Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Lulju 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Vrhovno sodišče Republike Slovenije - is-Slovenja) – A.S. vs Ir-Repubblika tas-Slovenja

(Kawża C-490/16) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali – Organizzazzjoni tal-qsim tal-fruntiera mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru bil-ħsieb ta’ tranżitu lejn Stat Membru ieħor – Dħul awtorizzat b’eċċezzjoni għal raġunijiet umanitarji – Artikolu 13 – Qsim irregolari ta’ fruntiera esterna – Terminu ta’ tnax-il xahar mill-qsim tal-fruntiera – Artikolu 27 – Rimedju ġudizzjarju – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Artikolu 29 – Terminu ta’ sitt xhur għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment – Kalkolu tat-termini – Użu ta’ appell – Effett sospensiv)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Qorti tar-rinviju

Vrhovno sodišče Republike Slovenije

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A.S.

Konvenuta: Ir-Repubblika tas-Slovenja

Dispożittiv

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li applikant għall-protezzjoni internazzjonali jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu, l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ responsabbiltà dwar il-qsim irregolari tal-fruntiera ta’ Stat Membru, stipulat fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament.

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz, li d-dħul tiegħu ġie ttollerat, mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru kkonfrontati bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jittranżitaw minn dan l-Istat Membru sabiex iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju meħtieġa f’dan l-ewwel Stat Membru, għandu jitqies li “qasam b’mod irregolari” il-fruntiera tal-imsemmi l-ewwel Stat Membru fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

It-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 604/2013, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2) tiegħu, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-preżentata ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment ma għandhiex effett fuq il-kalkolu tat-terminu previst fl-imsemmi Artikolu 13(1).

L-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preżentata ta’ tali appell timplika li t-terminu stipulat f’dawn id-dispożizzjonijiet jibda jiddekorri biss mid-deċiżjoni definittiva fuq dan l-appell, inkluż meta l-qorti adita tkun iddeċidiet li tibgħat talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm l-imsemmi appell ikun ingħata effett sospensiv konformement mal-Artikolu 27(3) tal-istess regolament.

____________

1 ĠU C 419, 14.11.2016.