Language of document : ECLI:EU:T:2022:301

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

18 ta’ Mejju 2022 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Suq Ġermaniż tat-trasport bl-ajru – Self mogħti mill-Ġermanja lil Condor Flugdienst – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Artikolu 107(3)(c) TFUE – Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà – Diffikultajiet speċifiċi u li ma jirriżultawx minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp – Diffikultajiet serji wisq sabiex jiġu riżolti mill-grupp innifsu – Riskju ta’ interruzzjoni ta’ servizz importanti”

Fil-Kawża T‑577/20,

Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (l-Irlanda), irrappreżentata minn E. Vahida, F.‑C. Laprévote, V. Blanc, S. Rating u I.‑G. Metaxas-Maranghidis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u V. Bottka, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Condor Flugdienst GmbH, stabbilita f’Neu-Isenburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Birnstiel u S. Blazek, avukati,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov (Relatur), President, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk, G. Hesse u D. Petrlík, Imħallfin,

Reġistratur: I. Pollalis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas‑7 ta’ Diċembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Ryanair DAC, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 7429 final tal‑14 ta’ Ottubru 2019 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.55394 (2019/N) – Il-Ġermanja – Għajnuna għas-salvataġġ ta’ Condor (ĠU 2020, C 294, p. 3, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        L-intervenjenti, Condor Flugdienst GmbH, hija kumpannija tal-ajru li topera titjiriet charter u li s-sede tagħha tinsab f’Neu-Isenburg (il-Ġermanja). Hija tipprovdi servizzi ta’ trasport bl-ajru prinċipalment lil operaturi turistiċi mill-ajruporti ta’ Frankfurt, ta’ Düsseldorf, ta’ München u ta’ Hamburg (il-Ġermanja), billi tiffoka fuq is-suq tal-vjaġġi ta’ rikreazzjoni. Fiż-żmien tal-fatti li wasslu għal din it-tilwima, 100 % tal-ishma tal-intervenjenti kienu miżmuma minn Thomas Cook Group plc (iktar ’il quddiem il-“grupp Thomas Cook”).

3        Fit‑23 ta’ Settembru 2019, il-grupp Thomas Cook tqiegħed fi stralċ ġudizzjarju u temm l-attivitajiet tiegħu.

4        Konsegwentement, fil‑25 ta’ Settembru 2019, l-intervenjenti kellha titlob, min-naħa tagħha, il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza.

5        Fl-istess jum, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea b’miżura ta’ għajnuna għas-salvataġġ favur l-intervenjenti fil-forma ta’ self ta’ EUR 380 miljun mogħti mill-Kreditanstalt für Wiederaufbau (il-Bank Pubbliku għall-Iżvilupp), flimkien ma’ garanzija ta’ 50 % mogħtija mil-Land ta’ Hesse (il-Ġermanja) u ta’ 100 % mill-Istat Federali Ġermaniż (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”).

6        Il-miżura inkwistjoni hija limitata għal perijodu ta’ sitt xhur u hija intiża sabiex iżżomm trasport bl-ajru ordnat u tillimita l-konsegwenzi negattivi għall-intervenjenti, għall-passiġġieri tagħha u għall-persunal tagħha kkawżati mill-istralċ tal-kumpannija omm tagħha, billi tippermettilha tkompli l-attivitajiet tagħha sakemm tasal għal ftehim mal-kredituri tagħha u sakemm isir il-bejgħ tal-kumpannija.

7        Fl‑14 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni, mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali previst fl-Artikolu 108(2) TFUE adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u kienet kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU 2014, C 249, p. 1, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

II.    Ittalbiet talpartijiet

8        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

9        Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Iddritt

10      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-punt 22 tal-linji gwida, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-punt 44(b) tagħhom, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-punt 74 tal-imsemmija linji gwida, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

A.      Fuq lammissibbiltà

11      Ir-rikorrenti ssostni li hija għandha locus standi bħala “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u bħala “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9), li jippermettilha tippreżenta rikors għal annullament intiż għas-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħha kontra d-deċiżjoni kkontestata, meħuda mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

12      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti ma jikkontestawx l-ammissibbiltà tar-rikors.

13      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, bħal f’dan il-każ, hija tkun qiegħda tiddikjara mhux biss li l-miżuri inkwistjoni huma kompatibbli mas-suq intern, iżda tkun qiegħda tirrifjuta wkoll impliċitament li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jekk, wara l-eżami preliminari, il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura kkomunikata tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija għandha tieħu, abbażi tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 2015/1589, deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) KE u fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, tali deċiżjoni tistieden lill-Istati Membri kkonċernati u lill-partijiet interessati l-oħra sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu stabbilit, li normalment ma jeċċedix xahar (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 46).

14      Meta l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tinfetaħx, bħal f’dan il-każ, il-partijiet interessati, li setgħu jressqu osservazzjonijiet matul din it-tieni fażi, ma jkollhomx din il-possibbiltà. Bħala rimedju għal dan, huma għandhom id-dritt li jikkontestaw, quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li ma tinfetaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. B’hekk, rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 108(3) TFUE ippreżentat minn parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE huwa ammissibbli meta l-awtur ta’ dan ir-rikors ikollu l-intenzjoni li jipproteġi d-drittijiet proċedurali li jikseb minn din l-aħħar dispożizzjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, impriża kompetitriċi tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna tinsab inkontestabbilment fost il-“partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il-Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      F’dan il-każ, huwa inkontestabbli li teżisti relazzjoni ta’ kompetizzjoni, għalkemm limitata, bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li hija kienet ilha topera s-servizz tal-ajru mill-Ġermanja għal iktar minn 20 sena, li hija kienet, fl‑2019, ittrasportat iktar minn 19‑il miljun passiġġier minn jew lejn il-Ġermanja u li hija kellha madwar 9 % tas-suq Ġermaniż tat-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, li kien ifisser li kienet it-tieni l-ikbar kumpannija tal-ajru fil-Ġermanja. Ir-rikorrenti enfasizzat ukoll li l-programm tagħha ta’ titjiriet għas-sajf tal‑2020, stabbilit qabel it-tixrid tal-pandemija tal-COVID‑19, kien jinkludi 265 rotta bi tluq minn 14‑il ajruport Ġermaniż. Barra minn hekk, fil-paragrafu 7 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li ċerti destinazzjonijiet moqdija mill-intervenjenti kienu wkoll tar-rikorrenti u li dawn il-kumpanniji tal-ajru kienu kompetituri għal dak li jirrigwarda l-bejgħ ta’ postijiet direttament lill-klijenti finali. Għaldaqstant, minkejja li l-bejgħ ta’ dawn il-postijiet jirrappreżenta biss parti minoritarja tal-bejgħ tal-intervenjenti, ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejnha u r-rikorrenti ma hijiex ikkontestata fir-rigward tal-imsemmi bejgħ.

