bis-sħiħ f’dak li jirrigwarda l-akkordji kollha li huma jafu bihom.

Għaldaqstant, anki fil-każ fejn rabta kawżali bejn talba għal immunità u l-adozzjoni sussegwenti ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni hija stabbilita, dan ma jkunx biżżejjed sabiex l-impriża li ressqet it-talba għal immunità tingħata l-immunità minn multi skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

(ara l-punti 91-93)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 98, 103, 105)

7.      It-tielet subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell jitratta s-sitwazzjoni speċifika li fiha tista’ ssib ruħha impriża li ma tibbenefikax minn immunità minn multi, iżda biss minn tnaqqis tagħha. Fil-fatt, billi tipproduċi provi addizzjonali dwar akkordju, tali impriża tirriskja li tiżvela elementi li jistgħu jaffettwaw il-gravità u t-tul tal-ksur li jista’ jiġi kkonstatat mill-Kummissjoni, u dan jista’ jkollu bħala konsegwenza li s-sanzjonijiet imposti għall-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-akkordju jkunu ikbar. Sabiex l-impriżi kollha, anki dawk li ma jingħatawx immunità minn multi, jiġu mħeġġa jikkooperaw b’mod sħiħ, it-tielet subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jipprevedi immunità parzjali għal dawn il-provi.

F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evalwat jekk impriża pprovdietx provi dwar fatti li ma kinux preċedentement magħrufa mill-Kummissjoni li għandhom effett dirett fuq il-gravità u fuq it-tul tal-allegat akkordju, eventwali rabta’ kawżali bejn it-talba għal immunità u l-adozzjoni sussegwenti ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma għandiex tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, l-għan tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni bl-ebda mod ma huwa li tali rabta kawżali tittieħed inkunsiderazzjoni.

(ara l-punti 111, 112, 114)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 118-120)