Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fil-11 ta’ Jannar 2024 – Proċeduri kriminali kontra CH

(Kawża C-15/24, Stachev 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Parti fil-proċeduri prinċipali

СН

Domandi preliminari

Leġiżlazzjoni u ġurisprudenza nazzjonali jkunu konformi mal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà 1 , moqri flimkien mal-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, meta, abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni u ta’ din il-ġurisprudenza nazzjonali, il-qorti li teżamina l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ raġunijiet fondati li jippermettu li jitqies li l-imputat huwa involut fir-reat kriminali li bih ġie akkużat, sabiex tieħu jew teżegwixxi l-miżura preventiva adegwata, ma jkollhiex il-possibbiltà tevalwa jekk il-provi nkisbux bi ksur tad-dritt ta’ dan l-imputat li jkollu aċċess għal avukat, li jirriżulta mill-imsemmija direttiva, f’sitwazzjoni fejn dan l-imputat kien meqjus bħala persuna ssuspettata u d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu kien limitat mill-pulizija?

Ir-rekwiżit li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża u li tiġi osservata l-ekwità tal-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48 ikun osservat meta l-qorti li teżamina l-kwistjoni tan-natura adegwata tal-miżura preventiva tuża, sabiex tibni l-konvinzjoni interna tagħha, provi miksuba bi ksur tar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva, f’sitwazzjoni fejn dan l-imputat kien meqjus bħala persuna ssuspettata u d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu kien limitat mill-pulizija?

L-esklużjoni, mill-qorti li teżamina l-kwistjoni tan-natura adegwata tal-miżura preventiva, ta’ provi miksuba bi ksur tad-Direttiva 2013/48, minkejja l-istruzzjonijiet kuntrarji mogħtija mill-istanza superjuri, għandha impatt negattiv fuq ir-rekwiżiti ta’ ekwità tal-proċedura previsti fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 47(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u tqajjem dubji dwar l-imparzjalità tal-qorti?

L-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48, li jipprevedi l-possibbiltà ta’ deroga temporanja mid-dritt ta’ aċċess għal avukat f’ċirkustanzi eċċezzjonali matul il-fażi preliminari tal-proċess kriminali, meta jkun imperattiv li l-awtoritajiet investigattivi jaġixxu immedjatament sabiex jevitaw li tiġi kompromessa serjament proċedura kriminali, għandu effett dirett fl-Istat Membru kkonċernat tal-Unjoni Ewropea sa fejn ma jkunx ġie traspost fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu?

Il-garanziji previsti fl-Artikolu 9(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-premessa 39 tagħha, ikunu osservati fil-każ ta’ rinunzja bil-miktub għad-dritt ta’ aċċess għal avukat ta’ persuna ssuspettata li ma tafx taqra u tikteb, li ma tkunx ingħatat spjegazzjoni dwar il-konsegwenzi possibbli ta’ din ir-rinunzja, u li sussegwentement issostni, quddiem il-qorti, li hija ma kinitx ġiet informata dwar il-kontenut tad-dokument iffirmat minnha fil-mument tal-limitazzjoni tad-dritt ta’ moviment liberu tagħha mill-pulizija?

Ir-rinunzja minn persuna ssuspettata, fil-mument tal-arrest tagħha, għad-dritt li tkun difiża minn avukat li jirriżulta mid-Direttiva 2013/48, teskludi l-obbligu tal-awtoritajiet pubbliċi li jispjegawlha d-dritt ta’ aċċess għal avukat u l-konsegwenzi ta’ eventwali rinunzja, immedjatament qabel ma jwettqu kwalunkwe att ta’ investigazzjoni ulterjuri li jinvolvi l-parteċipazzjoni tagħha?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2013, L 294, p. 1.