17      Għaldaqstant, ir-rikorrenti hija parti interessata li għandha interess li tiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħha taħt l-Artikolu 108(2) TFUE.

18      Għaldaqstant, hemm lok li tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha.

19      Għaldaqstant, ir-raba’ motiv, li huwa intiż espliċitament sabiex jikseb ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, huwa ammissibbli.

20      Barra minn hekk, ir-rikorrenti għandha d-dritt, sabiex turi l-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha minħabba dubji li l-miżura kontenzjuża kellha tqajjem fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, li tinvoka argumenti intiżi li juru li l-konstatazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern li waslet għalih il-Kummissjoni kienet żbaljata, fatt li, a fortiori, huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l-Kummissjoni kellha jkollha dubji fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tista’ teżamina l-argumenti fuq il-mertu mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet motiv, li għalihom tirreferi fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, sabiex tivverifika jekk dawn humiex ta’ natura li jsostnu l-motiv espressament imressaq minnha dwar l-eżistenza ta’ dubji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il-Kummissjoni, C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395, punti 57 sa 60, u tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il-Kummissjoni, T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punt 77).

21      Għal dak li jirrigwarda l-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jaqa’ taħt il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni u li ma huwiex relatat mal-legalità sostantiva tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67).

B.      Fuq ilmertu

22      Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat ir-raba’ motiv.

1.      Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ilksur taddrittijiet proċedurali tarrikorrenti

23      Fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li tliet indizji dwar il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata li jikkorrispondu għall-ewwel tliet motivi tagħha juru, fil-fehma tagħha, id-dubji li l-Kummissjoni kellha jkollha matul l-eżami preliminari tal-miżura inkwistjoni.

24      Qabelxejn, għandhom jitfakkru l-prinċipji li jirregolaw l-istħarriġ tal-legalità, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, qabel ma jiġu eżaminati s-sensiela ta’ indizji mressqa mir-rikorrenti.

a)      Prinċipji applikabbli

25      Skont il-ġurisprudenza, meta l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tikseb il-konvinzjoni, wara l-ewwel eżami fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(3) TFUE, li miżura ta’ għajununa mill-Istat ma tikkostitwixxix “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew, jekk tiġi kklassifikata bħala għajnuna, hija kompatibbli mat-Trattat FUE, jew meta din il-proċedura ma tkunx ippermettitilha li tegħleb id-diffikultajiet serji mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata, din l-istituzzjoni jkollha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2005:275, punt 47). Dan l-obbligu huwa kkonfermat espressament ukoll permezz tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 4(4) u tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2015/1589 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 113).

26      L-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589 jindika f’dan ir-rigward li, sakemm il-miżura kkomunikata mill-Istat Membru kkonċernat tikkostitwixxi effettivament għajnuna, hija l-preżenza jew l-assenza ta’ “dubji” dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern li tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ jew ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fi tmiem l-eżami preliminari tagħha.

27      Il-kunċett ta’ dubji msemmi fl-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589 għandu natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ tali dubji għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-adozzjoni tal-att ikkontestat kif ukoll fil-kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi r-raġunijiet għad-deċiżjoni jiġu pparagunati mal-elementi li l-Kummissjoni kellha meta hija tkun ħadet deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq intern. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ dubji jmur lil hinn, min-natura tiegħu stess, mill-verifika ta’ jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punt 63, u tal‑10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T‑304/08, EU:T:2012:351, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni “setgħet kellha għad-dispożizzjoni tagħha” huma dawk li jidhru rilevanti għall-evalwazzjoni li għandha ssir u li hija setgħet, fuq talba tagħha, tikseb il-produzzjoni tagħhom matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 71). Għalkemm jista’ jkun neċessarju li l-Kummissjoni tmur, jekk ikun il-każ, lil hinn mis-sempliċi eżami tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba għall-għarfien tagħha, min-naħa l-oħra, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tfittex, fuq inizjattiva tagħha stess u fin-nuqqas ta’ kull indizju f’dan is-sens, l-informazzjoni kollha li tista’ tippreżenta rabta mal-kawża li jkollha quddiemha, anki meta tali informazzjoni tkun tinsab fl-isfera pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2021, Achemos Grupė u Achema vs Il-Kummissjoni, C‑847/19 P, EU:C:2021:343, punti 49 u 50, u tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il-Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 45).

28      Hija r-rikorrenti li għandha ġġib il-prova tal-eżistenza ta’ dubji, prova li hija tista’ tipproduċi permezz ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il-Kummissjoni, T‑68/15, EU:T:2018:563, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti intiż li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dubji li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

b)      Fuq lindizju dwar ksur talpunt 22 tallinji gwida

30      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni injorat il-punt 22 tal-linji gwida, li juri l-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

31      Il-punt 22 tal-linji gwida jipprevedi dan li ġej:

“Kumpanija li tagħmel parti minn grupp ta’ negozji akbar jew li tkun ser tiġi akkwistata minn grupp ta’ negozji akbar, normalment ma tkunx eleġibbli għall-għajnuna skont dawn il-linji gwida, ħlief fejn ikun jista’ jintwera li d-diffikultajiet tal-kumpanija jkunu intrinsiċi u ma jkunux ir-riżultat ta’ allokazzjoni arbitrarja tal-kostijiet fil-grupp, u li d-diffikultajiet ikunu serji wisq biex jiġu indirizzati mill-grupp innifsu. […]”

32      Skont ir-rikorrent, il-punt 22 tal-linji gwida jipprevedi tliet kundizzjonijiet distinti u kumulattivi għall-għoti ta’ għajnuna għas-salvataġġ lil impriża li tagħmel parti minn grupp, jiġifieri, l-ewwel, li d-diffikultajiet tagħha jkunu speċifiċi għaliha, it-tieni, li dawn ma jirriżultawx minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp u, it-tielet, li l-imsemmija diffikultajiet ikunu serji wisq sabiex jiġu riżolti mill-grupp innifsu. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet interpretazzjoni ġuridika żbaljata ta’ dan il-punt sa fejn hija qieset li l-ewwel żewġ kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jikkostitwixxu biss kundizzjoni waħda li għandha tinftiehem fis-sens li d-diffikultajiet tal-benefiċjarju huma speċifiċi għaliha meta dawn ma jirriżultawx minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp.

33      Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 22 tal-linji gwida ma hija sodisfatta f’dan il-każ.

