Language of document :

Appell ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2024 minn Alaa Hamoudi mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2023 fil-Kawża T-136/22, Hamoudi vs Frontex

(Kawża C-136/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Alaa Hamoudi (rappreżentant: F. Gatta, avvocato)

Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex)

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tagħti sentenza finali fuq il-mertu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha biżżejjed informazzjoni fil-proċess sabiex tagħmel dan;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex twettaq eżami komplet tal-fatti;

tikkundanna lill-Frontex għall-ħlas tal-ispejjeż tal-appellant fl-ewwel u fit-tieni istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-ewwel parti tal-aggravju uniku, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u ta’ karatterizzazzjoni legali tal-fatti, meta kkonstatat, fil-punt 57 tad-digriet appellat, li l-provi prodotti minnu, u li diġà huma inklużi fil-proċess, “ma humiex manifestament kapaċi li juru, sal-livell legali meħtieġ, l-avvenimenti relatati mal-allegat inċident tat-28 u d-29 ta’ April 2020”. Fil-qafas tal-ewwel parti tal-aggravju uniku, l-appellant isostni li l-iżbalji imsemmija iktar ’il fuq fil-karatterizzazzjoni legali tal-provi mressqa mill-appellant u li diġà huma inklużi fil-proċess, jirrendu legalment żbaljata l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 61 tad-digriet appellat, li l-appellant “ma weriex id-dannu reali li jallega u, għalhekk, jidher ċar li l-kundizzjoni dwar id-dannu reali ma ġietx issodisfatta”, u kif ukoll il-konstatazzjoni tagħha, fil-punt 62 tad-digriet appellat, li “r-rikors għandu jiġi miċħud bħala manifestament nieqes minn kull bażi legali”.

Fit-tieni parti tal-aggravju uniku, l-appellant isostni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 61 u 62 tad-digriet appellat jikkostitwixxu żball legali u huma ugwalment ivvizzjati mill-iżbalji tal-Qorti Ġenerali fil-karatterizzazzjoni legali tal-provi u tal-informazzjoni mitluba mill-appellant u li ma humiex inklużi fil-proċess. Billi ma kkunsidratx dawn il-provi bħala rilevanti u indispensabbli sabiex tagħmel eżami sħiħ tal-fatti relatati mal-kundizzjoni tad-dannu reali, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-karatterizzazzjoni legali tal-fatti.

____________