Language of document :

Appell ippreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2023 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-4 ta’ Ottubru 2023 fil-Kawża T-444/22, HB vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-770/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Ilkova, L. André u J. Estrada de Solà, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: HB

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla totalment jew parzjalment id-deċiżjoni hekk kif tinsab fid-dispożittiv tas-sentenza appellata;

tiddeċiedi definittivament dwar it-tilwima, konformement mal-Artikolu [61] tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi tiċħad it-talba għal annullament kontra d-deċiżjoni ta’ tpaċija ppreżentata mir-rikorrenti fl-ewwel istanza;

tikkundanna lil HB tbati l-ispejjeż ta’ din il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji:

Skont l-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi fl-eżami tan-natura ċerta, likwida u eżiġibbli tad-dejn fir-rigward tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 1 . Dan l-ewwel aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, il-Qorti Ġenerali hija kkritikata li wettqet żball ta’ liġi billi assimilat l-eżami tan-natura ċerta, likwida u eżiġibbli tad-dejn mal-eżami tal-fondatezza tiegħu. Fit-tieni parti, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-kontestazzjoni tikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura ċerta, likwida u eżiġibbli tad-dejn.

Skont it-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żbaljat fid-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ tpaċija u talli kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza sabiex tadotta tpaċija f’dan il-każ. Dan it-tieni aggravju huwa wkoll maqsum f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta affermat li l-qorti tal-kuntratt kellha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa n-natura ċerta, likwida u eżiġibbli tad-dejn filwaqt li din il-kwistjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni inkwantu qorti tal-legalità. Fil-kuntest tat-tieni parti, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-konklużjonijiet tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-584/17 P huma applikabbli f’dan il-każ, u minn dan iddeduċiet li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa li tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

____________

1     Regolament (UE, Euratorm) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36).