34      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

35      Qabelxejn, għandu jiġi osservat li ma huwiex ikkontestat li l-intervenjenti, benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni, kienet, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, tifforma parti minn grupp fis-sens tal-punt 22 tal-linji gwida. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex ikollha dubji dwar jekk il-kundizzjonijiet l-oħra msemmija fl-imsemmi punt 22 kinux issodisfatti.

1)      Fuq ilkwistjoni dwar jekk iddiffikultajiet talintervenjenti humiex speċifiċi għaliha u ma jirriżultawx minn tqassim arbitrarju talispejjeż fi ħdan ilgrupp

36      Kif jirriżulta mill-punti 32 sa 34 iktar ’il fuq, il-partijiet ma jaqblux kemm f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 22 tal-linji gwida kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tiegħu f’dan il-każ.

37      Għalhekk għandhom jiġu eżaminati suċċessivament dawn iż-żewġ kwistjonijiet.

i)      Fuq linterpretazzjoni talpunt 22 tallinji gwida

38      Skont ir-rikorrenti, il-punt 22 tal-linji gwida jinkludi, b’mod partikolari, żewġ kundizzjonijiet distinti u indipendenti minn xulxin, jiġifieri, minn naħa, li d-diffikultajiet tal-benefiċjarju tal-għajnuna jkunu speċifiċi għalih u, min-naħa l-oħra, li d-diffikultajiet tiegħu ma jirriżultawx minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp. Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni u l-intervenjenti, din hija biss kundizzjoni waħda li għandha tinftiehem fis-sens li d-diffikultajiet tal-benefiċjarju għandhom jitqiesu li huma speċifiċi għalih jekk ma jirriżultawx minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp.

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-kliem tal-punt 22 tal-linji gwida, għandu jitfakkar li t-testi tad-dritt tal-Unjoni huma redatti f’diversi lingwi u li d-diversi verżjonijiet lingwistiċi huma lkoll awtentiċi, b’tali mod li interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni timplika paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 18, u tas‑6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, EU:T:2005:349, punt 42).

41      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi osservat li, f’diversi verżjonijiet lingwistiċi, is-sintassi tal-frażi subordinata “ħlief fejn ikun jista’ jintwera li d-diffikultajiet tal-kumpanija jkunu intrinsiċi u ma jkunux ir-riżultat ta’ allokazzjoni arbitrarja tal-kostijiet fil-grupp, u li d-diffikultajiet ikunu serji wisq biex jiġu indirizzati mill-grupp innifsu”, hija strutturata f’żewġ stadji, xi drabi separati minn virgola, kif ġej: “ħlief fejn ikun jista’ jintwera li [l-ewwel kundizzjoni], u li [it-tieni kundizzjoni]”. Ir-repetizzjoni tal-konġunzjoni ta’ subordinazzjoni “li” tindika li dawn huma żewġ kundizzjonijiet, l-ewwel waħda, imqiegħda wara l-ewwel “li”, dwar il-fatt li d-diffikultajiet tal-benefiċjarju huma speċifiċi għalih u ma jirriżultawx minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp, u t-tieni waħda, imqiegħda wara t-tieni “li”, dwar il-fatt li l-imsemmija diffikultajiet huma serji wisq sabiex jiġu riżolti mill-grupp innifsu. Din l-ewwel kundizzjoni tidher għalhekk bħala kundizzjoni waħda. Din l-istruttura sintattika hija osservata b’mod partikolari fil-verżjonijiet bil-lingwa Ċeka, Ingliża, Franċiża, Kroata, Taljana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka u Slovena.

42      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tindika espliċitament li jitqiesu bħala “speċifiċi” d-diffikultajiet li ma jirriżultawx minn tqassim arbitrarju fi ħdan il-grupp (“wenn es sich bei den Schwierigkeiten des betreffenden Unternehmens nachweislich um Schwierigkeiten des Unternehmens selbst handelt, die nicht auf eine willkürliche Kostenverteilung innerhalb der Gruppe zurückzuführen sind”). Il-verżjonijiet bil-Grieg u bil-Bulgaru huma wkoll f’dan is-sens.

43      Dawn l-eżempji jindikaw li, skont il-formulazzjoni tal-punt 22 tal-linji gwida f’diversi verżjonijiet lingwistiċi, id-diffikultajiet ta’ benefiċjarju għandhom jitqiesu li huma speċifiċi għalih jekk dawn ma jirriżultawx minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp.

44      Fl-aħħar nett, sa fejn ċerti verżjonijiet lingwistiċi oħra huma inqas espliċiti, għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont il-kuntest u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha tkun tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 28; tal‑24 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, EU:C:2000:98, punt 22, u tas‑7 ta’ Diċembru 2000, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑482/98, EU:C:2000:672, punt 49).

45      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest u tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti l-punt 22 tal-linji gwida, għandu jitfakkar li r-regola stabbilita fl-imsemmi punt għandha b’mod partikolari l-għan li tipprekludi lil grupp ta’ impriżi milli jġiegħlu lill-Istat ibati l-ispiża ta’ operazzjoni ta’ salvataġġ jew ta’ ristrutturazzjoni ta’ waħda mill-impriżi li jikkostitwixxuh, meta din l-impriża tkun f’diffikultà u meta l-grupp innifsu jkun il-kawża ta’ dawn id-diffikultajiet minħabba tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdanu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑511/09, EU:T:2015:284, punt 159).

46      L-għan tal-imsemmi punt 22 huwa għalhekk li jiġi evitat li grupp ta’ impriżi jitfa’ l-ispejjeż tiegħu, id-djun tiegħu jew il-passiv tiegħu fuq entità tal-grupp billi jirrendiha b’dan il-mod eliġibbli għall-benefiċċju ta’ għajnuna għas-salvataġġ, meta hija ma kinitx tkun eliġibbli b’mod ieħor. Fi kliem ieħor, l-imsemmi punt 22 għandu l-għan li jostakola l-evażjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat permezz ta’ mekkaniżmi artifiċjalment maħluqa fi ħdan grupp. Min-naħa l-oħra, l-għan ta’ dan il-punt ma huwiex li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ impriża li tagħmel parti minn grupp għas-sempliċi raġuni li d-diffikultajiet tagħha joriġinaw mid-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-kumplament tal-grupp jew kumpannija oħra tal-grupp, sakemm l-imsemmija diffikultajiet ma jkunux ġew maħluqa artifiċjalment jew maqsuma arbitrarjament fi ħdan l-imsemmi grupp.

47      Issa, l-argument imressaq mir-rikorrenti għandu bħala konsegwenza li tiġi injorata l-assistenza finanzjarja fi ħdan gruppi ta’ impriżi, billi jiskoraġġixxi kumpannija iktar effiċjenti ta’ grupp milli jgħin lil kumpannija oħra tal-istess grupp li jkollha diffikultajiet finanzjarji, taħt piena li hija stess issir ineliġibbli għall-benefiċċju ta’ għajnuna għas-salvataġġ fil-każ fejn dawn id-diffikultajiet jinfirxu għaliha wkoll, preċiżament minħabba l-assistenza li hija tkun ipprovdiet.

48      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-frażi “ħlief fejn ikun jista’ jintwera li d-diffikultajiet tal-kumpanija jkunu intrinsiċi u ma jkunux ir-riżultat ta’ allokazzjoni arbitrarja tal-kostijiet fil-grupp” li tinsab fil-punt 22 tal-linji gwida tinkludi kundizzjoni waħda li għandha tiġi interpretata fis-sens li d-diffikultajiet ta’ impriża li tagħmel parti minn grupp għandhom jitqiesu bħala speċifiċi għaliha jekk dawn ma jirriżultawx minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan l-imsemmi grupp.

ii)    Applikazzjoni għal din ilkawża

49      Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel, billi tirreferi għall-paragrafi 19 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-diffikultajiet tal-intervenjenti ma humiex speċifiċi għaliha, iżda huma estrinsiċi għaliha, fis-sens li dawn huma totalment imputabbli għal kawżi li joriġinaw mill-organizzazzjoni interna tal-grupp Thomas Cook. Fil-fatt, minkejja d-diffikultajiet ta’ dan tal-aħħar, l-intervenjenti għamlet qligħ qabel l-interessi u t-taxxi fuq l-attivitajiet tagħha matul il-perijodu bejn l‑2017 u l‑2019. B’hekk, l-intervenjenti hija kumpannija tal-ajru vijabbli u kompetittiva, li ġiet irrovinata mill-kumpannija omm tagħha. It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li d-diffikultajiet tal-intervenjenti jirriżultaw minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp. Fil-fatt, skont il-paragrafi 15 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata, parti sinjifikattiva mil-likwidità miġbura mill-intervenjenti matul dawn l-aħħar snin kienet ġiet diretta lejn il-kumpannija omm tagħha permezz tal-ippuljar tal-flus (cash-pool) tal-grupp, liema sistema r-rikorrenti tikklassifika bħala artifiċjali u koerċittiva.

50      Mill-paragrafi 15 sa 17, 80 u 109 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-diffikultajiet tal-intervenjenti rriżultaw prinċipalment mit-tqegħid fi stralċ tal-grupp Thomas Cook li b’mod partikolari wassal għat-tħassir ta’ krediti ta’ ammonti kbar li l-intervenjenti kellha fil-konfront tal-imsemmi grupp fil-kuntest tal-ippuljar tal-flus tiegħu, il-waqfien tal-finanzjament intragrupp u t-telf tal-klijent prinċipali tagħha, jiġifieri l-operaturi turistiċi tal-grupp Thomas Cook.

51      L-ewwel, għandu jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward, kif indikaw il-Kummissjoni u l-intervenjenti waqt is-seduta, mingħajr ma ġew kontradetti mir-rikorrenti, li l-ippuljar tal-flus fi ħdan grupp hija prattika kurrenti u mifruxa fi ħdan gruppi ta’ kumpanniji. Dan l-ippuljar jaħdem bħala bank intragrupp, fis-sens li d-diversi kumpanniji tal-grupp jiksbu self intragrupp minn dan il-fond, fil-każ ta’ bżonn ta’ likwidità, u jiddepożitaw fondi fil-fond komuni, fil-każ ta’ eċċess ta’ likwidità, u dan inkambju għal kreditu fuq dan il-fond flimkien mal-interessi. Din is-sistema, li hija amministrata minn entità tal-grupp maħluqa għal dan il-għan, hija intiża sabiex tiffaċilita l-finanzjament tal-grupp billi tippermetti lill-kumpanniji tal-grupp jiffrankaw fuq l-ispejjeż ta’ finanzjament. B’hekk, bħala regola ġenerali, kull kumpannija tal-grupp tista’, f’mument partikolari, tibbenefika mis-sistema ta’ ppuljar billi tikseb aċċess dirett għal-likwidità tal-grupp, filwaqt li hija mitluba tikkontribwixxi għall-imsemmi fond fil-każ fejn hija jkollha eċċess ta’ likwidità.

52      It-tieni, għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-sistema ta’ ppuljar tal-flus tal-grupp Thomas Cook, għandu jiġi osservat, kif issostni l-intervenjenti mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti fuq dan il-punt, li din is-sistema kienet ilha stabbilita għal diversi snin u li għalhekk kienet ilha topera ħafna qabel ma qamu d-diffikultajiet tal-grupp, b’mod li l-implimentazzjoni tagħha ma kinitx relatata ma’ dawn id-diffikultajiet. Għalhekk, bħala eżempju, l-intervenjenti bbenefikat minn din is-sistema fl‑2016 wara nuqqas ta’ likwidità kkawżata minn tnaqqis fit-talbiet għal titjiriet lejn it-Turkija.

53      It-tielet, mill-paragrafu 12 tad-deċiżjoni kkontestata, li jelenka l-kawżi li taw lok għad-diffikultajiet tal-grupp Thomas Cook, jirriżulta li din is-sistema ta’ ppuljar tal-flus ma kinitx il-kawża ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, dawn id-diffikultajiet kienu r-riżultat b’mod partikolari ta’ livell għoli ħafna ta’ dejn marbut mal-akkwisti u mat-telf mill-operat, ta’ attività dgħajfa fis-suq Brittaniku msaħħa mid-diskussjonijiet dwar il-Brexit, tal-kopertura negattiva mill-media dwar ir-ristrutturazzjoni tal-grupp kif ukoll ta’ defiċit strutturali fl-organizzazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

54      Għalkemm ir-rikorrenti tafferma li s-sistema ta’ ppuljar tal-flus tal-grupp Thomas Cook kienet “artifiċjali, dannuża jew koersiva”, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tressaq ebda element konkret li jista’ jsostni dan l-argument.

55      Ir-raba’, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx jekk il-ftehim ta’ ppuljar tal-flus bejn l-intervenjenti u l-grupp Thomas Cook kienx ġie konkluż f’kundizzjonijiet ġusti u jekk ir-riskji kinux maqsuma f’partijiet indaqs bejn id-diversi kumpanniji tal-grupp.

56      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-paragrafi 117 sa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, li jiġbru fil-qosor l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ilment li hija kienet ressqet quddiem il-Kummissjoni dwar il-miżura inkwistjoni, li hija ma kienet iddenunzjat, fl-imsemmi ilment, ebda applikazzjoni inġusta tal-ippuljar tal-flus tal-grupp. Issa, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 27 iktar ’il fuq jirriżulta li ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tfittex, fuq inizjattiva tagħha stess u fin-nuqqas ta’ kull indizju f’dan is-sens, l-informazzjoni kollha li tista’ tippreżenta rabta mal-kawża li jkollha quddiemha, anki jekk tali informazzjoni tkun tinsab fl-isfera pubblika. Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, miġbura fil-qosor fil-punti 52 sa 55 iktar ’il fuq, u fl-assenza ta’ kull indizju konkret fis-sens oppost, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tkompli tinvestiga fuq inizjattiva tagħha stess in-natura “ġusta” tas-sistema ta’ ppuljar tal-flus.

57      Il-ħames, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-fatt li, skont il-paragrafu 57 tad-deċiżjoni kkontestata, il-likwidità tal-intervenjenti kienet ġiet “eżawrita artifiċjalment”, peress li din tal-aħħar ġiet kostretta tittrasferixxi somom kbar ta’ flus lill-kumpannija omm tagħha li kienet tinsab f’defiċit. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-imsemmija silta tal-paragrafu 57 tad-deċiżjoni kkontestata sempliċement tiġbor fil-qosor l-osservazzjonijiet tal-Ġermanja fuq l-ilment imressaq quddiem il-Kummissjoni u għalhekk ma tinkludix l-evalwazzjoni ġuridika tal-Kummissjoni. Din tal-aħħar tidher b’mod partikolari fil-paragrafu 80 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, minn dan il-paragrafu, moqri flimkien mal-paragrafi 15 sa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-intervenjenti kienet kumpannija fundamentalment b’saħħitha u vijabbli u li d-diffikultajiet finanzjarji tagħha rriżultaw minn dawk tal-kumpannija omm tagħha u mhux mill-fatt li l-grupp kien implimenta skema artifiċjali intiża li ddgħajjef lill-intervenjenti.

58      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mal-kundizzjoni prevista fil-punt 22 tal-linji gwida, li tgħid li d-diffikultajiet tal-intervenjenti għandhom ikunu speċifiċi għaliha u ma jirriżultawx minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp.

2)      Fuq ilkwistjoni dwar jekk iddiffikultajiet talintervenjenti kinux serji wisq sabiex jiġu riżolti millgrupp innifsu

59      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni naqset milli teżamina, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni dwar jekk il-grupp Thomas Cook kienx inkapaċi li jsolvi d-diffikultajiet tal-intervenjenti, kif jeżiġi l-punt 22 tal-linji gwida. Skont ir-rikorrenti, it-tqegħid fi stralċ tal-grupp Thomas Cook ma jfissirx neċessarjament li dan tal-aħħar ma kienx kapaċi jsolvi d-diffikultajiet tas-sussidjarja tiegħu, peress li seta’ jistabbilixxi diversi miżuri bħall-bejgħ tal-intervenjenti jew il-waqfien tas-sistema ta’ ppuljar tal-flus.

60      L-ewwel, għandu jiġi osservat li mill-paragrafi 10 sa 13 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-grupp Thomas Cook, l-uniku azzjonist tal-intervenjenti, kien jinsab, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, fi stat finanzjarju ħażin ħafna. Fil-fatt, l-imsemmi grupp temm l-attivitajiet tiegħu b’effett immedjat fit‑23 ta’ Settembru 2019 u sussegwentement tqiegħed fi stralċ ġudizzjarju b’dejn ekwivalenti għal madwar 1.7 biljun lira sterlina (GBP) (madwar EUR 1.91 biljun).

61      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li l-grupp Thomas Cook ma kellux il-kapaċità li jsolvi d-diffikultajiet tas-sussidjarja tiegħu, peress li huwa stess kien fi stralċ u kien temm l-attivitajiet kollha tiegħu.

62      It-tieni, mill-paragrafu 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-ipoteżi ta’ eventwali bejgħ tal-intervenjenti, li kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet ma’ diversi investituri interessati mix-xahar ta’ Frar 2019, li setgħet isseħħ fit-tliet sa sitt xhur sussegwenti. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx il-kapaċità tal-grupp Thomas Cook li jsolvi d-diffikultajiet tal-intervenjenti, b’mod partikolari permezz taċ-ċessjoni ta’ din tal-aħħar. Madankollu, sa fejn, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija diskussjonijiet kienu għadhom ma tawx riżultati, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq soluzzjoni futura, iżda inċerta. Fid-dawl tal-urġenza ta’ kull għajnuna għas-salvataġġ, lanqas ma hemm xi indikazzjoni li l-Kummissjoni kellha tistenna l-eżitu ta’ dawn id-diskussjonijiet qabel ma tawtorizza l-għajnuna, fid-dawl tal-inċertezza inerenti f’kull negozjati kummerċjali pendenti.

63      It-tielet, għal dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-grupp Thomas Cook jew l-istralċjarju seta’ jadotta diversi miżuri oħra, bħall-waqfien tas-sistema ta’ ppuljar tal-flus, sabiex jiġu riżolti d-diffikultajiet tal-intervenjenti, huwa biżżejjed li jissemma, kif osservat din tal-aħħar waqt is-seduta mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li l-intervenjenti, wara li saret taf bid-diffikultajiet finanzjarji tal-kumpannija omm tagħha, kienet waqfet milli tikkontribwixxi għal din is-sistema fuq inizjattiva tagħha stess fil‑5 ta’ Frar 2019.

64      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ dubji fl-eżami, mill-Kummissjoni, tal-kundizzjoni prevista fil-punt 22 tal-linji gwida, li tgħid li d-diffikultajiet ta’ impriża li tagħmel parti minn grupp għandhom ikunu serji wisq sabiex jiġu riżolti mill-grupp innifsu.

65      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma rnexxilhiex turi l-eżistenza ta’ dubji fl-eżami tar-rekwiżiti previsti fil-punt 22 tal-linji gwida li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

c)      Fuq lindizju dwar ksur talpunt 44(b) tallinji gwida

66      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kellha jkollha dubji dwar jekk il-miżura inkwistjoni tissodisfax ir-rekwiżiti esposti fil-punt 44(b) tal-linji gwida. Fil-fehma tagħha, minn naħa, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-intervenjenti kienet tipprovdi servizz importanti fis-sens tal-imsemmi punt u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi servizz ma setax jiġi żgurat faċilment minn kompetitur.

67      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

68      Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali tqis neċessarju, fid-dawl tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742), li tosserva li mill-punt 43 tal-linji gwida jirriżulta li, sabiex tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-linji gwida, miżura ta’ għajnuna mill-Istat għandha ssegwi għan ta’ interess komuni. Skont dan l-istess punt, dan ir-rekwiżit huwa rifless fil-kundizzjoni li tali miżura għandu jkollha “l-għan li tipprevjeni t-tbatija soċjali jew tindirizza l-falliment fis-suq”. Dan huwa kkonfermat mill-punt 44 ta’ dawn il-linji gwida li jgħid li l-Istati Membri għandhom juru li n-nuqqas ta’ benefiċjarju jista’ jwassal għal diffikultajiet soċjali serji jew għal nuqqas sinjifikattiv fis-suq. Il-kontenut ta’ dan ir-rekwiżit huwa marbut għalhekk mal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li tgħid li l-miżura ta’ għajnuna għandha tkun intiża sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, kif barra minn hekk sostnew il-partijiet waqt is-seduta.

69      Minn dan isegwi li s-sustanza stess tar-rekwiżiti previsti fil-punti 43 u 44 tal-linji gwida ma hijiex kuntrarja għall-Artikolu 107(3)(c) TFUE, fatt li barra minn hekk l-ebda waħda mill-partijiet ma tallega, u li, bl-impożizzjoni ta’ dan ir-rekwiżit, il-linji gwida ma naqqsux indebitament il-portata ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742). Barra minn hekk, mill-punti 66 u 67 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-fatt li l-għajnuna prevista tippermetti li jiġi rrimedjat nuqqas fis-suq jista’ jikkostitwixxi element rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

70      Il-punt 44(b) tal-imsemmija linji gwida jipprovdi li l-Istati Membri għandhom juru li n-nuqqas tal-benefiċjarju jista’ jikkawża diffikultajiet soċjali serji jew nuqqas sinjifikattiv fis-suq, sa fejn “ikun hemm ir-riskju ta’ tħarbit f’servizz importanti li jkun diffiċli li jiġi rreplikat u fejn ikun diffiċli għal kwalunkwe kompetitur biex sempliċement jinvolvi ruħu (pereżempju, fornitur ta’ infrastruttura nazzjonali)”.

71      F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tasal, mingħajr ma jkollha dubji, għall-konklużjoni li s-servizz inkwistjoni kien “importanti” u li kien diffiċli li jiġi rreplikat fis-sens tal-punt 44(b) tal-linji gwida.

72      Fil-paragrafi 81 sa 97 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni waslet għal din il-konklużjoni fuq il-bażi, essenzjalment, ta’ żewġ elementi, jiġifieri, l-ewwel, id-diffikultà li tiġi organizzata r-ripatrijazzjoni tal-passiġġieri tal-intervenjenti bblokkati barra mill-pajjiż minn kumpanniji tal-ajru oħra u, it-tieni, l-impossibbiltà, għall-imsemmija kumpanniji, li jirreplikaw fi żmien qasir is-servizz ipprovdut mill-intervenjenti lill-operaturi turistiċi u lill-aġenziji tal-ivvjaġġar indipendenti fil-Ġermanja.

73      Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat l-ewwel element meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, jiġifieri r-riskju ta’ interruzzjoni tas-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri mwettqa mill-intervenjenti, li kien jirriżulta fir-ripatrijazzjoni tal-passiġġieri bblokkati barra mill-pajjiż.

74      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-linji gwida ma jinkludux definizzjoni tal-kunċett ta’ “servizz importanti”.

75      Madankollu, il-punt 44 tal-linji gwida fih lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas tal-benefiċjarju jista’ jwassal għal diffikultajiet soċjali serji jew għal nuqqas sinjifikattiv fis-suq. Uħud minn dawn l-eżempji jirreferu għar-riskju ta’ “diffikultajiet soċjali serji”, b’mod partikolari l-punt (a), li jieħu inkunsiderazzjoni r-rata tal-qgħad jew il-punt (g), li jirreferi għal “sitwazzjonijiet simili ta’ tbatija severa ssostanzjati adegwatament”. L-eżempji l-oħra huma pjuttost relatati mar-riskju ta’ nuqqas sinjifikattiv fis-suq. Dan huwa l-każ fl-ipoteżi li tinsab fil-punt (b), inkwistjoni f’din il-kawża, kif ukoll fil-punt (c), li jirreferi għall-ħruġ mis-suq ta’ “impriża li għandha rwol sistemiku importanti f’reġjun jew f’settur partikolari”, u fil-punt (d), li jsemmi r-riskju ta’ interruzzjoni tal-kontinwità ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (SIEĠ). Minn dan isegwi li, sabiex is-servizz jitqies bħala “importanti”, ma huwiex meħtieġ li l-impriża li tipprovdi dan is-servizz ikollha rwol sistematiku essenzjali għall-ekonomija ta’ reġjun tal-Istat Membru kkonċernat, u lanqas li tkun inkarigata minn SIEĠ, peress li dawn iż-żewġ ipoteżijiet tal-aħħar huma koperti rispettivament mill-punt 44(c) u (d) tal-linji gwida.

76      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, is-sempliċi fatt li l-punt 44(b) jirreferi “pereżempju” għal “fornitur ta’ infrastruttura nazzjonali” bl-ebda mod ma jfisser li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-punt huwa limitat għas-servizzi li jkunu ta’ importanza fuq livell nazzjonali.

77      Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li servizz ikun “importanti” biss jekk ikollu importanza għall-ekonomija kollha ta’ Stat Membru.

78      Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi miċħud bħala irrilevanti l-argument tar-rikorrenti li jgħid li t-trasport bl-ajru lejn destinazzjonijiet turistiċi ma jikkostitwixxix “servizz importanti” fis-sens tal-punt 44(b) tal-linji gwida. Fil-fatt, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma qieset li s-servizz inkwistjoni kien “importanti” minħabba li kien iservi destinazzjonijiet turistiċi.

79      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk is-servizzi pprovduti mill-intervenjenti kinux diffiċli li jiġu rreplikati fis-sens tal-punt 44(b) tal-linji gwida, mill-paragrafi 82 u 85 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-ripatrijazzjoni immedjata tal-passiġġieri tal-intervenjenti bblokkati barra mill-pajjiż ma setgħetx tiġi żgurata minn kumpanniji tal-ajru kompetituri oħra fi żmien qasir minħabba l-okkorrenza konkomitanti ta’ diversi fatturi fosthom l-immobilizzazzjoni ta’ total ta’ 669 ajruplan Boeing 737 MAX, li kellu l-effett li jnaqqas id-disponibbiltà fis-suq tal-ajruplani mikrija bl-ekwipaġġ, u r-ripatrijazzjoni kontinwa konkomitanti tal‑140 000 passiġġier minn Thomas Cook lejn ir-Renju Unit, li kienet tinvolvi xejn inqas minn 50 kumpannija tal-ajru għal total ta’ 746 titjira lejn 55 destinazzjoni differenti, fuq perjodu ta’ ġimagħtejn. Bħala paragun, ir-ripatrijazzjoni eventwali tal-passiġġieri tal-intervenjenti kienet tkun ta’ daqs u ta’ kumplessità kunsiderevolment ikbar peress li kienet tikkonċerna madwar 200 000 sa 300 000 passiġġier f’50 sa 150 destinazzjoni differenti, fosthom madwar 20 000 sa 30 000 passiġġier f’madwar tletin destinazzjoni mbiegħda, li kien jeħtieġ madwar 1 000 sa 1 500 titjira. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 88 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kapaċità tal-erba’ ajruporti Ġermaniżi moqdija mill-intervenjenti tikkostitwixxi wkoll restrizzjoni għal eventwali operazzjoni ta’ ripatrijazzjoni, filwaqt li huwa ppreċiżat li, għall-finijiet tal-paragun, ir-ripatrijazzjoni tal-passiġġieri ta’ Thomas Cook lejn ir-Renju Unit kienet, waħedha, teħtieġ l-użu ta’ għaxar bażijiet tal-ajru ta’ Thomas Cook.

80      Fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma jkollha dubji, tikkonkludi li kien jeżisti riskju ta’ interruzzjoni ta’ servizz importanti li huwa diffiċli li jiġi rreplikat abbażi tal-fatt li l-ħruġ tal-intervenjenti mis-suq kien iħalli numru kbir ta’ passiġġieri bblokkati barra mill-pajjiż, xi wħud fosthom f’destinazzjonijiet imbiegħda, u li r-ripatrijazzjoni tagħhom, minn kumpanniji tal-ajru oħra, kienet tkun ikkumplikata sabiex isseħħ minħabba l-elementi kollha ssostanzjati b’mod konkret u preċiż fid-deċiżjoni kkontestata. Minħabba dan ir-riskju, il-ħruġ tal-intervenjenti mis-suq seta’ jwassal għal nuqqas sinjifikattiv fl-imsemmi suq.

81      Ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

82      L-ewwel, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li teżisti kapaċità żejda fl-avjazzjoni matul l-“istaġun tax-xitwa” ma jistax jintlaqa’. Minn naħa, huwa paċifiku li, fis-settur tal-ajru, l-istaġun tax-xitwa jestendi mill-aħħar tax-xahar ta’ Ottubru sal-aħħar tax-xahar ta’ Marzu, filwaqt li l-operazzjonijiet ta’ ripatrijazzjoni eventwali, li kellhom jibdew mit‑23 ta’ Settembru, ma seħħewx f’dak l-istaġun. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, xorta jibqa’ l-fatt li, f’dak il-mument, id-disponibbiltà ta’ ajruplani kienet affettwata b’mod kunsiderevoli, b’mod partikolari minn żewġ avvenimenti straordinarji li seħħew fl-istess ħin, jiġifieri l-immobilizzazzjoni u l-problemi ta’ kunsinna ta’ mijiet ta’ Boeing 737 MAX, u r-ripatrijazzjoni fuq skala kbira tal-passiġġieri ta’ Thomas Cook. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li r-ripatrijazzjoni li kellha tiġi organizzata sabiex jiġu rripatrijati l-passiġġieri tal-intervenjenti kienet tkun ta’ daqs ħafna ikbar minn dik tal-passiġġieri ta’ Thomas Cook, ikklassifikata bħala “l-ikbar ripatrijazzjoni fi żmien ta’ paċi”. Id-data, mhux ikkontestata, iċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, tixhed dan.

83      Għaldaqstant, l-impatt ta’ dawn iż-żewġ avvenimenti straordinarji u konkomitanti fuq id-disponibbiltà ta’ ajruplani kkomplika kunsiderevolment l-eventwali operazzjonijiet ta’ ripatrijazzjoni, li kellhom jitwettqu b’mod parallel u b’urġenza minn kumpanniji tal-ajru oħra.

84      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-punt 44(b) tal-linji gwida ma jirrikjedix eżiġix li għandu jkun impossibbli li jiġi rreplikat servizz importanti; huwa biżżejjed li jkun “diffiċli” li dan isir.

85      It-tieni, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni bbażat ruħha biss b’mod żbaljat fuq il-kapaċità tal-erba’ ajruporti Ġermaniżi moqdija mill-intervenjenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ċaħditx il-possibbiltà li tuża, għall-finijiet ta’ ripatrijazzjoni eventwali, il-kapaċitajiet ta’ ajruporti oħra possibbilment b’inqas konġestjoni. Il-limiti f’termini ta’ kapaċità tal-erba’ ajruporti Ġermaniżi moqdija mill-intervenjenti ssemmew sempliċement mill-Kummissjoni, fil-paragrafu 88 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala paragun mal-għaxar bażijiet tal-ajru ta’ Thomas Cook li kienu ntużaw għar-ripatrijazzjoni tal-passiġġieri tagħha, li juru b’hekk li r-ripatrijazzjoni tal-passiġġieri tal-intervenjenti kienet tkun iktar ikkumplikata minn dik tal-passiġġieri ta’ Thomas Cook.

86      It-tielet, għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx in-neċessità ta’ perijodu ta’ sitt xhur sabiex tipproċedi għar-ripatrijazzjoni tal-passiġġieri tal-intervenjenti, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni fl-ebda mument ma qieset li tali perijodu kien neċessarju għall-imsemmija ripatrijazzjoni. Il-perijodu ta’ sitt xhur jikkorrispondi, fir-realtà, għat-tul tal-miżura inkwistjoni. Issa, kif tindika ġustament il-Kummissjoni, it-tul tal-miżura inkwistjoni bl-ebda mod ma huwa marbut maż-żmien li kien neċessarju għal ripatrijazzjoni eventwali. Barra minn hekk, it-tul ta’ sitt xhur huwa intiż, kif jindika l-punt 60 tal-linji gwida, sabiex jippermetti lill-benefiċjarju jirrikostitwixxi l-likwidità tiegħu.

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-portata, il-kumplessità u l-urġenza tal-operazzjonijiet ta’ ripatrijazzjoni li kien ikollhom jitwettqu f’ċirkustanzi kkaratterizzati mill-okkorrenza simultanja ta’ avvenimenti straordinarji jiġġustifikaw fihom infushom il-konklużjoni li l-ħruġ tal-intervenjenti mis-suq kien iwassal għal riskju ta’ interruzzjoni ta’ servizz importanti li kien ikun diffiċli li jiġi rreplikat fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.

88      Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti li jikkontestaw it-tieni element użat mill-Kummissjoni, jiġifieri r-riskju ta’ interruzzjoni tas-servizzi pprovduti mill-intervenjenti lill-operaturi turistiċi u lill-aġenziji tal-ivvjaġġar indipendenti fil-Ġermanja, huma ineffettivi.

89      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jitqies li t-tieni indizju lanqas ma juri l-eżistenza ta’ dubji.

d)      Fuq lindizju dwar ksur talpunt 74 tal-linji gwida

90      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet eżami inkomplet u insuffiċjenti tal-kundizzjoni tan-nuqqas ta’ rikorrenza tal-għajnuna prevista fil-punt 74 tal-linji gwida sa fejn hija llimitat ruħha li ssemmi li l-intervenjenti u l-entitajiet taħt il-kontroll tagħha ma kinux ibbenefikaw minn għajnuna għas-salvataġġ, minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni jew minn sostenn temporanju għar-ristrutturazzjoni matul l-aħħar għaxar snin, filwaqt li hija kellha tivverifika wkoll jekk il-grupp Thomas Cook stess kienx ibbenefika minn tali għajnuna.

91      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

92      Il-punt 74 tal-linji gwida jistabbilixxi li “[m]eta grupp tan-negozju jkun irċieva għajnuna għas-salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar, il-Kummissjoni normalment ma tippermettix li tingħata aktar għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar lill-grupp innifsu jew lil xi entità li tagħmel parti mill-grupp, sakemm ma jgħaddux 10 snin minn meta tkun ingħatat l-għajnuna jew minn meta l-perjodu ta’ ristrutturar ikun twaqqaf jew minn meta l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar tkun twaqqfet, skont liema minn dawn ikun seħħ l-aħħar”.

93      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq ebda element, kif irrikonoxxiet espressament waqt is-seduta, li jista’ juri li l-grupp Thomas Cook ibbenefika minn xi għajnuna għas-salvataġġ, minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni jew minn sostenn temporanju għar-ristrutturazzjoni matul l-aħħar għaxar snin.

94      Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, fin-nuqqas ta’ indizju f’dan is-sens, u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li wettqet eżami inkomplet u insuffiċjenti tal-kundizzjoni tan-nuqqas ta’ rikorrenza tal-għajnuna prevista fil-punt 74 tal-linji gwida.

95      Konsegwentement, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li l-indizju dwar ksur tal-punt 74 tal-linji gwida kellu jwassal lill-Kummissjoni sabiex ikollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jitqies li r-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ dubji ta’ natura li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

97      Għaldaqstant, l-ewwel motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ksur talobbligu ta’ motivazzjoni

98      Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni jew b’kontradizzjoni fil-motivazzjoni.

99      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

100    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adegwata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u dritt, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    L-ewwel, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni li tinsab fil-paragrafu 80 tad-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja sa fejn il-Kummissjoni affermat, minn naħa, li l-bżonnijiet urġenti ta’ likwidità tal-intervenjenti kienu jirriżultaw b’mod partikolari mill-mekkaniżmi finanzjarji preċedentement applikabbli fi ħdan il-grupp Thomas Cook u, min-naħa l-oħra, ikkonkludiet li d-diffikultajiet tal-intervenjenti ma kinux jirriżultaw minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp.

102    Il-qari tal-paragrafi 12, 15 sa 17, 80 u 109 tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti madankollu li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset, b’mod partikolari, li l-ippuljar tal-flus tal-grupp ma kienx jikkostitwixxi tali tqassim arbitrarju. Kif jirriżulta mill-punti 52 sa 57 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata b’ebda kontradizzjoni fuq dan il-punt.

103    It-tieni, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-diffikultajiet tal-intervenjenti kinux serji wisq sabiex jiġu riżolti mill-grupp innifsu, kif jirrikjedi l-punt 22 tal-linji gwida.

104    F’dan ir-rigward, kif ġie osservat fil-punti 60 sa 63 iktar ’il fuq, mill-paragrafi 12 u 13 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-grupp Thomas Cook kien waqqaf l-attivitajiet tiegħu b’effett immedjat u kien tqiegħed fi stralċ ġudizzjarju fit‑23 ta’ Settembru 2019. Barra minn hekk, fil-paragrafu 17 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni enfasizzat li l-kumpannija omm kienet manifestament inkapaċi li tgħin lill-intervenjenti u kienet tirrappreżenta pjuttost piż fuq din tal-aħħar. Dawn il-paragrafi tad-deċiżjoni kkontestata jindikaw għalhekk, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-punt 22 tal-linji gwida kienet issodisfatta.

105    It-tielet, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom is-servizzi tal-intervenjenti kellhom jitqiesu bħala importanti u li ma setgħux jiġu rreplikati minn kumpanniji tal-ajru oħra, fis-sens tal-punt 44(b) tal-linji gwida.

106    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-paragrafi 81 sa 95 tad-deċiżjoni kkontestata fihom espożizzjoni dettaljata tal-motivi li wasslu lill-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 44(b) tal-linji gwida kienu ssodisfatti. Hija bbażat din il-konklużjoni b’mod partikolari fuq il-portata u l-kumplessità tal-eventwali operazzjonijiet ta’ ripatrijazzjoni f’ċirkustanzi kkaratterizzati minn avvenimenti straordinarji li seħħew b’mod konkomitanti, li kkumplikaw l-organizzazzjoni ta’ tali operazzjonijiet minn kumpanniji tal-ajru oħra. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti f’dan ir-rigward.

107    Ir-raba’, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni naqset milli tindika r-raġuni għalfejn hija qieset li l-kundizzjoni tan-nuqqas ta’ rikorrenza tal-għajnuna stabbilita fil-punt 74 tal-linji gwida kienet issodisfatta f’dan il-każ.

108    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Kummissjoni indikat fil-paragrafu 112 tad-deċiżjoni kkontestata li la l-intervenjenti u lanqas ebda entità kkontrollata minnha ma kienet irċeviet għajnuna għas-salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturazzjoni jew sostenn temporanju għar-ristrutturazzjoni matul l-aħħar għaxar snin. Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ kull indikazzjoni li turi li l-grupp Thomas Cook kien ibbenefika minn xi għajnuna matul l-għaxar snin qabel l-għoti tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tipprovdi motivazzjoni iktar iddettaljata fuq dan il-punt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni esponiet b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-kundizzjoni tan-nuqqas ta’ rikorrenza tal-għajnuna kienet issodisfatta f’dan il-każ.

109    Konsegwentement, hemm lok li l-ħames motiv jiġi miċħud bħala infondat.

110    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

IV.    Fuq lispejjeż

111    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

112    L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ryanair DAC hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Condor Flugdienst GmbH għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

Hesse

 

      Petrlík

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑18 ta’ Mejju 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.